Language of document : ECLI:EU:T:2005:10

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

18 ta' Jannar 2005(*)

"EAGGF – Kontribuzzjoni finanzjarja għal proġett ta' dimostrazzjoni li jirrigwarda l-introduzzjoni ta' tekniki ġodda ta' kultivazzjoni fil-produzzjoni tas-sumak – Kanċellament ta' l-għajnuna finanzjarja mill-Fond"

Fil-kawża T-141/01,

Entorn, Societat Limitada Enginyeria i Serveis, stabbilita f'Barcellona (Spanja), irrappreżentata minn M. Belard-Kopke Marques-Pinto u C. Viñas Llebot, Avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Pardo u L. Visaggio, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħal suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
C (1999) 534 ta' l-4 ta' Marzu 1999 li tikkanċella l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (EAGGF), Taqsima tal-“Gwida”, inizjalment mogħtija lir-rikorrenti permezz tad-Deċiżjoni C (93) 3394, tas-26 ta' Novembru 1993, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4256/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f'dak li jirrigwarda l-EAGGF, Taqsima tal-“Gwida” (ĠU L 374, p. 25), għall-finanzjament ta' proġett ta' dimostrazzjoni li jirrigwarda l-introduzzjoni ta' tekniki ġodda ta' kultivazzjoni għall-produzzjoni tas-sumak (proġett Nru 93.ES.06.030),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-procedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest leġiżlattiv

1        Sabiex isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fis-sens ta' l-Artikolu 158 KE, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 ta' l-24 ta' Ġunju 1988 dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tagħhom bejniethom u ma' l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu (ĠU L 185, p. 9), fada lill-fondi strutturali bil-funzjonijiet, b'mod partikolari, tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp u ta' l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li baqgħu lura fl-iżvilupp, kif ukoll ta' l-aċċelerazzjoni ta' l-adattament ta' l-istrutturi agrikoli u tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp taż-żoni rurali fil-perspettiva tar-riforma tal-politika agrikola komuni [Artikolu 1(1) u (5)(a) u (b)]. Dan ir-Regolament ġie emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2081/93, ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 5).

2        L-Artikolu 5(2)(e) tar-Regolament Nru 2052/88, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2081/93, jipprovdi li l-għajnuna finanzjarja mill-fondi strutturali tista' tiġi pprovduta, b'mod partikolari, fil-forma ta' għajnuna għall-assistenza teknika, inklużi l-miżuri ta' preparazzjoni, stima, monitoraġġ u evalwazzjoni ta' l-azzjonijiet u tal-proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni.

3        Fid-19 ta' Diċembru 1988, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 4256/88 li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 f'dak li jirrigwarda l-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (EAGGF), Taqsima tal-“Gwida” (ĠU L 374, p. 25). Dan ir-Regolament ġie emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2085/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 44).

4        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4256/88, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2085/93, jipprovdi li, fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-EAGGF jista' jiffinanzja, sal-limitu ta' 1% tal-baġit annwali tiegħu, b'mod partikolari, "it-twettiq ta' proġetti pilota għall-aġġustament ta' l-istrutturi agrikoli u tal-foresterija u għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp rurali" (it-tieni inċiż) u "it-twettiq ta' proġetti ta' dimostrazzjoni, inklużi l-proġetti għall-iżvilupp u għall-isfruttament tal-foresti kif ukoll dawk għall-ipproċessar u għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, intiżi sabiex juru l-possibbiltajiet reali tas-sistemi, metodi u tekniki ta' produzzjoni u ta' ġestjoni li jikkorrispondu għall-għanijiet tal-politika agrikola komuni" (it-tielet inċiż).

5        Fid-19 ta' Diċembru 1988, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament (KEE) Nru 4253/88 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, u bejniethom u ma' l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħraja li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1). Dan ir-Regolament ġie emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta’ l-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20).

6        L-Artikolu 24 tar- Regolament Nru 4253/88, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2082/93, jipprovdi, fir-rigward tat-tnaqqis, tas-sospensjoni u tal-kanċellament ta' l-għajnuna:

"1.      Jekk it-twettiq ta' azzjoni jew miżura jidher li la jiġġustifika parti u lanqas it-totalità ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija, b'mod partikolari billi titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet indikati minnu għall-implementazzjoni ta' l-azzjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien determinat.

2.      Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista' tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata jekk mill-eżami jirriżulta li teżisti irregolarità jew bidla sinjifikattiva li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta' l-implementazzjoni ta' l-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma ntalbitx l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3.      Kull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni. Jiżdied l-imgħax mas-somom li ma jitħallsux fi żmien xieraq skond id-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju u skond ir-regoli dettaljati li tistabbilixxi l-Kummissjoni taħt il-proċeduri previsti fit-Titolu VIII." [traduzzjoni mhux uffiċjali]"

 Il-kuntest fattwali

 Il-kumpannija rikorrenti

7        Il-kumpannija rikorrenti, Entorn, Societat Limitada Enginyeria i Serveis, ġiet ikkostitwita, fl-4 ta' Ġunju 1993, f'Barċellona.

8        Fost is-soċji tagħha kien hemm il-kumpannija Compañia de Estudios y Servicios para el Medio Ambiente Codema, SA, is-Sur A u żewġ persuni fisiċi oħra. L-ishma ta' dawn iż-żewġ persuni l-oħra ġew akkwistati sussegwentement mill-kumpannija Codema. Meta ġiet ikkostitwita l-kumpannija, is-Sur A ġie maħtur president u rappreżentant tal-bord tad-diretturi, u l-poteri kollha tal-bord li setgħu legalment jiġu ddelegati ġew iddelegati lilu, għal perijodu ta' ħames snin. Fid-29 ta' Mejju 1998, is-Sur A ġie elett mill-ġdid president tal-bord tad-diretturi għal perijodu ġdid ta' ħames snin. Huwa temm il-funzjonijiet tiegħu fil-31 ta' Lulju 2001.

9        L-uffiċċju reġistrat tar-rikorrenti ġie inizjalment stabbilit f'Calle Juan Güell Nru 152, entresol, Barċellona. Fl-1996, l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit f'Calle Galileu Nru 303, l-ewwel sular-A, u fl-1999 f'Calle Guitard Nru 45, il-ħames sular, dejjem f'Barċellona. L-uffiċċju reġistrat attwali tar-rikorrenti jinsab f'dan l-aħħar indirizz.

 Entitajiet oħra Entorn

10      Fit-22 ta' Diċembru 1993, il-kumpannija offshore Entorn Trading Ltd ġiet ikkostitwita mis-Sur B fil-gżira ta' Guernsey. Din il-kumpannija għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f'Dublin.

11      Entorn Trading tat prokura lis-Sur Ċ. Fuq il-bażi ta' din il-prokura, fil-5 ta' Lulju 1994 is-Sur Ċ ħoloq sussidjarja Spanjola, imsejħa Entorn SL-Sucursal en España (iktar 'il quddiem "Entorn Sucursal"). Entorn Sucursal kienet rappreżentata, fuq bażi permanenti, mis-Sur Ċ. Entorn Sucursal kellha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-bini ta' l-impriża MB Consultores y Auditores, Plaza Ruiz de Alda, 4, is-seba' sular, sular A, f'Seville. Fl-1996, l-uffiċċju reġistrat ta' Entorn Sucursal ġie ttrasferit, fuq ordni tas-Sur B, f'Tenerife, fejn jidher li din l-entità sussegwentement ġiet xolta.

 Applikazzjoni għal u għoti ta' għajnuna Komunitarja

12      L-għajnuna Komunitarja msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ngħatat għal proġett intitolat "proġett ta' dimostrazzjoni tal-produzzjoni ta' sumak billi jintużaw tekniki ġodda ta' kultivazzjoni" (iktar 'il quddiem il-"proġett Sumak"). Is-sumak huwa pjanta tipika tal-flora Mediterranja, li mill-weraq imnixxfa u ppulverizzati tagħha, jista' jiġi estratt it-tannin, sustanza użata għall-kunzatura tal-ġlud. Dan il-proġett ta' dimostrazzjoni ġie konċepit mis-Sur B, li, fl-aħħar tas-sena 1992, kien ikkuntattja lis-Sur A sabiex jgħarrfu bl-intenzjoni tiegħu li jwettaq dan il-proġett fi Spanja. Fuq talba tas-Sur B, dan ta' l-aħħar seta' jistabbilixxi kuntatt, permezz tas-Sur A, mas-Sur Ċ, li jirrisjedi f'Seville u li huwa l-kap tat-taqsima ta' l-ippjanar tas-Servizz tar-Riċerka tal-Junta ta' Andalusia, li sussegwentement ġie inkarigat bl-implementazzjoni teknika tal-proġett u li kien involut fil-kostituzzjoni ta' Entorn Sucursal.

13      Fit-12 ta' Lulju 1993, intbagħtet ittra, fuq karta ta' l-ittri bl-isem "Entorn SL" u li ssemmi l-indirizz tar-rikorrenti, lid-Direttorat Ġenerali "Agrikultura" tal-Kummissjoni għall-attenzjoni ta' uffiċjal ta' din ta' l-aħħar, is-Sur D. Din l-ittra tesprimi l-interess tar-rikorrenti sabiex tippreżenta l-proġett Sumak fil-kuntest ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4256/88 u titlob li tintbagħtilha pro forma sabiex issir applikazzjoni. Hija ġiet iffirmata minn "A. López Gargallo", persuna li, skond id-dikjarazzjonijiet tas-Sur A, huwa ma jafx u li l-eżistenza tagħha ma setgħetx tiġi stabbilita.

14      Fl-14 ta' Settembru 1993, ġiet ippreżentata applikazzjoni għal għajnuna Komunitarja lill-Kummissjoni. Hija kienet akkumpanjata b'ittra fuq l-istess karta ta' l-ittri bħal dik tat-12 ta' Lulju 1993 u li kellha firma mhux identifikabbli. Fit-22 ta' Settembru 1993, intbagħtet verżjoni ġdida ta' l-applikazzjoni għal għajnuna lill-Kummissjoni, għar-raġuni li, fl-14 ta' Settembru, proġett mhux definittiv kien intbagħat bi żball. L-ittra ta' akkumpanjament għal darb'oħra kienet fuq l-istess karta ta' l-ittri u kellha l-firma "A. López Gargallo". B'faks tal-25 ta' Ottubru 1993, iffirmat mis-Sur A, id-dettallji bankarji tar-rikorrenti ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni.

15      Permezz tad-deċiżjoni tagħha C (93) 3394, tas-26 ta' Novembru 1993 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna"), meħuda skond l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4256/88, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti għajnuna finanzjarja relattiva għall-proġett Nru 93.ES.06.030. L-ispiża totali tal-proġett kienet ta' 1 381 132 ECU u l-għajnuna finanzjarja Komunitarja kienet stabbilita f'ammont massimu ta' 1 035 849 ECU.

