Language of document : ECLI:EU:T:2011:218

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

17 ta’ Mejju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-klorat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Ċirkustanza aggravanti – Reċidiva – Ċirkustanza attenwanti – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva – Valur miżjud sinjifikattiv”

Fil-Kawża T‑343/08,

Arkema France, stabbilita f’Colombes (Franza), inizjalment irrappreżentata minn A. Winckler, S. Sorinas u H. Kanellopoulos, u sussegwentement minn Sorinas, E. Jégou u M. Sabeva, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn X. Lewis, É. Gippini Fournier u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.695 – Klorat tas-Sodju), sa fejn l-imsemmija deċiżjoni tikkonċerna lil Arkema France u, sussidjarjament, talba għal annullament jew għal tnaqqis tal-ammonti tal-multi li ġew imposti fuq din tal-aħħar fl-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2008) 2626 finali, tal‑11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.695 – Klorat tas-Sodju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issanzjonat, fost impriżi oħrajn, lir-rikorrenti, Arkema France (li kienet Atochem SA, imbagħad Elf Atochem SA, u sussegwentement Atofina SA u Arkema SA) u l-kumpannija parent tagħha sal-2006, Elf Aquitaine SA, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma li jikkonċernaw is-suq tal-klorat tas-sodju fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għall-perijodu mill‑11 ta’ Mejju 1995 sad-9 ta’ Frar 2000 għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti u Elf Aquitaine (premessi 12 sa 15 u l‑Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Il-klorat tas-sodju huwa aġent qawwi li jsaddad, li jinkiseb bit-trattamenti elettrolitiċi ta’ soluzzjoni abbażi tal-ilma tal-klorur tas-sodju f’ċellula mingħajr dijaframma. Il-klorat tas-sodju jista’ jiġi prodott f’forma kkristallizzata jew f’soluzzjoni. Huwa prinċipalment applikat fil-manifattura tad-diossidu tal-kloru, li jintuża għall-industrija tal-polpa u tal-karti għall-ibbliċjar tal-polpa kimika. Applikazzjonijiet oħra tiegħu jinkludu, fuq livell ferm inqas, il-purifikazzjoni tal-ilma tax-xorb, l-ibbliċjar tat-tessuti, l-erbiċidi u r-raffinar tal-uranju (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Fl-1999, il-kompetituri prinċipali fis-suq tal-klorat tas-sodju fiż-ŻEE kienu l-impriżi li ġejjin: EKA Chemicals AB (iktar ’il quddiem “EKA”), li l-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum kollu kemm hu mill-grupp Akzo Nobel u li kellha sehem ta’ 49 % mill-imsemmi suq; Finnish Chemicals Oy, li l-kapital azzjonarju tagħha kien indirettament u miżmum kollu kemm hu minn Erikem Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “ELSA”), u li kellha sehem ta’ 30 % mill-imsemmi suq; ir-rikorrenti, li 97. 55 % mill-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum minn Elf Aquitaine mill-1992 sal-2000, u li kellha sehem ta’ 9 % minn dan is-suq; Aragonesas Industrias y Energia SAU (iktar ’il quddiem “Aragonesas”), li t-totalità jew il-parti l-kbira tal-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum direttament jew indirettament, bejn l-1992 u l-2000, minn Uralita SA, u li bħal Solvay SA/NV, kellha sehem ta’ 5 % minn dan is-suq, filwaqt li produtturi oħrajn kellhom sehem kumulattiv ta’ 2 % mill-imsemmi suq (premessi 13, 14, 25 sa 30, 42 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Fit-28 ta’ Marzu 2003, EKA ippreżentat, lill-Kummissjoni, applikazzjoni għal immunità skont l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”), dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-suq tal-klorat tas-sodju (iktar ’il quddiem l-“akkordju”). EKA sostniet l-imsemmija applikazzjoni permezz ta’ provi dokumentarji u dikjarazzjoni orali (premessi 54 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fit-30 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti immunità kundizzjonali minn multa lill-EKA, skont il-punt 15 tal-Avviż tal-2000 dwar il-kooperazzjoni (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fl-10 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni ressqet talbiet għal informazzjoni lil Finnish Chemicals, lir-rikorrenti u lil Aragonesas, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 56 tad‑deċiżjoni kkontestata).

7        Fit-18 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, applikazzjoni skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fid-29 ta’ Ottubru 2004, Finnish Chemicals ippreżentat applikazzjoni lill‑Kummissjoni skont l-Avviż tal-2002 dwar il‑kooperazzjoni u pprovditilha oralment informazzjoni dwar l-akkordju. Finnish Chemicals ikkonfermat l-imsemmija applikazzjoni permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Novembru 2004 u fl-istess waqt ipproduċiet provi dokumentarji dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni (premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Bejn l-4 ta’ Novembru 2004 u l-11 ta’ April 2008, il-Kummissjoni ressqet talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari lir-rikorrenti, lil Elf Aquitaine, lil Aragonesas, lil EKA u lil Finnish Chemicals. Hija ltaqgħet ukoll mat-tnejn tal-aħħar (premessi 59 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-applikazzjoni tagħha skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessa 563 tad‑deċiżjoni kkontestata).

11      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni informat ukoll lil Finnish Chemicals bl-intenzjoni tagħha li tagħtiha, skont l-Avviż tal‑2002 dwar il-kooperazzjoni, tnaqqis ta’ 30 sa 50 % mill-ammont tal‑multa li hija kienet ġiet esposta għaliha (premessa 583 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fis-27 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet li d-destinatarji tagħha kienu, minbarra r-rikorrenti, EKA, Akzo Nobel NV, Finnish Chemicals, ELSA, Elf Aquitaine, Aragonesas u Uralita. Huma rrispondewha fit-terminu stabbilit (premessi 66 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fl-20 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti u Elf Aquitaine, b’mod partikolari, eżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu oralment, waqt seduta, mill-uffiċjal tas-seduta (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fil-11 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li kienet ġiet innotifikata lir-rikorrenti jumejn wara.

