Language of document : ECLI:EU:T:2005:32

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Frar 2005 (*)

“Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Banana – Importazzjoni mill-Istati AKP u minn pajjiżi terzi – Regolament (KE) Nru 896/2001 – Regolament (KE) Nru 1121/2001 – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Persuna kkonċernata b’mod individwali – Rikors għal ħlas ta' kumpens għal dannu”

Fil-kawża T-139/01,

Comafrica SpA, stabbilita f’Ġenova (L-Italja),

Dole Fresh Fruit Europe Ltd & Co., stabbilita f’Amburgu (Il-Ġermanja),

irrappreżentati minn B. O’Connor, solicitor, u P. Bastos-Martin, barrister,

rikorrenti,

sostnuti minn

Simba SpA, stabbilita f’Milan (L-Italja), irrappreżentata minn S. Carbone u F. Munari, Avukati,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn L. Visaggio, M. Niejahr u K. Fitch, u wara minn L. Visaggio u K. Fitch, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnut mir-

Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn R. Silva de Lapuerta, u wara minn L. Fraguas Gadea, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

li għandu bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 896/2001, tas-7 ta’ Mejju 2001, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 126, p. 6) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2001, tas-7 ta’ Ġunju 2001, li jiffissa l-koeffiċjent ta’ aġġustament li għandhom ikunu applikati għal kull kwantità ta’ referenza ta’ l-operatur tradizzjonali taħt il-kwoti ta’ tariffi għall-importazzjoni tal-banana (ĠU L 153, p. 12), u, min-naħa l-oħra, it-talba għal ħlas ta' kumpens għall-allegat dannu li ġarrbu r-rikorrenti minħabba l-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 896/2001 u 1121/2001,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, minn R. García-Valdecasas u J.D. Cooke (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Novembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta' Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU L 47, p. 1) stabbilixxa organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana (iktar ’il quddiem l-“OKS banana”). Dan ir-regolament kellu l-effett li mill-1 ta’ Lulju 1993 jintroduċi sistema komuni ta’ importazzjoni li tissostitwixxi d-diversi sistemi nazzjonali li kienu jeżisti preċedentement.

2        It-Titolu IV tar-Regolament Nru 404/93, li jinkludi l-Artikoli 15 sa 20, jikkonċerna l-kummerċ ma’ pajjiżi terzi.

3        Wara proċeduri li nbdew mir-Repubblika ta’ l-Ekwador u mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika kontra l-Komunità skond is-sistema ta' riżoluzzjoni ta' tilwim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 216/2001, tad-29 ta’ Jannar 2001, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 404/93 (ĠU L 31, p. 2).

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 216/2001 bidel l-Artikoli 16 sa 20 tar-Regolament Nru 404/1993, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1637/98, ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 210, p. 28). Bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 216/2001 u ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 395/2001, tas-27 ta’ Frar 2001, li jistabbilixxi ċerti kwantitajiet indikattivi u limiti individwali għall-ħruġ ta' liċenzji ta' importazzjoni tal-banana fil-Komunità għat-tieni kwart ta' l-2001 fil-kuntest tal-kwoti tat-tariffi jew tal-kwantità ta' banana tradizzjonali AKP (ĠU L 58, p. 11), l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 216/2001 japplika mill-1 ta’ Lulju 2001.

5        Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, “[s]afejn ikun meħtieġ, l-importazzjoni tal-banana fil-Komunità għandha tkun suġġetta għal sottomissjoni ta’ liċenz[j]a ta’ l-importazzjoni, li għandha tinħareġ mill-Istati Membri lil kull parti interessata, irrispettivament mill-post fejn ikunu stabbiliti fil-Komunità u bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi adottati għall-applikazzjoni ta’ Artikoli 18 u 19”.

6        L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, jipprovdi li :

“1.      Kull sena mill-1 ta’ Jannar għandhom jinfetħu l-kwoti tat-tariffa li ġejjin:

(a)       kwota tat-tariffa ta 2 200 000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa ‘il-kwota A’;

(b)      kwota addizzjonali tat-tariffa ta’ 353 000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa ‘il-kwota B’;

(ċ)       kwota awtonoma tat-tariffa ta’ 850 000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa ‘il-kwota Ċ’.

Dawn il-kwoti tat-tariffa għandhom jinfetħu għal importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi terzi kollha.

Il-Kummissjoni tista’, abbażi ta’ ftehim ma’ partijiet kontraenti tad-[WTO] b’interess sostanzjali fil-provvista tal-banana, talloka l-kwoti tat-tariffi ‘A’ u ‘B’ fost il-pajjiżi fornituri.

2.      L-importazzjoni taħt il-kwoti tat-tariffa ‘A’ u ‘B’ għandha tkun suġġetta għal dazju doganali ta’ EUR 75 għal kull tunnellata metrika.

3.      L-importazzjoni taħt il-kwota tat-tariffa ‘Ċ’ għadha tkun suġġetta għal dazju doganali ta’ EUR 300 għal kull tunnellata metrika.

[…]

4.      Preferenza fit-tariffa ta’ EUR 300 għal kull tunellata metrika għandha tgħodd għall-importazzjoni li toriġina mill-pajjiżi A[K]P sew taħt kif ukoll barra mill-kwoti tat-tariffi.

[…]”

7        L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, jipprovdi li :

“1.      Il-kwoti tat-tariffa jistgħu jiġu amministrati b’konformità mal-metodu [b]bażat fuq il-konsiderazzjoni tal-flussi kummerċjali tradizzjonali (‘dawk tradizzjonali/dawk ġodda’) u/jew [...] metodi oħra.

2.      Il-metodu adottat għandu jikkunsidra kif ikun approprjat il-ħtieġa li jinżamm l-ekwilibriju fil-provvista tas[-]suq tal-Komunità.” 

8        Skond l-Artikolu 20(a), ta’ l-istess regolament, kif emendat, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27 ta’ l-istess regolament, ir-“regoli dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffa msemmija f’Artikolu 18”.

9        Dawn ir-regoli ta’ amministrazzjoni ġew iddefiniti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 896/2001, tas-7 ta’ Mejju 2001, li jista[b]bilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 126, p. 6, iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ l-2001”). Skond l-Artikolu 32 tiegħu, ir-Regolament Nru 896/2001 daħal fis-seħħ il-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri fid-9 ta’ Mejju 2001, anki jekk kien applikabbli biss mill-1 ta’ Lulju 2001.

10      Ir-regoli previsti mir-Regolament Nru 896/2001 jissostitwixxu dawk li inizjalment kienu stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1442/93, ta’ l-10 ta’ Ġunju 1993, dwar dispożizzjonijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-arranġament għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 142, p. 6, (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ l-1993”), li ġie adottat permezz tar-Regolament Nru 404/93 u li baqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 1998. L-iskemi ta’ l-1993 ġew sostitwiti bl-iskema stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2362/98, tat-28 ta’ Ottubru 1998, dwar dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 għal dak li jikkonċerna l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 293, p. 32; iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ l-1999”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1999.

11      Fil-perijodu li fih kienet tapplika l-iskema ta’ l-1993, il-liċenzji ta’ importazzjoni kienu diviżi fi tliet kategoriji ta’ operaturi (A, B u Ċ). Min-naħa tagħhom, il-kategoriji A u B kienu suddiviżi fuq il-bażi ta’ tliet funzjonijiet ekonomiċi differenti eżerċitati mill-operaturi, jiġifieri x-xiri ta’ banana ħadra jew importazzjoni primarja (funzjoni “a”), bħala proprjetarju, it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ banana ħadra jew importazzjoni sekondarja (funzjoni “b”) u bħala proprjetarju, il-maturazzjoni tal-banana ħadra u t-tqegħid tagħha fuq is-suq (funzjoni “ċ”) (ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1442/93). Din id-diviżjoni saret, ta' l-inqas għal dak li jikkonċerna l-operaturi tal-kategoriji A u B, b’referenza għat-tliet snin ta’ qabel dik is-sena li għaliha nfetħet il-kwota tat-tariffi (ara l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1442/93).

12      Din is-sistema ta’ diviżjoni ġiet mneħħija permezz ta' l-iskema ta’ l-1999, li kienet bbażata sostanzjalment fuq id-distinzjoni bejn “operaturi tradizzjonali” u “operaturi ġodda” (ara l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2352/98). Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti, l-operaturi tradizzjonali, għal kull sena, kienu jiksbu kwantità ta’ referenza li kienet tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta’ banana li jkunu effettivament importaw matul il-perijodu ta’ referenza. Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2362/98, għall-importazzjonijiet li twettqu fl-1999, il-perijodu ta’ referenza huwa magħmul mis-snin 1994, 1995 u 1996.

13      L-iskema ta’ l-2001 introduċiet sistema ġdida ta’ diviżjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni, ibbażata sostanzjalment fuq id-distinzjoni bejn “operaturi tradizzjonali” u “operaturi mhux tradizzjonali”, fejn ta’ l-ewwel kienu kklassifikati bħala “operaturi tradizzjonali A/B” u “operaturi tradizzjonali Ċ”.

14      Għaldaqstant, l-Artikolu 2 tar-Regolament 896/2001, fil-verżjoni inizjali tiegħu, jipprovdi li 83 % tal-kwoti tat-tariffi previsti mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 404/93 ikunu miftuħa għall-“'operaturi tradizzjonali' kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)”, filwaqt li s-17 % li jifdal ikunu miftuħa għall-“'operaturi mhux tradizzjonali' kif iddefiniti fl-Artikolu 6”.

15      It-Titolu II tar-Regolament Nru 896/2001, li jinkludi l-Artikoli 3 sa 21, jikkonċerna “Il-Maniġġjar tal-kwoti tat-tariffa”.

16      L-Artikoli 3 sa 5 ta’ l-imsemmi regolament, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kienu jipprovdu li:

“Artikolu 3

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.       “operaturi tradizzjonali” ifissru l-aġenti ekonomiċi, kemm jekk persuni naturali u kemm jekk entitajiet li għandhom personalità legali, aġenti individwali jew gruppi, imwaqqfa fil-Komunità matul il-perijodu taż-żmien sabiex jiġu stab[b]iliti l-kwantitajiet ta’ referenza, li, f’isimhom, tkun inxtrat kwantità minima ta’ banana li toriġina f’pajjiżi terzi mill-produtturi jew, fejn applikabbli, prodotti, ikkunsinjati u mibjugħa fil-Komunità.

Il-ħidmiet iddefiniti fis-subparagrafu ta’ qabel għandhom minn issa l quddiem jissejħu “importazzjonijiet primarji”.

[…]

2.       “operaturi tradizzjonali A/B” ifissru l-operaturi tradizzjonali li jkunu wettqu l-kwantità minima ta’ l-importazzjonijiet primarji ta’ “banana minn pajjiżi terzi” u/jew banana “mhux tradizzjonali ta’ l-AKP” skond id-definizzjonijiet fl-Artikolu 16 tar-Regolament [Nru 404/93], kif emendat bir-Regolament [...] Nru 1637/98 [...];

3.       “operaturi tradizzjonali Ċ” ifissru l-operaturi tradizzjonali li jkunu wettqu l-kwantità minima ta’ l-importazzjonijiet primarji ta’ “banana tradizzjonali ta’ l-A[K]P” skond id-definizzjonijiet fl-Artikolu 16 imsemmi hawn fuq, kif emendat bir-Regolament [...] Nru 1637/98.

Artikolu 4

1.      Il-kwantità ta’ referenza għal kull operatur tradizzjonali A/B li jissottometti applikazzjoni bil-miktub mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju 2001 għandha tkun stab[b]ilita fuq il-bażi tal-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji tal-banana minn pajjiżi terzi u/jew il-banana mhux tradizzjonali ta’ l-AKP matul is-snin 1994, 1995 u 1996 ikkonsidrati għas-sena 1998 bil-għan li tiġi amministrata l-kwota tat-tariffa għall-importazzjonijiet tal-banana minn pajji[ż]i terzi u l-banana mhux tradizzjonali ta’ l-AKP, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19(2) tar-Regolament [...] Nru 404/93 li japplika fis-sena 1998 għall-kategorija ta’ l-operaturi riferiti fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu.

2.      Il-kwantità ta’ referenza għal kull importatur tradizzjonali Ċ li jissottometti applikazzjoni bil-miktub mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju 2001 għandha tiġi stab[b]ilita fuq il-bażi tal-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji tal-banana tradizzjonali ta’ l-AKP matul is-snin 1994, 1995 u 1996 imwettqa għas-sena 1998 bħala kwantitajiet ta’ banana tradizzjonali ta’ l-AKP.

3.      L-operaturi li jirriżultaw mill-inkorporazzjoni ta’ operaturi tradizzjonali oħra, kull wieħed bid-drittijiet tiegħu skond dan ir-Regolament, għandhom igawdu l-istess drittijiet bħal dawk ta’ l-operaturi ta’ qabel.

Artikolu 5

1.      L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bis-somma tal-kwantitajiet ta’ referenza riferita fl-Artikolu 4(1) u (2) mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju 2001.

2.      Bl-użu tat-tagħrif irċevut skond il-paragrafu 1, u minħabba l-kwantitajiet totali disponibbli skond il-kwoti A/B u Ċ tat-tariffa, il-Kummissjoni għandha, fejn ikun il-każ, tiffissa koeffiċjent waħdieni ta’ aġġustament li għandu jiġi applikat għall-kwantità ta’ referenza ta’ kull operatur.

3.      Fejn japplika l-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lil kull operatur bil-kwantità tiegħu ta’ referenza kif aġġustata bil-koeffiċjent ta’ l-aġġustament mhux aktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2001.

[…]”

17      L-Artikoli 6 sa 12 tar-Regolament Nru 896/2001 jikkonċernaw l-operaturi mhux tradizzjonali.

18      Ir-regoli ta' ħruġ tal-liċenzji ta’ importazzjoni huma stabbiliti fid-dettall fl-Artikoli 13 sa 21 ta’ l-istess regolament.

19      Skond l-Artikolu 13(1), ta’l-imsemmi regolament, “il-kwantitajiet tal-kwoti A u B tat-tariffa pprovduti fl-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament […] Nru 404/93 għandhom jiġu magħduda flimkien” u “[l]-applikazzjonijiet skond il-kwoti A u B għandhom jiġu ttrattati flimkien”. L-Artikolu 13(2) ta’ l-istess regolament jipprovdi li l-operaturi tradizzjonali A/B jistgħu jissottomettu biss applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ importazzjoni skond il-kwota A/B tat-tariffa u l-operaturi tradizzjonali Ċ skond il-kwota Ċ tat-tariffa biss. Bl-istess mod, dan jipprovdi li l-imsemmija operaturi tradizzjonali differenti “jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet għa[l]-liċenzji skond il-kwota l-oħra tat-tariffa jekk ikunu rreġistrati bħala operaturi mhux tradizzjonali għal din il-kwota”.

20      Skond l-Artikolu 15 (1) tar-Regolament Nru 896/2001:

“Għal kull kwart tas-sena, l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ importazzjoni għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru mniżżel fil-lista fl-Anness ma’ dan ir-Regolament matul l-ewwel sebat ijiem tax-xahar ta’ qabel il-kwart tas-sena li fih ikunu qegħdin jinħarġu l-liċenzji.

