Language of document : ECLI:EU:T:2005:29

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

1 ta' Frar 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja HOOLIGAN – Trade marks verbali preċedenti OLLY GAN – Elementi ta' fatt jew ta' dritt li ma ġewx ippreżentati lill-UASI – Ammissibbiltà – Probabbiltà ta' konfużjoni"

Fil-kawża T-57/03,

Société provençale d'achat et de gestion (SPAG) SA, stabbilita f'Marseille (Franza), irrappreżentata minn  K. Manhaeve, avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn U. Pfleghar u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-partijiet l-oħrajn fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li huma

Frank Dann u Andreas Backer, residenti fi Frankfurt-Main (il-Ġermanja), irrappreżentati minn P. Baronikians, avocat,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tal-5 ta’ Diċembru 2002 (kawża R 1072/2000-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni li jikkonċernaw it-trade marks HOOLIGAN u OLLY GAN,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: M. J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Frar 2003,

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Settembru 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Settembru 2003,

wara s-seduta tat-28 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta' April 1996, Frank Dann u Andreas Backer (iktar ‘il quddiem "l-intervenjenti") ippreżentaw applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali HOOLIGAN.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 25 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "ħwejjeġ u kpiepel".

4        Fil-31 ta' Awissu 1998, din l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil- Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 65/98.

5        Fit-30 ta' Novembru 1998, is-Société provençale d’achat et de gestion (SPAG) SA (iktar ‘il quddiem "ir-rikorrenti") ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għall-prodotti kollha koperti minn din ta' l-aħħar, billi tibbaża ruħha fuq żewġ trade marks preċedenti li tagħhom hija proprjetarja, jiġifieri:

–        it-trade mark verbali internazzjonali OLLY GAN Nru 575552 b’effett, b'mod partikolari, fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Italja u fil-Portugall, għal dak li jikkonċerna l-ħwejjeġ li jaqgħu fil-klassi 25;

–        it-trade mark verbali Franċiża OLLY GAN Nru 1655245, għal dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, il-ħwejjeġ li jaqgħu fil-klassi 25.

6        Fis-26 ta' Mejju 1999, l-intervenjenti talbu lir-rikorrenti sabiex tagħti prova ta’ l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti invokati.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta' Settembru 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI laqgħet l-oppożizzjoni għar-raġuni li, fi Franza u fil-Portugall, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni minħabba l-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni u x-xebħ fonetiku u, konsegwentement, kunċettwali bejn is-sinjali verbali in kwistjoni.

8        Fid-9 ta' Novembru 2000, l-intervenjenti ppreżentaw appell quddiem l-UASI mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta' Diċembru 2002 (kawża R 1072/2000‑2, iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata") it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

10      Il-Bord ta' l-Appell qies, essenzjalment, illi l-konsumatur medju Franċiż jew Portugiż kien jaf is-sinjifikat kurrenti tal-kelma Ingliża "hooligan" u l-ortografija tagħha, u jippronunzja it-trade marks in kwistjoni b'mod differenti. Il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li ma kienx jeżisti xebħ viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni u, għalhekk, li ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

12      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

 L-argumenti tal-partijiet

13      L-UASI jsostni, preliminarjament, illi mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest ta' l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta' fatt fid-dawl ta' provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiema. Bl-istess mod, peress illi r-rikorrenti ma kkontestatx quddiem il-Bord ta' l-Appell l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni, l-użu tat-trade marks, ir-rilevanza tat-territorji Franċiżi u Portugiżi biss, kif ukoll in-nuqqas ta' xebħ viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni, u peress illi l-ewwel darba li hija rreferiet għall-karattru distintiv qawwi tat-trade marks preċedenti in kwistjoni kien quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kwistjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu iktar trattati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma jinbidel is-suġġett tal-kontroversja, bi ksur ta' l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

14      Ir-rikorrenti tqis illi l-argument dwar is-sinjifikat kunċettwali tat-trade mark OLLY GAN kien diġà ġie ippreżentat quddiem l-UASI. Hija tirrimetti ruħha għas-savju ġudizzju tal-Qorti tal-Prim'Istanza għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta' provi ġodda ppreżentati quddiema, iżda titlob illi l-istess trattament jiġi adottat fil-konfront tal-provi ġodda ppreżentati mill-intervenjenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

15      L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li:

"1. Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli.

2. Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata.

4. Il-kawża hija miftuħa għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni.

[...]"

16      L-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li:

"1. Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2. L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati."