 Progress tal-proġett

16      B'ittra tat-30 ta' Novembru 1993, indirizz ġdid ta' "Entorn SL" (f'Albacete, Spanja) u dettalji bankarji ġodda (kont mal-Banca nazionale del lavoro f'Madrid) ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni. Il-karta ta' l-ittri ta' din l-ittra kienet tindika l-isem "Entorn SL" u l-indirizz il-ġdid. Għal darb'oħra, l-ittra kienet iġġib il-firma "A. López Gargallo".

17      B'ittra tad-29 ta' Marzu 1994, iffirmata f'isem is-Sur A minn persuna li l-firma tagħha ma tinqarax, il-Kummissjoni ġiet informata li, fil-kuntest tal-proġett Sumak, "Entorn SL" kien fetaħ "uffiċċju speċjalment għal dan il-għan, li għandu jsir l-uffiċċju operazzjonali", fil-bini ta' l-impriża MB Consultores y Auditores, f'Seville. F'din l-ittra, is-Sinjuri Ċ u A kienu indikati bħala l-uffiċjal tekniku u l-uffiċjal responsabbli mill-proġett, rispettivament.

18      Ir-rikorrenti tiċħad li s-Sur A ħa sehem fil-proġett Sumak bħala uffiċjal responsabbli mill-proġett u fil-kwalità tiegħu ta' direttur tar-rikorrenti. Hija tirrikonoxxi, min-naħa l-oħra, li huwa ħa sehem fil-proġett bħala konsulent tekniku għan-nom tal-kumpannija Codema u li din ta' l-aħħar iffatturat lil Entorn Sucursal madwar 2.25 miljun ta' pesetas Spanjoli (ESP) għas-servizzi tas-Sur A u għall-ispejjeż ta' l-ivjaġġar relattivi.

19      Is-Sur A ma ħa l-ebda azzjoni legali fir-rigward tax-xebh bejn l-isem kummerċjali ta' Entorn Sucursal u tar-rikorrenti.

20      Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness 2 tad-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna, tħallsu żewġ pagamenti bil-quddiem ta' ammont totali ta' 725 094 ECU. L-ewwel wieħed minn dawn il-pagamenti bil-quddiem, fl-ammont ta' 414 340 ECU, tħallas, fl-20 ta' Jannar 1994, fil-kont bankarju msemmi fl-ittra tat-30 ta' Novembru 1993. Il-ħlas tat-tieni pagament bil-quddiem ġie nnotifikat, b'faks tal-25 ta' Awwissu 1995, mibgħut lil "Entorn SL" fl-indirizz ta' Albacete. Dan il-pagament bil-quddiem, fl-ammont ta' 310 755 ECU, tħallas f'kont tal-Banque Caixa f'Madrid, miżmum minn "Entorn Trading Ltd Entorn SL". Dan in-numru tal-kont kien ġie kkomunikat lill-Kummissjoni b'faks mibgħut, fl-14 ta' Lulju 1995, f'isem il-kumpannija MB Consultores y Auditores, iżda li jġib firma li ma tikkorrispondi ma' l-ebda waħda mill-firem ta' l-impjegati ta' din il-kumpannija.

 Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

21      Fl-10 ta' Lulju 1997, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil "Entorn SL" f'Seville, li biha informatha li s-servizzi tagħha kienet bdiet operazzjoni ta' stħarriġ tekniku u ta' kontabbiltà ta' l-għajnuna finanzjarja diġà mogħtija mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4256/88. Il-verifiki twettqu fil-post fejn kien qed jiġi implementat il-proġett f'Seville, fl-24 u fil-25 ta' Lulju 1997, fil-preżenza tas-Sinjuri A u Ċ.

22      Wara l-verifiki mwettqa f'Lulju 1997, il-Kummissjoni bagħtet ittra datata 3 ta' April 1998 lil "Entorn (Sumac)", li ġiet innotifikata fl-indirizz ta' MB Consultores y Auditores f'Seville. F'din l-ittra, il-Kummissjoni rrilevat l-eżistenza ta' fatti li setgħu jikkostitwixxu irregolaritajiet u indikat li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu 10 ta' l-Anness 2 tad-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna u fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. "Entorn (Sumac)" ġiet ukoll informata li seta' jintalab l-irkupru ta' l-ammonti mogħtija sa dakinhar. Fl-aħħar nett, hija ġiet mistiedna sabiex, fi żmien sitt ġimgħat, iġġib il-prova li l-obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna kienu ġew eżegwiti. Il-Kummissjoni rċieviet risposta b'ittra ta' l-24 ta' Mejju 1998, mibgħuta minn Seville u ffirmata mis-Sur Ċ.

23      Fl-4 ta' Marzu 1999, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li permezz tagħha hija ordnat il-kanċellament ta' l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni u r-rimbors, mir-rikorrenti u, jekk ikun il-każ, mill-persuni legalment responsabbli għad-dejn tagħha, tal-pagamenti bil-quddiem diġà mħallsa, fi żmien 60 ġurnata mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tikkontjeni t-test segwenti:

"1)      L-applikazzjoni għal għajnuna tressqet mill-kumpannija Entorn SL li l-uffiċċju reġistrat tagħha huwa f'Barċellona. Huwa lil din il-kumpannija li ngħatat l-għajnuna Komunitarja. Sadattant, kumpannija bl-isem ta' Entorn Trading Ltd ġiet kostitwita f'Dublin u sussidjarja ta' din ta' l-aħħar, fuq talba tas-[Sur B], infetħet f'Seville taħt l-isem ta' Entorn SL. Huwa lil din l-aħħar kumpannija li ntbagħtu l-pagamenti kollha magħmula mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proġett. Din l-operazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni bħala sempliċi bdil ta' indirizz tal-benefiċjarja, filwaqt li fil-fatt kienet kwistjoni ta' bdil tal-benefiċjarja tal-proġett mingħajr il-qbil tal-Kummissjoni.

2)      Waqt l-ispezzjoni fuq imsemmija fl-uffiċċju prinċipali kkomunikat mill-benefiċjarja, ġie kkonstatat li dan l-uffiċċju jappartjeni lill-kumpannija MB Consultores y Auditores. L-ispetturi ma setgħu jikkonsultaw l-ebda dokument ġustifikattiv, la amministrattiv u lanqas ta' kontabbiltà, relattiv għall-proġett, meta d-[d]eċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna tipprovdi fil-[paragrafi 5 u 6 ta' l-Anness II tagħha] li d-dokumentazzjoni kollha tal-proġett għandha tkun fl-uffiċċju prinċipali tal-kumpannija għad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni; fl-istess okkażjoni, ġie kkonstatat ukoll li l-firem fuq diversi dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proġett kienu ġew iffalsifikati u li xejn mit-tagħmir, li r-ritratt tiegħu jinsab fl-anness tekniku tar-rapport finali, ma ġie użat fil-kuntest tal-proġett.

3)      Finalment, jidher mill-qari ta' kopja tal-karta tal-bilanċ, ippreżentata lill-Ministeru tal-Finanzi Spanjol fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-kumpannija Entorn SL, li l-ispiża tal-proġett tammonta bejn wieħed u ieħor għal 23 000 000 [ESP], filwaqt li l-ispiża totali ddikjarata hija ta' 233 623 004 [ESP];

billi hemm lok f'dawn il-kundizzjonijiet li tikkanċella l-għajnuna u li tipproċedi, skond l-Artikolu 24(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, għall-irkupru ta' l-ammonti mogħtija s'issa għall-proġett;

billi, skond id-dritt nazzjonali applikabbli għall-kumpanniji, is-soċji ta' ċerti kumpanniji huma responsabbli għad-dejn ta' dawn ta' l-aħħar;

[…]

adottat din id-deċiżjoni:

Artikolu 1

L-għajnuna ta' l-EAGGF, Taqsima "Gwida", ta' massimu ta' 1 035 849 [ECU], mogħtija bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (93) 3394 lill-kumpannija Entorn SL għall-proġett Nru 93.ES.06.030, intitolat 'Proġett ta' dimostrazzjoni tal-kultivazzjoni tas-sumak b'tekniki ġodda ta' kultivazzjoni' hija kkanċellata.

Artikolu 2

Il-kumpannija Entorn SL u, jekk ikun il-każ, il-persuni legalment responsabbli għad-djun tagħha huma obbligati jirrimborsaw is-somma ta' 725 094 [EUR] […]"

24      Din id-deċiżjoni, li ġiet indirizzata wkoll lir-Renju ta' Spanja, ġiet innotifikata lir-rikorrenti, fl-indirizz tagħha ta' Barċellona, fl-10 ta' April 2001, wara li t-tentattiv ta' notifika fl-indirizz ta' Seville kien falla.

25      Il-Kummissjoni bagħtet ukoll lill-uffiċċju tal-prosekutur Spanjol il-fajl dwar il-proġett Sumak, kif ukoll il-fajls dwar żewġ proġetti oħra li fihom kienu involuti, b'mod partikolari, is-Sinjuri A u Ċ. L-uffiċċju tal-prosekutur beda proċedimenti quddiem il-Juzgados de Instrucción kompetenti għal falsifikazzjoni u frodi kontinwata. Is-Sinjuri A, B, Ċ u D huma fost il-persuni akkużati fir-rigward tal-proġett Sumak.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Ġunju 2001, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors. B'att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Ġunju 2001, hija ppreżentat ukoll talba sabiex tiġi ordnata s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B'digriet tat-22 ta' Ottubru 2001, Entorn vs Il-Kummissjoni (T-141/01 R, Ġabra p. II-3123), il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż.

27      Bħala miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet xi domandi u talbet lill-partijiet jipproduċu dokumenti. Dawn ta' l-aħħar irrispondew għal dawn id-domandi u għal din it-talba fit-terminu preskritt. F'Lulju 2003, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tikkonsulta, fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fajl amministrattiv ippreżentat mill-Kummissjoni, b'eċċezzjoni ta' ċerti dokumenti li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li kellhom jingħataw trattament kunfidenzjali. Hija ma talbitx il-possibbiltà li tressaq osservazzjonijiet bil-miktub fuq dan il-fajl.

28      Fit-13 ta' Ottubru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat nota ddettaljata, intitolata "Osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta". F'anness ma' dan id-dokument, hija pproduċiet dokument ippreparat mill-Unità għall-Koordinament tal-Prevenzjoni tal-Frodi (UCLAF) fid-29 ta' Settembru 1997, li fih rendikont ta' ċerti dikjarazzjonijiet li kien għamel is-Sur B quddiem l-uffiċjali ta' din l-Unità li huwa kien avviċina spontanjament f'Settembru 1997. Dawn id-dikjarazzjonijiet jirrigwardaw, b'mod partikolari, ir-rwol li kellu s-Sur B fil-kuntest tal-proġett Sumak. Ir-rikorrenti ddikjarat li saret taf b'dan id-dokument fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija fi Spanja, relattivi għall-fatti li taw lok għal din il-kawża. Barra minn hekk, hija talbet li l-proċess ta' l-istruttorja kriminali jiddaħħal fil-proċess ta' din il-kawża. Fl-4 ta' Novembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat nota li permezz tagħha hija talbet sensiela ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji.