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandhom jiġu so[tt]omessi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jista[b]bilixxi l-kwantità ta’ referenza, fil-każ ta’ l-operaturi tradizzjonali, u tal-Membru li fih l-operaturi jkunu rreġistrati, fil-każ ta’ l-operaturi mhux tradizzjonali”.

21      Skond l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 896/2001, “[l]-awtoritajet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet koperti bl-applikazzjonijiet għa[l]-liċenzji fi żmien jumejn tax-xogħol mit-tmiem tal-perijodu taż-żmien ta’ l-applikazzjoni[jiet]”, billi għal kull kwota tat-tariffi A/B u Ċ, jiddistingwu bejn il-kwantitajiet mitluba, minn naħa, mill-operaturi tradizzjonali A/B u Ċ u, min-naħa l-oħra, mill-operaturi mhux tradizzjonali.

22      L-Artikolu 22, l-uniku artikolu tat-Titolu III tar-Regolament Nru 896/2001, jikkonċerna l-importazzjoni barra mill-kwoti tat-tariffi.

23      It-Titolu V tar-Regolament Nru 896/2001, li jinkludi l-Artikoli 28 sa 30, jipprovdi ċerti “arranġamenti tranżitorji”.

24      Skond l-Artikolu 28(1), ta’ dan ir-regolament, għat-tieni nofs tas-sena 2001, il-kwantitajiet disponibbli għall-kwoti A/B tat-tariffi jkunu ta' 1 137 159 tunnellata metrika. L-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, għall-istess semestru, “il-kwantità ta’ referenza għal kull operatur tradizzjonali stabilita skond l-Artikolu 4 u wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(2) għandha tiġi mmoltiplikata bil-koeffiċjent ta’ 0[.]4454 fil-każ ta’ l-operaturi tradizzjonali A/B u bil-koeffiċjent ta’ 0[.]5992 fil-każ ta’ l-operaturi tradizzjonali Ċ”.

25      Skond il-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 896/2001:

“(3)      L-Artikolu 19 tar-Regolament […] Nru 404/93 jipprovdi illi l-kwoti tat-tariffa jistgħu jkunu mmaniġġjati skond il-metodu bbażat fuq il-konsiderazzjoni tal-kurrenti tradizzjonali tal-kummerċ (“tradizzjonali/ġodda”) u/jew metodi oħra. Sabiex jiġu implementati dawn l-arranġamenti l-ġodda mit-tieni nofs tas-sena 2001, huwa tal-parir li jingħata aċċess għall-kwoti tat-tariffa lill-operaturi tradizzjonali li ndaħlu f’isimhom li jixtru prodotti friski minn għand produtturi ta’ pajjiżi terzi, jew il-produzzjoni tagħhom, kif ukoll id-dispaċċ u l-ħatt fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, matul perijodu taż-żmien ta’ referenza. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn l-attivitajiet huma mse[j]ħa “importazzjonijiet primarji”.

(4)      Għandha tiġi a[d]ottata definizzjoni waħdiena ta’ l-operaturi tradizzjonali għall-kwoti kollha tat-tariffa, u l-kwantitajiet tagħhom ta’ referenza għandhom jiġu sta[b]biliti skond l-istess regoli, imma separatament skond jekk dawn l-operaturi pprovdewx is-suq tal-Komunità bil-banana ġejja minn pajjiżi terzi mhux ta’ l-AKP u importazzjonijiet mhux tradizzjonali mill-Istati ta’ l-AKP jew ma['] banana tradizzjonali ta’ l-AKP matul il-per[j]odu taż-żmien ta’ referenza, skond it-tifsira tad-definizzjonijiet fl-Artikolu 16 tar-Regolament […] Nru 404/93 li kienu japplikaw qabel l-emenda mdaħħla bir-Regolament […] Nru 216/2001.”

26      Fir-rigward tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 896/2001, din tiġġustifika l-għażla tas-snin 1994, 1995 u 1996 bħala “perijodu taż-żmien ta’ referenza” kif ġej:

“Il-perijodu taż-żmien ta’ referenza li jrid jintuża biex jiddefinixxi l-kategoriji ta’ l-operaturi u jista[b]bilixxi l-kwantitajiet ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali għandu jkun il-perijodu taż-żmien tat-tliet snin 1994-1996. Il-perijodu taż-żmien ta’ tliet snin 1994-1996 huwa l-iktar riċenti li dwaru l-Kummissjoni għandha informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha biżżejjed dwar l-importazzjonijiet primarji. L-użu ta’ dan il-perijodu taż-żmien jista’ wkoll isolvi t-tilwima li ilha għaddej[h]a għal numru ta’ snin ma’ ċerti sħab fil-kummerċ tal-Komunità. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni disponibbli sta[b]bilita għall-għan li jiġu amministrati l-kwoti miftuħa fis-sena 1998, l-operaturi tradizzjonali ma għandhomx għalfejn ikunu rreġistrati.”

27      Wara l-komunikazzjonijiet mibgħuta lill-Kummissjoni min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri dwar it-total tal-kwantitajiet ta’ referenza li jirriżultaw mill-applikazzjonijiet ta’ kull wieħed mill-operaturi tradizzjonali li ġew ippreżentati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament 896/2001, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1121/2001, tas-7 ta’ Ġunju 2001, li jiffissa l-koeffiċjent ta’ aġġustament li għandhom ikunu applikati għal kull kwantità ta’ referenza ta’l-operatur tradizzjonali taħt il-kwoti ta’ tariffi għall-importazzjoni tal-banana (ĠU L 153, p. 12). Peress li t-total tal-kwantitajiet ta’ referenza kien jammonta għal 1 964 154 tunnellata metrika għall-operaturi tradizzjonali A/B kollha (ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1121/2001), il-Kummissjoni, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1121/2001, iffissat il-koeffiċjent ta’ aġġustament previst mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 896/2001 għal “1[.]07883” għal kull operatur tradizzjonali A/B. Fir-rigward ta' l-operaturi tradizzjonali Ċ, l-istituzzjoni ffissat il-koeffiċjent ta’ adattament għal “0[.]97286” għal kull wieħed minnhom.

28      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1121/2001 jipprovdi li, “[g]ħat-tieni nofs tal-2001 il-kwantità ta’ referenza għal kull operatur tradizzjonali stabbilita skond l-Artikolu 4 tar-Regolament […] Numru 896/2001 għandha, wara l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, tkun aġġustata bil-koeffiċjent stabbilit fl-Artikolu 28(2) [ta’ l-imsemmi regolament]”. 

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

29      Fl-4 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-metodu “min jasal l-ewwel, jinqeda l-ewwel” għall-iskemi Komunitarji tal-banana u dwar l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sistema ibbażata għal kollox fuq it-tariffi [COM (2000) 621 finali], fejn hija ssuġġerixxiet l-adozzjoni ta’ sistema miftuħa għall-għoti ta’ liċenzji ta' importazzjoni tal-banana minn pajjiżi terzi. Din il-proposta, li ġiet eżaminata mill-Kunsill fid-9 t’Ottubru 2000, inizjalment ġiet meqjusa bħala li setgħet tikkostitwixxi “bażi sabiex tiġi riżolta l-kawża dwar il-banana li tista’ u li għandha […] tiġi riżolta b'mod rapid”. Il-Kunsill stieden “lill-organi kompetenti” biex “jeżaminaw l-aspetti tekniċi ta’ din il-komunikazzjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tħassib li ntwera minn ċerti delegazzjonijiet” u talab lill-Parlament Ewropew biex jiddeċiedi dwar il-proposta tal-Kummissjoni (stqarrija għall-istampa 12012/00 relatata ma’ l-2294 sessjoni tal-Kunsill, p. 12 u 13). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30      Filwaqt li l-aspetti tekniċi ta’ din il-komunikazzjoni ġew eżaminati kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkonċernati kif ukoll mill-membri tal-kumitat ta’ amministrazzjoni tal-banana, il-Kummissjoni tat bidu għal negozjati mar-rappreżentant tal-kummerċ ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika sabiex tiġi riżolta t-tilwima li teżisti bejn dak il-pajjiż u l-Komunità Ewropea fir-rigward tal-banana OKS.

31      Fis-7 ta’ Frar 2001, ftit wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 216/2001 mill-Kunsill, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew bl-isem “Qafas speċjali ta' għajnuna favur fornituri AKP tradizzjonali tal-banana (ir-Regolament tal-Kunsill Nru 856/1999” [COM(2001) 67 finali]. Bit-titolu “Emenda fl-iskema ta’ l-UE wara d-deċiżjonijiet tad-WTO”, fil-punt 4, il-Kummissjoni ddikkjarat li:

“F’Novembru 1999, wara diskussjonijiet approfonditi mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni ppreżentat proposta lill-Kunsill għal emenda tar-Regolament Nru 404/93. Din il-proposta tinkludi t-twaqqif ta' sistema tranżitorja ta’ kwoti tat-tariffi, li tipprevedi l-istabbiliment ta’ tliet kwoti, qabel l-introduzzjoni ta' sistema bbażata għal kollox fuq it-tariffi sa mhux aktar tard mill-2006. Waqt id-diskussjonijiet mal-pajjiżi terzi, l-għażla ppreferuta kienet sistema ta’ amministrazzjoni tal-kwoti b’distribuzzjoni tal-liċenzji bbażata fuq il-flussi kummerċjali tradizzjonali f’perijodu ta’ referenza.

Wara xhur ta’ diskussjonijiet intensi, ġie nnotat li jkun diffiċli biex titwettaq sistema ta’ kwoti tat-tariffi, ibbażata fuq il-liċenzji mogħtija fuq il-bażi tar-riżultati preċedenti jew fuq il-metodu ta’ l-irkant u li għalhekk id-diskussjoni dwar il-perjodi storiċi ta’ referenza ma kienet ser twassal imkien. Għalhekk, fil-komunikazzjoni li ġiet mibgħuta lill-Kunsill f’Lulju, il-Kummissjoni pproponiet li jkun konkluż l-eżami tas-sistema ta’ amministrazzjoni tal-kwoti fuq il-bażi tal-prinċipju “min jasal l-ewwel, jinqeda l-ewwel” [First Come, First Served (FCFS)]. Wara li l-Kunsill aċċetta l-proposta, il-Kummissjoni, f’Ottubru 2000, wara li evalwat il-metodu FCFS, ippreżentat komunikazzjoni ġdida lill-Kunsill fejn affermat li tqis il-metodu FCFS bħala għażla aċċettabbli.

[…]

Il-komunikazzjoni ġiet riveduta fil-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali tad-9 ta’ Ottubru 2000 fil-Lussemburgu. Huwa mistenni li l-Kunsill tadotta pożizzjoni wara li l-Parlament Ewropew ikun esprima l-opinjoni tiegħu. Fis-sessjoni ta’ bejn id-9 u t-12 ta’ Ottubru fi Brussell ġiet adottata riżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Parlamentari konġunta AKP-UE dwar ir-riforma ta' l-iskema ta’ l-UE fis-settur tal-banana” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32      Fil-11 ta’ April 2001, il-Kummissjoni kkonkludiet “Ftehim dwar il-banana” ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika (iktar ’il quddiem il-“ftehim USA-UE”).

33      Skond il-ftehim USA-UE, sa l-1 ta’ Jannar 2006, il-Komunità ser tistabbilixxi “sistema ibbażata għal kollox fuq it-tariffi” għall-importazzjonijiet tal-banana. L-imsemmi ftehim jipprovdi li “matul il-perijodu tranżitorju” il-Komunità ser tistabbilixxi sistema għall-importazzjoni bbażata fuq “referenzi storiċi” u, f’dan ir-rigward, qed tipprovdi żewġ fażijiet tranżitorji.

34      Matul l-ewwel fażi, li daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2001, il-Komunità għandha tiffissa kwota tat-tariffi kkonsolidata ta’ volum li jlaħħaq l-2 220 000 tunnellata metrika (“kwota A”) u kwota tat-tariffi awtonoma ta’ volum li jlaħħaq it-353 000 tunnellata metrika (“kwota B”). L-imsemmija kwoti tat-tariffi jiġu amministrati bħala kwota waħda, u għaldaqstant il-volum tal-kwota totali jaħħaq l-2 553 000 tunnellata metrika. Il-banana li tiġi importata fil-kuntest tal-kwoti A u B hija suġġetta għal dazju li ma għandux jeċċedi l-ammont ta’ EUR 75 għal kull tunnellata. Bl-istess mod, il-Komunità għandha tiffissa kwota ta’ tariffa Ċ kkonsolidata ta’ 850 000 tunnellata metrika. Sa 83% tal-kwota tat-tariffa A/B tiġi assenjata lill-operaturi tradizzjonali fuq il-bażi tal-“kwantità definittiva medja annwali (“kwantità ta’ referenza”) ta’ kull operatur “tradizzjonali” għal[l-perijodu ] 1994-1996 għall-kwoti A/B”. L-operaturi “tradizzjonali” ikkwalifikati huma “iddefiniti skond il-liċenzji li jingħatawlhom skond l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 404/93 u ta’ l-Artikolu 3(1)(a), tar-Regolament Nru 1442/93 għall-“kategorija A, funzjoni (a)”. Barra minnhekk “l-importaturi m'għandhomx jipproduċu elementi ġodda ta’ prova”. Is-17% li jifdal mill-kwota tat-tariffi A/B għandu jiġi attribwit lil kategorija ġdida ta’ operaturi, li ġew iddefiniti bħala “mhux tradizzjonali”. Dan il-ftehim jipprojbixxi l-użu tal-liċenzji tal-kwota Ċ biex tkun importata banana tal-kwota A/B jew bil-maqlub. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

35      Matul it-tieni fażi, li bdiet tapplika mill-2002, huwa previst li jibqgħu fis-seħħ, b’mod partikolari, ir-regoli ta’ l-ewwel fażi tranżitorja, imma li l-parti “B” tal-kwota akkumulata “A/B” ser tiżdied b’1 000 000 tunnellata metrika, biex b’hekk il-kwota totali annwali disponibbli tilħaq l-2 653 000 tunnellata metrika.

36      Fit-30 ta’ April 2001, il-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ l-Ekwador ikkonkludew ftehim, sostanzjalment, taħt l-istess termini tal-ftehim USA-UE sabiex tiġi fi tmiemha it-tilwima bejn il-Komunità u l-imsemmi pajjiż fis-settur tal-banana.

 Il-fatti u l-proċedura

37      Comafrica SpA u Dole Fresh Fruit Europe Ltd & Co. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) huma kumpanniji stabbiliti fl-Italja u fil-Ġermanja, rispettivament. Huma jappartjenu għall-grupp ta’ kumpaniji Dole, u l-kumpanija ewlenija tal-grupp hija Dole Food Company Corp., stabbilita f’Kalifornja (L-Istati Uniti). Dan il-grupp jopera fuq livell dinji fil-qasam tal-produzzjoni, tat-trattament, tad-distribuzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni, b’mod partikolari tal-frott u tal-ħaxix frisk, fosthom il-banana.

38      Ir-rikorrenti huma rreġistrati fl-Italja u fil-Ġermanja bħala operaturi tradizzjonali A/B, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 896/2001.