15      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment tirrileva li r-rikorrenti, EKA, Finnish Chemicals u Aragonesas segwew strateġija biex jistabbilizzaw is-suq tal-klorat tas-sodju, bl-għan aħħari li jallokaw il-volum tal-bejgħ ta’ dan il-prodott bejniethom, li jikkoordinaw il-politika tal-iffissar tal-prezzijiet fir-rigward tal-klijenti tagħhom u, b’hekk jimmassimizzaw il-marġni tagħhom. Il‑funzjonament tal-akkordju kien ibbażat fuq kuntatti frekwenti bejn il‑kompetituri taħt il-forma ta’ laqgħat bilaterali jew multilaterali u telefonati mingħajr madankollu ma jsegwu skema stabbilita minn qabel. Skont il‑Kummissjoni, dawn il-prattiki kollużivi seħħew mill-21 ta’ Settembru 1994 għal EKA u għal Finnish Chemicals, mis-17 ta’ Mejju 1995 għar-rikorrenti, mis-16 ta’ Diċembru 1996 għal Aragonesas u mit-13 ta’ Frar 1997 għal ELSA. L-imsemmija prattiki baqgħu jippersistu sad‑9 ta’ Frar 2000, għall-inqas għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, EKA, Finnish Chemicals u Aragonesas (premessi 69 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fir-rigward b’mod partikolari tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tirrileva li l-fatti esposti fid-deċiżjoni kkontestata juru li din ipparteċipat direttament fil-prattiki antikompetittivi inkwistjoni. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li, matul it‑tul kollu tal-ksur, Elf Aquitaine kellha iktar minn 97 % mill-kapital azzjonarju tar-rikorrenti. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li hemm lok raġonevoli li jiġi maħsub li r-rikorrenti kellha tikkonforma ruħha mal-politika stabbilita mill-kumpannija parent tagħha u li għaldaqstant hija ma setgħatx taġixxi b’mod awtonomu. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li jista’ jiġi preżunt li Elf Aquitaine eżerċitat influwenza determinanti fuq ir-rikorrenti, u li dan huwa kkorroborat minn indizji addizzjonali li hija telenka (premessi 384 u 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta b’mod partikolari fuq ir-rikorrenti u fuq Elf Aquitaine, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il‑“linji gwida”) (premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorremti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ammont korrispondenti għal 19 % tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti affettwati mill-akkordju inkwistjoni. Minn naħa waħda, sa fejn ir-rikorrenti pparteċipat fil-ksur għall-inqas għal erba’ snin u tmien xhur, il-Kummissjoni tqis li dan l-ammont għandu jiġi immultiplikat b’ħamsa sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur. Min-naħa l-oħra, sabiex tiddiswadi l-impriżi inkwistjoni, u b’mod partikolari lir-rikorrenti, milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali li jiffissaw il-prezzijiet, il-Kummissjoni tqis neċessarju li timponi ammont addizzjonali tal-multa li jikkorrispondi għal 19 % tal‑valur tal-imsemmi bejgħ. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti u fuq Elf Aquitaine, in solidum, multa ta’ EUR 22 700 000 (premessi 510 u 521 sa 523 tad‑deċiżjoni kkontestata).

19      Barra minn hekk, fir-rigward tal-aġġustamenti għall-ammont bażiku tal-multa, il‑Kummissjoni tirrileva, abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, li fid-data tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet diġà ssanzjonat lir-rikorrenti fi tliet deċiżjonijiet li fihom din tal-aħħar kienet inżammet bħala responsabbli għal attivitajiet kollużivi. Skont il-Kummissjoni, dawn id-deċiżjonijiet huma d-Deċiżjoni 85/74/KEE, tat-23 ta’ Novembru 1984, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/30.907 – Peroxygen) (ĠU 1985, L 35, p.1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Peroxygen”), id-Deċiżjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.149149 – Polypropylene) (ĠU L 230 p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Polypropylene”) u d-Deċiżjoni 94/599/KE, tal-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni PVC”). Minn naħa waħda, il‑Kummissjoni tqis, essenzjalment, li l-aġir ta’ reċidiv tar-rikorrenti jiġġustifika li żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa tkun imposta fuqha. Min-naħa l-oħra, hija ma tirrileva l-ebda ċirkustanza attenwanti favur ir-rikorrenti jew favur Elf Aquitain li tiġġustifika tnaqqis tal-multa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-fatti kollha inkwistjoni, “l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali” ma hija tali li tiġġustifika li r-rikorrenti tingħata tnaqqis tal-multa li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il‑kooperazzjoni (premessi 525, 526, 538 u 544 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Sussegwentement il-Kummissjoni essenzjalment tiddikjara li sabiex tiżgura ruħha li l-multi jkollhom effett dissważiv, u fid-dawl tal-fatt li Elf Aquitaine għandha dħul mill-bejgħ b’mod partikolari sostanzjali, apparti mill-bejgħ ta’ prodotti li huma marbuta mal-ksur u, fl-aħħar nett li dan jeċċedi b’ħafna, f’termini assoluti, id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi l-oħra kkonċernati, hemm lok li tiġi imposta fuq Elf Aquitaine żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa (premessi 545, 548 u 559 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li l-multi imposti fuq ir-rikorrrenti u Elf Aquitaine huma inferjuri minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali rispettivi tagħhom fl-2007 u li l-multi li jistgħu jiġi imposti fuqhom qabel l‑applikazzjoni tal-Avviz tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jiżdiedu, minn naħa waħda, għar-rikorrenti għal EUR 43 130 000 u, min-naħa l‑oħra, għal Elf Aquitaine, għal EUR 38 590 000 (premessi 551 u 552 tad‑deċiżjoni kkontestata).

22      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma għandha tibbenefika minn l-ebda tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il‑kooperazzjoni, peress li l-informazzjoni li pprovditilha ma tat l‑ebda valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-imsemmi avviż. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li Finnish Chemicals ipproduċitilha provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal‑istess avviz. Konsegwentement hija tagħtiha tnaqqis ta’ 50 % mill‑ammont tal-multa li kieku kienet timponilha (premessi 580, 588 u 591 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tal-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi segwenti marru kontra l-Artikolu 81 tat-Trattat u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE billi ħadu sehem, għall-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u prattiċi miftiehma bil-għan li jiġu allokati volumi ta’ bejgħ, prezzijiet fissi, skambji ta’ informazzjoni sensittiva kummerċjalment dwar prezzijiet u volum ta’ bejgħ u sorveljanza tal-eżekuzzjoni ta’ arranġamenti anti-kompetittivi għall‑klorat tas-sodju fis-suq taż-ŻEE:

a)       [EKA], mill-21 ta’ Settembru 1994 sad-9 ta’ Frar 2000;

b)       Akzo Nobel […], mill-21 ta’ Settembru 1994 sad-9 ta’ Frar 2000;

c)       Finnish Chemicals […], mill-21 ta’ Settembru 1994 sad-9 ta’ Frar 2000;

d)       [ELSA], mit-13 ta’ Frar 1997 sad-9 ta’ Frar 2000;

e)       [ir-rikorrenti], mis-17 ta’ Mejju 1995 sad-9 ta’ Frar 2000;

f)       Elf Aquitaine […], mis-17 ta’ Mejju 1995 sad-9 ta’ Frar 2000;

g)       Aragonesas […], mis-16 ta’ Diċembru 1996 sad-9 ta’ Frar 2000;

h)       Uralita […], mis-16 ta’ Diċembru 1996 sad-9 ta’ Frar 2000.

Artikolu 2

Għall-ksur msemmija fl-Artikolu 1, ġew imposti l-multi li ġejjin:

a)       EKA […] u Akzo Nobel […], b’mod konġunt jew in solidum: EUR 0;

b)       Finnish Chemicals […]: EUR 10 150 000 li minnhom, b’mod konġunt jew in solidum ma’ [ELSA] (f’likwidazzjoni): EUR 50 900;

c)       [ir-rikorrenti] u Elf Aquitaine […], b’mod konġunt jew in solidum: EUR 22 700 000;

d)       [ir-rikorrenti]: EUR 20 430 000;

e)       Elf Aquitaine […]: EUR 15 890 000;

f)       Aragonesas […] u Uralita […], b’mod konġunt u in solidum: EUR 9 900 000.

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      Fl-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tordna lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, minn naħa waħda, li jtemmu, jekk huma jkunu għadhom ma għamlux dan, il‑ksur inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jastjenu minn kull att jew aġir bħal dak deskritt fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, kif ukoll kwalunkwe att jew aġir li jkollu effett jew għan identiku jew simili.

