Language of document : ECLI:EU:C:2022:572

Kawża C145/20

DS

vs

Porsche Inter Auto GmbH & Co KG

u

Volkswagen AG

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof)

 Sentenza talQorti talĠustizzja (Awla Manja) tal14 ta’ Lulju 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari  – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet  – Regolament (KE) Nru 715/2007  – Approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur  – Artikolu 5(2)  – Apparat ta’ manipulazzjoni  – Vetturi bil-mutur  – Magna diesel  – Sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet  – Software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna  – Valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (valv tal-EGR)  – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘tieqa ta’ temperaturi’  – Projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet  – Artikolu 5(2)(a)  – Eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni  – Protezzjoni tal-konsumaturi  – Direttiva 1999/44/KE  – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum  – Artikolu 2(2)(d)  – Kunċett ta’ ‘turija tal-kwalità u l-ħidma li huma normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b’mod raġonevoli, skont in-natura tal-oġġetti’  – Vettura koperta minn approvazzjoni tat-tip KE  – Artikolu 3(6)  – Kunċett ta’ ‘nuqqas ta’ konformità minuri’”

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi  – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum  – Direttiva 1999/44  – Oġġett konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ  – Kunċett ta’ “turija tal-kwalità u l-ħidma li huma normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b’mod raġonevoli, skont in-natura tal-oġġetti”  – Vettura koperta minn approvazzjoni tat-tip KE fis-seħħ  – Vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit skont ir-Regolament Nru 715/2007  – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44, Artikolu 2(2)(d))

(ara l-punti 52 sa 56, 58 u d-dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet  – Vetturi bil-mutur  – Emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u kummerċjali  – Regolament Nru 715/2007  – Obbligi tal-manifatturi dwar l-approvazzjoni  – Projbizzjoni tal-użu ta’ apparati ta’ manipulazzjoni li jnaqqsu l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet  – Eċċezzjonijiet  – Apparat li jiżgura l-protezzjoni tal-magna minn ħsara jew inċident u l-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura  – Portata  – Apparat li jnaqqas, skont it-temperatura esterna u l-altitudni, l-effettività tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet li jniġġsu tal-vetturi waqt il-funzjonament u l-użu normali tagħhom  – Esklużjoni 

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 715/2007, Artikolu 5(2)(a))

(ara l-punti 61 sa 67, 72 sa 76, 78 sa 81, u d-dispożittiv 2)

3.        Protezzjoni tal-konsumaturi  – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum  – Direttiva 1999/44  – Drittijiet tal-konsumatur  – Nuqqas ta’ konformità minuri  – Kunċett – Preżenza, fil-vettura kkonċernata, ta’ apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit skont ir-Regolament Nru 715/2007  – Esklużjoni  – Konsumatur li kien jaf bl-eżistenza ta’ dan l-apparat u li madankollu xtara l-vettura  – Assenza ta’ effett 

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44, Artikolu 3(6))

(ara l-punti 85, 86, 88 sa 97 u d-dispożittiv 3)

Sunt

L-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fi ħdan l-Unjoni Ewropea jimmanifesta ruħu, b’mod partikolari, bl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jillimitaw l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu. F’dan is-sens, il-vetturi bil-mutur kienu s-suġġett ta’ regolamentazzjoni dejjem iktar vinkolanti, b’mod partikolari bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (1). Dan ir-regolament huwa intiż, b’mod partikolari, biex jitnaqqsu b’mod kunsiderevoli l-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) tal-vetturi b’mutur diesel sabiex titejjeb l-kwalità tal-arja u jiġu osservati l-valuri limitu f’termini ta’ tniġġis.

Dawn it-tliet kawżi jirrigwardaw ix-xiri ta’ vetturi mgħammra b’software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna li, minbarra ċerti kundizzjonijiet ta’ temperatura u ’l fuq minn ċerta altitudni ta’ ċirkulazzjoni, inaqqas l-effettività tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (EGR), li jwassal sabiex jinqabżu l-valuri limitu tal-emissjonijiet ta’ NOx stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007.