39      Fis-6 ta’ Ġunju 2001, Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung (Awtorità Federali ta' l-Agrikoltura u ta' l-Ikel), awtorità nazzjonali kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, informat lir-rikorrenti Dole Fresh Fruit Europe Ltd & Co. (iktar ’il quddiem “Dole”) bis-sehem li jmissha mill-kwota A/B tat-tariffi li ġiet assenjata lill-operaturi tradizzjonali għat-tieni nofs tas-sena 2001, li ġie ddeterminat skond ir-Regolamenti Nri 896/2001 u 1121/2001 (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti kkontestati”).

40      Fit-8 ta’ Ġunju 2001, il-Ministero del Commercio con l’estero (il-Ministeru tal-Kummerċ Estern), awtorità nazzjonali kompetenti tar-Repubblika Taljana, informa lil Comafrica SpA (iktar ’il quddiem “Comafrica”) bis-sehem li jmissha mill-imsemmija kwota A/B tat-tariffi għat-tieni nofs tas-sena 2001, li ġie ddeterminat skond ir-regolamenti kkontestati.

41      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Ġunju 2001, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

42      B’att separat, li ġie ddepożitat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Ġunju 2001, huma ppreżentaw talba għal miżuri provviżorji maħsuba biex tinkiseb is-sospensjoni ta’ l-implementazzjoni tar-regolamenti kkontestati fil-parti li tikkonċernahom, u sussidjarjament, is-sospensjoni ta’ l-implementazzjoni erga omnes.

43      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Settembru 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (T-139/01 R, Ġabra p. II-2415), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad din it-talba u rriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

44      B’att li ġie ddepożitat fir-reġistru fil-5 ta’Ottubru 2001, ir-Renju ta’ Spanja talab biex jintervjeni f’din il-kawża in sostenn tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba fit-18 u fit-22 ta’ Ottubru 2001, rispettivament.

45      B’att li ġie ddepożitat fir-reġistru fil-25 ta’ Ottubru 2001, Simba Spa (iktar ’il quddiem “Simba”) talbet biex tintervjeni f'din il-kawża in sostenn tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba fid-9 u fit-23 ta’ Novembru 2001, rispettivament.

46      B’ittra li ġiet ippreżentata fir-reġistru fit-22 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja, ta’ ċerti elementi mir-rikors tagħhom. B’ittra li ġiet ippreżentata fir-reġistru fid-9 ta’ Novembru 2000, huma għamlu l-istess talba fil-konfront ta’ Simba.

47      B’digriet tal-Ħames Awla tas-27 ta’ Frar 2002, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (T-139/01, Ġabra p. II-799), il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat l-intervent tar-Renju ta’ Spanja in sostenn tal-Kummissjoni. Hija aċċettat ukoll l-intervent ta’ Simba in sostenn tar-rikorrenti. Peress li t-talba għal intervent ta’ Simba ġiet ippreżentata wara li skada t-terminu stabbilit fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura, din ta’ l-aħħar ġiet awtorizzata biss li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, fuq il-bażi tar-rapport tas-seduta li kien ser jiġi kkomunikat lilha, waqt il-fażi orali tal-proċedura. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet it-talba għal trattament kunfidenzjali fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja.

48      Fil-21 ta’ Marzu 2002, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta talba biex jintervjeni, u li fir-rigward tagħha r-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-5 ta’ Ġunju 2002.

49      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura u, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet prinċipali biex iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet, li għamlu dan fit-terminu stabbilit.

50      It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet li għamletilhom il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta tat-18 ta’ Novembru 2003.

 It-talbiet tal-partijiet

51      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla r-regolamenti kkontestati safejn joħolqulhom dannu jew, sussidjarjament, tannulla dawn ir-regolamenti erga omnes;

–        tordna lill-Kummissjoni biex tħallas kumpens għad-dannu mġarrab minnhom wara l-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

52      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiddikjara li t-talba għal annullament hija inammissibbli u, sussidjarjament, tiċħadha bħala infondata;

–        tiċħad it-talba għal ħlas ta' kumpens għad-dannu bħala infondata;

–        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

53      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiddikjara li t-talba għal annullament hija inammissibbli u, sussidjarjament, tiċħadha bħala infondata;

–        tiċħad it-talba għal ħlas ta' kumpens għad-dannu bħala infondata;

–        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

54      Simba titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tannulla r-regolamenti kkontestati;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament

 L-argumenti tal-partijiet

 Fuq ir-Regolament Nru 896/2001

55      Qabel xejn, ir-rikorrenti qed isostnu li r-Regolament Nru 896/2001 jikkonċernahom individwalment.

56      L-ewwel nett, huma jsostnu li l-imsemmi regolament għandu jiġi meqjus bħala grupp ta’ deċiżjonijiet individwali.

57      F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-grupp ta’ operaturi kif ddefinit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 896/2001, li huma jiffurmaw parti minnu, jikkostitwixxi “grupp fiss u magħluq”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss lill-operaturi tradizzjonali li għandhom kwantitajiet ta’ referenza relatati mal-kategorija A, il-funzjoni (a), għall-perijodu 1994-1996, “li ttieħdu in kunsiderazzjoni għas-sena 1998” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

58      Skond ir-rikorrenti, meta l-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 896/2001, hija kienet taf l-identità u n-numru totali ta’ l-operaturi li jappartjenu għall-imsemmi grupp, kif ukoll il-kwantitajiet ta’ referenza individwali tagħhom għas-snin 1994-1996, peress li kienu ġew irreġistrati fl-1998. Għalhekk, fil-fehma tagħhom il-Kummissjoni kienet taf “liema operaturi kellhom dritt għal-liċenzji ta’ importazzjoni u l-kwantitajiet li kienu ser jiġu attribwiti lilhom”. Huma jsostnu li dan ir-regolament kellu l-effett li jiffissa b’mod dirett il-kwantità ta’ referenza definittiva għal kull wieħed mill-imsemmija operaturi, peress li, fl-Artikolu 4(1) huwa jipprovdi, li tali kwantità tikkorrispondi għall-kwantità ta’ referenza li ġiet iffissata fuq il-bażi ta’ l-importazzjonijiet primarji li twettqu fis-snin 1994‑1996 u li ttieħdu in kunsiderazzjoni għas-sena 1998, u li la l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri m’għandhom id-dritt li jibdlu jew jikkorreġu din id-data. Fuq il-bażi ta’ l-istess elementi, ir-rikorrenti jqisu li l-operaturi kienu jafu, sa mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 896/2001, il-kwantità ta’ referenza definittiva li kienet ser tiġi attribwita lilhom.

59      Skond ir-rikorrenti, il-fatt li koeffiċjent ta’ aġġustament jista’ jiġi applikat aktra 'il quddiem mhux rilevanti, ladarba “dan ma jinfluwenza bl-ebda mod il-prinċipju [li] kull kwantità ta’ referenza individwali kienet ġiet iffissata fl-1998”. Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tinvoka l-fatt li ma setgħetx tipprevedi minn qabel liema operaturi kienu ser jippreżentaw applikazzjoni bil-miktub. F’dan ir-rigward, tkun qed tfixkel il-karattru individwali tad-drittijiet attribwiti mir-Regolament Nru 896/2001 u l-għażla mogħtija lill-benefiċjarju tagħhom jekk jeżerċitax dawn id-drittijiet jew le.

60      Fl-aħħar, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Franza vs Comafrica et (C-73/97 P, Ġabra p. I-185), peress li fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza ma kienx qed jiġi kkontestat regolament li jiġi implementat mill-Kummissjoni, bħalma hu r-Regolament Nru 896/2001, imma regolament li jiffissa l-koeffiċjent uniformi ta’ tnaqqis għall-1994. Huma jżidu jgħidu li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li hija s-suġġett ta’ l-imsemmija kawża, ir-Regolament Nru 896/2001 ma jippermetti bl-ebda mod li l-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimmodifikaw sussegwentement il-kwantità ta’ referenza individwali ta’ l-operaturi.

61      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Nru 896/2001 jinkludi dispożizzjonijiet partikolari li juru biċ-ċar li ma ġiex abozzat f’termini astratti u li kkunsidra b’mod espliċitu lil “kull operatur tradizzjonali li ġie identifikat speċifikament”.

62      It-tielet nett, ir-rikorrenti jaffermaw li huma tnejn mill-“erba’ operaturi [Amerikani] magħżula” li jissemmew f’dokument li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fil-kuntest tan-negozjati li wasslu sabiex jiġi konkluż il-ftehim USA-UE u li ġew indikati fl-Anness 7 għar-rikors, dokument li “jiddetermina l-kwantitajiet totali ta’ referenza ta’ l-erba operaturi fir-regolament”. Fil-fehma tagħhom, l-imsemmi ftehim kien “traspost fid-dritt Komunitarju” flimkien mar-Regolament 896/2001 u dawn iż-żewġ testi regolatorji ġew iffinalizzati biex ikun iggarantit li l-“erba’ operaturi Amerikani magħżula" ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu l-banana lill-Komunità sakemm jintlaħqu ċerti kwantitajiet, biex tiġi assigurata lilhom l-għotja ta’ ċertu numru ta’ liċenzji ta’ importazzjoni. Ir-rappreżentant ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika għall-Kummerċ jidher li nnegozja r-riżoluzzjoni tat-tilwima relatata mal-OKS banana sabiex “jipproteġi” dawn l-erba’ operaturi. Ir-rikorrenti qed jinsistu fuq il-fatt li l-ftehim USA-UE jikkostitwixxi soluzzjoni li ġiet innegozjata bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Komunità.

63      Ir-raba nett, ir-rikorrenti qed isostnu li huma jiddistingwu rwieħhom minn kwalunkwe persuna oħra li hija potenzjalment ikkonċernata mir-Regolament Nru 896/2001. In sostenn ta' din l-affermazzjoni huma jsostnu li:

–        huma operaturi tradizzjonali u mhux operaturi mhux tradizzjonali;

–        jappartjenu għall-“grupp żgħir” ta’ operaturi tradizzjonali li fl-1998, kellhom kwantitajiet ta’ referenza relatati mal-kategorija A, il-funzjoni (a), għall-kuntrarju ta’ l-operaturi li fl-1998 kellhom kwantitajiet ta’ referenza relatati mal-kategorija A, il-funzjonijiet (b) jew (ċ);

–        ir-Regolament Nru 896/2001 ġie mfassal b’mod espliċitu sabiex ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-operaturi li fl-1998 kellhom kwantitajiet ta’ referenza relatati mal-kategorija A, il-funzjonijiet (b) jew (ċ), u sabiex “jillimita n-numru ta’ operaturi benefiċjarji għall-grupp żgħir ta’ operaturi li ġew inklużi mill-ġdid fil-kategorija A, funzjoni (a)”.

64      Imbagħad, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Nru 896/2001 jikkonċernahom direttament, għaliex id-determinazzjoni tad-drittijiet tagħhom ma kienet teħtieġ l-ebda att intermedjarju ta’ ebda awtorità.

65      F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw, li hemm differenza sostanzjali bejn l-imsemmi regolament u r-regolamenti li huma s-suġġett tal-kawża li tat lok għas-sentenza Franza vs Comafrica et, iċċitata aktar ’il fuq, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs il-Kummissjoni (T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975), fis-sens li dawn ir-regolamenti ta’ l-aħħar kienu jinkludu dispożizzjonijiet li kienu jippermettu li jiġi vverifikat jekk l-applikazzjonijiet għal kwantitajiet ta’ referenza ppreżentati mill-operaturi kienx fihom żbalji u, eventwalment, li jiġu korretti. Huma jippreċiżaw li dawn il-korrezzjonijiet setgħu jsiru fi kwalunkwe fażi tal-proċedura, sad-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament, u li fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-istess regolamenti, dawk li kienu talbu l-liċenzji ta’ importazzjoni għalhekk ma kellhomx iċ-ċertezza li l-kwantitajiet ta’ referenza mitluba ma kinux ser jerġgħu jiġu mibdula. Min-naħa l-oħra, skond ir-rikorrenti, fil-mument meta r-Regolament Nru 896/2001 ġie adottat u/jew ippubblikat, kull applikant kien jaf il-kwantità ta’ referenza li kellu dritt għaliha, mingħajr ma l-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti setgħu jibdluha, “anki jekk kienu jissuspettaw, kienu jew kellhom ikunu jafu li din id-data ma kinitx eżatta”.

66      Ir-rikorrenti jżidu jgħidu li din il-kawża hija differenti wkoll minn dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 1990, Weddel vs Il-Kummissjoni (C-354/87, Ġabra p. I-3847). Huma jippreċiżaw li, f’din il-kawża ta’ l-aħħar, il-kwantità ta’ referenza definittiva ġiet stabbilita mill-Istati Membri, filwaqt, li f’dan il-każ ġiet iffissata mir-Regolament Nru 896/2001 stess, li jippermetti li jiġi applikat biss koeffiċjent ta’ aġġustament jekk it-total tal-kwantitajiet ta’ referenza li kien is-suġġett ta’ applikazzjoni kien differenti mill-kwota totali disponibbli.

67      Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw, qabel xejn, li r-Regolament Nru 896/2001 jikkonċerna lir-rikorrenti b’mod individwali.

68      L-ewwelnett, huma jenfasizzaw li l-imsemmi regolament jikkostitwixxi att regolatorju b’portata ġenerali u li ma jistax jiġi analizzat bħala grupp ta’ deċiżjonijiet individwali. Fil-fatt huwa jipprovdi regoli ġenerali li japplikaw għall-operaturi kollha li għandhom l-intenzjoni jiksbu kwantità ta’ referenza għall-importazzjoni tal-banana fl-2001. Barra minn hekk, huwa japplika għal sitwazzjonijiet li jiġu ddeterminati b’mod oġġettiv u jkollu effetti ġudizzjarji fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni li jitqiesu b’mod astratt.

69      Il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li r-Regolament Nru 896/2001 japplika biss għal “grupp fiss u magħluq” ta’ operaturi, li l-Kummissjoni taf l-identità u l-karatteristiċi tiegħu. L-istituzzjoni tfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-portata ġenerali u, għaldaqstant, in-natura regolatorja ta’ att ma titqegħidx f’diskussjoni mill-possibbiltà li jiġi ddeterminat xi ftit jew wisq eżatt, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni kkonċernati, li jiġi applikat lilhom f’mument partikolari, sakemm ma jkunx ikkontestat li din l-applikazzjoni ssir f’sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt, li ġiet iddefinita mill-att skond l-għan ta’ dan ta’ l-aħħar (sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 100). Madankollu, ir-Regolament Nru 896/2001 jiġi applikat għar-rikorrenti, kif ukoll għall-operaturi tradizzjonali kollha, “minħabba li huma talbu kwantità ta’ referenza u dan sabiex jassiguraw li ma tinqabiżx il-kwota tat-tariffi”.