17      Għandu jiġi mfakkar illi rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż sabiex jikkontrolla l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza eCopy vs L-UASI (ECOPY), T-247/01 tat-12 ta' Diċembru 2002, Ġabra p. II-5301, punt 46, u tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs L-UASI – Trucco (Starix), T-311/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fil-kuntest tar-Regolament 40/94, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 74 ta' l-imsemmi Regolament, dan il-kontroll għandu jsir fir-rigward tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża kif ġiet ippreżentata quddiem il-Bord ta' l-Appell [ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs L-UASI (Tablette ovoïde) T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 16].

18      Għandu jiġi mfakkar ukoll illi jirriżulta mill-kontinwità funzjonali bejn id-diversi istanzi ta' l-UASI illi, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell huwa marbut illi jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt preżenti fid-deċiżjoni kkontestata quddiemu u fuq dawk ippreżentati mill-parti jew partijiet fil-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ddeċieda fil-prim'istanza, jew, suġġett biss għall-Artikolu 74(2), waqt il-proċeduri ta' appell. B'mod partikolari, il-portata ta’ l-eżami li l-Bord ta’ l-Appell għandu l-obbligu jwettaq fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata quddiemu mhijiex, bħala regola ġenerali, iddeterminata esklużivament mill-motivi invokati mill-parti jew mill-partijiet fil-proċedimenti quddiemu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 29 u 32).

19      Għal dak li jirrigwarda l-kuntest fattwali, jirriżulta mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament 40/94 illi l-partijiet għandhom jippreżentaw fil-ħin preskritt quddiem l-UASI l-elementi ta' fatt fuq liema huma għandhom l-intenzjoni li jibbażaw il-kawża tagħhom. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta illi l-ebda illegalità ma tista' tiġi allegata fil-konfront ta' l-UASI għal dak li jirrigwarda l-elementi ta' fatt li ma kienux ippreżentati lilu.

20      Għaldaqstant, elementi ta' fatt invokati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma jkunu qabel ġew ippreżentati quddiem waħda mill-istanzi ta' l-UASI m'għandhomx jigu kkunsidrati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Alcon vs L-UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T-237/01, Ġabra. p. II-411, punti 61 u 62, ikkonfermata fl-appell b'digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2004, fil-kawża Alcon vs L-UASI, C-192/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, DaimlerChrysler vs L-UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18; tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 67; ta' l-4 ta' Novembru 2003, Díaz vs L-UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T-85/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46, u tat-13 ta' Lulju 2004, Samar vs L-UASI – Grotto (GAS STATION), T-115/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13).

21      Għal dak li jirrigwarda l-kuntest ġuridiku, għandu jiġi osservat li, fi proċediment dwar raġunijiet relattivi għal rifjut, skond l-Artikolu 74(1) stess tar-Regolament Nru 40/94, l-eżami ta' l-UASI huwa limitat għar-raġunijiet invokati u għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet. Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell, meta jiddeċiedi dwar rikors kontra deċiżjoni li ttemm proċedimenti ta' oppożizzjoni, jista' jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq dawk ir-raġunijiet relattivi għal rifjut li l-parti kkonċernata invokat, kif ukoll fuq il-fatti u l-provi li ġew ippreżentati mill-partijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs L-UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kriterji ta' applikazzjoni ta' raġuni relattiva għal rifjut, jew ta' kull dispożizzjoni oħra invokata in sostenn tat-talbiet magħmula mill-partijiet jagħmlu naturalment parti ta' l-elementi ta' dritt suġġetti għall-eżami ta' l-UASI. Għandu jingħad, f'dan ir-rigward, illi kwistjoni ta' dritt tista' jkollha tiġi deċiża mill-UASI għalkemm hija ma tkunx ġiet imressqa mill-partijiet, jekk deċiżjoni fuq dan il-punt hija neċessarja sabiex tassigura l-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tar-raġunijiet u talbiet ippreżentati mill-partijiet. Għaldaqstant, tagħmel ukoll parti mill-elementi tad-dritt ippreżentati quddiem il-Bord ta' l-Appell kwistjoni ta' dritt li għandha neċessarjament tiġi eżaminata għall-evalwazzjoni tar-raġunijiet invokati mill-partijiet u sabiex jiġu milqugħa jew miċħuda talbiet, anki jekk dawn ta' l-aħħar ma jsemmu xejn dwar din il-kwistjoni u wkoll jekk l-UASI naqas milli jiddeċiedi fuq dan l-aspett. Bl-istess mod, jekk jiġi allegat li l-UASI wettaq irregolarità fit-trattament tat-talbiet tal-partijiet, bħal, per eżempju, il-ksur tal-prinċipju ta' audi alteram partem, din l-allegata irregolarità tagħmel ukoll parti mill-kuntest ġuridiku tal-kawża.