Fil-fatt, wara l-aġġornament tas-software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna, il-purifikazzjoni tal-gass tal-egżost tiġi diżattivata f’temperatura esterna ta’ inqas minn 15 grad Celsius u f’temperatura esterna ta’ iktar minn 33°grad Celsius kif ukoll f’altitudni ta’ sewqan ta’ iktar minn 1 000 metru (iktar ’il quddiem it-“tieqa ta’ temperaturi”). Barra minn din it-tieqa, f’marġni ta’ 10°grad Celsius u ’l fuq minn 1 000 metru ta’ altitudni, f’marġni ta’ 250 metru, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost titnaqqas b’mod lineari għal 0, li jwassal għal żieda tal-emissjonijiet ta’ NOx lil hinn mill-valuri limitu stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007.

Dawn it-tliet kawżi jaqgħu taħt l-estensjoni tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel) (iktar ’il quddiem is-“sentenza CLCV”) (2), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat, għall-ewwel darba, il-kunċett ta’ “tagħmir ta’ riduzzjoni [manipulazzjoni]”, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007 (3), u ddeterminat sa fejn tali apparat huwa illegali fir-rigward tad-dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament (4) li tipprevedi eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, fosthom il-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-magna minn ħsara jew inċident u għall-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura.

Huwa f’dan il-kuntest li t-tliet qrati tar-rinviju Awstrijaċi staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk software, bħal dak inkwistjoni, jikkostitwixxix “tagħmir ta’ riduzzjoni [manipulazzjoni]”, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007. Fl-affermattiv, dawn il-qrati jistaqsu jekk dan is-software jistax jiġi awtorizzat abbażi tal-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati bbażati fuq il-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-magna minn ħsara jew inċident u għall-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura. Fl-aħħar, fil-każ li l-imsemmi software ma huwiex awtorizzat, l-imsemmija qrati jixtiequ jkunu jafu jekk l-użu tiegħu jista’ jwassal għall-annullament tal-bejgħ minħabba nuqqas ta’ konformità tal-vettura mal-kuntratt, abbażi tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (5).

Permezz ta’ tliet sentenzi mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel, li s-software inkwistjoni jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet waqt il-funzjonament u l-użu normali tal-vetturi u li għalhekk jikkostitwixxi “tagħmir ta’ riduzzjoni [manipulazzjoni]” fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007. Hija tikkunsidra sussegwentement li apparat ta’ manipulazzjoni li jservi prinċipalment għall-protezzjoni tal-komponenti, bħalma huma l-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel, ma jaqax taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati jekk il-funzjonament ta’ dawn l-elementi ma jaffettwax il-protezzjoni tal-magna. Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li vettura mgħammra b’tali apparat ma hijiex konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ, fis-sens tad-Direttiva dwar il-bejgħ u l-garanziji ta’ oġġetti tal-konsum, anki jekk tkun koperta minn approvazzjoni tat-tip KE valida, u li n-nuqqas li bih hija vvizzjata ma jistax jiġi kklassifikat bħala “minuri”, li bħala prinċipju jeskludi l-possibbiltà għax-xerrej li jara li tiġi ddikjarata n-nullità tal-kuntratt.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fl-ewwel lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-software inkwistjoni jikkostitwixxix “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tħaddim u [...] użu normali” ta’ vettura.