70      Il-Kummissjoni żżid tgħid li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 896/2001 hija ma kinitx taf u lanqas kellha l-possibbiltà li tkun taf bi preċiżjoni l-kategorija ta’ l-operaturi li kienu ser jitolbu kwantità ta’ referenza għall-iskema ta’ l-2001. Minħabba dan, l-istituzzjoni tosserva li uħud mill-osservaturi li kienu talbu kwantità ta’ referenza għall-1998, sadanittant kienu waqqfu l-attivitajiet tagħhom jew ingħaqdu ma’ operaturi oħra u li hija ma kellha l-ebda possibbiltà li tkun taf l-identità tas-suċċessuri tagħhom. Bl-istess mod, uħud mill-operaturi setgħu jagħżlu li jirreġistraw irwieħhom bħala operaturi mhux tradizzjonali minflok tradizzjonali, rigward il-kwota A/B tat-tariffi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 896/2001 ma jipproduċix l-effett li jattribwixxi awtomatikament kwantità ta’ referenza lil kull operatur tradizzjonali li kien kiseb kwantità ta’ referenza għall-1998, peress li huma l-operaturi li jridu jissottomettu applikazzjoni bil-miktub għal dan il-għan sal-11 ta’ Mejju 2001. Hija ssostni li ma setgħetx tipprevedi l-effetti li r-Regolament Nru 896/2001 kien ser ikollu fuq id-diversi operaturi, peress li l-kwantità ta’ referenza li għandha tiġi attribwita lil kull wieħed minnhom tiddependi mil-livell globali ta’ l-applikazzjonijiet. F’dan is-sens, l-istituzzjoni qed tenfasizza li t-total tal-kwantitajiet ta’ referenza li kienu jikkostitwixxu s-suġġett ta’ l-applikazzjoni min-naħa ta’ l-operaturi tradizzjonali A/B kien jammonta għal 1 964 000 tunnellata metrika u li, kieku l-operaturi tradizzjonali A/B kollha li kellhom id-dritt li jippreżentaw l-imsemmija applikazzjoni għamlu dan, dan it-totali kien ikun ta’ 1 971 000 tunnellata metrika.

71      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti mhumiex jippreċiżaw liema huma d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 896/2001 li juru b’mod ċar li dan ma ġiex ifformulat f’termini astratti. Ikun xi jkun il-każ, l-imsemmi regolament ma fih l-ebda dispożizzjoni li tidentifika b’mod espliċitu jew impliċitu lir-rikorrenti jew lil kwalunkwe operatur speċifiku ieħor, jew li tista’ tiġi mifhuma bħala li dawn huma ttrattati b’mod differenti minn kwalunkwe operatur tradizzjonali ieħor.

72      It-tielet nett, il-Kummissjoni qed tikkontesta li l-ftehim USA-UE kien innegozjat sabiex ikunu protetti “l-erba’ operaturi [Amerikani] magħżula”, li fosthom hemm ir-rikorrenti. Hija tirrikonoxxi li l-iskema ta’ l-2001 ġiet adottata, parzjalment, biex tkun riflessa l-“miżura miftiehma” ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, imma tenfasizza li kjarament hi kellha l-intenzjoni li qabel xejn timplementa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 404/93 u, finalment, ta’ l-Artikolu 33 KE. L-istituzzjoni ssostni li ma tistax tikkonferma li r-rappreżentant ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika għall-Kummerċ innegozja r-riżoluzzjoni tat-tilwima relatata ma’ l-OKS banana sabiex jinkiseb ċertu riżultat favur ir-rikorrenti. Ikun xi jkun il-każ, il-pożizzjoni li ġiet adottata minn pajjiż terz fil-kuntest tan-negozjati tkun irrilevanti għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni ta’ dwar jekk regolament jikkonċernax rikorrent b’mod individwali. Barra minn hekk, hija tenfasizza li n-negozjati li kien hemm bejn il-Komunità u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika kienu jikkostitwixxu “negozjati politiċi f’kuntest ta’ dritt internazzjonali pubbliku” u li r-rikorrenti ma kienu bl-ebda mod involuti fihom.

73      Ir-raba nett, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li r-rikorrenti ma jurux, permezz ta’ elementi oħra, li huma affettwati mir-Regolament Nru 896/2001 minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwihom minn kwalunkwe persuna oħra.

74      Il-ħames nett, il-Kummissjoni tenfasizza li kuntarjament għal dak li taw x’jifhmu r-rikorrenti, hija bl-ebda mod ma tibbaża ruħha fuq is-sentenza Franza vs Comafrica et, iċċitata aktar ’il fuq, biex tiġġustifika l-affermazzjoni tagħha li r-Regolament Nru 896/2001 ma jikkonċernahomx b’mod individwali.

75      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li r-Regolament 896/2001, ma jikkonċernax lir-rikorrenti b’mod dirett, peress li s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom, fir-rigward tal-kwantità ta’ referenza, tista’ tiġi ddefinita biss wara l-preżentazzjoni u t-trattazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ referenza kollha skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 896/2001 kif ukoll wara l-iffissar ta’ koeffiċjent ta’ aġġustament.

 Fuq ir-Regolament Nru 1121/2001

76      Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Nru 1121/2001 jikkonċernahom b’mod dirett u individwali. Huma jqisu li jissodisfaw il-kriterji ta’ ammissibbiltà li ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Weddel vs Il-Kummissjoni u Franza vs Comafrica et, iċċitati aktar 'il fuq.

77      F’dan ir-rigward, huma jispjegaw li:

–        il-koeffiċjent ta’ aġġustament previst mill-imsemmi regolament jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, il-kwantità globali ta’ referenza, u min-naħa l-oħra, il-kwota totali disponibbli;

–        il-kwantità globali ta’ referenza tirriżulta mit-total tal-kwantitajiet ta’ referenza individwali minn kull wieħed mill-operaturi tradizzjonali;

–        il-Kummissjoni kienet taf, qabel ma ġie ffissat l-koeffiċjent ta’ aġġustament, l-imsemmija kwantitajiet ta’ referenza individwali;

–        il-pubblikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament tat il-possibbiltà b’mod dirett li kull operatur ikun jaf il-kwantità ta’ referenza definittiva tiegħu u l-portata tad-dritt tiegħu biex jikseb liċenzji ta’ importazzjoni peress li l-operatur stess, minn naħa, kien jaf, qabel ma ġie ffissat l-imsemmi koeffiċjent, il-kwantità ta’ referenza tiegħu li tqieset għall-eżerċizzju ta’ l-1998 u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija kwantità ma setgħet kienet suġġetta għall-ebda modifika.

78      Huma jaffermaw mill-ġdid li l-iskema ta’ l-2001, b’differenza għal dik ta’ l-1993 u ta’ l-1999, ma tipprovdi għall-ebda sistema ta’ verifika u ta’ korrezzjoni tad-data kkomunikata u jżidu jgħidu li “il-koeffiċjent ta’ aġġustament kien applikabbli esklużivament għall-operaturi li kien ssottomew applikazzjoni għal liċenzji ta’ importazzjoni fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta’ referenza tagħhom”. Fil-fehma tagħhom, f’dak il-każ, din tkun “klassi kompletament magħluqa” u “l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe koeffiċjent li tkun saret fil-konfront ta’ operaturi magħrufa u ta’ kwantitajiet ta’ referenza magħrufa”.

79      Skond il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja, ir-rikors għall-annullament, minħabba li huwa dirett kontra r-Regolament Nru 1121/2001, irid jiġi ddikjarat bħala inammissibbli fid-dawl tas-sentenza Franza vs Comafrica et, iċċitata aktar ’il fuq, kif ukoll tas-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq.

80      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-iskemi ta’ l-1993 u ta’ l-1999, li ġew ikkontestati fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi, jippreżentaw ċerti differenzi meta mqabbla ma' dik ta’ l-2001. Minkejja kollox, hija tqis li r-raġunament li wassal lill-Imħallef Komunitarju biex, fl-imsemmija sentenzi, jiddikjara li r-rikors kien inammissibbli huwa wkoll applikabbli f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li “kemm il-proċedura għall-iffissar tal-koeffiċjent kif ukoll l-effetti tiegħu fuq l-operaturi huma fundamentalment l-istess fl-iskema ta’ l-2001 u fl-iskemi preċedenti”. Hija tippreċiża li f’kull wieħed mill-imsemmija arranġamenti, il-koeffiċjent ta’ tnaqqis/aġġustament jiġi ffissat billi jiġi diviż l-ammont tal-kwota totali disponibbli bl-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ referenza li huma s-suġġett ta’ applikazzjonijiet validi u jiġi applikat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għall-kwantità ta’ referenza ta’ kull operatur, kif ikkalkulat mill-imsemmija awtoritajiet. Sussegwentement, dawn ta’ l-aħħar jinnotifikaw lil kull operatur bil-kwantità ta’ referenza stabbilita wara din il-proċedura.

81      B’referenza għall-punt 106 tas-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, il-Kummissjoni tallega li l-għan u l-effett ġuridiku ta’ l-adozzjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ma kinux li jiġi deċiż x'kien ser isir mill-applikazzjonijiet individwali ta’ l-operaturi ippreżentati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, imma li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' fatt oġġettiva, relatati ma’ l-eżistenza ta’ ammont żejjed tal-kwantità globali ta’ referenza Komunitarja relatata mal-volum tal-kwota tat-tariffi. Hija tafferma li, jekk huwa minnu li fis-sentenza Weddel vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-regolament ikkontestat kien kompost minn serje ta’ deċiżjonijiet individwali, dan kien minħabba li, għall-kuntrarju tal-każ in eżami, fl-adozzjoni ta’ l-imsemmi regolament, il-Kummissjoni kienet fil-fatt iddeċidiet dwar x'kellu jsir mill-applikazzjonijiet individwali ta’ l-operaturi.

82      Il-Kummissjoni żżid tgħid li, fid-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2001, Eridania et vs Il-Kunsill (C-351/99 P, Ġabra p. I-5007, il-punti 53 sa 55), il-Qorti kkonfermat li s-sentenza Weddel vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, kienet tirreferi biss għal ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, fejn kienu ġew rikonoxxuti drittijiet individwali. Madankollu, skond il-Kummissjoni, f’dan il-każ, l-attribuzzjoni tal-kwantitajiet ta’ referenza lir-rikorrenti ma tagħthom l-ebda dritt li jimportaw il-banana, imma kellha biss l-effett li tillimita l-volum tal-banana li huma setgħu jimportaw fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwoti tat-tariffi. L-istituzzjoni tfakkar li l-konverżjoni tal-kwantità ta’ referenza adegwata f’liċenzji ta’ importazzjoni u l-possibbiltà li jsir użu minn dawn ta’ l-aħħar jippreżumu l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzji ta’ importazzjoni.

83      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, meta ffissat il-koeffiċjent ta’ aġġustament in eżami, hija ma kellhiex informazzjoni relatata mal-kwantitajiet ta’ referenza individwali li ntalbu effettivament mid-diversi operaturi fl-2001, minħabba li l-Istati Membri kellhom jikkomunikawlha biss it-total ta’ l-imsemmija kwantitajiet. Hija ssostni li għaldaqstant ma setgħetx tkun taf eżattament l-effett ta’ l-iffissar tal-koeffiċjent ta’ aġġustament fuq is-sitwazzjoni tad-diversi operaturi.

84      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, jekk kellu jirriżulta li d-data li fuqha huma bbażati l-kwantitajiet ta’ referenza għall-2001 kienet ivvizzjati minn żbalji, minkejja l-fatt li kienu diġà ġew suġġetti għal kontroll approfondit, hija stess jew l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet meħtieġa. L-istituzzjoni taħseb li “anki jekk il-kwantità ta’ referenza 'provviżorja' ta’ operatur tkun inqas suġġetta għar-riskju li tgħaddi minn modifiki kbar relatati ma’ l-eżerċizzji preċedenti, jibqa’ l-fatt li s-sempliċi applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament għall-kwantità ta’ referenza mitluba mhux ma tippermettix lil operatur li jikkalkula b’ċertezza l-kwantità ta’ referenza definittiva tiegħu għall-2001”.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

85      Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq rikors kontra d-deċiżjonijiet li huma indirizzati lilha u kontra d-deċiżjonijiet li, anki jekk adottati taħt il-forma ta' regolament jew deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, jikkonċernawha direttament u individwalment.

 Fuq in-natura tar-regolamenti kkontestati

86      Ir-rikorrenti qed jikkontestaw in-natura regolamentari tar-regolamenti kkontestati u qed isostnu li dawn iridu jitqiesu bħala grupp ta’ deċiżjonijiet individwali.

87      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, il-kriterju li jiddinstingwi regolament minn deċiżjoni għandu jiġi mfittex fl-applikazzjoni ġenerali jew fin-nuqqas tagħha ta’ l-att ikkonċernat (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1995, Asocarne vs Il-Kunsill, C‑10/95 P, Ġabra p. I-4149, punt 28 u ta’ l-24 ta’ April 1996, CNPAAP vs Il-Kunsill, C-87/95 P, Ġabra p. I-2003, punt 33). Att ikun ta' applikazzjoni ġenerali jekk jiġi applikat f’sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jekk jipproduċi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni li jitqiesu b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1996, Weber vs Il-Kummissjoni, T‑482/93, Ġabra p. II-609, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, tar-Regolament Nru 896/2001, wieħed ma jistax jikkontesta l-fatt li dan jikkostitwixxi miżura leġiżlattiva ta’ applikazzjoni ġenerali (digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Settembru 2002, Dilexport vs Il-Kummissjoni, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47). Ir-regoli inklużi fih, fil-fatt, ġew esposti f’termini ġenerali, japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċu effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni li jitqiesu b’mod ġenerali u astratt.

89      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-imsemmi regolament, skond l-Artikolu 1 tiegħu, għandu bħala suġġett l-iffissar tar-“regoli ddettaljati sabiex jiġu applikati l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana skond il-kwoti tat-tariffa pprovvduti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament [Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001] u wkoll barra minn dawn il-kwoti”. Dan ġie adottat mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, artikolu li jagħti lil din ta’ l-aħħar is-setgħa li tadotta regoli għall-applikazzjoni tat-Titolu V ta’ l-istess regolament, u b’mod partikolari, ir-regoli ta’ l-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi skond l-Artikolu 18.

90      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 896/2001 jattribwixxi 83% ta’ tali kwoti tat-tariffi lill-operaturi tradizzjonali u s-17% li jifdal lill-operaturi mhux tradizzjonali. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji sempliċement oġġettivi, li ġew iddefiniti mill-Artikoli 3 u 6 ta’ l-istess regolament rispettivament, u li mhuma bl-ebda mod suġġetti għal evalwazzjonijiet marbuta mal-pożizzjoni speċifika ta’ kull operatur (ara, f’dan is-sens, id-digriet Di Lenardo vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, il-punt 46). L-istess japplika għad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “operatur tradizzjonali A/B” u ta’ “operatur tradizzjonali Ċ”, li tinstab fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 896/2001, li tqis it-twettiq ta’ kwantitajiet minimi ta’ importazzjonijiet primarji ta’ banana minn Stati terzi u/jew ta’ banana mhux tradizzjonali AKP, fl-ewwel ipoteżi, jew ta’ banana tradizzjonali AKP, fit-tieni ipoteżi, u dan skond id-definizzjonijiet previsti mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 404/93, fil-verżjoni emendata mir-Regolament Nru 1637/98.

91      Ir-Regolament Nru 896/2001 jiddefinixxi r-regoli ta’ aċċess għal dawk id-diversi kategoriji ta’ operaturi għall-kwoti tat-tariffi skond data ta’ natura ġenerali u astratta, mingħajr ma tqis is-sitwazzjoni ta’ operaturi individwali bħalma huma r-rikorrenti. Essenzjalment huwa jiddetermina, f’termini ġenerali u astratti, ir-regoli li bihom jiġu ffissati l-kwantità ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali u l-kwantità annwali mogħtija lill-operaturi mhux tradizzjonali kif ukoll il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn l-operaturi ta’ l-aħħar u jippreċiża r-regoli għall-ħruġ tal-liċenzji ta’ importazzjoni.