22      Minn dan jirriżulta li l-elementi ta' dritt invokati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma jkunu ġew ippreżentati qabel quddiem l-istanzi ta' l-UASI, safejn dawn jirreferu għal kwistjoni ta' dritt li ma kinitx neċessarja sabiex tassigura applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tar-raġunijiet u tat-talbiet ippreżentati mill-partijiet, ma jistgħux jaffetwaw il-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell dwar l-applikazzjoni ta' raġuni relattiva għal rifjut, peress illi dawn ma jiffurmawx parti mill-kuntest ġuridiku tal-kawża kif ippreżentata għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta' l-Appell. Għaldaqstant, dawn huma inammissibbli. Min-naħa l-oħra, meta regola ta' dritt għandha tiġi osservata jew meta kwistjoni ta' dritt għandha tiġi deċiża sabiex tassigura applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tar-raġunijiet u tat-talbiet ippreżentati mill-partijiet, element ta' dritt li jirrigwarda din il-kwistjoni jista' jiġi invokat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

23      Fl-aħħarnett, għandu jingħad illi tali regoli dwar l-ammissibbiltà ta' l-elementi ta' fatt japplikaw ukoll fir-rigward ta' l-UASI jew ta' l-intervenjenti skond l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura li jkunu qed jidhru quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [ara, għal dak li jirrigwarda l-provi ppreżentati minn intervenjent, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta' Frar 2004, Koubi vs L-UASI – Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52). Għal dak li jirrigwarda l-elementi ta' dritt, l-intervenjenti huma suġġetti għall-istess regoli ta' ammissibbiltà bħar-rikorrenti. Fil-fatt, il-prinċipju ta' equality of arms jirrikjedi li r-rikorrenti u l-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jiddisponu mill-istess mezzi.

24      Fil-kawża preżenti, jista' jingħad illi r-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet quddiem il-Bord ta' l-Appell. L-UASI jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax iktar teżamina dawk il-kwistjonijiet li ma jkunux tressqu quddiem il-Bord ta' l-Appell, dwar l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni, it-territorji fil-konfront ta' liema ingħatat prova ta' użu serju tat-trade marks preċedenti, il-rilevanza tat-territorji kkunsidrati għall-analiżi u n-nuqqas ta' xebħ viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni. Dan l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 18 iktar 'il fuq.

25      Għandu jiġi kkonstatat illi dawn il-kwistjonijiet kienu jiffurmaw parti mill-kuntest fattwali u ġuridiku quddiem il-Bord ta' l-Appell. Dawn il-kwistjonijiet kollha kienu trattati mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha, bħala risposta għall-argumenti tal-partijiet jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, peress illi dawn il-kwistjonijiet kellhom neċessarjament jiġu riżolti qabel ma setgħet tingħata deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni. Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell neċessarjament ibbaża, jew kellu jibbaża, id-deċiżjoni tiegħu fuq l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt li wasslu għad-deċizjoni kkontestata quddiemu. Tali kwistjonijiet jistgħu għalhekk jiġu diskussi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

26      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-karattru distintiv qawwi tat-trade marks preċedenti, kemm intrinsiku kif ukoll minħabba r-reputazzjoni tagħhom, invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat illi, fid-dawl tal-proċess tal-proċedimenti quddiem l-UASI, ir-rikorrenti qatt ma bbażat ruħha fuq dan il-karattru distintiv quddiem l-UASI, kemm quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, u lanqas, a fortiori, quddiem il-Bord ta' l-Appell, peress illi r-rikorrenti ma kinitx preżenti quddiem dan ta' l-aħħar.

27      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis illi l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, u b'mod partikolari r-reputazzjoni tagħha, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwzzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra. p. I-5507, punt 24 u d-dispożittiv). F'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti interpretazzjoni eżatta ta' l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p.1), fejn il-kliem użat huwa simili ħafna għal dak ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, il-premessa 7 tar-Regolament Nru 40/94 tipprovdi li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni tiddependi, b'mod partikolari, fuq "l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq".

28      Madankollu, għad-differeza ta' din id-direttiva, il-leġiżlatur inkluda fir-Regolament Nru 40/94 ir-regoli li jirregolaw l-attività tad-dipartiment amministrattiv inkarigat mit-trade marks kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni li jintervjenu quddiem dan id-dipartiment amministrattiv. Għaldaqstant, skond l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) ta' dan ir-regolament, l-eżami dwar ir-raġunijiet relattivi għal rifjut huwa limitat għall-motivi u għat-talbiet tal-partijiet. Skond l-Artikolu 74(2) ta' l-istess regolament, l-UASI jista' ma jieħux in kunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma invokawx jew provi li huma ma ppreżentawx fil-ħin preskritt. Peress illi l-argument dwar il-karattu distintiv qawwi jikkostitwixxi raġuni ta' fatt kif ukoll ta' dritt, trid issir distinzjoni abbażi tal-fatt jekk l-UASI huwiex kapaċi, jew le, jiddeċiedi dwar it-talbiet tal-partijiet fid-dawl tal-provi li jkunu ppreżentaw.

