Language of document : ECLI:EU:T:2009:181

Kawża T-152/06

NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB

vs

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Ilment ta’ kompetitur — Ittri tal-Kummissjoni lil persuna li tilmenta — Għajnuna eżistenti — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Inammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jistgħu jiġu kkontestati mill-awtur ta’ lment li jallega għajnuna mill-Istat

(Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4, 13 u 20(2))

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti — Obbligu tal-Kummissjoni li twettaq eżami tal-għajnuna eżistenti — Assenza

(Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4, 13, 17 sa 19 u 20)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti — Ittra tal-Kummissjoni indirizzata lil persuna li tilmenta li tinformaha bil-klassifikazzjoni tal-għajnuna allegata bħala għajnuna eżistenti — Inammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra l-imsemmija ittra — Possibbiltà għall-persuna li tilmenta li tressaq proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali

(it-tieni sentenza tal-Artikolu 88(3) KE)

1.      Fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni, sabiex jiġi evalwat jekk ittra mibgħuta lil persuna li tilmenta b’risposta għall-ilment tagħha tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-mertu tal-att ikkontestat, jekk dan jikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jew sempliċiment komunikazzjoni informali, bħal dik prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tal-istess regolament. B’hekk, mill-proċedura applikabbli għall-ilmenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, kif prevista fir-Regolament Nru 659/1999 u b’mod partikolari fl-Artikolu 20(2) tiegħu jirriżulta li, għalkemm, minn naħa, il-Kummissjoni għandha l-obbligu teżamina mingħajr dewmien l-informazzjoni li tikkonċerna allegata għajnuna illegali li hija mibgħuta lilha minn terzi persuni permezz ta’ lment, min-naħa l-oħra, hija mhijiex obbligata tadotta deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament b’risposta għal kull ilment. L-obbligu għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni b’risposta għal ilment jikkonċerna biss il-każ previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999. It-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tal-istess regolament tipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha tinforma lill-persuna li tilmenta permezz ta’ ittra li ma hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ. B’mod partikolari dan huwa l-każ meta l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999 huwa inapplikabbli għaliex l-ilment ma jikkonċernax għajnuna illegali, iżda fil-realtà jirreferi għal għajnuna eżistenti.

Ittra tal-Kummissjoni li tikklassifika bħala għajnuna eżistenti għajnuna allegata f’ilment ippreżentat minn impriża kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna ma għandhiex effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi ta’ din il-persuna li qed tilmenta. Din għandha titqies bħala komunikazzjoni informali, kif previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li l-kontenut tagħha ma jirriflettix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tal-istess regolament, u għaldaqstant ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

(ara l-punti 42-44, 68, 70)

2.      Fil-kuntest tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni sabiex twettaq eżami kostanti tal-għajnuna eżistenti, persuna li tilmenta ma tistax, permezz ta’ lment indirizzat lill-Kummissjoni, tobbliga lil din tal-aħħar tevalwa l-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna. Jekk il-Kummissjoni tqis, wara l-ewwel evalwazzjoni, li l-ilment ma jikkonċernax għajnuna illegali iżda għajnuna eżistenti, hija mhijiex obbligata tindirizza deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4, tar-Regolament Nru 659/1999 dwar l- applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, lill-Istat Membru kkonċernat u ma tistax tkun obbligata timplementa l-proċedura tal-Artikolu 88(1) KE.

Meta l-Kummissjoni tikkonkludi, f’ittra indirizzata lil persuna li tilmenta, li l-għajnuna allegata fl-ilment tagħha hija għajnuna eżistenti, peress li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999 li jirrigwarda l-għajnuna illegali mhuwiex applikabbli, hija ma tistax tadotta deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tal-istess regolament. Għaldaqstant, b’risposta għall-ilment, hija tista’ biss tinforma lill-persuna li tilmenta li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-istruttura tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat li jiġi kkunsidrat li, meta l-Kummissjoni tinforma lil persuna li tilmenta li l-ilment tagħha jikkonċerna għajnuna eżistenti, hija neċessarjament tadotta deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999. Tali soluzzjoni timplika li, meta l-Kummissjoni tirċievi lment dwar għajnuna eżistenti, hija għandha l-obbligu teżamina l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Skont l-Artikolu 88(1) KE, il-Kummissjoni biss għandha l-inizjattiva timplementa l-proċedura ta’ eżami kostanti tal-għajnuna eżistenti.

(ara l-punti 60, 61, 64)

3.      L-inammissibbiltà ta’ rikors għall-annullament ta’ ittra indirizzata lil persuna li tilmenta mill-Kummissjoni, li fiha l-istituzzjoni tinformaha li l-għajnuna allegata fl-ilment tagħha hija għajnuna eżistenti, ma għandhiex l-effett li ċċaħħadha mill-possibbilta li tissuġġetta l-legalità tal-għajnuna inkwistjoni għal stħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, il-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu li jinħarġu l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 71, 72)