92      Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 896/2001 jiffissa, kemm b’termini ġenerali kif ukoll b’termini astratti, ir-regoli li japplikaw għall-importazzjoni tal-banana barra mill-kwoti tat-tariffi.

93      L-argument tar-rikorrenti, jiġifieri li l-imsemmi regolament jinkludi dispożizzjonijiet partikolari li juru li huwa ma ġiex abozzat f’termini astratti u li huwa jqis b’mod espliċitu “kull operatur tradizzjonali li ġie identifikat speċifikament” għalhekk huwa infondat. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma jidentifikaw id-dispożizzjonijiet partikolari li jirreferu għalihom b’dak il-mod.

94      Jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti, f’dan ir-rigward, qed jinvokaw l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 896/2001, għandu jiġi rrilevat li tali miżura tippreżenta ruħha b’mod ċar bħala miżura ta’ applikazzjoni ġenerali. Din id-dispożizzjoni tiddetermina, f’termini ġenerali u astratti, il-mod li bih tiġi ffissata l-kwantità ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali A/B fejn jiġi previst, minn naħa, li l-persuna kkonċernata għandha tissottometti applikazzjoni bil-miktub għal dan il-għan sal-11 ta’ Mejju 2001 u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija kwantità tiġi kkalkulata fuq il-bażi “tal-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji tal-banana minn pajjiżi terzi u/jew il-banana mhux tradizzjonali ta’ l-AKP matul is-snin 1994, 1995 u 1996 ikkonsidrati għas-sena 1998 bil-għan li tiġi amministrata l-kwota tat-tariffa għall-importazzjonijiet tal-banana minn pajji[ż]i terzi u l-banana mhux tradizzjonali ta’ l-AKP, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19(2) tar-Regolament [Nru 404/93] li japplika fis-sena 1998 għall-kategorija ta’ l-operaturi riferiti fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu”. L-imsemmija kriterji jiġu applikati, mingħajr l-ebda distinzjoni, għall-operaturi tradizzjonali A/B kollha, li jiġu ddefiniti b’termini ġenerali u astratti u fuq il-bażi ta’ data purament oġġettiva fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 896/2001 (ara l-punt 90 aktar 'il fuq). Għalhekk, mingħajr dubju din hija miżura applikabbli għal sitwazzjoni li ġiet iddeterminata b’mod oġġettiv u li għandha effetti ġuridiċi fir-rigward ta' kategoriji ta’ persuni li jitqiesu b’mod ġenerali u astratt. Tali miżura ma tikkonċernax biss lir-rikorrenti, imma tikkonċerna wkoll lil kwalunkwe attur ekonomiku ieħor li jinsab f’sitwazzjoni simili.

95      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni, fil-mument ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 896/2001, kienet taf l-identitajiet u n-numru totali ta’ l-operaturi previsti mill-Artikolu 4(1) ta’ l-istess regolament. Min-naħa l-waħda, tali argument mhux fondat. Fil-fatt, meta l-imsemmi regolament ġie adottat, il-Kummissjoni ma kinitx taf u ma setgħetx tkun taf b’ċertezza liema operaturi kienu ser jissottomettu applikazzjoni għall-iffissar tal-kwantità ta’ referenza fi ħdan it-terminu tal-11 ta’ Mejju 2001. B’mod partikolari, l-istituzzjoni ma setgħetx tippresupponi li l-operaturi tradizzjonali A/B kollha li kellhom kwantità ta’ referenza relatata mal-kategorija A, il-funzjoni (a), għall-1998 kienu ser jitolbu l-iffissar ta’ kwantità ta’ referenza relatata ma’ l-iskema ta’ l-2001. Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, ma jistax jiġi eskluż li ċerti operaturi li kienu kisbu kwantità ta’ referenza għall-1998 sussegwentement waqqfu l-attività tagħhom jew ingħaqdu ma’ operaturi oħra. Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti mhux rilevanti. Fil-fatt, anki jekk jintwera li l-persuni li għalihom japplika l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 896/2001 kienu identifikabbli fil-mument ta’ l-adozzjoni tiegħu, in-natura regolatorja ta’ tali dispożizzjoni b’daqshekk ma tkunx ikkontestata, meta jitqies il-fatt li, kif indikat fil-punt aktar 'il fuq, din id-dispożizzjoni tirreferi biss għal sitwazzjonijiet oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt (ara f’dan is-sens, id-digriet CNAAP vs Il-Kunsill, iċċitata aktar ’il fuq, il-punt 35 u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 2000, Galileo u Galileo International vs Il-Kunsill, C-96/01 P, Ġabra p. I-4025).

96      Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu legalment jippretendu li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 896/2001 kellu l-effett li jiffissa direttament il-kwantità ta’ referenza definittiva ta’ kull wieħed mill-operaturi tradizzjonali A/B u li jippermettilhom, kif ukoll lill-Kummissjoni, li jkunu jafu l-imsemmija kwantità ta’ referenza, sa mill-adozzjoni ta’ l-istess regolament. F’dik il-fażi, il-kwantità ta’ referenza prevista mill-imsemmija dispożizzjoni seta’ jkollha biss karattru provviżorju fis-sens li, jekk kien ikun hemm differenza bejn it-total tal-kwantitajiet ta’ referenza mitluba mill-operaturi tradizzjonali A/B u l-kwantitajiet disponibbli ta’ kwoti ta’ tariffi, kien jiġi applikat koeffiċjent ta’ aġġustament iffissat mill-Kummissjoni lil dik il-kwantità ta’ referenza (ara l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 896/2001). Madankollu, fil-mument ta’ l-adozzjoni tar-Regolament 896/2001, la l-Kummissjoni u lanqas l-operaturi tradizzjonali A/B ma setgħu jipprevedu la li kien ser ikun hemm tali differenza, u lanqas a fortiori, il-portata tagħha, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 95 aktar 'il fuq, l-imsemmija operaturi setgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-iffissar tal-kwantità ta’ referenza sal-11 ta’ Mejju 2001 u l-ebda element ma kien jagħti lil wieħed x’jaħseb li lkoll kienu ser jeżerċitaw l-imsemmi dritt. F’dan il-każ, kif affermat il-Kummissjoni mingħajr ma kienet ikkontestata mir-rikorrenti, l-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ referenza mitluba mill-operaturi tradizzjonali A/B f'dan it-terminu, kien saħansitra inqas minn dak li kien jirriżulta kieku l-operaturi tradizzjonali A/B kollha li kellhom id-dritt jissottomettu tali applikazzjoni kienu jagħmlu dan.

97      Imbagħad, fir-rigward tar-Regolament Nru 1121/2001, ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura regolatorja tiegħu billi jibbażaw, sostanzjalment, fuq il-prinċipji li ġew elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati tagħha Weddel vs Il-Kummissjoni u Franza vs Comafrica et.

98      L-ewwel nett, huma qegħdin jinsistu fuq il-fatt li l-imsemmi regolament japplika biss għal grupp magħluq u ristrett ta’ persuni ġuridiċi, li jifformaw parti minnu.

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1121/2001 fil-fatt jikkonċerna biss lil operaturi li ssottomettew applikazzjoni bil-miktub quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’data fil-passat, jiġifieri mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju 2001, u għalhekk applikazzjoni li ssir wara ma tistax tiġi kkunsidrata. Barra minn hekk, ir-Regolament 1121/2001 jiġi applikat biss għall-operaturi li jissodisfaw ċertu numru ta’ rekwiżiti kemm sostanzjali kif ukoll proċedurali.

100    Barra minn dan, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-applikazzjoni ġenerali ta’ att mhux ikkontestata mill-possibbiltà li jiġi ddeterminat xi ftit jew wisq eżatt in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni kkonċernati f’waqt partikolari, sakemm huwa stabbilit li din l-applikazzjoni issir fir-rigward ta' sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt, li tkun iddefinita mill-att fid-dawl ta' l-għan ta’ dan ta’ l-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 1996, Cantina cooperativa fra produttori vitivinicoli di Torre di Mosto et vs Il-Kummissjoni, T-183/94, Ġabra p. II-1941, punt 48).

101    Dan huwa eżattament dak li qed jiġri f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1121/2001 għandu l-għan, b’mod ġenerali, li jiggarantixxi l-implementazzjoni korretta ta’ l-iskema ta’ amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi li ġiet ffissata mir-Regolament Nru 896/2001, skema li hija bbażata fuq id-diviżjoni tal-kwoti tat-tariffi bejn żewġ kategoriji ta’ operaturi, jiġifieri l-operaturi tradizzjonali u l-operaturi mhux tradizzjonali, u fuq amministrazzjoni separata tal-kwoti A u B tat-tariffi, fuq naħa, u l-kwota Ċ tat-tariffi, fuq in-naħa l-oħra. L-għan tar-Regolament Nru 1121/2001 huwa l-aġġustament totali tal-kwantitajiet ta’ referenza mitluba mill-operaturi tradizzjonali A/B, fuq naħa, u mill-operatur tradizzjonali Ċ, fuq in-naħa l-oħra, relatat mal-kwanitajiet disponibbli tal-kwoti A/B u Ċ tat-tariffi. Għalhekk, fir-rigward ta' l-operaturi tradizzjonali A/B, fl-Artikolu 1(1) tiegħu huwa jiffissa koeffiċjent ta’ aġġustament li japplika għall-kwantità ta’ referenza individwali tagħhom ta’ 1.07883, peress li l-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ referenza mitluba skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 896/2001 irriżulta li kien inqas mill-kwantitajiet disponibbli tal-kwoti tat-tariffi.

102    It-tieni nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw id-differenzi li hemm bejn l-iskema ta’ l-1993 u dik ta’ l-1999, minn naħa, u l-iskema ta’ l-2001, min-naħa l-oħra. B’mod aktar speċifiku, huma jallegaw li l-iskema ta’ l-2001, b’differenza għaż-żewġ skemi l-oħra, bl-ebda mod ma jipprevedu l-possibbiltà li l-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jivverifikaw u, eventwalment, jikkoreġu l-kwantità ta’ referenza mitluba minn kull operatur.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, effettivament, l-iskemi ta’ l-1993 u ta’ l-1999 huma differenti minn dawk ta’ l-2001 għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-iffissar tal-kwantità ta’ referenza ta’ l-operaturi tal-kategorija A (fl-iskema ta’ l-1993) jew dawk tradizzjonali (fl-iskemi ta’ l-1999 u ta’ l-2001). Kif ġie ppreċiżat fil-punt 103 tas-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-iskemi ta’ l-1993 u ta’ l-1999, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti vverifikaw b’mod attiv u, fejn kien il-każ, ikkoriġew il-kwantitajiet ta’ referenza individwali ta’ l-operaturi sabiex jiġu eliminati l-każijiet ta’ għadd doppju. Għall-kuntrarju, fir-rigward ta' l-iskema ta’ l-2001, il-kwantitajiet ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali A/B ġew iddeterminati fuq il-bażi ta’ data storika relatata ma’ l-importazzjonijiet primarji li diġà ġew ivverifikati u, eventwalment, korretti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-iskemi preċedenti. Għaldaqstant, la l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 896/2001 u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ l-imsemmi regolament ma jipprovdu b’mod espliċitu għall-possibbiltà li l-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jerġgħu jivverifikaw jew jikkoreġu din id-data. Naturalment, operatur ma jkunx jista’ jiġġustifika b’mod legali applikazzjoni għall-iffissar ta’ kwantità ta’ referenza fuq data li hija manifestament żbaljata jew frawdolenti. Jekk jiġi ppruvat żball jew frodi ta’ dan it-tip, il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu l-korrezzjonijiet meħtieġa, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tgħid dan fir-Regolament Nru 896/2001. F’dan il-każ, madankollu jirriżulta li fil-prattika ma twettqet l-ebda korrezzjoni ġdida tad-data relatata ma’ l-operaturi tradizzjonali A/B. L-uniku eżempju li setgħet toffri l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ma tantx hija rilevanti, għaliex huwa każ fejn kienet iddeċidiet li tikkoreġi l-ammont totali li ġie kkomunikat lilha mill-awtoritajiet Franċiżi, skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 896/2001, wara l-iskoperta, mhux ta’ dikjarazzjoni frawdolenti jew eċċessiva min-naħa ta’ operatur jew ta’ sitwazzjoni ta’ għadd doppju, imma ta’ żball fl-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) ta' l-istess regolament min-naħa ta’ l-imsemmija awtoritajiet.

104    Madankollu, mid-differenzi li ssemmew aktar ’il fuq bejn l-iskemi ta’ l-1993 u dawk ta’ l-1999, minn naħa, u l-iskema ta’ l-2001, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi allegat li r-Regolament 1121/2001 għandu jiġi analizzat bħala grupp ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonċernaw kull wieħed mill-operaturi tradizzjonali A/B, u għaldaqstant lir-rikorrenti.

105    Kif diġà ġie espost fil-punt 101 aktar 'il fuq, ir-Regolament Nru 1121/2001 fil-fatt inħareġ fid-dawl, mhux tas-sitwazzjoni speċifika ta’ l-operaturi tradizzjonali A/B, imma ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ fatt, jiġifieri l-fatt li t-total tal-kwantitajiet ta’ referenza li ġie kkomunikat lill-Kummissjoni min-naħa ta’ l-Istati Membri, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 896/2001, kien inqas mill-ammont tal-kwantitajiet disponibbli tal-kwoti tat-tariffi. Fi kliem ieħor, il-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 1.07883 li ġie ffissat mir-Regolament Nru 1121/2001 huwa r-riżultat ta’ sempliċi kalkolu matematiku, u mhux ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ kull wieħed mill-operaturi tradizzjonali A/B. Huwa jikkonċerna b’mod uniformi l-operaturi tradizzjonali kollha li kienu ppreżentaw applikazzjoni għall-iffissar tal-kwantità ta’ referenza qabel il-11 ta’ Mejju 2001. L-għan u l-effett ġuridiku ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1121/2001 għalhekk mhumiex li jiġi deċiż kif ser jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet individwali ta’ l-operaturi ppreżentati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 106).

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew aktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-regolamenti kkontestati, min-natura tagħhom stess, għandhom karattru regolatorju ta’ applikazzjoni ġenerali.

 Fuq id-dritt tar-rikorrenti li jressqu kawża

107    Għandu jiġi mfakkar li att ta' applikazzjoni ġenerali bħal regolament, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ jikkonċerna b’mod individwali lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi u għalhekk jkollu karattru ta’ deċiżjoni fil-konfronti tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C-358/89, Ġabra p. I-2501, punt 13; tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 19, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Uniòn de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 36). Dan iseħħ jekk l-att ikkonċernat jirrigwarda persuna fiżika jew ġuridika minħabba kwalitajiet li huma partikolari għaliha, jew sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kwalunkwe persuna oħra u għalhekk tidentifikaha bl-istess mod bħad-destinatarju ta’ deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, tat-22 ta’ Novembru 2001, Nederlandse Antillen vs Il-Kunsill, C-452/98, Ġabra p. I-8973, punt 60, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Uniòn de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata aktar ’il fuq, punt 36).