29      L-ewwelnett, għal dak li jirrigwarda l-karattru distintiv li jirriżulta mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, għandu jiġi osservat illi dan il-karattru huwa esklussivament invokat mir-rikorrenti fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

30      Fir-rigward ta' l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, huwa l-UASI li għandu jeżamina kull raġuni relatata mal-karattru distintiv ta' trade mark minħabba r-reputazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta' kull referenza minn xi waħda mill-partijiet għall-karattru magħruf tat-trade marks preċedenti kif ukoll ta' provi ppreżentati in sostenn ta' din ir-reputazzjoni, l-UASI ma jistax jiġi kkritikat talli naqas milli jiddeċiedi, fuq inizjattiva tiegħu stess, dwar dan l-aspett. Minn naħa, billi r-reputazzjoni ta' trade mark hija a priori affermazzjoni ta' natura purament ipotetika, imiss lill-partijiet li jsaħħu suffiċjentement it-talba tagħhom sabiex jippermettu lill-UASI jiddeċiedi interament dwar l-argumenti tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni hija bbażat prinċipalment fuq elementi ta' fatt li għandhom jiġu ppreżentati mill-partijiet. Meta l-parti li tkun ressqet l-oppożizzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħa fuq il-fatt illi t-trade mark tagħha hija magħrufa, hija jkollha tressaq l-elementi ta' fatt u, jekk neċessarju, il-provi li jippermettu lill-UASI jivverifika l-materjalità ta' din l-asserzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta' Ġunju 2004, "Drie Mollen sinds 1818" vs L-UASI – Nabeiro Silveira (Galáxia), T-66/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32].

31      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-UASI ma kienx marbut li jeżamina r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti in kwistjoni. Din ir-reputazzjoni ma kinitx tagħmel parti mit-talba għal oppożizzjoni magħmula lilu. Ir-raġuni tar-rikorrenti dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha u l-provi relatati magħha għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

32      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-karattru distintiv intrinsiku ta' trade mark preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, min-naħa l-oħra, illi l-UASI kellu l-obbligu li jeżamina, eventwalment fuq inizjattiva tiegħu stess, dan l-element wara li ssir talba għal oppożizzjoni. Bid-differenza tar-reputazzjoni, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv intrinsiku ma jippresupponi ebda element ta' fatt li għandu jingħata mill-partijiet. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni ma titlobx li l-partijiet jagħtu raġunijiet jew argumenti intiżi sabiex jistabbilixxu dan il-karattru distintiv intrinsiku, peress illi huwa biss l-UASI li jista’ jsib u jevalwa l-eżistenza tiegħu billi jieħu in kunsiderazzjoni t-trade mark preċedenti fuq liema hija bbażata l-oppożizzjoni.

33      Minn dan jirriżulta, f'din il-kawża, li l-karattru distintiv intrinsiku tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti fl-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni kien wieħed mill-elementi ta' dritt neċessarji sabiex tiġi assigurata applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tat-talba u tar-raġunijiet ippreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI. Bħala konsegwenza, l-argument tar-rikorrenti li huwa relatat ma’ dan għandu jiġi eżaminat fuq il-mertu.

34      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-elementi ta' fatt ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-UASI ma identifika l-ebda annessi mar-rikors li jirrigwarda aspett ieħor mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti li diġà ġie miċħud iktar 'il quddiem. Madankollu, jirriżulta mill-proċess illi l-annessi A 7 u A 8, li huma intiżi sabiex jistabbilixxu li kienet diġà saret referenza għall-kunċett ta' hooligan mit-trade marks preċedenti OLLY GAN, huma intiżi partikolarment sabiex juru n-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell skond liema it-trade marks in kwistjoni huma kunċettwalment differenti. Anki jekk dawn l-annessi jsaħħu l-analiżi ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, huma ma ġewx ippreżentati quddiem l-UASI. Għaldaqstant, dawn l-annessi ma jiffurmawx parti tal-kuntest fattwali miġjub quddiem il-Bord ta' l-Appell u għalhekk huma inammissibbli.