29      Il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet domandi supplementari lill-partijiet u talbet lill-Kummissjoni tipproduċi l-annessi tar-rendikont ta' l-UCLAF, imsemmi iktar 'il fuq. Il-partijiet irrispondew għad-domandi fit-terminu preskritt. Il-Kummissjoni pproduċiet id-dokumenti mitluba, iżda oġġezzjonat għall-komunikazzjoni tagħhom lir-rikorrenti. Wara l-verifika tan-natura kunfidenzjali tagħhom u t-tneħħija ta' ċerti data li ma kinux jirrigwardaw il-proġett Sumak, parti minn dawn id-dokumenti ddaħħlet fil-proċess ta' din il-kawża u ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti.

30      Fl-14 ta' Jannar 2004, saret laqgħa informali bejn il-partijiet quddiem it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Ingħata terminu lill-partijiet sabiex jiddeċiedu fuq il-possibbiltà ta' tranżazzjoni tal-kawża.

31      Wara din il-laqgħa informali, saret seduta fl-istess ġurnata, li fiha nstemgħu t-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

32      B'noti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Frar u fl-4 ta' Marzu 2004, il-partijiet iddikjaraw li l-kawża ma setgħetx tiġi tranżatta.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        titlob lill-Kummissjoni, permezz ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, li hija tipproduċi d-dokumentazzjoni kollha relattiva għall-proċedura amministrattiva li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll id-dokumentazzjoni kollha prodotta mill-Kummissjoni li tista' tikkontribwixxi għad-determinazzjoni ta' l-eżattezza tal-fatti;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tar-rendikont tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur B u ta' l-annessi ta' dan id-dokument

 L-argumenti tal-partijiet

35      Il-Kummissjoni oġġezzjonat li r-rendikont tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur B jiddaħħal fil-proċess għar-raġuni li dan id-dokument ma setax jinkiseb legalment mir-rikorrenti. Hija tikkontesta d-dikjarazzjoni ta' din ta' l-aħħar li skondha hija ġiet awtorizzata tipparteċipa, bħala parti ċivili, fil-proċedimenti kriminali quddiem il-qrati Spanjoli u ssostni li r-rikorrenti setgħet kisbet dan id-dokument biss bi ksur tal-kunfidenzjalità ta' l-istruttorja. Hija tenfasizza wkoll in-natura kunfidenzjali tad-dokument li, skondha, tipprekludi li jiddaħħal fil-proċess.

36      Ir-rikorrenti tiddikjara li l-mod kif kisbet id-dokument in kwistjoni mhuwiex illegali. Wara li inizjalment sostniet li hija kienet kisbet id-dokument bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali, ir-rikorrenti indikat, b'risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li d-dokument kien ġie mogħti lilha mis-Sur A, akkużat fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali fi Spanja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

37      Minkejja li huwa ta' min jiddispjaċiha r-rikorrenti li, meta pproduċiet id-dokument in kwistjoni, hija għamlet dikjarazzjonijiet ineżatti fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom hija kienet kisbitu, dan il-fatt mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jeskludi t-teħid in kunsiderazzjoni ta' dan id-dokument mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, b'risposta għad-domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti pprovdiet spjegazzjoni plawsibbli tal-fatt li hija setgħet kisbet dan id-dokument bla ma tikkommetti atti illegali li jistgħu jipprekluduha milli tagħmel użu minnu fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

38      F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dokument in kwistjoni jifforma parti mill-fajl li l-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli bl-għan li eventwalment jinbdew proċedimenti kriminali kontra dawk responsabbli għall-azzjonijiet frawdolenti marbuta mal-proġett Sumak. Huwa konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirregolaw il-proċedimenti kriminali u b'mod partikolari mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża li dan id-dokument ġie kkomunikat, fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali, lill-persuni li setgħu jiġu akkużati, fosthom is-Sur A, direttur tar-rikorrenti meta seħħew il-fatti li wasslu għall-kawża. Barra minn hekk, ma jidhirx li billi min-naħa tiegħu s-Sur A bagħat id-dokument in kwistjoni lir-rikorrenti, huwa seta' kkommetta ksur tar-regoli tad-dritt li għandu jwassal biex jipprekludi lill-Qorti tal-Prim'Istanza milli tieħu in kunsiderazzjoni dokument li jista' jipprovdi dettalji dwar il-fatti li wasslu għal din il-kawża.

39      Konsegwentement, ir-rendikont tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur B quddiem l-uffiċjali ta' l-UCLAF u d-dikjarazzjonijiet fl-annessi ta' dan ir-rendikont li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li ddaħħal fil-proċess jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-eżami tal-motivi tar-rikorrenti.

B –  Fuq il-mertu

40      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel żewġ motivi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma bbażati, rispettivament, fuq ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq il-ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

41      Permezz ta' l-ewwel żewġ motivi tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni, minn naħa, li hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala benefiċjarja tal-finanzjament Komunitarju, b'mod li hija mhijiex id-destinatarja xierqa tad-deċiżjoni ta' kanċellament ta' l-għajnuna u, min-naħa l-oħra, li hija ma rċevietx il-pagamenti li jikkorrispondu għall-ewwel żewġ porzjonijiet ta' l-għajnuna, b'mod li ma tistax tintalab tirrimborsa dawn is-somom.

42      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, skond id-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna, hija l-benefiċjarja ta' l-għajnuna u hija responsabbli mill-implementazzjoni tal-proġett. Hija tiddikjara madankollu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-elaborazzjoni tal-proġett kienet limitata għall-komunikazzjoni, lis-Sur B, tad-dettalji legali tal-kumpannija u għall-indikazzjoni taż-żona u tal-persuna li eventwalment setgħet twettaq l-implementazzjoni teknika ta' dan il-proġett fi Spanja. Ir-responsabbiltà għall-elaborazzjoni tal-proġett u għan-negozjar sussegwenti tiegħu mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni kienet taqa' biss u esklużivament fuq is-Sur B. Ir-rikorrenti tiddikjara f'dan ir-rigward li d-dokumenti kollha relattivi għall-proġett Sumak ippreparati f'isimha, b'eċċezzjoni tal-faks iddatat 25 ta' Ottubru 1993, iffirmat mis-Sur A, li permezz tiegħu ġew ikkomunikati d-dettalji bankarji tagħha lill-Kummissjoni, huma foloż u li l-karta ta' l-ittri użata ma tikkorrispondix għal dik użata uffiċjalment minnha.

43      Ir-rikorrenti tikkritika n-nuqqas ta' diliġenza tal-Kummissjoni, u b'mod iktar partikolari ta' l-uffiċjal responsabbli mill-ġestjoni tal-proġetti skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4256/88, fl-għoti ta' l-għajnuna għall-proġett Sumak u tirrileva sensiela ta' ċirkustanzi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kien imissha talbitha kjarifiki addizzjonali qabel m'għaddiet għall-pagament ta' l-għajnuna.

44      Fir-rigward ta' dak li seħħ mill-proġett wara d-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna, ir-rikorrenti tindika li d-direttur tagħha, is-Sur A, ikkunsidra, meta rċieva n-notifika ta' l-imsemmija deċiżjoni, li kien impossibbli għar-rikorrenti li ttemm il-proġett b'suċċess. Is-Sur A kien informa b'dan lis-Sur B u talbu jgħaddi din l-informazzjoni lis-Sur D, li miegħu, skond ir-rikorrenti, is-Sur B kellu kuntatti mill-qrib ħafna.

45      Ir-rikorrenti tosserva li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li din l-informazzjoni kif ukoll l-informazzjoni relattiva għal kont bankarju ġdid li fih il-Kummissjoni kellha tiddepożita l-ammonti li jikkorispondu għall-implementazzjoni tal-proġett ġew effettivament ikkomunikati lill-Kummissjoni. Hija tindika f'dan ir-rigward li d-dokumenti relattivi għall-bidla tal-kont bankarju tal-benefiċjarja ġew iffirmati minn persuna msejħa A. López Gallardo, li ma kinitx awtorizzata tirrappreżentaha.

46      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni aċċettat il-bidla tal-benefiċjarja ta' l-għajnuna Komunitarja. Fir-rikors, hija tiddikjara li l-Kummissjoni rrikonoxxiet taċitament li hija kienet waqfet milli tkun il-benefiċjarja tal-finanzjament previst fid-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna. Fir-replika, hija ssostni li l-uffiċjal tal-Kummissjoni responsabbli mill-proġett, is-Sur D, aċċetta verbalment id-diżimpenn tagħha.

47      Skond ir-rikorrenti, il-fatt li l-istituzzjoni konvenuta ma tathiex l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata juri li l-Kummissjoni ma kkunsidrathiex benefiċjarja ta' l-għajnuna Komunitarja. Hija tikkunsidra li dan huwa kkorroborat mill-fatt li, bejn id-data tad-deċiżjoni kkontestata (l-4 ta' Marzu 1999) u n-notifika tagħha (l-10 ta' April 2001), għaddew sentejn mingħajr ma nbagħtitilha ebda komunikazzjoni relattiva għall-proġett jew għall-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva fl-uffiċċju prinċipali tagħha. Hija tikkunsidra li setgħet faċilment ġiet ikkuntattjata, wara li kien falla t-tentattiv ta' notifika tad-deċiżjoni lil Entorn Sucursal.

48      Ir-rikorrenti hija ta' l-opinjoni li l-Kummissjoni qed tonqos deliberatament milli tirrikonoxxi li l-kumpannija Entorn Sucursal u hija stess huma żewġ entitajiet distinti u li mhemmx rabta bejniethom billi l-azzjonisti, ir-rappreżentanti awtorizzati u d-diretturi taż-żewġ kumpanniji huma differenti. Skondha, ix-xebh apparenti bejn l-isem kummerċjali tagħha u dak ta' Entorn Sucursal mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' rabta bejn iż-żewġ kumpanniji.

49      Ir-rikorrenti tiddikjara li la hija stess u lanqas id-direttur tagħha ta' dak iż-żmien, is-Sur A, ma kienu involuti f'netwerk organizzat sabiex jinkisbu sussidji Komunitarji b'mod frawdolenti, kif tallega l-Kummissjoni. Skond ir-rikorrenti, l-awturi tal-manuvri kkonċernati f'dan il-każ huma ċ-ċittadini Taljani s-Sur E u s-Sur B kif ukoll l-uffiċjal is-Sur D. Hija tikkritika lill-Kummissjoni li naqset milli ssemmi r-rwol li kellu dan ta' l-aħħar u li m'eżaminatx l-involviment ta' dan ta' l-aħħar fl-imsemmi netwerk. Ir-rikorrenti ssostni li kien wara li sar jaf li hija ma kellhiex iktar l-intenzjoni li twettaq il-proġett li s-Sur B ifforma kumpannija b'isem simili ħafna għal tagħha. Skondha, huwa ma setax jaġixxi b'dan il-mod mingħajr il-kunsens tas-Sur D li, mas-Sur B u E, seta' kellu l-idea li jintuża dan l-isem.