108    F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, tar-Regolament Nru 896/2001, fil-punti 88 sa 92 u 94 aktar 'il fuq ġie rrilevat li r-regoli li huma inklużi fih, b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1) tiegħu, huma stabbiliti b’termini ġenerali, japplikaw f’sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċu effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni li jitqiesu b’mod ġenerali u astratt. Dan ir-regolament jikkonċerna lir-rikorrenti biss fil-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ operaturi tradizzjonali A/B, u dan bl-istess mod lil kwalunkwe operatur ieħor ta' din il-kategorija.

109    Din il-konklużjoni ma ddgħajjifx l-argument tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq it-tabella li tidher fl-Anness 7 għar-rikors. Għas-snin 1989 sal-1996, din it-tabella tindika l-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ l-operaturi li jaqgħu fil-kategorija A, il-funzjoni (a), jiġifieri ta’ l-importaturi primarji, l-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ “erba’ operaturi magħżula” u l-perċentwali li tirriżulta mir-relazzjoni bejn l-ammont ta’ l-aħħar u dak ta’ l-ewwel. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-“erba’operaturi magħżula” huma r-rikorrenti u żewġ ditti li jappartjenu għall-grupp Chiquita. Madankollu, il-fatt – anki jekk wieħed jikkonċedi li huwa stabbilit – li d-data totali relatata ma’ tali operaturi ġiet eżaminata mill-Kummissjoni u mir-rappreżentant ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika għall-Kummerċ fil-kuntest tan-negozjati sabiex tinstab soluzzjoni għall-kontroversja relatata ma’ l-OKS banana ma jimplika bl-ebda mod li r-Regolament Nru 896/2001 inħareġ sabiex ikun hemm ċertu riżultat favur l-imsemmija operaturi, u b’mod partikolari, biex ikun iggarantit lilhom il-ħruġ ta’ċertu numru ta’ liċenzji ta’ importazzjoni, kif qed isostnu r-rikorrenti. Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kellha informazzjoni relatata ma’ l-importazzjonijiet primarji li twettqu, b’mod partikolari, mir-rikorrenti lanqas dan mhuwa biżżejjed biex jiddistingwi lil dawn ta’ l-aħħar, fir-rigward tar-Regolament Nru 896/2001, mill-operaturi l-oħra kollha ikkonċernati mill-istess regolament.

110    Għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet. Minn naħa, is-sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, il-leġiżlatur eżamina informazzjoni u data relatati mas-suq sabiex jassigura ruħu li s-sitwazzjoni tas-suq titqies b’mod korrett skond id-dispożizzjonijiet u l-għanijiet ta’ l-att li għandu l-intenzjoni li jadotta. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur jadotta att sabiex ikun hemm riżultat speċifiku favur ċerti persuni partikolari, li mhuwiex il-każ f'din il-kawża.

111    Ir-rikorrenti lanqas jistgħu jinvokaw il-fatt li jappartjenu għall-kategorija ta’ l-operaturi tradizzjonali, għall-kuntrarju ta’ l-operaturi mhux tradizzjonali, kif ukoll għall-“grupp żgħir” ta’ operaturi li kellhom kwantitajiet ta’ referenza relatati mal-kategorija A, il-funzjoni (a), fl-1998, biex jippretendu li huma distinti minn kwalunkwe operatur ieħor ikkonċernat mir-Regolament Nru 896/2001 (ara l-punt 63 aktar 'il fuq).

112    Kif jidher mill-punti 13 u 90 aktar 'il fuq, is-sistema ta’ diviżjoni tal-kwoti tat-tarriffi li ġiet introdotta mir-Regolament Nru 896/2001 hija bbażata eżattament fuq id-distinzjoni prinċipali bejn “operaturi tradizzjonali” u “operaturi mhux tradizzjonali”. Dawn iż-żewġ kateogriji ta’ operaturi jikkostitwixxu kategoriji ta’ persuni li jitqiesu f’termini ġenerali u astratti (ara l-punt aktar 'il fuq). Il-kwalità oġġettiva ta’ operatur tradizzjonali li għandhom ir-rikorrenti għalhekk m’għandhiex l-effett li tiddistingwihom, għall-finijiet tar-Regolament Nru 896/2001.

113    L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li jibbażaw fuq il-fatt li jappartjenu għall-“grupp żgħir ta’ operaturi” li fl-1998 kellhom kwantitajiet ta’ referenza relatati mal-kategorija A, il-funzjoni (a). Jekk huwa minnu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 896/2001, li l-importaturi primarji biss jistgħu jitqiesu bħala operaturi tradizzjonali u li l-kwantità ta’ referenza ta’ dawn ta’ l-aħħar tiġi ddeterminata skond il-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji mwettqa matul is-snin 1994-1996 u meħuda in kunsiderazzjoni fl-1998, jibqa’ l-fatt li f’tali każ dawn huma kriterji ġenerali u astratti (ara l-punti 90 u 94 aktar 'il fuq). L-elementi invokati mir-rikorrenti, għalhekk, mhumiex xierqa biex jidentifikawha..

114    It-tieni nett, fir-rigward tar-Regolament Nru 1121/2001, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti la juru u lanqas jallegaw li ġew affettwati mir-regolament minħabba ċerti kwalitajiet speċifiċi għalihom jew ta’ sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom minn kwalunkwe persuna oħra u, għaldaqstant, tidentifikahom bħala d-destinatarju.

115    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jidher li r-regolamenti kkontestati jikkostitwixxu miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali u li r-rikorrenti mhumiex affetwati minħabba ċerti ċirkustanzi speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom minn kwalunkwe persuna oħra u, għaldaqstant, tidentifikahom. Għalhekk, ma jistax jitqies li r-regolamenti kkontestati jikkonċernaw lir-rikorrenti b’mod individwali. Peress li ma jissodisfawx waħda mill-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk ir-regolamenti kkontestati jikkonċernawhomx direttament.

116    Għaldaqstant ir-rikors, safejn għandu x’jaqsam ma’ l-annullament tar-regolamenti kkontestati, għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

 Fuq it-talba għal ħlas ta' kumpens għal dannu

 L-argumenti tal-partijiet

117    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi fir-Regolament Nru 896/2001 ipprovdiet li l-kwantità ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali A/B kienet ser tiġi ffissata fuq il-bażi tal-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji tal-banana minn Stati terzi u/jew ta’ banana mhux tradizzjonali ta’ l-AKP li saru fis-snin 1994-1996, meqjusa għall-1998 sabiex tiġi amministrata l-kwota ta’ tariffi ta’ l-importazzjoni tal-banana li toriġina minn pajjiżi terzi u tal-kwantitajiet mhux tradizzjonali ta’ l-AKP, u billi adottat, fid-dawl tat-total tal-kwantitajiet ta’ referenza li ġew iddeterminati b’dan il-mod, ir-Regolament Nru 1121/2001, il-Kummissjoni aġixxiet b'mod illegali b’konsegwenzi li kienu ta' ħsara għar-rikorrenti. Fil-fehma tagħhom, il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità huma sodisfatti.

118    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu prinċipalment li r-regolamenti kkontestati ma jikkostitwixxux miżuri leġiżlattivi li jinvolvu għażliet ta’ politika ekonomika u li meta adottatahom il-Kummissjoni kienet ħatja ta’ “nuqqas amministrattiv”.

119    Fil-fehma tagħhom, id-data relatata ma’ l-importazzjonijiet primarji tal-banana fis-snin 1994-1996, meħuda in kunsiderazzjoni għall-1998, kien fiha żbalji serji. Fil-fatt, f’għadd ta’ każijiet il-kwantitajiet li kienu ddikjarati dak iż-żmien mill-operaturi ġew miżjuda b’mod frawdolenti minn dawn ta’ l-aħħar jiġifieri kienu suġġetti għal għadd doppju. Fir-rikors tagħhom, huma jqisu li l-marġni ta’ żball għas-snin 1994-1996 (“applikazzjonijiet eċċessivi meta mqabbla mal-liċenzji użati”) kien jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 23.98%. Fir-replika tagħhom huma jnaqqsu dan il-marġni ta’ żball għal 13.6%.

120    Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet taf li din id-data ma kinitx korretta u minn daqshekk, ammettiet, fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri interim, marġni ta’ żball medju ta’ bejn wieħed u ieħor 11%. Huma jikkritikaw il-fatt li l-Kummissjoni, minkejja dan, iddeċidiet li tagħmel użu mill-imsemmija data fir-regolamenti kkontestati u dan mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà, għaliha nnifisha jiġifieri għall-Istati Membri, li tivverifikaha u eventwalment tikkoreġiha. Skond ir-rikorrenti, minkejja kollox, ma kien jeżisti l-ebda ostakolu legali jew prattiku għal tali verifika jew korrezzjoni. Billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li “tiddetermina l-koeffiċjent ta’ aġġustament skond id-dritt” u ma amministratx b’mod regolari l-OKS banana.

121    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-fatt li l-perijodu ta’ referenza 1994-1996 kien l-aħħar perijodu li għalih kellha data dwar l-importazzjonijiet primarji li kienet ivverifikata biżżejjed. Huma josservaw li l-marġni ta’ żball għall-1994 kien partikolarment għoli u li, jekk il-Kummissjoni għażlet it-tliet snin ta’ bejn l-1995 u l-1997, il-marġni ta’ żball medju kien ikun inqas għoli. Huma jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li s-snin 1994-1996 kienu l-iktar reċenti li għalihom kienet disponibbli d-data relatata ma’ l-importazzjonijiet primarji, billi jsostnu li tali data xorta kienet disponibbli għas-snin 1997 u 1996, anki jekk ma kinitx għadha ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fl-aħħar nett, fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni ma tistax b’mod validu tirreferi għall-konstatazzjonijiet li ġew espressi mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 149 tas-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq.

122    Jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-regolamenti kkontestati jikkostitwixxu miżuri leġiżlattivi li jinvolvu għażliet ta’ politika ekonomika, ir-rikorrenti jsostnu, sussidjarjament, li l-Kummissjoni kisret regola superjuri tad-dritt maħsuba biex tipproteġi l-persuni kkonċernati u li tali vjolazzjoni hija suffiċjentement serja. Huma jinvokaw, b’mod aktar partikolari, il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jew tal-“prinċipju li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċerta u prevedibbli” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, 326/85, Ġabra p. 5091). Skond ir-rikorrenti “istituzzjoni ma tistax tadotta att fuq il-bażi ta’ fatti li hija taf jew manifestament kellha tkun taf li huma żbaljati, b’mod partikolari meta tali att jagħmel ħsara lid-drittijiet tal-persuni kkonċernati”.

123    It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw li ġarrbu dannu minħabba l-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati li kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fit-telf tad-dritt li jimportaw ċerti kwantitajiet ta’ banana.

124    Għalhekk, fir-rikors tagħhom huma jqisu li fl-2001 tilfu d-dritt għall-importazzjoni tas-segwenti kwantitajiet ta’ banana: […](1) tunnellata metrika għal dak li jikkonċerna Comafrica u […] tunnellata metrika għal dak li jikkonċerna Dole. Huma waslu għal dawn iċ-ċifri billi għamlu l-kalkoli li ġejjin:

–        il-kwota tat-tariffi totali disponibbli għall-2001 kienet daqs 2 553 000 tunnellata metrika;

–        il-kwota tat-tariffi disponibbli għall-operaturi tradizzjonali A/B kienet tirrappreżenta t-83 % ta’ l-imsemmija kwantità, jiġifieri 2 118 990 tunnellata metrika;

–        matul il-perijodu ta’ referenza 1994-1996, il-liċenzji ta’ importazzjoni ġew użati sakemm intlaħaq l-ammont ta’ 1 590 050 tunnellata metrika;

–        għaldaqstant, il-koeffiċjent ta’ aġġustament kellu jkun iffissat għal 1.3327;

–        il-medja ta’ l-importazzjonijiet imwettqa minn Comafrica matul il-perijodu ta’ referenza hija ta’ […] tunnellati metriċi;

–        bl-applikazjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 1.3327 għall-imsemmija kwantità, Comafrica jkollha d-dritt li tippreżenta applikazjoni għal liċenzji sakemm jintlaħaq l-ammont ta’ […] tunnellata metrika;

–        bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 1.07883 previst mir-Regolament Nru 1121/2001 għall-imsemmija kwantità ta’ […] tunnellata metrika, Comafrica jkollha d-dritt li tippreżenta applikazzjoni għal liċenzji biss sakemm jintlaħaq l-ammont ta’ […] tunnellata metrika;

–        il-medja ta’ l-importazzjonijiet imwettqa minn Dole matul il-perijodu ta’ referenza hija ta’ [...] tunnellata metrika;

–        bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 1.3327 għall-kwantità msemmija, Dole jkollha d-dritt li tippreżenta applikazzjoni għal liċenzji sakemm jintlaħaq l-ammont ta’ […] tunnellata metrika;

–        bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 1.07883 previst mir-Regolament Nru 1121/2001 għall-kwantità msemmija ta’ […] tunnellata metrika, Dole jkollha d-dritt li tippreżenta applikazzjoni għal liċenzji biss sakemm jintlaħaq l-ammont ta’ […] tunnellata metrika.

125    Fir-replika, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-istima tagħhom tal-volum ta’ l-applikazzjonijiet żejda, kif kienet ifformulata fir-rikors, ma tieħux in kunsiderazzjoni l-importazzjonijiet li saru fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Iżvezja (ara l-punt 133 aktar 'il quddiem). Huma jasserixxu li għall-perijodu 1994-1996 l-Kummissjoni tirrikonoxxi bejn wieħed u ieħor “perċentwali ta’ applikazzjonijiet li jaqbżu l-11.24%” u jissuġġerixxu li tali perċentwali tikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tad-dannu li ġarrbu. Barra minn hekk, huma jirreferu għad-data u għall-informazzjoni dwar id-dannu mġarrab minnhom inkluż fit-talba tagħhom għal miżuri provviżorji, u jipproponu li jaġġornawhom.

126    Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju ta’ Spanja, ir-rikorrenti jissuġġerixxu li d-data u l-informazzjoni li jinsabu fir-rikors tagħhom jiġu aġġornati. Fl-aħħar nett, fir-risposta tagħhom għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub li għamlitilhom il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 49 aktar 'il fuq), ir-rikorrenti jirrikonoxxu li fil-kalkolu tagħhom ta’ dan l-ewwel kap tad-dannu nsew jieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 896/2001 u konsegwentement jaġġustaw iċ-ċifri li jinsabu fir-rikors tagħhom.

127    Skond it-tieni kap, ir-rikorrenti jallegaw it-“telf tad-drittijiet futuri għal dak li jikkonċerna l-volumi mitlufa”.

128    Skond it-tielet kap, huma jsostnu li l-użu ta’ kwantitajiet ta’ referenzi illegali wassal ukoll għal tnaqqis fl-ishma tas-suq tagħhom.

129    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jitolbu li l-ammonti mogħtija lihom bħala ħlas ta' kumpens għal dannu jiġu miżjuda b’interessi kumpensatorji.

130    It-tielet nett, safejn għandu x’taqsam ir-rabta ta' kawżalità, huma qed isostnu li kieku ma ttieħdux il-miżuri illegali li ġew adottati mill-Kummissjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 896/2001 u 1121/2001, huma kienu jkunu jisgħu jiksbu kwantitajiet ta’ referenza akbar u għaldaqstant, numru akbar ta’ drittijiet għal liċenzji ta’ importazzjoni.

131    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-affermazzjonijiet.