25      L-Artikolu 4 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jelenka d‑destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li huma l-impriżi msemmija fl‑Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal‑Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

27      Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll ċerti mistoqsijiet lill-Kummissjoni u talbitha tipproduċi ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni rrispondiet fit-terminu stabbilit filwaqt li, madankollu, irrifjutat li tipproduċi t-traskrizzjoni tal‑applikazzjoni orali għal immunità ta’ EKA.

28      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2010.

29      B’digriet tal-11 ta’ Ġunju 2010, Arkema France vs Il-Kummissjoni, (T‑343/08, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali ordnat, minn naħa waħda, lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi t-traskrizzjoni tal‑applikazzjoni orali għal immunità ta’ EKA u, min-naħa l-oħra, awtorizzat li dan id-dokument jiġi kkonsultat mill-avukati tar-rikorrenti fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni pproduċiet dan id-dokument, fit-terminu mogħti, li l-avukati tar-rikorrenti kkonsultaw fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma wiġbitx, fit-terminu previst, għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali li staqsietha jekk dan id-dokument kienx jikkorrispondi għal dak li kienet ingħatat aċċess għalih fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

30      Il-proċedura orali ntemmet fis-27 ta’ Lulju 2010.

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla, abbażi tal-Artikolu 230 KE, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas, abbażi tal-Artikolu 229 KE, l-ammonti tal-multi li kienet imposta fuqha fid‑deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet, prinċipalment, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

33      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni ikkontestata sa fejn din tal-aħħar tikkonċernha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt marbuta mal-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti lil Elf Aquitaine. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi marbuta maż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba r-reċidiva. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti ma setgħatx tibbenefika minn tnaqqis skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li l-Kummissjoni wettqet billi ma tatha l-ebda tnaqqis tal-multa li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

1.     Fuq l-ammissibbiltà

34      Il-Kummissjoni tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażati fuq l-inammissibbiltà, l-ewwel nett, tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti u t-tieni nett, tal-ewwel motiv tagħha.

a)     Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti

35      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli. Skont il-Kummissjoni, l-ebda motiv imqajjem, li huwa msemmi fil-punt 33 hawn fuq, ma jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

36      Għalkemm huwa minnu li fl-atti tagħha r-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument intiż sabiex jopponi l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li hija ppreċiżat, b’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula fis-seduta, li permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, hija kienet qiegħda titlob l-annullament tal-Artikolu 2(ċ) u (d) tad-deċiżjoni kkontestata, u dan tniżżel fil-verbal tas-seduta.

37      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, permezz tat-tieni u r-raba’ motivi msemmija fil-punt 33 hawn fuq, ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-ammont tal-multi li l-Kummissjoni imponiet fuqha fl-Artikolu 2(ċ) u (d) tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, dawn il-motivi, li huma konformi mal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, isostnu t-talba tagħha għal annullament parzjali tal-imsemmi artikolu.

38      Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn huwa intiż esklużivament għall-annullament tal-Artikolu 2(ċ) u (d) tad-deċiżjoni kkontestat, l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa ammissibbli. Konsegwentement, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti

39      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni imputat, b’mod żbaljat, ir-responsabbiltà tal-ksur li hija kienet wettqet lil Elf Aquitaine, huwa inammissibbli peress li din l-imputazzjoni ma tikkawżalhiex preġudizzju. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-imsemmija imputazzjoni ma taffettwax l-ammont tal-multi li hija imponiet fuq ir-rikorrenti. B’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, il-Kummissjoni osservat, minn naħa waħda, li l-annullament eventwali mill-Qorti Ġenerali tal-imsemmija imputazzjoni ma tipprovdi l-ebda benefiċċju lir-rikorrenti, peress li din tal-aħħar ssib ruħha għaldaqstant bħala l-unika debitriċi tal-multa prevista fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li huwa minħabba l-fatt li Elf Aquitaine reġgħet bdiet l-attivitajiet tagħha fis-suq tal-polypropylene wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni Polypropylene li żdiedet il-multa li ġiet imposta fuqha minħabba r-reċidiva fid-deċiżjoni kkontestata, huwa infondat.

40      Fl-atti tagħha, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument intiż sabiex jikkontesta t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. B’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula fis-seduta, hija indikat li kienet tqis li l-imputazzjoni tal-aġir tagħha, li jikkostitwixxi ksur, lil Elf Aquitaine kien jaffettwa l-ammont tal-multa imposta fuqha minħabba r-reċidiva fid-deċiżjoni kkontestata, peress li Elf Aquitaine reġgħet bdiet l-attivitajiet li kellha fis-suq tal-polypropylene wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni Polypropylene.

41      F’dan il-każ, l-ewwel nett għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ppreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard, C‑174/99 P, Ġabra p. I‑6189, punt 33, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina jekk l-ewwel motiv li tqajjem ir-rikorrenti jistax, fih innifsu, jipprovdilha benefiċċju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 hawn fuq.

43      L-ewwel nett, fir-rigward tat-talba għal annullament jew għal tnaqqis tal-multa prevista fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar qabel kollox li din il-multa tammonta għal EUR 22 700 000 u li hija ġiet imposta in solidum fuq ir-rikorrenti u Elf Aquitaine. Sussegwentement, kif jirriżulta mill-premessi 510 u 521 sa 523 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut fil-qosor tagħhom jinsab fil-punt 18 hawn fuq, l-ammont ta’ din il-multa ġie ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida u jikkorrispondi għal 19 % tal-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti, immultiplikat b’ħamsa minħabba t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni u li ġie miżjud b’ammont addizzjonali ta’ 19 % tal-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti, bħala effett dissważiv. Għaldaqstant, kif tosserva l-Kummissjoni fl-atti tagħha, u barra minn hekk, mingħajr mar-rikorrenti tikkontesta dan, din il-multa ġiet iddeterminata skont ċifri tagħha stess, mingħajr ma l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dawk ta’ Elf Aquitaine sabiex tiffissa l-ammont tagħha.

44      Għaldaqstant, anki jekk il-Qorti Ġenerali tasal sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni imputat, b’mod żbaljat, ir-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriża inkwistjoni lil Elf Aquitaine, minn naħa waħda, tali konstatazzjoni la tirriżulta f’konsegwenzi fuq il-prinċipju stess ta’ impożizzjoni tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u lanqas fuq il-kalkolu tal-ammont tal-imsemmija multa. Min-naħa l-oħra, bħalma l-Kummissjoni ġustament tosserva b’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula fis-seduta, tali konstatazzjoni, sa fejn hija twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla l-multi imposti fuq Elf Aquitaine fid-deċiżjoni kkontestata, ikollha l-konsegwenza li r-rikorrenti ssib ruħha bħala l-unika debitriċi tal-multa prevista fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata.

45      It-tieni nett, fir-rigward tal-multa prevista fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li bħalma jirriżulta mill-premessi 525 u 526 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut fil-qosor tagħhom jinsab fil-punt 19 hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li, skont il-punt 28 tal-linji gwida, kien hemm lok li l-ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 22 7000 000 imposti in solidum fuq ir-rikorrenti u Elf Aquitaine jiżdied b’90 % minħabba r-reċidiva. Barra minn hekk, huwa abbazi tad-deċiżjoni Peroxygen, tad-deċiżjoni Polypropylene u tad-deċiżjoni PVC, li r-rikorrenti kienet id-destinatarja tagħhom, li l-Kummissjoni imponietilha multa ta’ EUR 20 430 000 prevista fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata.