F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li jirriżulta mhux biss mill-kliem tad-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 li tiddefinixxi tali tagħmir (6) iżda wkoll mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-għan imfittex minn dan ir-regolament, li dan il-kunċett jirreferi għall-użu ta’ vettura f’kundizzjonijiet ta’ sewqan normali, jiġifieri mhux biss għall-użu tagħha fil-kundizzjonijiet previsti għat-test ta’ approvazzjoni, applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali. Dan il-kunċett jirreferi għalhekk għall-użu ta’ din il-vettura f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, kif normalment jeżistu fit-territorju tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar f’dan ir-rigward li, kif iddeċidiet fis-sentenza CLCV, l-implimentazzjoni ta’ dispożittiv li jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjoni previsti mir-Regolament Nru 715/2007 biss matul il-fażi tat-test ta’ approvazzjoni, minkejja li din il-fażi ta’ test ma tippermettix li jiġu rriprodotti kundizzjonijiet ta’ użu normali ta’ vettura, imur kontra l-obbligu li tiġi żgurata limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet f’tali kundizzjonijiet ta’ użu. L-istess japplika fir-rigward tal-istabbiliment ta’ apparat li jippermetti li tiġi żgurata din l-osservanza biss fil-kuntest ta’ tieqa ta’ temperaturi li, għalkemm tkopri l-kundizzjonijiet li fihom isseħħ il-fażi tat-test ta’ approvazzjoni, ma tikkorrispondix għal kundizzjonijiet ta’ sewqan normali.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li software, bħal dak inkwistjoni, li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu tal-emissjonijiet previsti mir-Regolament Nru 715/2007 biss meta t-temperatura esterna tkun tinsab fit-tieqa tat-temperaturi, inaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet li minnhom wieħed jista’ raġonevolment jistenna li dawn iseħħu waqt il-funzjonament u l-użu normali tal-vetturi, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007. Dan is-software jikkostitwixxi għalhekk “tagħmir ta’ riduzzjoni [manipulazzjoni]” fis-sens ta’ dan ir-regolament (7).

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni dwar jekk software, bħal dak inkwistjoni, jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tal-użu ta’ apparati ta’ manipulazzjoni dwar il-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-magna minn ħsara jew inċident u għall-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura, prevista mir-Regolament Nru 715/2007 (8), sa fejn dan l-apparat jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-komponenti, bħalma huma l-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li r-Regolament Nru 715/2007 jipprevedi eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, b’mod partikolari meta “il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura”. Fir-rigward, qabelxejn, tal-kunċett ta’ “magna”, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li d-dritt tal-Unjoni (9) jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn, minn naħa, il-mutur kopert minn din l-eċċezzjoni u, min-naħa l-oħra, il-parametri tas-sistema ta’ kontroll tat-tniġġis, li jinkludu l-filtri tal-partikulati u l-EGR. Konsegwentement, il-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel jikkostitwixxu komponenti distinti tal-magna. F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kunċetti ta’ “inċident” u ta’ “ħsara”, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-fatt li magna tinstadd u tiqdiem ma jistax jitqies, bħala “inċident” jew “ħsara”, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007 (10), meta dawn l-avvenimenti huma, bħala prinċipju, prevedibbli u inerenti fil-funzjonament normali ta’ vettura. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss ir-riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident fuq il-magna li jikkawżaw perikolu konkret matul is-sewqan ta’ vettura li huma, għalhekk, ta’ natura li jiġġustifikaw l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, skont ir-Regolament Nru 715/2007.

Fid-dawl tal-fatt li l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ apparati ta’ manipulazzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-“bżonn” ta’ tali apparat fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007 jeżisti biss meta, fil-mument tal-approvazzjoni tat-tip KE ta’ dan l-appart jew tal-vettura li tkun mgħammra bih, ebda soluzzjoni teknika oħra ma tippermetti li jiġu evitati riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident fuq il-magna li joħolqu periklu konkret waqt is-sewqan tal-vettura.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li apparat ta’ manipulazzjoni li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjoni previsti mir-Regolament Nru 715/2007 biss meta t-temperatura esterna tinsab fit-tieqa tat-temperaturi ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ tali apparat, prevista minn dan ir-regolament, minħabba s-sempliċi fatt li dan l-apparat jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-komponenti, bħall-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel. Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk jiġi stabbilit li l-imsemmi apparat jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident fuq il-magna, ikkawżati minn funzjonament ħażin ta’ waħda minn dawn il-partijiet, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret waqt is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-istess apparat. Fi kwalunkwe każ, apparat ta’ manipulazzjoni li għandu, f’kundizzjonijiet normali ta’ użu, jopera matul il-parti l-kbira tas-sena sabiex il-magna tkun protetta kontra ħsara jew inċident u li l-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura jkun assigurat ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista mir-Regolament Nru 715/2007.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-fatt li apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007, ġie installat wara d-dħul fis-servizz ta’ vettura, waqt tiswija (11), ma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-użu ta’ dan l-apparat huwiex ipprojbit, skont dan ir-regolament (12).