132    L-ewwel nett, l-istituzzjoni ssostni li ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda mġiba illegali. Hija tenfasizza li għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-politika agrikola komuni u tikkonkludi li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha tista’ sseħħ biss fil-preżenza ta’ vjolazzjoni suffiċjentement serja ta’ regola tad-dritt li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta li l-marġni ta’ żball jirrappreżenta medja ta’ 23.98 % għat-tliet snin u huwa għola minn 50 % għas-sena 1994. L-istituzzjoni tosserva, b’mod aktar speċifiku, li ċ-ċifri li ġew adottati mir-rikorrenti għall-1994 ma jqisux l-importazzjonijiet li saru fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Iżvezja li, dak iż-żmien, ma kinux jifformaw parti mill-Komunità.

134    Il-Kummissjoni, b’referenza għall-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 404/93, fil-verżjoni emendata mir-Regolament Nru 216/2001, issostni li l-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi setgħet issir skond il-metodu li bbażat fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-flussi tal-kummerċ tradizzjonali, li hija għażlet. Hija tippreċiża li b’dan il-mod iddeċidiet li tqis id-data storika disponibbli u li d-data li kienet l-aktar affidabbli kienet bilfors dik li diġà kienet ikkomunika u vverifikata għall-attribuzzjoni tal-kwantitajiet ta’ referenza matul is-snin preċedenti. Is-snin 1994-1996 kienu s-snin l-aktar reċenti li għalihom kienet disponibbli din id-data, billi l-1998 kienet l-aħħar sena ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1993 li għaliha intużat id-data relatata ma’ l-importazzjonijiet primarji. Il-Kummissjoni qed tinsisti fuq il-fatt li din id-data ġiet eżaminata u korretta b’mod preċiż u tenfasizza li ċ-ċifri li hija pprovdiet “għal dak li jikkonċerna l-grad possibbli ta’ ineżattezza taċ-ċifri ta’ l-1994-1996” diġà ntlaqgħu mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li l-użu tad-data relatata mal-perijodu 1994-1996 ippermetta li tiġi stabbilita b’mod rapidu s-sistema l-ġdida, li essenzjalment kienet tranżitorja, u li tqis li kien aħjar li jiġu adottati tliet snin, bħalma sar qabel, ladarba dan kien jippermetti li jitnaqqsu l-varjazzjonijiet li ġew rilevati fis-suq tal-banana minn sena għall-oħra.

135    Il-Kummissjoni tikkontesta kemm hija fondata l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ċerta data relatata ma’ l-importazzjonijiet primarji kienet disponibbli ukoll għas-snin 1997 u 1998. Hija tafferma li fl-24 ta’ Mejju 2000, permezz ta' faks, stiednet lill-Istati Membri kollha biex jibgħatulha d-data li għandha x’taqsam mal-kwantitajiet li ġew ikkummerċjalizzati mill-importaturi primarji fl-1997 u fl-1998 jew, jekk ikun il-każ, biex jindikawlha li din id-data ma kinitx disponibbli. Seba’ Stati Membri ma wieġbux għal din it-talba. Fir-rigward ta' l-Istati Membri l-oħra, is-sitwazzjoni kienet din li ġejja:

–        ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Finlandja pprovdew ċifri globali dwar l-importazzjonijiet primarji mingħajr distinzjoni skond l-operatur;

–        ir-Repubblika ta’ l-Awstrija pprovdiet dettalji esklużivament dwar il-livell ġenerali ta’ l-importazzjonijiet;

–        l-Istati Membri l-oħra, ħlief għar-Repubblika Taljana, wieġbu li d-data pprovduta mill-operaturi tagħhom għall-1997 qatt ma ġiet ivverifikata mill-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li d-data ta’ l-1998 qatt ma nġabret;

–        id-data ta’ l-1997 ma kinitx disponibbli għar-Repubblika tal-Portugall;

–        ir-Repubblika Taljana biss irnexxielha tipprovdi data, anki jekk mhux kompluta, għall-1997 u għall-1998, fejn enfasizzat madankollu li din kienet data mhux ipproċessata li ġiet trażmessa mill-operaturi Taljani u li qatt ma kienet ġiet ivverifikata mill-awtoritajiet kompetenti.

136    Fir-rigward ta' l-ilment ibbażat fuq il-fatt li ma rriservatx il-possibbiltà li tivverifika l-eżatezza tad-data kkomunikata, il-Kummissjoni tenfasizza li s-sistema għall-iffissar tal-kwantitajiet ta’ referenza prevista mir-Regolament Nru 896/2001 mhix ibbażata fuq applikazzjonijiet ibbażati fuq data ġdida, imma fuq data relatata mal-perijodu 1994-1996. Madankollu, din id-data ta’ l-aħħar jidher li diġà kienet suġġetta għal verifiki approfonditi min-naħa ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni, kif kien irrilevat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq. Il-Kummisjoni tippreċiża li, jekk huwa minnu li d-data stess ma kinitx perfetta, fl-imsemmija sentenza, minkejja kollox il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li r-raġunijiet li ġew adottati sabiex ikunu ġġustifikati tali imperfezzjonijiet kienu validi u rrikonoxxiet li l-użu tad-data kkonċernata ma kienx manifestament inadegwat.

137    Għal dak li għandu x’jaqsmu ma' l-ilmenti tar-rikorrenti rigward ir-Regolament Nru 1121/2001, il-Kummissjoni tqis li dawn huma bbażati fuq il-premessa żbaljata ta’ l-illegalità tar-Regolament Nru 896/2001.

138    It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-allegat dannu, qabel xejn il-Kummissjoni ssostni li t-talba tar-rikorrenti bbażata fuq it-tnaqqis ta’ l-ishma tas-suq tagħhom hija ferm vaga u għaldaqstant għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli. Fir-rigward tad-dannu li jikkonsisti fit-telf tad-dritt li jiġu importati ċerti kwantitajiet ta’ banana, fil-fehma tagħha “il-kwantitajiet ta’ referenza jagħtu sempliċement il-possibbiltà li jintalbu liċenzji ta’ importazzjoni”. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni tqis li l-volumi li għalihom ir-rikorrenti qed isostnu li kellhom jiddisponu minn kwantità ta’ referenza, minbarra dawk li għalihom kisbu l-imsemmija kwantità skond ir-Regolament Nru 1121/2001, huma ferm akbar mill-volumi li effettivament importaw matul il-perijodu 1994-1996. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ma kinux isibu rwieħhom fil-pożizzjoni li ma jistgħux jimportaw ċerti kwantitajiet ta’ banana minħabba li ma bbenefikawx minn kwantità ta’ referenza kbira biżżejjed, ladarba setgħu jakkwistaw drittijiet ta’ importazzjoni supplimentari mingħand partijiet terzi. Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li r-rikorrenti ma wrewx b’mod adegwat l-allegat dannu li ġarrbu u, b’mod aktar ġenerali, li ma fformulawx it-talba tagħhom għal ħlas ta' kumpens għal dannu b’mod suffiċjentement adegwat.

139    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata bl-ebda mġiba illegali. Huwa jirreferi, b’mod aktar partikolari, għall-konstatazzjonijiet li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 149 u 150 tas-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq.

140    Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-rikorrenti ma stabbilewx ir-realtà u l-portata ta' l-allegat dannu, u lanqas l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-imġiba illegali li qed tiġi akkużata biha l-Kummissjoni u l-imsemmi dannu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

141    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, hija suġġetta għall-koeżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità ta’ l-imġiba li biha huma akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn tali mġiba u l-allegat dannu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44; tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30; tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20). Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix sodisfatta, ir-rikors għal ħlas ta' kumpens għal dannu għandu jiġi kompletament miċħud mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà msemmija aktar ’il fuq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punt 19, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).

142    F’dan il-każ, għandha tiġi eżaminata t-talba għal ħlas ta' kumpens għal dannu fir-rigward ta' l-ewwel mill-imsemmija kundizzjonijiet, relatata ma’ l-eżistenza ta’ mġiba illegali. Fir-rigward ta' din il-kundizzjoni, il-ġurisprudenza titlob li tiġi aċċertata vjolazzjoni suffiċjentement serja ta’ regola tal-liġi intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42). Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni li l-vjolazzjoni tkun suffiċjentement serja, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi stabbilit li din hija sodisfatta huwa li l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata tkun manifestament u serjament injorat il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta' diskrezzjoni li jkun kunsiderevolment imnaqqas, anki ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista' jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' vjolazzjoni suffiċjentement serja (sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 134, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Frar 2004, Afrikanische Frucht-Compagnie u Internationale Fruchtimpoart Gesellschaft Weichert vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-64/01 u T-65/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 71).

143    L-imġiba illegali allegata f’dan il-każ hija marbuta, essenzjalment, mal-fatt li fir-Regolament Nru 896/2001, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, sabiex tkun iffissata l-kwantità ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali A/B, il-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji tal-banana ta’ l-Istati terzi u/jew tal-banana AKP mhux tradizzjonali li saru minn dawn ta’ l-aħħar matul is-snin 1994-1996 u meħud in kunsiderazzjoni għas-sena 1998, anki jekk kienet taf li din id-data kienet ineżatta u naqset milli tipprevedi mekkaniżmu ta’ verifika u ta’ korrezzjoni ta’ l-istess data. B’dan il-mod, il-Kummissjoni saret ħatja ta’ “nuqqas amministrattiv” jew aħjar ta’ vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jew tal-“prinċipju li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċerta u prevedibbli”.

144    Fid-dawl tal-kriterji li ġew elaborati mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 142 aktar 'il fuq, għandha tiġi vverifikata l-kundizzjoni li l-vjolazzjoni trid tkun suffiċjentement serja. F’dan ir-rigward, ir-regolamenti kkontestati għandhom jiġu eżaminati b’mod separat.

145    L-ewwel nett, fir-rigward tar-Regolament Nru 896/2001, wieħed ma jistax jiċħad li dan ġie adottat mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Di Lenardo u Dilexport, C-37/02 u C-38/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 57 u 71).

146    Dan ir-regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 216/2001, dispożizzjoni li tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta, b’mod partikolari, ir-regoli ta’ amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi. L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu li għandu jiġi applikat biex titwettaq din l-amministrazzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza Di Lenardo u Dilexport, iċċitata aktar ’il fuq, punt 57). L-Artikolu 19(1) fil-fatt jipprovdi li tali amministrazzjoni ssir “b’konformità mal-metodu bażat fuq il-konsiderazzjoni tal-flussi kummerċjali tradizzjonali (‘dawk tradizzjonali/dawk ġodda’) u/jew skond metodi oħra”. L-uniku limitu għal tali marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni jinsab fl-Artikolu 19(2), li jistabbilixxi li “[i]l-metodu adottat għandu jikkunsidra kif ikun approprjat il-ħtieġa li jinżamm l-ekwilibriju fil-provvista tas[-]suq tal-Komunità”.

147    Billi għamlet użu mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li ġiet ikkonferita lilha b’dan il-mod, meta adottat ir-Regolament Nru 896/2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika, mill-1 ta’ Lulju 2001 u b’mod tranżiotrju sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, metodu ta’ attribuzzjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni bbażat, sa ċertu punt, fuq referenzi storiċi u fuq distinzjoni bejn “operaturi tradizzjonali” u “operaturi mhux tradizzjonali”, b’dawk ta’ l-ewwel ddefiniti skond it-twettiq ta' importazzjonijiet primarji tal-banana.

148    Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-ebda element ma jippermetti li tiġi kkritikata l-għażla tal-Kummissjoni li tirrikorri għal dan il-metodu pjuttost milli għal ieħor fost il-metodi li tqiesu preċedentement, u b’mod partikolari dak li kien ibbażat fuq ir-regola ta’ “min jasal l-ewwel, jinqeda l-ewwel”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 896/2001 saret minħabba negozjati internazzjonali kumplessi u delikati, li fil-kuntest tagħhom ġew esposti – u kien meħtieġ li jiġu rrikonċiljati – fehmiet ferm kontradittorji. Il-Kummissjoni kellha tqis mhux biss l-interessi tal-produtturi Komunitarji, imma anki l-obbligi tagħha stess fil-konfront ta’ l-Istati AKP u ta’ l-impenji internazzjonali li daħlet għalihom il-Komunità fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-WTO.

149    Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-għażla, fil-kuntest tal-metodu ta’ attribuzzjoni tal-liċenzji adottat mill-Kummissjoni, tas-snin 1994-1996 bħala perijodu ta’ referenza għad-definizzjoni tal-kategoriji ta’ operaturi u għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali ma jidhirx li kienet manifestament inadegwata.

150    L-ewwel nett, ma jistax jiġi kkontestat li l-għażla ta’ perijodu preċedenti ma kinitx tkun adegwata, meta jitqies, fuq kollox, il-fatt li s-sistema komuni ta’ importazzjoni tal-banana li ġiet introdotta mir-Regolament Nru 404/93 daħlet fis-seħħ biss mill-1 ta’ Lulju 1993. Qabel din id-data, l-importazzjoni tal-banana fil-Komunità kienet suġġetta għal skemi legali li kienu differenti, ċerti darbi anki b’mod sinjifikattiv, minn Stat Membru għal ieħor.

151    It-tieni nett, kif jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 896/2001, id-data storika l-aktar affidabbli li kellha l-Kummissjoni fir-rigward ta' l-importazzjonijiet primarji fil-mument ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 896/2001 kienet dik relatata mas-snin 1994-1996. Fil-fatt, tali data kienet intużat fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ l-1993, li kienet tipprevedi sistema ta’ diviżjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq sottodiviżjoni tal-kategoriji A u B skond tliet funzjonijiet ekonomiċi differenti, fosthom l-importazzjoni primarja (il-funzjoni “a”) (ara l-punt 11 aktar 'il fuq). Barra minn hekk, dak iż-żmien din id-data data kienet ġiet suġġetta għal verifiki approfonditi u, jekk kien il-każ, għal korrezzjonijiet, kemm min-naħa ta’ l-awtorijitajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll min-naħa tal-Kummissjoni. Rigward din ta’ l-aħħar, ta’ min ifakkar ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet irrilevat, fil-punt 146 tas-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, li l-istituzzjoni “[kienet] aġġixxiet bi prudenza u diliġenza kbira fil-verifika u fil-korrezzjoni tad-differenzi fid-data mibgħuta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u fl-eliminazzjoni tal-każijiet ta’ għadd doppju”.

152    Naturalment, dawn il-verifiki ma ppermettewx li jiġu eliminati l-każijiet kollha ta’ għadd doppju, u dan minħabba r-raġunijiet li ġew iċċarati fil-punt 147 tas-sentenza Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq. Għalhekk, kien hemm marġni ta’ żball, b’mod partikolari fir-rigward tad-data relatata ma’ l-importazzjonijiet primarji. Fil-fatt, il-partijiet ma jikkontestawx li fis-snin 1994-1996, il-kwantitajiet ta’ banana importati permezz ta’ liċenzji tal-kategorija A, il-funzjoni (a) kienu inqas mill-kwantitajiet ta’ referenza li ġew iddikjarati mill-operaturi kkonċernati u li l-marġni ta’ żball huwa, bejn wieħed u ieħor, ta' madwar 11%. Madankollu, ta’ min iqis li minkejja dawn l-imperfezzjonijiet, id-data kkonċernata toffri stampa ġenerali tajba tas-sitwazzjoni fis-suq tal-banana fil-Komunità fil-perijodu kkonċernat.