50      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-aġir tas-Sur A mhuwiex bla ħtija, billi huwa seta' u kien imissu rreaġixxa għall-ħolqien ta' kumpannija b'isem li jixbah lil tagħha. Hija ssostni, madankollu, li dan l-aġir kien dovut għall-fatt li din l-idea kellha s-sostenn ta' l-uffiċjal tal-Kummissjoni responsabbli mill-ġestjoni tal-proġett. Ir-rikorrenti tistaqsi jekk is-Sur A kellux id-dritt li jiddubita mill-kompetenza u mill-onestà ta' dan l-uffiċjal. Hija tikkunsidra li mhuwiex ġust li jiġi pretiż aġir iktar strett mis-Sur A milli minn dak ta' l-uffiċjal inkarigat mill-ġestjoni tal-proġett.

51      Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur B quddiem l-uffiċjali ta' l-UCLAF, ir-rikorrenti żżid li dawn id-dikjarazzjonijiet jistabbilixxu li s-Sur B kien il-benefiċjarju reali ta' l-għajnuna u l-awtur materjali ta' l-approprjazzjoni tagħha bla jedd. Skondha, is-Sur B ammetta mhux biss ir-responsabbiltà tiegħu fl-approprjazzjoni bla jedd ta' l-għajnuna, iżda wkoll ir-rifjut tagħha stess li tipparteċipa f'din l-approprjazzjoni bla jedd.

52      Fir-rigward tar-rimbors ta' l-għajnuna, ir-rikorrenti hija ta' l-opinjoni li jeħtieġ li jiġi ppruvat li hija effettivament irċeviet l-ammonti li hija qed tintalab tirrimborsa. Hija tenfasizza li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li ħallset l-għajnuna lil entità benefiċjarja ġdida meta, skond id-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna, dawn l-ammonti kellhom jiġu mħallsa lilha. Hija tikkritika lill-Kummissjoni li ma pprovditx ġustifikazzjoni għall-pagament lil din l-entità l-oħra u li qatt ma talbitha tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta' din il-bidla.

53      Ir-rikorrenti ssostni li hija ġiet ikkunsidrata, mill-Kummissjoni, bħala l-unika persuna responsabbli għar-rimbors biss meta din ta' l-aħħar ikkonstatat l-impossibbiltà li tirkupra l-kreditu in kwistjoni mingħand il-kumpannija li kienet realment irċeviet l-għajnuna, jiġifieri Entorn Sucursal.

54      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE, billi ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax b'ċarezza u koerenza r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-ekwiparazzjoni tagħha mad-destinatarja reali ta' l-għoti ta' l-għajnuna u ma turix b'mod ċar u koerenti li hija effettivament irċeviet l-ammonti li hija qed tintalab tirrimborsa.

55      Il-Kummissjoni tindika, preliminarjament, li d-deċiżjoni kkontestata f'dan il-każ tagħmel parti minn sensiela ta' deċiżjonijiet ta' kanċellament ta' għajnuna mogħtija skond it-Taqsima tal-"Gwida" tal-EAGGF, adottati minnha minħabba irregolaritajiet gravi kkonstatati fl-implementazzjoni tal-proġetti kkonċernati. Skond il-Kummissjoni, kienet teżisti rabta bejn dawn il-proġetti minħabba li l-istess kumpanniji u l-istess persuni fisiċi kienu jidhru f'kull każ li kienu marbuta, b'mod jew ieħor, mal-proġetti in kwistjoni. Il-Kummissjoni tindika b'mod partikolari li s-Sinjuri A u Ċ kineu involuti f'diversi proġetti oħra li għalihom l-għajnuna Komunitarja ġiet ikkanċellata.

56      Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata ġustament lir-rikorrenti, li kienet id-destinatarja tad-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna.

57      Il-Kummissjoni tiddikjara li hija ġiet informata biss bi bdil ta' indirizz u ta' numru ta' kont bankarju tal-benefiċjarja, iżda li hija qatt ma ġiet informata li kien sar bdil fil-benefiċjarja ta' l-għajnuna u li qatt ma ġiet mitluba l-approvazzjoni tagħha għal dan it-tibdil. Hija tenfasizza li s-Sur A mhux biss naqas milli jinforma s-servizzi tal-Kummissjoni bil-fatt li r-rikorrenti rrinunzjat għall-għajnuna mogħtija, iżda talli baqa' ukoll marbut mill-qrib mal-proġett Sumak matul il-perijodu kollu ta' l-implementazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-kuntatti permanenti bejn is-Sur A, direttur tar-rikorrenti, u s-Sur B, li huwa marbut mal-kumpannija Entorn Sucursal, kif ukoll il-parteċipazzjoni tas-Sur A fl-implementazzjoni tal-proġett Sumak huma biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' rabtiet manifesti bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija Entorn Sucursal.

58      Fir-rigward tal-kritiki tar-rikorrenti li skondhom is-servizzi tal-Kummissjoni m'aġixxewx, fl-għoti ta' l-għajnuna, bid-diliġenza u l-prudenza meħtieġa, il-Kummissjoni tesponi li dawn l-elementi bl-ebda mod ma jbiddlu r-responsabbiltà tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-użu tal-fondi Komunitarji li ġew mogħtija lilha bl-għan tat-twettiq tal-proġett Sumak.

59      Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni tippermetti suffiċjentement lir-rikorrenti li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet għall-miżura adottata. Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tistax teżiġi li l-Kummissjoni tiġġustifika u tipprova fid-deċiżjoni tagħha li r-rikorrenti effettivament hija l-kumpannija li rċeviet il-pagamenti mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

60      Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni indirizzatx, ġustament, id-deċiżjoni ta' kanċellament ta' l-għajnuna skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, kif emendat, lir-rikorrenti. Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt li teżiġi mir-rikorrenti r-rimbors, skond l-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 4253/88, kif emendat, ta' l-għajnuna Komunitarja mħallsa.

–       Fuq il-kanċellament ta' l-għajnuna

61      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ma jindikax espliċitament min għandu jkun id-destinatarju ta' deċiżjoni ta' kanċellament ta' għajnuna Komunitarja. Dan huwa dovut għall-istruttura tas-sistema ta' l-għajnuna mill-fondi strutturali li tirriżulta mir-Regolament Nru 2052/88 kif emendat, li d-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni tiegħu huma inklużi fir-Regolament Nru 4253/88, kif emendat. Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) u 5(2) tar-Regolament Nru 2052/88, kif emendat, li l-azzjoni Komunitarja hija intiża biex tkun komplementari għall-azzjonijiet nazzjonali korrispondenti jew bħala kontribuzzjoni għal dawn ta' l-aħħar u li eċċezzjonalment biss tieħu l-forma ta' finanzjament dirett mill-Kummissjoni ta' proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni. Skond din is-sistema, id-deċiżjonijiet meħuda skond ir-Regolament Nru 4253/88, kif emendat, huma indirizzati, skond il-każ, lill-Istati Membri jew lill-awtoritajiet kompetenti jew lil korpi oħra maħtura minnhom, jew inkella, fil-każ ta' għajnuna diretta mill-Kummissjoni, lill-benefiċjarji individwali ta' l-għajnuna Komunitarja. Minn dan isegwi li, fil-każ ta' proġett iffinanzjat direttament mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4256/88, id-deċiżjoni ta' kanċellament għandha tkun indirizzata lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna Komunitarja.

62      Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti setgħetx tiġi kkunsidrata bħala benefiċjarja ta' l-għajnuna mogħtija għall-proġett Sumak.

63      F'dan ir-rigward, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi rrilevat li l-applikazzjoni għal għajnuna ġiet ippreżentata f'isem ir-rikorrenti. Għalkemm huwa veru li l-isem "Entorn SL" użat fl-applikazzjoni u fil-korrispondenza relattiva mhuwiex l-isem sħiħ tar-rikorrenti (Entorn, Societat Limitada Enginyeria i Serveis), din hija abbrevjazzjoni ta' dan l-isem li tiġi naturali f'moħħ dak li jkun, li l-użu tagħha, flimkien ma' l-indirizz tar-rikorrenti, jista' biss tinftiehem fis-sens li l-applikazzjoni ġiet ippreżentata f'isem ir-rikorrenti. Madankollu, la l-ittra tat-12 ta' Lulju 1993, li tesprimi interess li titressaq applikazzjoni għal għajnuna, u lanqas l-ittri ta' l-14 u tat-22 ta' Settembru 1993, li jakkompanjaw iż-żewġ versjonijiet ta' l-applikazzjoni għal għajnuna, ma jġibu l-firma tad-direttur tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiddikjara li l-karta ta' l-ittri użata mhijiex dik li hija normalment tuża.

64      Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu magħmula f'Settembru 1997 quddiem l-uffiċjali ta' l-UCLAF, is-Sur B ammetta li kien iffirma l-ittra ta' l-14 ta' Settembru 1993. Huwa ammetta wkoll li kien uża l-firma "A. López Gargallo", li tinsab fl-ittri tat-12 ta' Lulju u tat-22 ta' Settembru 1993.

65      Ir-rikorrenti sostniet, fit-talba tagħha għal miżuri proviżorji mressqa lill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest ta' din il-kawża, li d-direttur tagħha kien qabel li r-rikorrenti tissottometti l-proġett Sumak lill-Kummissjoni, iżda li l-kuntatti diretti mal-Kummissjoni kellhom jiġu stabbiliti mis-Sur B. Barra minn hekk, b'faks iddatat 25 ta' Ottubru 1993, li l-awtentiċità tiegħu mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti, id-direttur ta' din ta' l-aħħar ikkomunika lill-Kummissjoni d-dettalji bankarji tar-rikorrenti, bin-nota "b'żieda mal-proposta tagħna 93.ES.06.030" (como complemento a nuestra propuesta 93.ES.06.030). Dan id-dokument, li jagħmel referenza għan-numru li taħtu l-applikazzjoni għal għajnuna għall-proġett Sumak ġiet ipproċessata mill-Kummissjoni, juri mhux biss li d-direttur tar-rikorrenti kien jaf bil-fatt li din l-applikazzjoni għal għajnuna kien ġiet ippreżentata f'isem il-kumpannija, iżda wkoll li aċċetta, f'isem il-kumpannija, ir-responsabbiltà għal din l-applikazzjoni għal għajnuna. Dan id-dokument juri għalhekk li d-direttur tar-rikorrenti rratifika d-dikjarazzjonijiet magħmula f'isem ir-rikorrenti fl-ittri tat-12 ta' Lulju 1993 u ta' l-14 u tat-22 ta' Settembru 1993.