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni dwar jekk l-użu ta’ software ipprojbit jistax iwassal għall-annullament tal-bejgħ minħabba nuqqas ta’ konformità tal-vettura mal-kuntratt, abbażi tad-Direttiva dwar il-bejgħ u l-garanziji ta’ oġġetti tal-konsum.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, minn naħa, li l-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/46 (13) għandhom ikunu suġġetti għal approvazzjoni tat-tip tal-KE u, min-naħa l-oħra, li din l-approvazzjoni tista’ tingħata biss jekk it-tip ta’ vettura inkwistjoni jissodisfa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007, b’mod partikolari dawk dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu. Barra minn hekk, skont id-Direttiva 2007/46 (14), il-manifattur jagħti, fil-kapaċità tiegħu ta’ detentur ta’ approvazzjoni tat-tip KE, ċertifikat ta’ konformità biex jakkumpanja kull vettura kompleta, mhux kompleta jew kompleta li hija manifatturata skont it-tip ta’ vettura approvata. Dan iċ-ċertifikat huwa obbligatorju għall-finijiet tar-reġistrazzjoni u tal-bejgħ jew tad-dħul fis-servizz ta’ vettura (15). Meta jixtri vettura li tappartjeni għas-serje ta’ tip ta’ vettura approvat u, għalhekk, flimkien ma’ ċertifikat ta’ konformità, konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li r-Regolament Nru 715/2007 jiġi osservat fir-rigward ta’ din il-vettura, u dan anki fl-assenza ta’ klawżoli kuntrattwali speċifiċi.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li vettura bil-mutur, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007, ma għandhiex “il-kwalità li hija normali ta’ oġġetti tal-istess tip li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-bejgħ u l-garanziji ta’ oġġetti tal-konsum (16), jekk, għalkemm, tkun koperta minn approvazzjoni tat-tip KE fis-seħħ u li tista’, konsegwentement, tintuża fit-triq, din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni li l-użu tiegħu huwa pprojbit skont ir-Regolament Nru 715/2007 (17).

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li nuqqas ta’ konformità li jikkonsisti fil-preżenza, fil-vettura kkonċernata, ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li l-użu tiegħu huwa pprojbit skont ir-Regolament Nru 715/2007 ma jistax jiġi kklassifikat bħala “minuri” (18), anki jekk il-konsumatur xorta kien jixtri din il-vettura kieku kien jaf bl-eżistenza u bil-funzjonament ta’ dan l-apparat.


1      ĠU 2007, L 171, p. 1.


2      Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel) (C‑693/18, EU:C:2020:1040).


3      Fis-sens tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 715/2007. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi “tagħmir ta’ riduzzjoni [manipulazzjoni]” bħala “kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.


4      Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007.


5      (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-bejgħ u l-garanziji ta’ oġġetti tal-konsum”).


6      Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 715/2007.


7      Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 715/2007.


8      Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007.


9      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat‑18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament Nru 715/2007 (ĠU 2008, L 199, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2010, L 336, p. 68), emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 566/2011 tat‑8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 158, p. 1), Anness I.


10      Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007.


11      Fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44.


12      Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.


13      Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1229/2012 tal‑10 ta’ Diċembru 2012 li jemenda l-Annessi IV u XII għad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-magna u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2012, L 353, p. 1).


14      Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2007/46.


15      Skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2007/46.


16      Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 1999/44.


17      Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.


18      Skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44.