35      Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-element ta' fatt ġdid imressaq mill-intervenjenti, jiġifieri r-riżultat tar-riċerka elettronika fuq is-sit ta' l-Internet ta' Google, peress illi dan l-element ma ġiex ippreżentat waqt il-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI. Għandha wkoll tiġi miċħuda l-affermazzjoni ta' l-intervenjenti skond liema it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tgawdi minn karattru distintiv qawwi minħabba l-użu intensiv tagħha, peress illi dan l-argument ma ġiex ippreżentat quddiem l-UASI.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

36      Skond ir-rikorrenti, huwa paċifiku li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni huma identiċi.

37      Hija ssostni li s-sinjali in kwistjoni għandhom ċertu xebħ viżiv, peress illi t-tnejn li huma fihom l-ittri "ol" u jispiċċaw bis-sillaba "gan".

38      Hija tgħid illi dawn is-sinjali huma fonetikament identiċi jew simili ħafna. Hija tikkontesta r-rilevanza tal-pronunzji mogħtija mid-dizzjunarji Franċiżi u Spanjoli ċċitati mill-Bord ta' l-Appell peress illi, minn naħa, il-kelma Franċiża hija "houligan" u, min-naħa l-oħra, in-natura akkademika ta' dawn il-pronunzji mhijiex approprjata għal kelma komuni, possibbilment anki familjari. Il-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumaturi medji, partikolarment dawk Franċiżi, Spanjoli u Portugiżi, fil-parti l-kbira tagħhom ma jitkellmux bl-Ingliż. Bħala konsegwenza, ma jistgħux jiġu meqjusa illi jafu jippronunzjaw u jiktbu b'mod korrett il-kelma "hooligan". Barra minn hekk, dawk fosthom li jitkellmu bl-Ingliż jitkellmu b'aċċent latin qawwi ħafna, li jneħħi d-differenzi bejn il-pronunzja tas-sinjali verbali in kwistjoni fir-rigward ta' l-"h" aspirata, id-doppja "o" jew il-waqfa bejn il-kliem "Olly" u "Gan". Iż-żewġ sinjali in kwistjoni għandhom għalhekk pronunzja simili ħafna.

39      Hija ssostni illi s-sinjali in kwistjoni huma kunċettwalment identiċi jew simili ħafna. Minħabba x-xebħ fonetiku tagħhom, dawn is-sinjali jevokaw neċessarjament l-istess kunċett ta' hooligan.

40      Hija tqis illi, skond il-ġurisprudenza u t-testi leġiżlattivi, il-probabbiltà ta' konfużjoni hija ħafna aktar għolja jekk il-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark preċedenti jkun qawwi. It-trade marks preċedenti in kwistjoni għandhom karattru distintiv intrinsiku qawwi.

41      Peress illi l-konsumatur medju rarament ikollu l-opportunità li jwettaq paragun dirett bejn it-trade marks in kwistjoni, il-probabbiltà ta' konfużjoni hija stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta' Jannar 2003, Mystery Drinks vs L-UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), T-99/01, Ġabra. p. II-43).

42      L-UASI jqis, barra minn hekk fir-rigward ta' l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma kontra l-argument dwar ix-xebħ viżiv tas-sinjali in kwistjoni, illi dawn is-sinjali huma differenti, ħlief għaż-żewġ elementi "ol" u "gan".

43      L-intervenjenti jsostnu illi m'hemmx xebħ viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn kelma waħda biss u għandha fiha d-doppja "o" bħala element dominanti, filwaqt illi t-trade marks preċedenti huma komposti minn żewġ kelmiet u għandhom fihom l-element "oll" bħala element dominanti.

44      L-UASI jsostni li s-sinjali in kwistjoni huma fonetikament differenti. Il-kelma Ingliża "hooligan" tinftihem fil-Komunità kollha u, b'mod partikolari, fi Franza, f'liema pajjiż din il-kelma daħlet sew fil-lingwa, prinċipalment minħabba l-użu tagħha fil-qasam tal-futbol. Din il-kelma hija kkarateriżżata mill-pronunzja Ingliża jew, għall-inqas, minn pronunzja mhux daqstant differenti. Għaldaqstant, jeżistu differenzi ċari ta' smigħ bejn is-sinjali in kwistjoni, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-pronunzja ta' l-ewwel sillaba u l-waqfa bejn iż-żewġ kelmiet li jikkostitwixxu t-trade marks preċedenti.

45      L-intervenjenti jqisu li lanqas ma jeżisti xebħ fonetiku. Il-kelma "hooligan" hija magħrufa u użata fi Franza, anki jekk hija miktuba b'mod kemmxejn differenti, kif ukoll fi Spanja u hija ppronunzjata b'mod korrett bħall fl-Ingliż. Għalhekk, il-kliem "hooligan" u "Olly Gan" huma komposti minn serje ta' vokali differenti, jiġifieri, rispettivament, [u-i-ä] u [o-i-a], u għandhom aċċent toniku f'postijiet differenti, jiġifieri, rispettivament, fuq l-ewwel sillaba u fuq it-tieni kelma. Barra minn hekk, il-waqfa bejn iż-żewġ kelmiet li jiffurmaw it-trade marks preċedenti jikkostitwixxu differenza fonetika suffiċjenti.