153    It-tielet nett il-Kummissjoni, ma jistax tiġi akkużata li inkludiet, fil-perijodu ta’ referenza, is-sena 1994, minkejja li din is-sena kienet partikolarment affettwata bid-differenzi li ġew ikkritikati mir-rikorrenti. Minn naħa, l-istituzzjoni ma setgħetx tqis is-snin 1995-1997 bħala perijodu ta’ referenza peress li, minkejja l-impenn tagħha f’dan is-sens, hija ma setgħetx tikseb mingħand id-diversi Stati Membri data affidabbli u kompluta rigward l-importazzjonijiet primarji fl-1997. Dan huwa muri b’mod konvinċenti mill-elementi ta’ prova li ġew invokati mill-Kummissjoni in sostenn ta' l-affermazzjonijiet tagħha, li ġew esposti fil-punt 135 aktar 'il fuq. Fir-replika, barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrikonoxxu b’mod espliċitu li d-data relatata ma’ l-importazzjonijiet primarji għas-snin 1997 u 1998 ma ġewx ivverifikati la mill-awtoritajiet kompetenti u lanqas mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, ma kienx ikun rilevanti li l-għażla tkun limitata għal sentejn, jiġifieri għas-snin 1995 u 1996. Fil-fatt, kif ġie rrilevat b’mod korrett mill-Kummissjoni, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' perijodu ta' tliet snin jagħti stampa aktar rappreżentattiva tas-suq tal-banana, peress li l-varjazzjonijiet irreġistrati fl-imsemmi suq jitnaqqsu minn sena għall-oħra. Għandu jingħad ukoll li, fl-iskemi ta’ l-1993 u ta’ l-1999, l-attribuzzjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni diġà kienet qed issir skond il-kwantitajiet ta’ banana kummerċjalizzati (l-iskema ta’ l-1993) jew effettivament importati (l-iskema ta’ l-1999) għal perijodu ta’ referenza ta’ tliet snin.

154    Ir-raba nett, għandu jiġi mfakkar li l-iskema ta’ l-2001 titqies bħala skema tranżitorja u li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ data disponibbli u diġà vverifikata b’mod preċiż fl-imgħoddi ppermetta l-implementazzjoni rapida tagħhom.

155    Il-ħames nett, l-għażla tas-snin 1994-1996 bħala perijodu ta’ referenza iddaħħlet fil-kuntest ta’ negozjati internazzjonali delikati u kumplessi u hija waħda mill-elementi xierqa biex tinstab soluzzjoni għall-kontroversja li, fis-settur tal-banana, ilha tara għal diversi snin lill-Komunità fuq naħa waħda u lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u lir-Repubblika ta’ l-Ekwador, fuq in-naħa l-oħra.

156    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-kritika tar-rikkorrenti relatata man-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ verifika u ta’ korrezzjoni tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali fir-Regolament Nru 896/2001, biżżejjed jingħad li, bħala prinċipju, tali mekkaniżmu ma kienx jista’ jiġi ġġustifikat fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ l-2001, billi fil-passat id-data li fuqha kienu bbażati tali kwantitajiet diġà kienet suġġetta għal verifiki approfonditi u, eventwalment, għal korrezzjonijiet (ara l-punt 151 aktar 'il fuq). Huwa minnu li kien jeżisti ċertu marġni ta’ żball, imma dan kien inevitabbli u kellu jkun ittollerat minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 149-155 aktar 'il fuq. Barra minn hekk, huwa dubjuż, meta jitqiesu ż-żmien li għadda mill-bidu tal-perijodu ta’ referenza u n-nuqqas ta’ obbligu min-naħa ta’ l-operaturi u ta’ l-Istati Membri biex iżommu d-dokumenti ġustifikattivi li huma relatati ma’ l-importazzjonijiet tal-banana li twettqu matul is-snin 1994-1996, li setgħu jsiru verifiki ġodda jew, li ta' l-inqas, li dawn kienu ser jippermettu li jiġi rrilevat numru sinjifikattiv ta’ ineżattezzi supplimentari fiċ-ċifri li ġew ikkomunikati. Ikun xi jkun il-każ, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 103 aktar 'il fuq, jekk jirriżulta li ċerta data kienet manifestament żbaljata jew frawdolenti, il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet meħtieġa, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tgħid dan fir-Regolament Nru 896/2001.

157    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew aktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 896/2001, ma injoratx b'mod manifest u serju l-limiti li ġew imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, hija ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda mġiba illegali li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

158    Imbagħad, fir-rigward tar-Regolament Nru 1121/2001, ta’ min ifakkar li huwa nħareġ fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(1) u 4(2) u ta’ l-Artikolu 5(1) u 5(2) tar-Regolament Nru 896/2001. Il-Kummissjoni hija obbligata li tiffissa, skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 896/2001, koeffiċjent ta’ aġġustament jekk teżisti differenza bejn it-total tal-kwantitajiet ta’ referenza skond l-Artikolu 4(1) u 4(2) ta’ l-istess regolament, li kull wieħed mill-Istati Membri nnotifikaha biha, u l-kwantitajiet disponibbli tal-kwoti tat-tariffi. Għalhekk, l-istituzzjoni m’għandha l-ebda diskrezzjoni fir-rigward ta' kemm huwa rilevanti li jiġi ffissat il-koeffiċjent ta’ aġġustament u fir-rigward ta' l-għażla tal-kwantitajiet li għandhom jitqiesu għal dan. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1121/2001, sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’, fi kwalunkwe każ, ikun biżżejjed sabiex jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

159    L-imġiba illegali li r-rikorrenti qed jikkritikaw lill-Kummissjoni biha fir-rigward tar-Regolament Nru 1121/2001 hija bbażata fuq il-premessa r-Regolament Nru 896/2001 huwa illegali, safejn jipprovdi għat-teħid in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-iffissar tal-kwantità ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali A/B, ta' data relatata ma’ l-importazzjonijiet primarji mwettqa minn dawn ta’ l-aħħar matul is-snin 1994-1996, u dan mingħajr ma jiġu previsti mekkaniżmi ta’ verifika u ta’ korrezzjoni ta’ l-imsemmija data. Madankollu, kif irriżulta mill-konstatazzjonijiet li ġew esposti preċedentement fil-punti 145-157, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda azzjoni illegali fil-kuntest ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 896/2001. Għaldaqstant, hija ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda mġiba li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, lanqas fir-rigward tar-Regolament Nru 1221/2001.

160    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-talba għal ħlas ta' kumpens għal dannu għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr m'hemm għalfejn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

161    Għall-iskopijiet ta' kompletezza, madankollu għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma wrewx b’mod sodisfaċenti l-eżistenza u l-portata tad-dannu li allegaw li ġarrbu.

162    L-ewwel nett, fir-rigward tad-dannu li jikkonsisti fit-telf tad-dritt li jiġu importati ċerti kwantitajiet ta’ banana fl-2001, għandhom jiġu fformulati diversi konstatazzjonijiet kritiċi, minn naħa, fir-rigward tar-regoli li ġew adottati sabiex juru l-eżistenza tiegħu, u min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-mod li bih ikkalkulawh.

163    L-ewwel nett, ir-rikorrenti qed isostnu li jekk il-kwantità ta’ referenza ta’ l-operaturi tradizzjonali A/B kienet ġiet iffissata fuq il-bażi ta’ data korretta, il-koeffiċjent ta’ aġġustament li għandu jiġi applikat lill-imsemmija kwantità ta’ referenza ma kellux ikun ta’ 1.07883 imma ta’ 1.3327. Huma jqisu li tilfu “id-drittijiet għall-importazzjoni” tal-banana li jammonta għad-differenza bejn il-kwantita miksuba billi mal-kwantità ta’ referenza rispettiva tagħhom – jiġifieri l-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji tal-banana li wettqu matul is-snin 1994-1996 - jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.3327 u dak miksub meta ġie applikat koeffiċjent ta’ 1.07883 ma’ l-istess kwantità ta’ referenza.

164    Anki jekk wieħed jammetti li ċ-ċifri u l-kalkoli proposti mir-rikorrenti huma eżatti, il-fatt li huma kisbu kwantità ta’ referenza individwali inqas minn dik li setgħu jippretendu li kieku kien applikat koeffiċjent ta’ aġġustament akbar mhux bilfors jimplika li huma ġarrbu dannu korrispondenti. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-kwantità ta’ referenza ma tirrappreżentax, minnha nnifisha, dritt għall-importazzjoni tal-banana, imma tikkostitwixxi biss bażi ta’ referenza għal operazzjonijiet ulterjuri, jiġifieri b’mod aktar preċiż, l-applikazzjoni għal u l-attribuzzjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni. Operatur mhux bilfors ser japplika għal liċenzji ta’ importazzjoni sakemm jintlaħaq l-ammont totali tal-kwantità ta’ referenza li ġiet attribwita lilu. Imbagħad – kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni – jeħtieġ li huwa jkollu kwantità biżżejjed ta’ banana biex jimportaha bl-imsemmija liċenzji u probabbiltajiet raġonevoli li jbiegħha fil-Komunità. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pprovdew l-ebda indikazzjoni li tgħid dan. L-effikaċja ta’ l-imsemmi dannu kellha tintwera b’mod aktar dettaljat, iktar u iktar għaliex għall-perijodu kkonċernat (jiġifieri t-tieni nofs ta’ l-2001), il-koeffiċjent ta’ aġġustament li ġie ffissat mir-Regolament Nru 1121/2001 kien pożittiv. Fi kliem ieħor, intwera li l-kwantità ta’ referenza individwali li ġiet attribwita lir-rikorrenti fil-fatt kienet akbar mill-importazzjonijiet primarji li huma wettqu matul il-perijodu ta’ referenza. Jekk jitqies il-koeffiċjent ta’ aġġustament li huma qed jitolbu li jiġi applikat, il-kwantità ta’ referenza individwali tagħhom hija saħansitra ferm akbar.

165    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 896/2001 li, “[g]ħall-ewwel tlett kwarti tas-sena, jista’ jiġi deċiż illi l-applikazzjonijiet tal-liċenzji li jkunu ġew sottomessi minn ċertu operatur ma jistgħux fit-total tagħhom jaqbżu perċentwal[i] stab[b]ilit tal-kwantità ta’ referenza ffissata skond l-Artikolu 5 għall-allokazzjoni annwali ffissata skond l-Artikolu 9(3)”.

166    It-tieni nett, ir-rikorrenti juru nuqqas assolut ta’ serjetà u ta’ preċiżjoni fil-kalkolu tagħhom tad-dannu li jikkonsisti fit-telf tad-dritt li jimportaw ċerti kwantitajiet ta’ banana fl-2001. Fil-fatt, fir-replika tagħhom, huma rrikonoxxew li naqsu milli jqisu ċerti importazzjonijiet li saru fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Iżvezja fl-1994 u li għalhekk issopravalutaw ħafna l-marġni ta’ żball medju li jissemma fir-rikors tagħhom. Tali marġni għalhekk għadda minn 30.4% għal 13.6%. Sadanittant, fir-replika tagħhom, huma jipproponu li jużaw, biex jikkalkulaw id-dannu li ġarrbu, il-“perċentwali ta’ 11.24%” li użat il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura sommarja u li jużaw id-data u l-informazzjoni li jinsabu fl-applikazzjoni tagħhom għal miżuri urġenti. Sussegwentement, fir-risposta tagħhom għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 49 aktar 'il fuq), ir-rikorrenti rrikonoxxew li fil-kalkolu tagħhom naqsu li jqisu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 896/2001 u li ċ-ċifri li jissemmew fir-rikors kienu jikkonċernaw is-sena 2001 kollha, filwaqt li r-Regolament Nru 896/2001 kien applikabbli biss mit-tieni nofs ta’ l-istess sena. Għaldaqstant, huma japplikaw koeffiċjent ta’ 0.4454 previst mill-imsemmija dispożizzjoni għal kwantitajiet ta’ banana li, fir-rikors tagħhom, huma sostnew li ma kellhomx id-dritt li jimportaw biex b’hekk waslu għal […] tunnellata metrika għal dak li jikkonċerna lil Comafrica u għal […] tunnellata metrika għal dak li jikkonċerna lil Dole. Minbarra l-fatt li f’dan il-każ, għal darb’oħra, dan huwa tnaqqis sostanzjali tat-talbiet tagħhom, għandu bilfors jiġi rrilevat li r-rikorrenti jibbażaw il-kalkolu l-ġdid tagħhom fuq data relatata mas-sena 1994, li fir-replika tagħhom, madankollu rrikonoxxew li kienet issopravalutata ħafna. Fi kliem ieħor, minbarra l-fatt li ma jistax jiġi ddeterminat b’ċertezza liema hija l-bażi tal-kalkolu li ġiet proposta mir-rikorrenti, ikun xi jkun il-każ din hija bbażata fuq data ineżatta.

167    Min-naħa l-oħra, rigward it-tieni u t-tielet kap ta' l-allegat dannu, li jikkonsistu fit-telf tad-“drittijiet futuri għal dak li jikkonċerna l-volumi mitlufa” u fi tnaqqis ta’ l-ishma tas-suq tagħhom, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti qed jippreżentawhom biss f’termini ferm vagi, mingħajr ma jindikaw b’mod ċar l-elementi li jippermettu li tiġi apprezzata n-natura u d-daqs tagħhom u mingħajr ma jiġu ppreċiżati l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom għandhom jiġu kkalkulati.

168    Għaldaqstant, ma ntweriex li l-eżistenza tat-tieni kundizzjoni li tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma ġietx sodisfatta. Anki minħabba din ir-raġuni, it-talba għal ħlas ta' kumpens għal dannu għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-talba għal miżuri istruttorji

169    Ir-rikorrenti qed jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, f’termini ta’ miżuri istruttorji, tistieden lill-Kummissjoni sabiex:

–        tikkonferma li l-erba’ operaturi li jissemmew fl-Anness 7 għar-rikors jinkludu lir-rikorrenti;

–        tipprovdi informazzjoni dwar l-użu tal-liċenzji ta’ importazzjoni matul is-snin 1994-1996, dwar iċ-ċifri relatati ma’ l-importazzjonijiet effettivi u dwar il-mod kif waslet għall-istima tagħha tal-livell ta’ l-applikazzjonijiet żejda.

170    Il-Kummissjoni topponi għall-imsemmija talba.

171    Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, m'hemmx għalfejn jingħata segwitu għat-talba ta’ miżuri istruttorji li ġiet ifformulata mir-rikorrenti, peress li l-elementi li jinsabu fl-atti u l-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduti huma biżżejjed biex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tiddeċiedi din il-kawża.

172    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew aktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud kompletament.

 Fuq l-ispejjeż

173    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri interim, skond it-talbiet ta' din ta' l-aħħar.

174    Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

175    Simba għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      It-talba għal annullament hija inammissibbli.

2)      It-talba għal ħlas ta' kumpens għal dannu hija miċħuda bħala infondata.

3)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk li ġew sostnuti mill-Kummissjoni fil-kawża prinċipali u fil-proċedura għal miżuri interim.

4)      Il-partijiet intervjenenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Frar 2005.

H. Jung

 

       P. Lindh

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali li m'għandhiex tiġi ppubblikata.