66      Minn dan isegwi li l-applikazzjoni għal għajnuna hija imputabbli lir-rikorrenti. Huwa irrilevanti f'dan ir-rigward jekk it-tliet ittri fuq imsemmija ġewx iffirmati mis-Sur B, kif jidher li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tiegħu quddiem l-UCLAF, jew minn persuni mhux magħrufa.

67      Id-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna, adottata fis-26 ta' Novembru 1993, hija indirizzata, b'ittra ta' notifika li takkompanjaha ddatata 29 ta' Novembru 1993, lil "Entorn SL" fl-indirizz li kien, f'dak iż-żmien, dak tar-rikorrenti f'Barċellona. Hija tindika li "[l]-implementazzjoni ta' l-azzjoni taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-kumpannija Entorn SL" u li [l]-kumpannija Entorn SL (benefiċjarja) hija destinatarja ta' din id-deċiżjoni". Ir-rikorrenti ma kkontestatx, matul il-proċedura bil-miktub u waqt is-seduta, li hija kienet effettivament taf b'din id-deċiżjoni, li hija, barra minn hekk, annettiet mar-rikors tagħha. Kien biss f'nota ta' l-4 ta' Marzu 2004, li permezz tagħha hija ħadet pożizzjoni fuq il-possibbiltà ta' eventwali tranżazzjoni tal-kawża, li r-rikorrenti indikat li ma kien hemm l-ebda prova li din id-deċiżjoni kienet intbagħtet b'ittra reġistrata u li l-arkivji tagħha ma kinux juru li din id-deċiżjoni kienet ġiet irċevuta. Dawn id-dikjarazzjonijiet mhux biss huma tardivi, iżda huma wkoll f'kontradizzjoni mal-preżentazzjoni tal-fatti kif jidhru fl-atti mressqa mir-rikorrenti. Fil-fatt, fil-parti tar-rikors tagħha intitolata "Fatti relattivi għall-implementazzjoni ulterjuri tal-proġett", ir-rikorrenti tindika, fil-punt 25, li s-Sur A ġie "informat bil-kontenut u bil-portata tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 1993", u, fil-punt 12 tar-replika, hija tindika li s-Sur A irċieva "in-notifika tad-deċiżjoni ta' Novembru 1993 li tat [lir-rikorrenti] għajnuna Komunitarja".

68      Il-fatt li d-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna ma tindikax l-isem sħiħ tar-rikorrenti ma jipprekludix li r-rikorrenti tkun ikkunsidrata bħala destinatarja ta' din id-deċiżjoni. Fil-fatt, l-isem li jinsab fid-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna jikkorrispondi għal dak li jinsab fl-ittri mibgħuta lill-Kummissjoni qabel l-għoti ta' l-għajnuna u rratifikati mid-direttur tar-rikorrenti.

69      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet id-destinatarja tad-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna tas-26 ta' Novembru 1993 u l-benefiċjarja ta' l-għajnuna Komunitarja.

70      Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li skondu hija tilfet il-kwalità ta' benefiċjarja minħabba li kienet irrinunzjat għall-għajnuna, għandu jiġi kkonstatat li ma nġabet ebda prova ta' l-allegazzjonijiet tagħha f'dan ir-rigward. F'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni li tinsab fir-rikors, li skondha d-direttur tagħha talab lis-Sur B li jinforma l-uffiċjal responsabbli tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet irrinunzjat għall-implementazzjoni tal-proġett, anki jekk jitqies li hija korretta, mhijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti validament irrinunzjat għall-għajnuna. Fil-fatt, xejn fil-proċess ma jikkonferma li s-Sur B effettivament informa lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tar-rikorrenti li tabbanduna l-proġett. Issa l-benefiċjarju ta' għajnuna Komunitarja ma jistax jeħles mill-obbligu ta' informazzjoni u ta' lealtà li għandu lejn il-Kummissjoni billi juża s-servizzi ta' terz minflok ma juża l-mezzi tiegħu stess. Għalhekk, l-eventwali nuqqas tas-Sur B fl-implementazzjoni ta' l-istruzzjonijiet tad-direttur tar-rikorrenti huwa imputabbli lil din ta' l-aħħar.

71      Bl-istess mod, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li skondhom il-Kummissjoni aċċettat id-diżimpenn tagħha mhuma kkorroborati minn ebda prova fil-proċess. Ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni d-dettalji bankarji ġodda li ġew ipprovduti lilha li din l-istituzzjoni aċċettat bdil fil-benefiċjarju ta' l-għajnuna, peress li l-komunikazzjonijiet li ntbagħtulha għal dan il-għan fit-30 ta' Novembru 1993 u fl-14 ta' Lulju 1995 ma jagħmlu l-ebda riferenza għal bdil ta' l-impriża benefiċjarja. Għandu jingħad ukoll li mhuwiex plawsibbli li l-Kummissjoni aċċettat bidla hekk importanti fil-proġett bħar-rinunzja tal-benefiċjarja responsabbli mill-implementazzjoni tiegħu jew is-sostituzzjoni ta' impriża oħra għal din il-benefiċjarja, mingħajr ma bagħtet konferma bil-miktub lir-rikorrenti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva f'dan il-kuntest li r-rikorrenti ssostni, fir-rikors, li l-Kummissjoni tat il-kunsens taċitu tagħha għall-bdil tal-benefiċjarja, filwaqt li hija tindika, fir-replika, li l-uffiċjal responsabbli aċċetta dan il-bdil "verbalment". Din il-kontradizzjoni hija ta' natura li tqajjem dubji fir-rigward ta' l-affidabbiltà ta' l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar dawn il-fatti.

72      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma teżisti l-ebda prova li tippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti tilfet il-kwalità ta' benefiċjarja ta' l-għajnuna Komunitarja wara li l-għoti ta' din l-għajnuna.

73      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tkun indirizzata lilha għax ir-responsabbiltà għall-irregolaritajiet ikkonstatati taqa', fl-ewwel lok, fuq persuni oħra, b'mod partikolari fuq is-Sinjuri B u E u fuq l-uffiċjal tal-Kummissjoni, is-Sur D.

74      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-direttur tar-rikorrenti, is-Sur A, li l-atti tiegħu li wettaq f'isem ir-rikorrenti huma imputabbli lil din ta' l-aħħar, kiser serjament l-obbligu ta' informazzjoni u ta' lealtà li għandhom l-applikanti u l-benefiċjarji ta' għajnuna finanzjarja.

75      Fl-ewwel lok, id-direttur tar-rikorrenti qabel li l-applikazzjoni għal għajnuna tiġi ppreżentata, mis-Sur B, f'isem ir-rikorrenti. Sussegwentement huwa rratifika, b'mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet magħmula f'isem ir-rikorrenti fil-kuntest ta' l-applikazzjoni għal għajnuna minn persuna li tuża l-firma "A. López Gargallo". Huwa għaldaqstant ta l-impressjoni lis-servizzi tal-Kummissjoni, li persuna li tuża din il-firma kienet awtorizzata tirrapreżenta lir-rikorrenti.

76      Fit-tieni lok, is-Sur A naqas milli jassigura li l-Kummissjoni kienet korrettament informata bil-fatt li r-rikorrenti kienet abbandunat l-proġett Sumak. Huwa għalhekk żamm l-impressjoni li l-proġett kien qed jiġi implementat mir-rikorrenti.

77      Fit-tielet lok, is-Sur A kien informat bil-ħolqien tal-kumpannija Entorn Sucursal, iżda m'għamel xejn biex jimpedixxi dan il-fatt, meta huwa ma setax ma kienx jaf bir-riskju sinjifikattiv li s-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jfixklu ż-żewġ kumpanniji.

78      Fir-raba' lok, is-Sur A kien jaf li l-proġett Sumak kien qed jitwettaq minn Entorn Sucursal, billi huwa ħadem bħala konsulent fil-kuntest ta' dan il-proġett. F'din il-kwalità, huwa ma setax ma jkunx jaf li l-ispiża tal-proġett kif implementat kien ħafna inqas mill-ammont ta' l-għajnuna Komunitarja mogħtija. Is-Sur A b'hekk ippermetta li l-proġett, li għalih kienet ġiet allokata għajnuna lir-rikorrenti, jiġi implementat minn kumpannija oħra li isimha kien kważi identiku għal dak tar-rikorrenti, f'ċirkustanzi li setgħu serjament jagħtu lok għas-suspett li kienu saru irregolaritajiet, bla m'assigura li l-Kummissjoni kienet korrettament informata b'dawn il-fatti.

79      L-unika spjegazzjoni plawsibbli għal dan l-aġir huwa li s-Sur A pparteċipa xjentement f'atti qarrieqa intiżi sabiex il-pagamenti magħmula skond l-għajnuna Komunitarja mogħtija lir-rikorrenti jiġu żvijati għal finijiet li għalihom ma kinux intiżi. Is-Sur A għalhekk ikkommetta irregolaritajiet gravi imputabbli lir-rikorrenti, li jiġġustifikaw il-kanċellament ta' l-għajnuna.

80      Il-parteċipazzjoni ta' persuni oħra f'dawn l-irregolaritajiet ma tistax teżonera lir-rikorrenti, bħala benefiċjarja ta' l-għajnuna, mir-responsabbiltà tagħha għal atti mwettqa f'isimha mid-direttur tagħha.

81      Fir-rigward, b'mod iktar partikolari, ta' l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-rwol li kellu uffiċjal tal-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-atti qarrieqa fuq imsemmija, għandu jiġi rrilevat li l-parteċipazzjoni ta' uffiċjal jew aġent ta' l-istituzzjoni fl-irregolaritajiet in kwistjoni, anki jekk jitqies li din hija stabbilita, ma tistax tipprekludi l-kanċellament ta' l-għajnuna.

82      Fil-fatt, il-fatt li uffiċjal naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu – kemm jekk b'negliġenza kif ukoll jekk b'aġir intenzjonalment illegali – ma jipproteġix lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħarsien ta' l-obbligi proprji tiegħu.

83      F'dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument li skondu d-dikjarazzjonijiet tas-Sur B quddiem l-uffiċjali ta' l-UCLAF juru li r-rikorrenti rrifjutat li tipparteċipa f'aġir intiża sabiex jinkiseb illegalment il-pagament tas-sussidju għall-proġett Sumakc, rifjut li wassal lis-Sur B sabiex jikkostitwixxi kumpannija oħra b'isem simili ħafna. Fil-fatt, is-Sur B iddikjara li huwa kellu l-intenzjoni li jakkwista r-rikorrenti iżda li, billi rriżulta li ma kienx possibbli li dan isir, huwa kien ħoloq lil Entorn Trading (Dublin) sabiex jakkwistaha permezz ta' din ta' l-aħħar. Min-naħa l-oħra, huwa la jsemmi r-raġuni li għaliha l-akkwist tar-rikorrenti ma kienx possibbli u lanqas xi eventwali rifjut minn din ta' l-aħħar li tipparteċipa fl-atti qarrieqa tiegħu.