46      Skond l-UASI, peress illi t-trade marks preċedenti huma neqsin minn kull sinjifikat, kull xebħ kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni hija eskluża. Minħabba l-fatt li l-kliem "hooligan", kif ukoll "houligan", huma magħrufa u jeżistu differenzi viżivi u fonetiċi bejn it-trade marks in kwistjoni, il-pubbliku rilevanti ma jistax jikkonfondi l-kelma "hooligan" mal-kliem "Olly Gan" (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

47      Skond l-intervenjenti, m'hemmx xebħ kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni. OLLY GAN hija pperċepita bħala isem u kunjom maskili u tinftihem bħala l-isem ta' "designer", li hija prattika kurrenti fis-settur tal-moda, u li teskludi assoċjazzjonijiet oħrajn. Min-naħa l-oħra, il-kelma "hooligan" hija użata b'mod estensiv fit-testi Franċiżi, Taljani, Portugiżi u Spanjoli. Għalhekk, kull konfużjoni kunċettwali hija eskluża.

48      L-UASI jsostni li, peress li għandu jiġi kkunsidrat biss il-karattru distintiv medju tat-trade marks preċedenti, id-differenzi bejn is-sinjali in kwistjoni jeskludu kull probabbiltà ta' konfużjoni (sentenza MYSTERY, iċċitata iktar 'il fuq, fil-punt 41).

49      L-intervenjenti jikkontestaw il-fatt li t-trade marks preċedenti huma partikolarment magħrufa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

50      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk, minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

51      Skond ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà ta' konfużjoni għal dak li jirrigwarda l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi għandha tiġi evalwata b'mod globali skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratteriżżaw il-kawża preżenti, b'mod partikolari ta' l-interdipendenza bejn ix-xebħ tas-sinjali u dik tal-prodotti jew servizzi koperti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 29 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta' pubbliku rilevanti fil-kawża preżenti, il-partijiet kollha jaqblu li għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa kompost, għall-inqas, mill-konsumaturi medji Franċiżi u Portugiżi.

53      Għandu jiġi kkonstatat sussegwentement illi l-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni mhijiex ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

54      Għal dak li jirrigwarda x-xebħ tas-sinjali in kwistjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, ta' smigħ jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali mogħtija minnhom, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra. p. I-6191, punt 23, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra. p. I-3819, punt 25). Huwa wkoll neċessarju, sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' xebħ viżiv, fonetiku u kunċettwali, li tiġi evalwata, fejn xieraq, l-importanza li għandha tingħata lid-diversi elementi, billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-kategorija ta' prodotti jew servizzi in kwistjoni u tal-kundizzjonijiet li fihom huma kkumerċjaliżżati (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

55      Fil-kawża preżenti, għal dak li jirrigwarda qabel xejn ix-xebħ viżiv tas-sinjali in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkonferma l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni skond liema dawn is-sinjali kienu viżwalment differenti (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tillimita ruħa li tgħid illi s-sinjali in kwistjoni għandhom biss komuni bejniethom l-ittri "ol" u s-sillaba "gan".

56      Għandu jiġi osservat illi x-xebħ viżiv huwa limitat għall-elementi komuni mressqa mir-rikorrenti. Madankollu, is-sinjali in kwistjoni għandhom differenzi viżivi sinjifikattivi. It-trade marks preċedenti jikkonsistu f'żewġ kelmiet, li jibdew bl-ittra "o" u fihom doppja "l" u l-ittra "y". It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkonsisti f'kelma waħda, li tibda bl-ittra "h" u li fiha doppja "o" u l-ittra "i". Għaldaqstant, għandu jiġi konkluz li l-Bord ta' l-Appell kien korrett meta qies li s-sinjali in kwistjoni huma viżwalment differenti.