46      Għaldaqstant, anki jekk il-Qorti Ġenerali tasal sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni imputat, b’mod żbaljat, ir-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriża inkwistjoni lil Elf Aquitaine, tali konstatazzjoni ma taffettwax, minn naħa waħda, l-prinċipju stess tal-kundanna tagħha għal multa ta’ EUR 20 430 000 minħabba l-aġir ta’ reċidiv tagħha u, min-naħa l-oħra, il-kalkolu tal-ammont tal-imsemmija multa. Fil-fatt, dan l-ammont jikkorrispondi għal 90 % tal-ammont tal-multa ta’ EUR 22 700 000 prevista fl-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata li ġie kkalkolat esklużivament, kif ġie kkonstatat fil-punt 43 hawn fuq, abbażi ta’ ċifri tar-rikorrenti stess.

47      F’dan ir-rigward, l-argument li r-rikorrenti qajmet b’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula fis-seduta (ara l-punt 40 hawn fuq), għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt sa fejn, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni Polypropylene, ir-rikorrenti kienet id-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni li fuqha l-Kummissjoni bbażat b’mod partikolari lilha nnifisha sabiex tikkonstata l-aġir ta’ reċidiv tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, l-eventwali konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ssanzjonat, b’mod żbaljat, lil Elf Aquitaine fid-deċiżjoni kkontestata, ma għandha l-ebda impatt fuq il-prinċipju stess tal-impożizzjoni fuq ir-rikorrenti tal-multa prevista fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata jew fuq il-kalkolu tal-ammont tagħha.

48      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti ma jistax jipprovdilha benefiċċju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 hawn fuq.

49      Għaldaqstant, it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tintlaqa’ u l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

2.     Fuq il-mertu

a)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi marbuta maż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba r-reċidiva

50      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta żiedet, minħabba r-reċidiva, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha b’90 %. Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni Peroxygen, minħabba r-reċidiva, fid-deċiżjoni kkontestata

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni Peroxygen, minħabba r-reċidiva, minkejja l-fatt li hija ma kinitx semmietha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għalkemm ir-rikorrenti ma tikkontestax li, skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, iktar ’il quddiem is-“sentenza Danone tal-Qorti Ġenerali”, punti 56 u 57), il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li fid-deċiżjoni finali tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva mingħajr ma ssemmiha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija tqis madankollu li, sa fejn il-Kummissjoni għażlet li fl-imsemmija dikjarazzjoni tippreċiża d-deċiżjonijiet li jissanzjonaw lir-rikorrenti li fuqhom hija kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha minħabba r-reċidiva, fid-deċiżjoni kkontestata hija ma setgħatx tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni Peroxygen. Fil-fatt, billi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 361 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija semmiet biss id-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC, il-Kummissjoni żgwidat lir-rikorrenti fir-rigward tal-portata taċ-ċirkustanzi aggravanti li hija finalment qieset fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li minħabba f’dan hija pprekluditha, fl-istadju tal-imsemmija dikjarazzjoni, li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-terminu ta’ ħdax-il sena li għadda bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni Peroxygen u l-bidu tal-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata.

52      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi fid-deċiżjoni kkontestata ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni Peroxygen minħabba r-reċidiva. Skont ir-rikorrenti, iż-żmien li għadda bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni Peroxygen u l-bidu tal-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata huwa manifestament eċċessiv. Fil-fatt, mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, iktar ’il quddiem is-“sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja”, punt 39), jirriżulta li meta jgħaddu iktar minn għaxar snin minn meta jiġi kkonstatat l-ewwel ksur sat-twettiq tat-tieni ksur dan ma jippermettix li jitqies li impriża turi tendenza li tevadi r-regoli tal-kompetizzjoni. It-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni Peroxygen fid-deċiżjoni kkontestata hija iktar sproporzjonata peress li tirrigwarda fatti li jmorru lura għal iktar minn 30 sena. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li għaddew seba’ snin bejn it-tmiem tal-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni PVC u l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

53      Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

54      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura minħabba li l-Kummissjoni ma semmietx id-deċiżjoni Peroxygen fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu qabel kollox jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u li tindika wkoll il-punti ta’ fatt u ta’ liġi prinċipali li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li dan tal-aħħar ġie kommess intenzjonalment jew b’negligenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt ta’ smigħ tal-impriżi. B’dan il-mod, hija tagħtihom l-elementi neċessarji sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li tiġi imposta fuqhom multa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21, u s-sentenza Danone tal-Qorti Ġenerali, punt 51 hawn fuq, punt 50).

55      Sussegwentement, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tul, il-gravità u l-prevedibbiltà tan-natura antikompetittiva tal-ksur. Barra minn hekk, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija addizzjonali, għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-ammont tal-multa, sa fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa u tista’ b’mod partikolari telimina jew tnaqqas il-multa, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Danone tal-Qorti Ġenerali, punt 51 hawn fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fl-aħħar nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari taċ-ċirkustanzi aggravanti tar-reċidiva, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, minn naħa waħda, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi ma jikkostitwixxux ċirkustanza aggravanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa, ma jimplikax li hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni ulterjuri. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà mogħtija lil impriża, fil-kuntest ta’ kawża oħra, sabiex tesprimi ruħha fuq l-intenzjoni li tikkonstata r-reċidiva fir-rigward tagħha, bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipproċedi b’dan il-mod fil-każijiet kollha u lanqas li, fin-nuqqas ta’ tali possibbiltà, ir-rikorrenti hija mwaqqfa milli teżerċita bi sħiħ id-dritt ta’ smigħ tagħha (ara s-sentenza Danone tal-Qorti Ġenerali, punt 51 hawn fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li, bħalma tosserva l-Kummissjoni fl-atti tagħha, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija indikat li kellha l-intenzjoni timponi multi fuq l-impriżi inkwistjoni (ara l-punt 345 tal-imsemmija dikjarazzjoni) u li kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur filwaqt li rreferiet għal-linji gwida (ara l-punt 346 tal-imsemmija dikjarazzjoni). Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni eventwali ċirkustanzi attenwanti, bħal dawk previsti fil-punt 29 tal-linji gwida, kif ukoll ta’ eventwali ċirkustanzi aggravanti, bħal dawk previsti fil-punt 28 tal-linji gwida, li jirreferu espressament għar-reċidiva (ara l-punt 350 tal-imsemmija dikjarazzjoni). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ħadet nota tal-fatt li numru ta’ impriżi inkwistjoni “kienu diġà s-suġġett ta’ deċiżjonijiet dwar ksur simili” (ara l-punt 351 tal-imsemmija dikjarazzjoni), u hija ppreċiżat dan fir-rigward tar-rikorrenti billi semmiet id-deċiżjoni Polypropylene kif ukoll id-deċiżjoni PVC (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 361 tal-imsemmija dikjarazzjoni).