84      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-allegat ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni spjegat ċar, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjoni li tat l-għajnuna kienet ġiet indirizzata lir-rikorrenti u li ebda bdil ta' benefiċjarju ma kien ġie awtorizzat. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata fir-rigward tal-kwalità tar-rikorrenti bħala benefiċjarja ta' għajnuna.

85      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni ta' kanċellament ta' l-għajnuna ġiet indirizzata ġustament lir-rikorrenti.

86      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-ewwel żewġ motivi mhumiex fondati fir-rigward tal-kanċellament ta' l-għajnuna ddikjarat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq ir-rimbors tas-somom imħallsa bħala l-ewwel żewġ porzjonijiet ta' l-għajnuna Komunitarja

87      L-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 4253/88, kif emendat, jipprovdi li "[k]ull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjon". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

88      Din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax fuq min jaqa' l-obbligu li jħallas lura lill-Kummissjoni s-somom imħallsa indebitament. Jirriżulta madankollu mill-istruttura tar-Regolamenti Nru 2052/88 u Nru 4253/88, kif emendati, spjegata fil-punt 61 iktar 'il fuq, li, fil-każ ta' finanzjamenti diretti mill-Kummissjoni, dan l-obbligu jaqa' fuq il-benefiċjarju ta' għajnuna. Dan huwa kkonfermat mill-paragrafu 10 tal-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Anness 2 tad-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna, li skondu l-benefiċjarju għandu d-dritt jibgħat il-kummenti tiegħu qabel l-implementazzjoni ta' eventwali talbiet għal rimbors.

89      Sabiex ikun jista' jintalab ir-rimbors tas-somom imħallsa mingħand il-benefiċjarju, min-naħa, huwa neċessarju li t-tnaqqis, is-sospensjoni jew il-kanċellament ta' l-għajnuna jkun ġie deċiż validament. Issa, bla ħsara għall-eżami ta' l-ilmenti dwar il-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, imressqa fil-kuntest tat-tielet motiv, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-kundizzjonijiet għal kanċellament ta' l-għajnuna ġew sodisfatti f'dan il-każ.

90      Min-naħa l-oħra, l-użu tal-verb "tħallas lura" jimplika, fil-prinċipju, li l-obbligu ta' rimbors japplika biss għas-somom li l-benefiċjarju effettivament irċieva. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-użu, f'uħud mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta' l-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 4253/88, kif emendat, tat-termini "irkupru ta' somma li tkun ġiet imħallsa indebitament" jew ta' termini ekwivalenti (ara b'mod partikolari l-verżjoni Spanjola, Franċiża, Taljana u Nerlandiża). F'dan ir-rigward, is-somom li l-Kummissjoni ħallset lil terzi fuq ordni tal-benefiċjarja għandhom jiġu ekwiparati mas-somom li hija ħallset direttament lill-benefiċjarja. Fil-fatt, f'dan il-każ, il-Kummissjoni tillimita ruħha li teżegwixxi l-arranġamenti adottati mill-benefiċjarja, bħala kreditriċi tas-somma mħallsa, fir-rigward tal-modalitajiet tal-pagament.

91      Min-naħa l-oħra, il-benefiċjarja ta' l-għajnuna ma tistax tkun obbligata li tirrimborsa lill-Kummissjoni s-somom li din ta' l-aħħar ħallset lil terzi fin-nuqqas ta' ordni li ġejja mingħandha jew li hija imputabbli lilha.

92      Huwa għalhekk neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-ewwel żewġ porzjonijiet ta' l-għajnuna ġewx imħallsa lir-rikorrenti jew jekk dawn il-pagamenti twettqux fuq ordni ta' din ta' l-aħħar.

93      Id-deċiżjoni kkontestata tikkontjeni dikjarazzjonijiet kuntradittorji f'dan ir-rigward. Min-naħa, hija tindika "li fil-kuntest ta' din l-għajnuna tal-Komunità l-benefiċjarja s'issa rċeviet ammont totali ta' 725 094 [ECU]", min-naħa l-oħra, hija tirrileva li nfetħet sussidjarja ta' Entorn Trading f'Seville, li "[h]uwa lil din l-aħħar kumpannija li ntbagħtu l-pagamenti kollha magħmula mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proġett [u li din] l-operazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni bħala sempliċi bdil ta' indirizz tal-benefiċjarja, filwaqt li fil-fatt kienet kwistjoni ta' bdil tal-benefiċjarja tal-proġett mingħajr il-qbil tal-Kummissjoni".

94      Jirriżulta mill-atti tal-proċess li l-ewwel porzjon ta' l-għajnuna tħallas f'kont miftuħ mal-Banca nazionale del lavoro f'Madrid. Skond rendikont bankarju għal dan il-kont, iddatat 19 ta' Lulju 1995 u li jinsab fost l-annessi tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur B lill-uffiċjali ta' l-UCLAF, l-ewwel porzjon ta' l-għajnuna ġie kkreditata fuq dan il-kont fl-20 ta' Jannar 1994. Id-detentur tal-kont indikat f'dan ir-rendikont huwa "Entorn Lda – en constitución". Rendikont bankarju għall-istess kont, iddatat 15 ta' Ġunju 1995, jindika bħala detentur lil "Entorn Trading Ltd". Jidher għalhekk li wieħed mid-detenturi tal-kont huwa waħda mill-entitajiet mwaqqfa mis-Sur B, imsemmija fil-punti 10 u 11 iktar 'il fuq, jiġifieri "Entorn Trading Ltd", filwaqt li l-isem "Entorn Lda – en constitución" la jikkorrispondi eżattament ma' l-isem tar-rikorrenti u lanqas ma' dak tas-sussidjarja mwaqqfa mis-Sur Ċ fi Spanja. F'kull każ, minn dawn id-dokumenti jidher li d-detentur tal-kont ma kienx ir-rikorrenti, "Entorn, Societat Limitada Enginyeria i Serveis".

95      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma rċevitx il-pagament ta' l-ewwel porzjon ta' l-għajnuna.

96      Għal dak li jirrigwarda t-tieni porzjon ta' l-għajnuna, jirriżulta mill-proċess li huwa tħallas f'kont miftuħ mal-bank Caixa f'Madrid, li d-detentur tiegħu kien "Entorn Trading Ltd (Entorn SL)". Ir-rikorrenti għalhekk lanqas ma rċeviet it-tieni porzjon ta' l-għajnuna.

97      Dwar jekk dawn il-pagamenti twettqux fuq istruzzjonijiet tar-rikorrenti b'mod li jistgħu jiġu ekwiparati ma' pagamenti li hija stess irċeviet, għandu jiġi mfakkar li n-numru tal-kont, li fih tħallas l-ewwel porzjon ta' l-għajnuna, kien ġie kkomunikat lill-Kummissjoni bl-ittra tat-30 ta' Novembru 1993, imsemmija fil-punt 16 iktar 'il fuq. Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu quddiem l-uffiċjali ta' l-UCLAF, is-Sur B irrikonoxxa li kien iffirma din l-ittra.

98      Il-kont li fih tħallas it-tieni pagament ġie kkomunikat lill-Kummissjoni b'faks mibgħut fl-14 ta' Lulju 1995 bl-użu ta' formola ta' "MB Consultores y Auditores, SL" f'Seville, jiġifieri l-impriża li fil-bini tagħha Entorn Sucursal kellha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Mill-proċess ma tirriżulta l-ebda indikazzjoni tal-persuna li bagħtet dan il-faks.

99      Kif ġie kkonstatat iktar 'il fuq, fil-punt 79, ma jista' jkun hemm ebda spjegazzjoni oħra għall-imġiba tas-Sur A ħlief li huwa pparteċipa b'mod intenzjonat fl-atti qarrieqa intiżi biex il-pagamenti ta' l-għajnuna għall-proġett Sumak jiġu żvijati mid-destinazzjoni tagħhom.

100    Il-fatt li ntbagħtu messaġġi li indikaw lill-Kummissjoni, għall-pagament tal-porzjonijiet ta' l-għajnuna, numri ta' kontijiet differenti minn dak tar-rikorrenti, filwaqt li taw l-impressjoni li kienu kontijiet tar-rikorrenti, huwa element essenzjali ta' dawn l-atti qarrieqa. Minn dan isegwi li s-Sur A ta l-kunsens tiegħu biex jintbagħtu dawn il-messaġġi li l-kontenut tagħhom jista', konsegwentement, jiġi imputat lilu.

101    Fil-kwalità tiegħu ta' President u rappreżentant tal-bord tad-diretturi, is-Sur A kien awtorizzat jorbot lir-rikorrenti b'atti mwettqa minnu stess jew bil-kunsens tiegħu f'isem il-kumpannija.

102    L-ittra tat-30 ta' Novembru 1993 inkitbet f'isem ir-rikorrenti u ġġib il-firma ta' "A. López Gargallo" li, skond id-dikjarazzjonijiet tas-Sur B quddiem l-UCLAF, kienet intużat minnu fl-ittri tat-12 ta' Lulju u tat-22 ta' Settembru 1993 (ara punt 64 iktar 'il fuq). Billi l-impressjoni mogħtija lill-Kummissjoni li din il-firma kienet torbot lir-rikorrenti rriżultat mill-imġiba tas-Sur A (ara punt 75 iktar 'il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li din l-ittra ntbagħtet bil-kunsens ta' dan ta' l-aħħar. Minn dan isegwi li l-ittra hija imputabbli lir-rikorrenti, indipendentement mill-identità tal-persuna li attwalment iffirmata. Għalhekk, il-pagament ta' l-ewwel porzjon ta' l-għajnuna jista' jiġi kkunsidrat bħala li twettaq fuq ordni tar-rikorrenti. Jista' għaldaqstant jiġi ekwiparat ma' pagament li r-rikorrenti nfisha rċeviet.

103    Il-faks ta' l-14 ta' Lulju 1995, li permezz tiegħu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni dettalji bankarji ġodda għall-pagament tat-tieni porzjon, inkitbet fuq formola li ġġib l-isem u l-indirizz tal-kumpannija "MB Consultores y Auditores, SL" f'Seville. Taħt l-intestatura "mittent" (remite) tal-formola hemm l-isem ittajpjat "Entorn Trading, SL". Dan l-isem mhuwiex identiku għal dak użat sa dak iż-żmien fil-korrispondenza relatata mal-proġett Sumak mibgħuta lill-Kummissjoni (li kien "Entorn SL"), iżda huwa madankollu simili.