57      Għal dak li jirigwarda sussegwentement ix-xebħ fonetiku tas-sinjali in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell qies illi l-pronunzja tagħhom kienet differenti skond id-dizzjunarji Spanjoli u Franċiżi. Waqt is-seduta, l-UASI sostna li l-Bordijiet ta' l-Appel kellhom għarfien "intern" tal-pronunzja f'lingwi differenti minħabba in-nazzjonalitajiet differenti tal-membri tiegħu. Il-Bord ta' l-Appell qies ukoll li, peress illi l-konsumaturi medji Franċiżi u Portugiżi jafu s-sinjifikat tal-kelma "hooligan", b'relazzjoni mal-futbol, huma jafu wkoll il-pronunzja tagħha. Il-waqfa bejn il-kelmiet, li teżisti fil-pronunzja tat-trade marks preċedenti u li hija nieqsa f'dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tikkostitwixxi wkoll differenza fonetika (punti 21 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Għandu jingħad illi l-pronunzja minn naħa tal-konsumatur medju ta' kelma li ġejja minn lingwa barranija fil-lingwa materna tiegħu diffiċilment tista' tiġi stabbilita b'ċertezza. L-ewwel nett, mhuwiex ċert li din il-kelma tkun rikonoxxuta bħala barranijia, speċjalment għaliex, bħal ma huwa l-każ għall-konsumatur Franċiż, din il-kelma nbidlet skond ir-regoli tal-kitba tal-lingwa li bdiet tużaha. Għalhekk, il-kelma Ingliża "hooligan" teżisti fil-lingwa Franċiża bħala "houligan". It-tieni nett, anki jekk l-oriġini barranija tal-kelma in kwistjoni tiġi rikonoxxuta, il-pronunzja tagħha mhijiex neċessarjament l-istess bħal dik tal-lingwa minn fejn toriġina. Pronunzja korretta skond il-lingwa ta' oriġini tissupponi mhux biss li din il-pronunzja tkun magħrufa, iżda wkoll il-kapaċità li il-kelma in kwistjoni tkun ippronunzjata bl-aċċent korrett. It-tielet nett, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jerġa jiġi stabbilit li parti kbira tal-pubbliku rilevanti għandha din il-kapaċità.

59      F'dan ir-rigward, id-dizzjunarji tal-lingwa tal-pubbliku rilevanti jistgħu, bħala regola, jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm mill-ewwel istanza ta' l-UASI kif ukoll mill-Bord ta' l-Appell, anki jekk dawn ma jkunux ingħataw lill-partijiet, għaliex huma, a priori, fatti magħrufa. Dawn id-dizzjunarji jipprovdu indikazzjoni rilevanti tal-pronunzja korretta tal-kelma in kwistjoni fil-lingwa li bdiet tuża l-kelma, anki jekk m'hemm l-ebda garanzija li din il-pronunzja korretta tkun dik attwalment ipprattikata fil-lingwaġġ kurrenti. Barra minn hekk, l-għarfien tad-diversi istanzi ta' l-UASI minħabba n-nazzjonalitajiet differenti ta' l-agenti jew membri tiegħu jista', eventwalment, jikkonferma l-elementi intiżi sabiex jistabbilixxu l-pronunzja tal-konsumatur medju.

60      Għal dak li jirrigward l-għarfien fonetiku tal-kelma "hooligan" minn naħa tal-pubbliku rilevanti, il-Bord ta' l-Appell seta' jikkunsidra ġustament li dan il-pubbliku kien jaf din il-kelma minħabba l-użu ordinarju tagħha fil-qasam tal-futbol. Huwa sostna ġustament ukoll li l-ewwel sillaba ta' din il-kelma hija a priori ppronunzjata fil-lingwa Franċiża bħala "ou". Il-Bord ta' l-Appell huwa ġustifikat meta jikkunsidra li l-konsumatur Franċiż kien jaf il-kelma Ingliża "hooligan" u l-pronunzja bażika assoċjata magħha, jew inkella l-kelma Franċiża "houligan" hekk kif tidher fid-dizzjunarju Franċiż li għaliha saret referenza fid-deċiżjoni kkontestata. Dik il-parti tal-pubbliku rilevanti Franċiż li ma tafx il-kelma Franċiża u li tippronunzja l-kelma Ingliża b'mod Franċiż minkejja l-oriġini manifestament barranija tagħha hija, min-naħa l-oħra, zgħira ħafna. Għaldaqstant, anki jekk il-vokali "ou" u "o" huma simili, dawn jikkostitwixxu differenza fonetika bejn it-trade marks in kwistjoni. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-konsumatur Portugiż, ir-raġunament tal-Bord ta' l-Appell huwa dgħajjef minħabba l-fatt li dan jibbaża ruħu, b'mod żbaljat, fuq dizzjunarju Spanjol, li mhuwiex rilevanti fir-rigward tal-lingwa mitkellma minn dan il-konsumatur. Madanakollu, il-Bord ta' l-Appell enfasizza ġustament illi l-fatt li t-trade marks preċedenti kienu jikkonsistu f'żewġ kelmiet, filwaqt illi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet komposta minn kelma waħda biss, jikkostitwixxi wkoll differenza fonetika rilevanti bejn it-trade marks in kwistjoni.