58      Għaldaqastant, abbażi tal-elementi li l-Kummissjoni esponiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li huma riprodotti fil-punt 57 hawn fuq, huwa mingħajr ma kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti li fid-deċiżjoni kkontestata qieset, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punti 54 sa 56 hawn fuq, iċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva.

59      F’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrenti li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura, sa fejn il-Kummissjoni, minn naħa waħda, żgwidatha fir-rigward tal-portata taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva li hija meqjusa fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, fl-istadju tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ipprekluditha milli ssostni l-argumenti tagħha dwar it-terminu ta’ ħdax-il sena li għadda mid-deċiżjoni Peroxygen u l-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata.

60      Fil-fatt, minn naħa waħda, sa fejn fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni semmiet, b’mod espliċitu, l-intenzjoni tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva, b’mod partikolari, fir-rigward tar-rikorrenti, u sa fejn hija ma indikat imkien li kienet sempliċement ser tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq id-deċiżjoni Polypropylene u fuq id-deċiżjoni PVC, li rreferiet għalihom fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 361 tal-imsemmija dikjarazzjoni, ir-rikorrenti ma setgħatx teskludi li l-Kummissjoni tikkunsidra din iċ-ċirkustanza aggravanti fuq il-bażi ta’ kull deċiżjoni preċedenti li tista’ tistabbilixxi reċidiva fir-rigward tagħha, bħad-deċiżjoni Peroxygen.

61      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, peress li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punt 56 hawn fuq, li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika d-deċiżjonijiet li preċedentement issanzjonaw lir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha f’akkordji u li kellha l-intenzjoni li tibbaża fuqhom sabiex tikkonstata reċidiva fid-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni Peroxygen ma ssemmietx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet la hija tali li tipprekludiha milli teżerċita d-dritt ta’ smigħ komplet tagħha u lanqas tali li tiġi żgwidata dwar il-portata taċ-ċirkustanza aggravanti li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata.

62      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-drittijiet tad-difiża tagħha ma nkisrux.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi qieset, minħabba r-reċidiva, id-deċiżjoni Peroxygen, għandu qabel kollox jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li hu xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru ta’ elementi u ma għandha tingħata importanza sproporzjonata lill-ebda wieħed minn dawn l-elementi meta mqabbel ma’ elementi ta’ evalwazzjoni oħrajn. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonat għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li għandha tapplika, għal dan il-għan, dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 226 sa 228 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 264).

64      Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-għan dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li tipprovdi lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li bilfors iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 52 hawn fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jagħmlu parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u li din tal-aħħar ma tistax tkun marbuta minn terminu ta’ preskrizzjoni eventwali għal tali konstatazzjoni (sentenza Danone tal-Qorti Ġenerali, punt 52 hawn fuq, punt 38 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 141).

66      Fil-fatt, ir-reċidiva tikkostitwixxi element importanti li l-Kummissjoni għandha tevalwa, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha huwa intiż sabiex iħeġġeġ lill-impriżi li jkunu wrew manifestament it-tendenza li jevadu r-regoli tal-kompetizzjoni, sabiex ibiddlu l-aġir tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’, f’kull każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-indizji li jistgħu jikkonfermaw tali tendenza, inkluż, pereżempju, iż-żmien li jkun għadda bejn il-każijiet ta’ ksur inkwistjoni (sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 52 iktar ’il fuq, punt 39 u s-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 141).

67      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-repetizzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn impriża, b’perijodu ta’ żmien relattivament qasir bejniethom, jiġifieri inqas minn għaxar snin, juri tendenza ta’ din l-impriża li ma tasalx għal konklużjonijiet xierqa ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-imsemmija regoli fil-konfront tagħha (sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 52 iktar ’il fuq, punt 40).

68      Għaldaqstant mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 63 sa 67 hawn fuq jirriżulta li, għalkemm ebda terminu ta’ preskrizzjoni ma jopponi l-konstatazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ stat ta’ reċidiva, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni jew deċiżjonijiet preċedenti li jissanzjonaw impriża, mingħajr limiti ratione temporis.

69      F’dan il-każ, minn naħa waħda, għandu jitfakkar li r-rikorrenti la kkontestat matul il-proċedura amministrattiva u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fl-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ipparteċipat fl-akkordju mis-17 ta’ Mejju 1995 sad-9 ta’ Frar 2000.

70      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti la tikkontesta d-dati tad-deċiżjonijiet li fihom il-Kummissjoni ssanzjonatha qabel minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordji u lanqas il-perijodi li matulhom hija pparteċipat fl-akkordji li l-Kummissjoni ssanzjonat qabel. F’dan ir-rigward għandu qabel kollox jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni Peroxygen, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur kien dam mill-1961 sat-13 ta’ Diċembru 1980 (Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni). Sussegwentement, fid-deċiżjoni Polypropylene, il-Kummissjoni qieset li l-ksur kien seħħ mix-xahar ta’ Novembru 1977 sal-aħħar tas-sena 1982 jew sal-bidu tas-sena 1983 (l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni). Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni PVC, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur kien twettaq mix-xahar ta’ Awwissu 1980 sax-xahar ta’ Mejju 1984 (premessi 8 u 54 ta’ din id-deċiżjoni).

71      Konsegwentement, mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 69 u 70 hawn fuq, jirriżulta li r-rikorrenti kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni billi pparteċipat f’akkordji b’mod kontinwu mill-1961 sa Mejju 1984, li għalihom ġiet issanzjonata l-ewwel fl-1984, imbagħad fl-1986 u fl-aħħar nett, fl-1994 u li, minkejja din is-serje ta’ deċiżjonijiet, hija rrepetiet l-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur billi pparteċipat f’akkordju ieħor, issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata, mis-17 ta’ Mejju 1995 sad-9 ta’ Frar 2000.

72      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni Peroxygen, id-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC sabiex tikkonstata l-istat ta’ reċidiva tar-rikorrenti, peress li din is-serje ta’ deċiżjonijiet li ġew adottati fi żmien qasir u li l-aħħar waħda minnhom ġiet adottata sena qabel ma hija pparteċipat fil-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata, juri t-tendenza tagħha li tevadi r-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ħadet inkunsiderazzjoni din is-serje ta’ deċiżjonijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-aġir ta’ reċidiv tar-rikorrenti.

73      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti, l-ewwel nett, li mis-sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 52 iktar ’il fuq, (punt 40) jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħatx tieħu inkunsiderazzjoni, minħabba r-reċidiva, id-deċiżjoni Peroxygen fid-dawl tal-fatt li kien għadda terminu eċċessiv, jiġifieri ħdax-il sena, bejn l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u l-bidu tal-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, id-deċiżjoni Peroxygen tirrigwarda fatti li jmorru lura għal iktar minn 30 sena, u t-tielet nett, għaddew seba’ snin bejn it-tmiem tal-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni PVC u l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Fil-fatt, dawn l-argumenti, fl-ebda każ, ma jimminaw il-konklużjoni esposta fil-punt 72 hawn fuq.