104    L-ittra tad-29 ta' Marzu 1994, imsemmija fil-punt 17 iktar 'il fuq, kienet informat lill-Kummissjoni li "Entorn SL" kienet fetħet uffiċċju f'Seville, għall-finijiet tal-proġett Sumak, li l-indirizz tagħha kien dak ta' l-impriża "MB Consultores y Auditores, SL". Din l-ittra ġġib il-firma ttajpjata tas-Sur A u firma miktuba bl-id li ma tinqarax li, skond id-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur B quddiem l-uffiċjali ta' l-UCLAF, kienet ta' dan ta' l-aħħar. Din l-ittra ħolqot l-impressjoni, min-naħa, li l-indirizz ta' Seville kien indirizz li fih setgħet tintbagħat lir-rikorrenti l-korrispondenza relatata mal-proġett Sumak u, min-naħa l-oħra, li l-messaġġi mibgħuta minn dan l-indirizz relatati ma' l-imsemmi proġett kienu ġejjin mir-rikorrenti. Din hija, kollha kemm hi, parti mill-atti qarrieqa involuti f'dan il-każ. F'dan ir-rigward, l-ittra tad-29 ta' Marzu 1994 intbagħtet bil-kunsens tas-Sur A u, billi ntbagħtet f'isem ir-rikorrenti, hija imputabbli lil din ta' l-aħħar irrispettivament minn min effettivament iffirmaha.

105    Skond l-impressjoni maħluqa b'din l-ittra, il-faks mibgħut min-naħa ta' "Entorn Trading, SL" mill-indirizz ta' Seville fl-14 ta' Lulju 1995, li, huwa wkoll, jagħmel parti integrali mill-atti qarrieqa li fihom ipparteċipa xjentment is-Sur A, huwa wkoll imputabbli lir-rikorrenti.

106    Minn dan isegwi li l-pagament tat-tieni porzjon ta' l-għajnuna fil-kont ikkomunikat b'dan il-faks lill-Kummissjoni għandu jkun ikkunsidrat bħala li twettaq fuq istruzzjonijiet tar-rikorrenti u li hemm lok li jiġi ekwiparat ma' pagament li r-rikorrenti stess irċeviet.

107    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, kif emendat, mhuwiex fondat.

108    Fir-rigward ta' l-allegat ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, jirriżulta ċar mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti, bħala benefiċjarja ta' l-għajnuna, kienet obbligata tirrimborsa ż-żewġ porzjonijiet ta' l-għajnuna mħallsa, peress li ebda bdil tal-benefiċjarja ma kien ġie approvat. Din il-motivazzjoni kienet biżżejjed biex tippermetti lir-rikorrenti sabiex tkun taf il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tkun tista' teżerċita l-istħarriġ tagħha. Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni fir-rigward tar-rimbors taż-żewġ porzjonijiet ta' għajnuna għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

109    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma tathiex il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub wara l-verifiki mwettqa fl-uffiċċju reġistrat ta' Entorn Sucursal f'Seville. Hija tirrikonoxxi li s-Sur A, id-direttur tagħha, kien preżenti waqt il-verifika. Hija ssostni madankollu li ma kellhiex il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

110    Ir-rikorrenti tiddikjara li ma tifhimx kif il-Kummissjoni, wara li ħadet in kunsiderazzjoni l-allegazzjonijiet bil-miktub tas-Sur Ċ, li jinsabu fl-Anness 18 tar-risposta tad-difiża, m'għamlitx kuntatt mar-rappreżentanti tagħha. Hija tikkunsidra li dan jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tad-difiża.

111    Il-Kummissjoni tiddikjara li hija rrispettat id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f'dan il-każ. Hija tikkunsidra li hija tat lir-rikorrenti l-possibbiltà li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kanċellament ta' l-għajnuna billi bagħtet l-ittra tat-3 ta' April 1998, li esponiet b'mod ċar l-ilmenti magħmula kontra r-rikorrenti u li tatha terminu raġonevoli sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha.

112    Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-fatt li din l-ittra ntbagħtet mibgħuta fl-indirizz ta' Seville sabiex issostni li hija ġiet imċaħħda mid-dritt tagħha li tippreżenta osservazzjonijiet. Hija tikkunsidra li s-servizzi tagħha kellhom raġunijiet tajba biex jużaw l-indirizz f'Seville mhux biss billi dan kien l-aħħar indirizz tar-rikorrenti li kien ġie kkomunikat lilha, iżda wkoll billi kien minn dan l-indirizz li l-proġett Sumak kien ġie mmexxi u li kien hemmhekk li saret il-verifika ta' l-imsemmi proġett u li l-ispetturi tal-Kummissjoni kienu ltaqgħu mas-Sur A.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

113    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti kollha mibdija kontra persuna li jistgħu jwasslu għal att li jista' jaffettwa ħażin lil din ta' l-aħħar jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jkun iggarantit, anki fin-nuqqas ta' kull leġiżlazzjoni dwar il-proċedura. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b'mod sostanzjali ikunu f'pożizzjoni li jippreżentaw utilment l-opinjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra. p. I‑5373, punt 21, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs Il-Kummissjoni, T-199/99, Ġabra p. II‑3731, punt 55).

114    Għalkemm l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, kif emendat, ma fihx dispożizzjonijiet espressi li jirregolaw id-drittijiet tad-difiża tal-benefiċjarju ta' għajnuna li l-kanċellament tiegħu huwa previst, dettalji ta' dawn id-drittijiet, madankollu, jinsabu fil-paragrafu 10 ta' l-Anness 2 tad-deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna, relattiv għall-kundizzjonijiet finanzjarji. Skond dan it-test, il-benefiċjarju ta' għajnuna għandu l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, f'terminu stabbilit mill-Kummissjoni, qabel ma din ta' l-aħħar tipproċedi għas-sospensjoni, għat-tnaqqis jew għal-kanċellament ta' l-għajnuna jew għall-irkupru ta' ammonti mħallsa indebitament.

115    F'dan il-każ, l-ittra tat-3 ta' April 1998, intiża sabiex tiggarantixxi lill-benefiċjarja ta' l-għajnuna d-dritt tagħha li tinstema', skond il-paragrafu 10 tal-kundizzjonijiet finanzjarji, ma nbagħtitx lir-rikorrenti, li l-uffiċċju reġistrat tagħha kien jinsab, matul il-perijodu rilevanti kollu, f'Barċellona, iżda lil "Entorn (Sumac)" fl-indirizz ta' Seville fil-bini ta' MB Consultores y Auditores, li kien dak użat minn Entorn Sucursal.

116    Madankollu, bl-ittra tad-29 ta' Marzu 1994, imsemmija fil-punti 17 u 104 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni kienet ġiet intenzjonalment indotta fi żball u mwassla sabiex temmen li l-indirizz ta' Seville kien l-indirizz ta' uffiċċju miftuħ mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proġett Sumak. Kif ġie kkonstatat fil-punt 104 iktar 'il fuq, din l-ittra hija imputabbli lir-rikorrenti.

117    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet validament tuża dan l-indirizz sabiex tibgħat lir-rikorrenti l-korrispondenza kollha dwar il-proġett Sumak, inkluż l-ittra tat-3 ta' April 1998, intiża sabiex tagħtiha l-opportunità li tagħmel osservazzjonijiet fuq l-irregolaritajiet allegati fil-konfront tagħha.

118    Ċertament, jista' jidher sorprendenti li l-Kummissjoni użat dan l-indirizz meta, fil-mument meta bagħtet l-ittra tat-3 ta' April 1998, hija kellha r-rapport ta' verifika imħejji mill-UCLAF, li minnu jirriżulta li l-indirizz ta' Seville kien dak tal-kumpannija Entorn Sucursal, li l-uffiċċju reġistrat ta' din ta' l-aħħar kien ġie ttrasferit f'Tenerife fi Frar 1996 u li kien hemm żewġ kumpanniji distinti li l-ismijiet tagħhom kienu simili ħafna.

119    Ir-rikorrenti ma tistax madankollu tinvoka dan il-fatt sabiex issostni li hija ma kinitx validament f'pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

120    Fil-fatt, ir-rikorrenti stess tirrikonoxxi li d-direttur tagħha, is-Sur A, kien jaf bl-eżistenza ta' l-ittra tat-3 ta' April 1998. Ċertament, hija tallega li s-Sur A ddeduċa mill-fatt li din l-ittra kienet ġiet mibgħuta fl-indirizz ta' Seville li l-Kummissjoni ma kinitx qed tikkunsidrah responsabbli għall-irregolaritajiet ikkonstatati. Madankollu, is-Sur A ma setax jinjora li l-fatt li dik l-ittra ntbagħtet fl-indirizz ta' Seville kien ir-riżultat tal-konfużjoni fir-rigward ta' l-indirizz eżatt tar-rikorrenti, maħluqa u mantnuta intenzjonalment mill-persuni involuti fl-atti qarrieqa relattivi għall-proġett Sumak, li huwa kien wieħed minnhom. Barra minn hekk, huwa kien jaf li l-għajnuna kienet ġiet mogħtija lir-rikorrenti u li huwa stess ma kienx assigura li l-Kummissjoni kienet informata bl-allegata rinunzja għal din l-għajnuna. F'dawn iċ-ċirkustanzi, kellu jkun ovvju għalih li r-rikorrenti kellha interess li ssir taf bil-kontenut ta' l-ittra tat-3 ta' April 1998 u li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-irregolaritajiet imsemmija fiha. Ir-rikorrenti għalhekk kienet tkun tista' tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-ittra li kieku xtaqet tagħmel dan.

121    Għandu jingħad ukoll li parti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-kondotta ħażina tagħha stess (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 39/72, Ġabra p. 101, punt 10, u l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, Ġabra p. I-6297, I‑6300, punt 39). Bl-istess mod, parti ma tistax tinvoka l-imġiba illegali ta' persuna awtorizzata taġixxi f'isimha sabiex taħrab mir-responsabbiltà tagħha stess b'riżultat ta' atti mwettqa minn din il-persuna. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika mill-iżball tal-Kummissjoni li d-direttur tagħha xjentement ikkontribwixxa sabiex iseħħ.

122    Minn dan isegwi li il-fatt li l-ittra tat-3 ta' April 1998 ntbagħtet fl-indirizz ta' Seville kien biżżejjed biex jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

123    Konsegwentement, it-tielet motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, mhuwiex fondat.

C –  Fuq it-talbiet għal miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

124    Fir-rikors u fir-replika, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna l-produzzjoni, mill-Kummissjoni, tad-"dokumentazzjoni kollha relattiva għall-proċedura amministrattiva li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni [kkontestata]".

125    Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport tas-seduta tat-13 ta' Ottubru 2003, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti tal-Prim'Istanza "taċċetta li l-proċess ta' l-istruttorja kriminali jiddaħħal fil-proċess ta' din il-kawża, [billi dehrilha] li l-kontenut tagħhom [seta'] jkun importanti sabiex tinkixef il-verità".