61      Madanakollu, għandu jingħad illi xejn ma juri li s-sillabi "li" tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u "ly" tat-trade marks preċedenti huma ppronunzjati b'mod differenti mill-pubbliku rilevanti. Bl-istess mod, hu x'inhu l-mod kif tiġi ppronunzjata, is-sillaba "gan", li hi komuni għat-trade marks in kwistjoni, ser tiġi kkunsidrata bħala identika mill-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-inizjali "h" tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u d-differenza reali ta' aċċent toniku meta t-trade marks in kwistjoni huma ppronunzjati fil-lingwa Ingliża jippermettu lill-pubbliku rilevanti, Franċiż u Portugiż, jiddistingwu fonetikament it-trade marks in kwistjoni kif ippronunzjati minn dan il-pubbliku.

62      Bħala konklużjoni, billi x-xebh fonetiku jipprevali fuq id-differenzi, it-trade marks HOOLIGAN u OLLY GAN huma fonetikament simili għall-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell wettaq żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidra illi s-sinjali in kwistjoni huma, għall-konsumaturi medji Franċiżi u Portugiżi, fonetikament differenti.

63      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda x-xebħ kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, peress illi fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni dan ix-xebħ ġie ibbażat biss fuq ix-xebħ fonetiku, in-nuqqas ta' dan l-aħħar xebħ wassal għan-nuqqas ta' kull xebħ kunċettwali.

64      Għaldaqstant, peress illi dan ir-raġunament jirriżulta minn premessa li ġiet ikkunsidrata iktar 'il fuq bħala żbaljata, għandu jiġi kkonstatat ukoll illi d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fuq dan il-punt.

65      Madankollu, il-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell skond liema it-trade marks in kwistjoni huma kunċettwalment differenti hija korretta.

66      Huwa ċar, minn naħa, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija intrinsikament ibbażata fuq il-kunċett ta' hooligan. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li dan il-kunċett huwa magħruf mill-konsumaturi medji Franċiżi u Portugiżi, speċjalment minħabba l-użu tiegħu fil-qasam tal-futbol. Għalhekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tinftihem u tiġi assimilata f'dan is-sens mill-pubbliku rilevanti. Min-naħa l-oħra, il-kliem tat-trade mark preċedenti ma għandhom, a priori, l-ebda sinjifikat u jevokaw primarjament isem u kunjom. Dan l-aħħar kunċett huwa popolari ħafna fis-settur tal-ħwejjeġ u ser ikun għalhekk assimilat interament mill-pubbliku rilevanti, b'tali mod illi t-trade marks preċedenti ser jiġu mmemorizzati f'dan is-sens. Huwa biss b'mod indirett u strettament mill-aspett fonetiku li jista jsir paragun, f'moħħ il-pubbliku rilevanti, bejn it-trade marks preċedenti u l-kunċett ta' hooligan. Madankollu, dan il-paragun huwa bbażat fuq konfużjoni li kienet diġà teżisti bejn it-trade marks in kwistjoni minħabba x-xebħ fonetiku tagħhom. Il-perċezzjoni viżiva tat-trade marks preċedenti ser tistabbilixxi immedjatament distinzjoni bejn il-kunċett ta' hooligan u dawn it-trade marks. F'dan ir-rigward, il-Bord ta' l-Appell qies ġustament li, ġeneralment, ix-xiri ta' ħwejjeġ jimplika l-eżami viżiv tat-trade marks (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-konsumatur medju ser jimmemorizza t-trade marks preċedenti skond il-kunċett ta' isem u ta' kunjom.

67      F'dan l-istadju tar-raġunament, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti skond liema it-trade marks preċedenti għandhom karattru distintiv intrinsiku qawwi. Kif diġà ntqal iktar 'il fuq, it-trade marks preċedenti huma magħmula skond prattika li ser tinftihem mill-pubbliku rilevanti bħala isem flimkien ma' kunjom. Dan il-kunċett huwa komuni ħafna fil-qasam tal-ħwejjeġ. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-isem u l-kunjom magħżula jistgħu jiġu kkunsidrati bħala partikolarment sinjifikattivi f'għajnejn il-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant, ma jistax jingħad illi t-trade marks preċedenti għandhom karattru distintiv intrinsiku qawwi.

68      Għaldaqstant, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tax-xebħ tas-sinjali in kwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell ikkonkluda ġustament, minkejja l-iżball ta' evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' xebħ fonetiku, li d-differenza viżiva bejniethom u n-nuqqas ta' xebħ kunċettwali jwasslu għal nuqqas ta' xebħ ta' dawn is-sinjali.

69      Għaldaqstant, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tat-trade marks in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda ġustament, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li mhuwiex probabbli li l-pubbliku rilevanti ser jikkonfondi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade marks preċedenti, b'mod partikolari fis-settur tal-ħwejjeġ.

70      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta' Frar 2005.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.