74      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala infondat, l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni Peroxygen minħabba r-reċidiva u, konsegwentement, l-ewwel parti tiegħu kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji non bis in idem u ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà ħadet inkunsiderazzjoni, minħabba r-reċidiva, id-deċiżjoni Peroxygen, id-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC f’erba’ deċiżjonijiet oħra li jissanzjonaw lir-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

75      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju non bis in idem li skont il-ġurisprudenza, permezz ta’ dan il-prinċipju, persuna li diġà ngħatat ġudizzju ma jistgħux jerġgħu jittieħdu proċeduri kontriha jew terġa’ tiġi ssanzjonata għall-istess fatti. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tikkonstata li hija kienet diġà ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni Peroxygen, id-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC f’erba’ deċiżjonijiet li hija kienet adottat bejn l‑2003 u l-2006 u li fihom hija kienet issanzjonat lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006”). Dawn id-deċiżjonijiet huma d-Deċiżjoni C (2003) 4570 finali u r-rettifika C(2004), tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p 44, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Perossidi organiċi), id-Deċiżjoni C (2004) 4876, tad-19 ta’ Jannar 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/37.773 – AMCA) (ĠU 2006, L 353, p. 12), id-Deċiżjoni C (2006) 1766, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/C.38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (ĠU L 353, p. 54, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu”, u d-Deċiżjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 – Methacrylates) (ĠU 2006, L 322, p. 20, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Methacrylates”). Ir-rikorrenti essenzjalment tqis li deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ksur preċedenti minħabba r-reċidiva jimpedixxiha milli tieħu inkunsiderazzjoni dan l-istess ksur sabiex tikkunsidra ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva f’deċiżjoni oħra.

76      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, billi applikat żieda fuq l-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva abbażi tal-istess fatti f’ħames kawżi differenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-imsemmija żieda hija inutli u sproporzjonata fir-rigward tal-għan dissważiv.

77      Minn naħa waħda, iż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva fid-deċiżjoni kkontestata kien ikun validu biss jekk il-fatti allegati fid-deċiżjoni kkontestata kienu seħħew wara l-fatti li wasslu għall-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006, u mhux simultanjament magħhom. Fil-fatt, sa fejn il-każijiet ta’ ksur issanzjonati fl-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006 seħħew fl-istess żmien ma’ dawk ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata, iżda li l-imsemmija deċiżjonijiet ma kinux ġew adottati fil-mument tal-fatti ssanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kienx ikollha l-possibbiltà li tadatta l-aġir tagħha fis-suq tal-klorat tas-sodju.

78      Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, żdieda minħabba r-reċidiva li tikkorrispondi għal 50 % tal-ammont bażiku tal-multa, bħal dik imposta fl-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006, kienet tkun suffiċjenti sabiex tissodisfa l-għan dissważiv imfittex fid-deċiżjoni kkontestata.

79      Il-Kummissjoni topponi għall-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

80      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju non bis in idem minħabba l-fatt li ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni Peroxygen, id-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC, minn naħa waħda, fl-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006 u, min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju non bis in idem, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, stabbilit barra minn hekk mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), jipprojbixxi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata jew li jerġgħu jittieħdu proċeduri kontriha minħabba l-aġir antikompetittiv li għalih hija kienet ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija kienet ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi kkontestata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il-Kummissjoni, 18/65 u 35/65, Ġabra p. 149, 172, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 59; sentenza Danone tal-Qorti Ġenerali, punt 51 iktar ’il fuq, punt 184).

81      L-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni tripla ta’ fatti identiċi, unità ta’ min jikser il-liġi u unità tal-interess legali protett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 338, u s-sentenza Danone tal-Qorti Ġenerali, punt 51 iktar ’il fuq, punt 185).

82      F’dan il-każ, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ każijiet ta’ ksur preċedenti, fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex intiż sabiex jissanzjona mill-ġdid l-imsemmija każijiet ta’ ksur, iżda sempliċement sabiex jissanzjona lir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir tagħha ta’ reċidiv. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni diġà ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-istess każijiet ta’ ksur fl-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006 ma jirriżultax fi ksur tal-prinċipju non bis in idem.

83      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ applikabbiltà tal-prinċipju non bis in idem espost fil-punt 81 hawn fuq ma humiex sodisfatti peress li l-kundizzjoni ta’ fatti identiċi hija nieqsa. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ssanzjonat lir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, li għalih hija la kienet ħadet proċeduri kontriha u lanqas adottat sanzjonijiet, u dan ma huwiex sostnut, barra minn hekk, mir-rikorrenti.

84      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju non bis in idem billi ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni Peroxygen, id-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC sabiex ikkonstatat l-aġir ta’ reċidiv tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li hija kienet diġà ħadet inkunsiderazzjoni dawn it-tliet deċiżjonijiet tal-ewwel fl-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006.

85      Għaldaqstant, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

86      Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi fid-deċiżjoni kkontestata applikat żieda għall-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva, l-ewwel nett għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tagħha f’dan ir-rigward li jgħid li, fid-dawl tal-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006, tad-deċiżjoni Peroxygen, tad-deċiżjoni Polypropylene u tad-deċiżjoni PVC minħabba r-reċidiva, l-għan dissważiv ġie diġà sodisfatt.

87      Fil-fatt, minn naħa waħda, peress li huwa fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-gravità tal-ksur li hija għandha l-intenzjoni li tissanzjona, li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ reċidiva ta’ impriża (sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 52 iktar ’il fuq, punt 26), il-fatt li l-Kummissjoni diġà ħadet inkunsiderazzjoni, fl-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006, id-deċiżjoni Peroxygen, id-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC, ma jipprekludihiex milli, fid-deċiżjoni kkontestata, tieħu ġustament inkunsiderazzjoni dawn it-tliet deċiżjonijiet tal-aħħar sabiex tiddiswadi lir-rikorrenti milli tirrepeti l-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur fil-futur.

88      Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi rrilevat li jmur kontra l-għan dissważiv li l-Kummissjoni tqis il-fatt li, f’deċiżjoni preċedenti, hija ħadet inkunsiderazzjoni, minħabba r-reċidiva, l-ewwel ksur sabiex teskludi, f’deċiżjoni ulterjuri, żieda tal-ammont bażiku tal-multa abbażi tal-imsemmi ksur. Fil-fatt, tali soluzzjoni twassal għas-sitwazzjoni, li tkun kontroproduttiva mill-perspettiva tal-għan dissważiv tal-multa, li fiha impriża li tkun reċidiva għal diversi drabi ma jiżdidilhiex l-ammont tal-multa li ġie impost fuqha gradwalment skont in-numru ta’ każijiet ta’ ksur li hija wettqet, iżda sitwazzjoni li fiha, bil-kontra ta’ dan, hija jitnaqqsilha l-ammont marġinali tal-multa li jista’ jiġi impost fuqha gradwalment skont in-numru li dejjem jikber ta’ deċiżjonijiet li jissanzjonawha.

89      It-tieni nett, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi imponietilha żieda oħra minħabba r-reċidiva, minkejja li l-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006 jirrigwardaw il-fatti li seħħew fl-istess żmien ta’ dawk tad-deċiżjoni kkontestata u li, konsegwentement, dan ma ħallielha l-ebda possibbiltà li tadatta l-aġir tagħha fis-suq tal-klorat tas-sodju. Fil-fatt, il-fatt li l-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l‑2003 u l-2006 jirrigwardaw fatti li seħħew fl-istess żmien ta’ dawk imsemmija mid-deċiżjoni kkontestata ma għandux effett f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq id-deċiżjoni Peroxygene, fuq id-deċiżjoni Polypropylene u fuq id-deċiżjoni PVC, li r-rikorrenti ma tikkontestax li huma kienu adottati qabel il-bidu tal-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi stabbilit f’din tal-aħħar, l-aġir ta’ reċidiv tar-rikorrenti.