126    Sussegwentement, fin-nota li hija ppreżentat fl-4 ta' Novembru 2003, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza, min-naħa, li tordna li l-Kummissjoni tizvela l-provi kollha relatati mal-każ Sumak, kemm ta' qabel kif ukoll ta' wara l-għoti tas-sussidju, li ddaħħal fil-proċess ta' din il-kawża d-dokumenti kollha – kunfidenzjali jew le – li hija għandha fil-pussess tagħha fir-rigward ta' dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Prim'Istanza tisma' bħala xhieda "lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li setgħu kienu involuti direttament jew indirettament fil-proċedura amministrattiva qabel jew wara l-għoti tas-sussidju għall-proġett Sumak, kif ukoll lil dawk li mexxew l-investigazzjoni interna mibdija mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni" u lis-Sur B.

127    Ir-rikorrenti tindika li b'hekk hija tixtieq ikollha l-konferma tal-fatti msemmija fir-rendikont ta' l-UCLAF fuq id-dikjarazzjonijiet tas-Sur B u, jekk ikun il-każ, dettalji dwar dawn il-fatti. Hija tikkunsidra wkoll li dawn ix-xhieda jistgħu juru li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi ta' fatti manifestament żbaljati.

128    Il-Kummissjoni tikkunsidra li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti saret taf bil-fatti u ċirkustanzi kollha neċessarji sabiex tiddefendi ruħha. Hija ssostni li hija ma tistax tippronunzja ruħha fuq it-talba għas-smigħ ta' uffiċjali bħala xhieda billi hija wisq impreċiża u billi s-smigħ ta' xhieda mitlub huwa irrilevanti fil-kuntest ta' din il-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

129    Skond l-Artikolu 64(2)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura għandhom, b'mod partikolari, l-iskop li jassiguraw l-izvolġiment tajjeb tal-proċedura bil-miktub jew orali u li jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tal-provi, kif ukoll li jiddeterminaw il-punti li fuqhom il-partijiet għandhom jikkompletaw l-argumenti tagħhom jew li jkollhom bżonn ta' istruttorja. Skond l-Artikolu 64(3)(d) u l-Artikolu 64(4) ta' l-istess Regoli, dawn il-miżuri jistgħu jiġu proposti mill-partijiet f'kull fażi tal-proċedura u jistgħu jieħdu l-forma ta’ talba għall-produzzjoni ta' dokumenti jew ta' kull att ieħor, li għandu x'jaqsam mal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 92).

130    Min-naħa l-oħra, il-miżuri istruttorji skond l-Artikoli 65 sa 67 ta' l-istess Regoli huma intiżi sabiex jippermettu li tiġi pprovata l-veraċità ta' l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn parti in sostenn tal-motivi tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Novembru 2000, Bareyt et vs Il-Kummissjoni, T-175/97, Ġabra p. I‑A‑229 u II‑1053, punt 90). F'dan ir-rigward, skond l-Artikolu 44(1)(e) ta' l-istess Regoli, ir-rikors għandu jinkludi n-natura tal-provi tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 48(1) ta' l-istess Regoli jippermetti lill-partijiet li jippreżentaw provi ulterjuri fir-replika jew fil-kontroreplika, iżda jeżiġi li l-partijiet jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi jkunu ġew ippreżentati tard. Madankollu, skond l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti tal-Prim'Istanza tordna miżuri istruttorji, il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi mressqa jibqgħu riżervati.

131    Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk hemmx lok li jintlaqgħu t-talbiet għal miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji magħmula mir-rikorrenti.

132    Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-talba intiża sabiex il-proċess ta' l-istruttorja kriminali jiddaħħal fil-proċess ta' din il-kawża, magħmula fl-osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċietx il-proċess in kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Hemm lok għalhekk li din it-talba tar-rikorrenti tinftiehem fis-sens li hija qed tfittex li l-Qorti tal-Prim'Istanza titlob lill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli li jipproduċu dawn id-dokumenti. Għalkemm talba ta' miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura tista' ssir mir-rikorrenti f'kull fażi tal-proċedura, hija madankollu l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tiddetermina jekk il-miżura mitluba hijiex utli għall-izvolġiment tajjeb tal-proċedura. Sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun tista' tagħmel din l-evalwazzjoni, il-parti li tagħmel it-talba għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi lill-Qorti tal-Prim'Istanza almenu ammont minimu ta' informazzjoni li turi l-utilità ta' dawn id-dokumenti għall-bżonnijiet ta' l-istanza (sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 93). F'dan ir-rigward, jekk talba għal miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura tkun intiża, bħal f'dan il-każ, sabiex jinkisbu provi fattwali ġodda u ssir f'fażi tal-proċedura meta l-produzzjoni ta' provi ġodda hija, fil-prinċipju, projbita, huwa neċessarju b'mod partikolari li l-parti li titlob l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri tesponi r-raġunijiet għalfejn din it-talba ma setgħetx saret qabel.

133    F'dan il-każ, ir-rikorrenti diġà rreferit fir-rikors tagħha għall-proċedura kriminali mibdija fi Spanja. L-eventwali rilevanza tal-proċess ikkompilat f'dan il-kuntest setgħet, fil-prinċipju, tiġi evalwata f'din il-fażi. Barra minn hekk, żewġ atti proċesswali li jikkontjenu dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sinjuri A u Ċ fil-kuntest ta' l-istruttorja kriminali ddaħħlu fil-proċess ta' din il-kawża mill-Kummissjoni f'anness mar-risposta. It-talba tar-rikorrenti ma fiha l-ebda indikazzjoni konkreta li tippermetti li tiġi evalwata l-utilità tal-produzzjoni ta' atti proċesswali oħra kkompilati fil-kuntest ta' din l-istruttorja għall-bżonnijiet ta' din il-kawża, ħlief l-affermazzjoni ġenerali li hija tqis li "l-kontenut tagħhom jista' ikun importanti sabiex tinkixef il-verità", u lanqas ma fiha spjegazzjoni tar-raġunijiet għalfejn hija ma talbitx il-produzzjoni ta' dawn id-dokumenti qabel. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-adozzjoni ta' din il-miżura mhijiex ta' natura li tiggarantixxi l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura bil-miktub jew orali u lanqas li tiffaċilita l-amministrazzjoni tal-provi.

134    Fir-rigward, it-tieni nett, tat-talba magħmula fin-nota ta' l-4 ta' Novembru 2003 sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni sabiex "tiżvela darba għal dejjem u mingħajr riżerva l-provi kollha relatati mal-kawża Sumak li ġew qabel u wara l-għoti tas-sussidju, anki jekk jistgħu juru l-involviment ta' uffiċjali ta' l-istituzzjoni tagħha f'komplott internazzjonali intiż sabiex jiffroda l-baġit tal-Komunità u r-riżorsi taċ-ċittadini Ewropej" u sabiex "iddaħħal fil-proċess ta' din il-kawża d-dokumenti kollha – kunfidenzjali jew le – li hija għandha fil-pussess tagħha f'dan ir-rigward", għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma tistax tiġi akkużata li ma ppreżentathiex qabel. Fil-fatt, ir-rikorrenti talbet, minn meta għamlet ir-rikors, il-produzzjoni tad-dokumentazzjoni kollha relatata mal-proċedura amministrattiva li kienet ippreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ordnat il-produzzjoni tal-fajl amministrattiv u l-Kummissjoni resqet fajl li, skondha, kien il-fajl amministrattiv rilevanti. Kien biss meta s-Sur A bagħtilha r-rendikont tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur B quddiem l-UCLAF li r-rikorrenti setgħet tirrealizza li l-fajl amministrattiv imressaq mill-Kummissjoni ma kienx jikkontjeni d-dokumenti kollha relatati ma' l-investigazzjoni ta' l-UCLAF u li setgħu eżistew dokumenti oħra dwar din l-investigazzjoni.

135    Madankollu, ir-rikorrenti ma tindikax x'inhi l-utilità ta' dawn id-dokumenti għall-bżonnijiet ta' l-istanza, ħlief li hija ta' l-opinjoni li dawn id-dokumenti jistgħu juru l-parteċipazzjoni ta' ċerti uffiċjali tal-Kummissjoni fl-atti frawdolenti fil-kuntest tal-proġett Sumak. Kif ġie kkonstatat fil-punti 81 u 82 iktar 'il fuq, anki li kieku kellha tiġi stabbilita, tali parteċipazzjoni ta' uffiċjali tal-Kummissjoni, ħażina kemm hi ħażina, ma tistax, fiha nfisha, taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. F'dan ir-rigward, il-miżura mitluba mir-rikorrenti għalhekk mhijiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża.

136    It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda t-talba għas-smigħ ta' xhieda li isimhom jidher fin-nota ta' l-4 ta' Novembru 1993, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tiddikjara, sabiex tindika l-fatti li fuqhom hija tixtieq li jinstemgħu dawn ix-xhieda, li s-smigħ tagħhom għandu bħala għan "li x-xhieda jikkonfermaw u, jekk ikun il-każ, jispeċifikaw quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza l-fatti u ċ-ċirkustanzi msemmija fir-[rendikont tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur B quddiem l-uffiċjali ta' l-UCLAF] u li jiċċertifikaw li d-[deċiżjoni kkontestata] hija illegali billi ġiet adottata fuq il-bażi ta' fatti manifestament żbaljati".

137    Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur B, għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut tagħhom jikkorrispondi, fil-parti l-kbira tiegħu, għall-informazzjoni li diġà tinsab fl-atti tal-partijiet u fl-annessi tagħhom. Għalkemm is-Sur B ipprovda ċerti dettalji dwar il-fatti li jirriżultaw mill-proċess, b'mod partikolari billi għaraf ċerti firem li ma setgħux jiġu identifikati qabel, huwa ma kkontradiċihomx. Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 66, 102 u 104 iktar 'il fuq, l-eżitu ta' din il-kawża ma jiddependix mill-veraċità tal-provi ġodda kontenuti fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur B u li mhumiex ikkorroborati minn dokumenti oħra tal-proċess. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tax-xewqa ġenerali ħafna tar-rikorrenti li turi l-ineżatezza tal-fatti li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tispeċifikax liema huma l-fatti in kwistjoni u ma tinvoka l-ebda raġuni biex tispjega l-fatt għalfejn m'offrietx li ġġib tali prova fir-rikors.

138    Minn dan isegwi li mhemmx lok li jintlaqgħu it-talbiet għal miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji magħmula mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta u fin-nota ta' l-4 ta' Novembru 2003.

139    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jkun miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

140    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-konvenuta.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla )

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mill-Kummissjoni, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura għal miżuri provviżorji.

Forwood

Pirrung

Meij

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta' Jannar 2005.

Registratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       J. Pirrung

Werrej

Il-kuntest leġiżlattiv

Il-kuntest fattwali

Il-kumpannija rikorrenti

Entitajiet oħra Entorn

Applikazzjoni għal u għoti ta' għajnuna Komunitarja

Progress tal-proġett

Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tar-rendikont tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur B u ta' l-annessi ta' dan id-dokument

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq il-ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

C –  Fuq it-talbiet għal miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.