90      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fil-punt 63 hawn fuq, u għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan il-motiv kollha kemm hi.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ amministrazzjoni tajba, fid-dawl taż-żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba r-reċidiva

–       L-argumenti tal-partijiet

91      Sussidjarjament ir-rikorrenti ssostni li anki jekk fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ġustament żiedet l-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ amministrazzjoni tajba billi ffissat ir-rata tal-imsemmija żieda għal 90 %.

92      Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li xejn ma jiġġustifika, f’dan il-każ, żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva, minkejja li din iż-żieda kienet tammonta għal 50 % fl-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006. Il-Qorti Ġenerali għandha, konsegwentement, tnaqqas l-imsemmija żieda għal 50 % f’dan il-każ.

93      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva hija sproporzjonata sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta wkoll żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa fuq Elf Aquitaine bħala effett dissważiv.

94      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li, għalkemm hija ma tinjorax il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-iffissar tal-multi u lanqas is-severità tal-linji gwida, il-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni Perossidi organiċi u fid-deċiżjoni Methacrylates seħħ fl-istess żmien ta’ dak issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-linji gwida, li jipprovdu għal żieda fil-multa fil-każ ta’ reċidiva, tirriżulta biss fit-termini twal, li ma humiex normali, li fihom il-Kummissjoni bdiet tinvestiga l-kawża preżenti. Madankollu, ma għandhiex tkun ir-rikorrenti li tbati l-konsegwenzi li joħolqu preġudizzju min-nuqqas ta’ diliġenza murija min-naħa tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni preliminari tal-kawża preżenti.

95      Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

96      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li ż-żieda ta’ 90% tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva hija sproporzjonata f’dan il-każ, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi multi, permezz ta’ deċiżjonijiet, fuq l-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE u f’dan il-kuntest tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.

97      Barra minn hekk, fl-ewwel inċiż tal-punt 28 tal-linji gwida hemm espost dan li ġej:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti bħal:

–        meta impriża tkompli jew tirrepeti ksur identiku jew simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tkun ikkonstatat li din l-impriża kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 [KE] jew tal-Artikolu 82 [KE]. L-ammont bażiku għandu jiżdied sa 100 % għal kull ksur ikkonstatat […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

98      Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxi l-bażi legali rilevanti sabiex reċidiva tittieħed inkunsiderazzjoni meta tkun qed tiġi kkalkolata l-multa (ara, b’analoġija, is-sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 52 iktar ’il fuq, punti 27 sa 29).

99      Barra minn hekk, il-linji gwida li l-Kummissjoni tadotta sabiex tikkalkola l-ammont tal-multi jiżguraw ċertezza legali lill-impriżi, peress li huma jiddeterminaw il-metodu li bih il-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha sabiex tiffissa l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 52 iktar ’il fuq, punt 23). L-amministrazzjoni ma tistax tinjorhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli ma’ trattament ugwali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91).

100    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 292). Fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali kbira u ma hijiex marbuta mal-evalwazzjonijiet li hija għamlet qabel (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 123, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din is-setgħa wiesgħa hija intiza sabiex tippermettilha tiggwida l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/0 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 216). F’dan il-kuntest, hija ma hijiex obbligata li tapplika formuli matematiċi preċiżi (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 292).

101    Fl-aħħar nett, il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. L-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni teżiġi, bil-kontra, li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull ħin, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 169, u s-sentenza Danone tal-Qorti Ġenerali punt 51 iktar ’il fuq, punt 395).

102    F’dan il-każ, minn naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, billi fid-deċiżjoni kkontestata ffissat ir-rata taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva għal 90 %, il-Kummissjoni aġixxiet skont l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 u skont l-ewwel inċiż tal-punt 28 tal-linji gwida, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Barra minn hekk, bil-kontra għal dak li ssostni din tal-aħħar, u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 100 u 101 hawn fuq, il-fatt li l-Kummissjoni imponietilha żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa f’deċiżjonijiet preċedenti ma jillimitax il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jirrigwarda r-rata ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa.

103    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument tali li jistabblixxi li, fid-dawl tal-fatti tal-każ li juru t-tendenza kbira tagħha li tevadi r-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni marret lil hinn, f’dan il-każ, mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi żiedet b’90 % l-ammont bażiku tal-multa.

104    Għaldaqstant, ir-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fil-punt 63 hawn fuq, billi minħabba r-reċidiva żiedet l-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha b’90 %.

105    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva hija sproporzjonata sa fejn ġiet imposta żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa fuq Elf Aquitaine bħala effett dissważiv, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

106    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li peress li huwa stabbilit li ż-żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa ma ġietx imposta fuq ir-rikorrenti, iżda biss fuq Elf Aquitaine, li ma kinitx iktar tifforma parti minn impriża waħda magħha fis-sens tal-Artikolu 81 KE fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din iż-żieda ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk il-multa imposta fuq ir-rikorrenti biss minħabba r-reċidiva hijiex sproporzjonata. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, dawn iż-żewġ żidiet jissodisfaw żewġ għanijiet dissważivi distinti. Fil-fatt, għalkemm iż-żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa, imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, hija ġġustifikata mill-ħtieġa addizzjonali ta’ dissważjoni fir-rigward tagħha fid-dawl tat-tendenza tagħha li tevadi regoli tal-kompetizzjoni, iż-żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa, imposta fl-Artikolu 2(e) tal-imsemmija deċiżjoni fuq Elf Aquitaine, tissodisfa l-ħtieġa li l-multa imposta fuq din tal-aħħar tingħata effett dissważiv, fid-dawl tal-fatt li, minħabba d-dħul mill-bejgħ globali tagħha li huwa ogħla b’mod sinjifikanti minn dak ta’ membri oħrajn tal-akkordju, hija kienet f’pożizzjoni li ssib iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa.

107    Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi parzjalment miċħud bħala infondat u parzjalment miċħud bħala ineffettiv.

108    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Kummissjoni ma setgħatx timponilha, fid-deċiżjoni kkontestata, rati oħrajn ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa ħlief dak ta’ 50 %, li kienet imponietilha fl-erba’ deċiżjonijiet meħuda bejn l-2003 u l-2006, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-imsemmi prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha l-Kummissjoni qieset ċertu rata ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa ma jimplikax, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 100 u 101 hawn fuq li, fid-dawl tal-fatti tal-każ, hija kienet imċaħħda mill-fakultà li, fid-deċiżjoni kkontestata, iżżid din ir-rata sal-limiti li hija ffissat lilha nnifisha fil-linji gwida sabiex tinkoraġġixxi lir-rikorrenti tibdel l-aġir antikompettittiv tagħha.

110    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha minħabba r-reċidiva.

111    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi applikat żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex ikunu f’pożizzjoni li jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċedura amministrattiva tassumi importanza saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsab b’mod partikolari l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T‑44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86, u tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 99).

112    F’dan il-każ, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, bħalma jirriżulta mill-premessi 525 sa 527 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 hawn fuq, ma hijiex obbligata li tapplika formuli matematiċi preċiżi fl-iffissar tal-multi, qieset ġustament li kien hemm lok li tiġi imposta rata għolja ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa peress “li l-ewwel multi li r-rikorrenti kienet suġġetta għalihom ma nkoraġġewhiex sabiex tibdel l-aġir tagħha” (premessa 525 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ir-rikorrenti la tressaq argumenti u lanqas provi li jsostnu l-affermazzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma wettqitx investigazzjoni b’reqqa u imparzjali tal-fatti tal-każ li tippermettilha li tiġġustifika lil din tal-aħħar sabiex timponi fuqha rata ta’ 90 % ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa, fid-dawl tat-tendenza kbira tagħha li tevadi regoli tal-kompetizzjoni.

113    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxitx li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

114    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrenti li hija ma għandhiex tissubixxi l-konsegwenzi li joħolqu preġudizzju li jirriżultaw min-nuqqas ta’ diliġenza murija min-naħa tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni preliminari tal-kawża preżenti u li wasslet lil din tal-aħħar sabiex tapplika l-linji gwida għall-fatti ta’ dan il-każ li essenzjalment jissanzjonaw b’mod aħrax l-aġir ta’ reċidiv. Fil-fatt, minn naħa waħda, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument jew prova li jistabbilixxu li l-Kummissjoni ma investigatx il-kawża preżenti f’terminu raġonevoli. Min-naħa l-oħra, peress li l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni jeżiġu li l-Kummissjoni tista’ tadotta, fi kwalunkwe mument, il-livell ta’ multi għall-ħtiġijiet tal-politika tagħha (ara s-sentenza Danone tal-Qorti Ġenerali, punt 51 iktar ’il fuq, punti 210 sa 212 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija ma tistax tiġi akkużata li, sabiex tiffissa r-rata ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa, minħabba r-reċidiva, hija bbażat ruħha fuq il-linji gwida, li r-rikorrenti ma tikkontestax li huma applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ.

115    Għaldaqstant, it-tielet ilment tar-rikorrenti u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda, kollha kemm huma, bħala infondati.

b)     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ għoti ta’ tnaqqis tal-multa lir-rikorrenti skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

116    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni wettqet żball billi ma tathiex tnaqqis tal-multa ta’ 30 sa 50 % skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Minn naħa waħda, hija kienet it-tieni impriża li ppreżentat lill-Kummissjoni, fit-18 ta’ Ottubru 2004, applikazzjoni skont l-imsemmi avviż. Min-naħa l-oħra, l-elementi li hija pprovditilha ppreżentaw valur miżjud sinjifikattiv, fid-dawl tal-elementi li l-Kummissjoni kellha fil-fajl tagħha sa din id-data.

117    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li l-approċċ meħud mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jikkontradixxi l-interpretazzjoni strettament kronoloġika adottata fid-deċiżjoni Perissodu tal-idroġenu tagħha. F’din id-deċiżjoni tal-aħħar, minkejja n-natura limitata ħafna tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni tat tnaqqis tal-multa ta’ 40 % lit-tieni impriża li ppreżentat applikazzjoni skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

118    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-elementi ta’ informazzjoni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni ppermettew lil din tal-aħħar li tikkorrobora l-informazzjoni li ma kinitx tinsab fl-applikazzjoni għal immunità ta’ EKA. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fil-premessi 565 sa 577 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-elementi ta’ informazzjoni pprovduti mir-rikorrenti ma taw l-ebda valur miżjud sinjifikattiv, sa fejn huma sempliċement ippermettew li jiġu kkonfermati elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni kellha diġà u li kienu ġew ipprovduti lilha, minn naħa waħda, minn EKA fl-applikazzjoni għal immunità tagħha u, min-naħa l-oħra, fir-risposta ta’ Finnish Chemicals għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Settembru 2004.

119    L-ewwel nett ir-rikorrenti tosserva li, fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Settembru 2004, Finnish Chemicals sempliċement irrispondiet għad-domandi dwar l-organizzazzjoni tagħha u kkonfermat li l-laqgħat elenkati minn EKA kienu seħħew, kif ukoll ikkonfermat l-isem tal-parteċipanti għal dawn il-laqgħat. Madankollu, Finnish Chemicals la ppreċiżat l-għan tal-imsemmija laqgħat u lanqas ikkorroborat l-informazzjoni pprovduta minn EKA li tgħid li kien jeżisti akkordju fuq is-suq tal-klorat tas-sodju.

120    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li hija l-ewwel impriża li kkorroborat id-dikjarazzjonijiet ta’ EKA u b’mod partikolari l-ħames elementi ta’ informazzjoni li ġejjin. L-ewwel nett hija kkonfermat li kienet ġiet stabbilita sistema ta’ tqassim tal-klijenti u tal-volumi fis-snin 90 u li ntemmet fil-bidu tas-sena 2000. Imbagħad, hija kkorroborat l-applikazzjoni orali għal immunità ta’ EKA, li kienet tgħid li kienet teżisti sistema ta’ kumpens li, fil-każ ta’ differenza pożittiva kkonstatata bejn il-volumi allokati lil parteċipant fl-akkordju u l-bejgħ imwettaq minn dan tal-aħħar, kienet tippermetti lill-produtturi milquta jżidu l-volumi tagħhom is-sena ta’ wara. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li tliet żidiet fil-prezzijiet kienu saru b’suċċess. Apparti dan, hija pprovdiet ħafna informazzjoni dwar il-konflitt ta’ bejn il-membri tal-akkordju dwar il-klijent MODO. Fl-aħħar nett, hija indikat li l-akkordju ntemm fl-2000 wara l-adozzjoni tal-programmi għall-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni.

121    Minn naħa waħda, minn dak li ntqal jirriżulta li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ppermettiet lill-Kummissjoni sabiex tikkorrobora u tikkompleta l-elementi pprovduti minn EKA għal dak li jikkonċerna n-natura u t-tul tal-akkordju, il-mod tal-funzjonament tiegħu kif ukoll l-impatt tiegħu fis-suq ikkonċernat, li Finnish Chemicals ma kinitx ikkonfermat fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Settembru 2004.

122    Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni tagħha għandha valur miżjud sinjifikattiv, sa fejn, billi ddeskriviet il-ksur b’mod simili għal dak ta’ EKA, hija ppermettiet li jiġu kkorroborati l-elementi essenzjali tal-akkordju u li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur. Fil-fatt, meħuda weħida, l-applikazzjoni għal immunità ta’ EKA kien ikollha biss valur probatorju limitat sa fejn, bħalma din tal-aħħar irrikonoxxiet fl-applikazzjoni orali għal immunità tagħha, l-informazzjoni li hija kienet ipprovdiet ma kinitx tkun tista’ tiġi vverifikata u għaldaqstant, setgħet tkun ikkontestata minn membri oħrajn tal-akkordju. Kif il-Kummissjoni qieset f’diversi deċiżjonijiet oħrajn, is-sempliċi korroborazzjoni ta’ elementi, li l-Kummissjoni jkollha diġà, tiġġustifika tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

123    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni uriet ċertu numru ta’ elementi ġodda li hija ma kellhiex qabel u li għaldaqstant saħħew sostanzjalment il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tosserva wkoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tagħti prijorità lil ċerti dokumenti pprovduti minn impriża bi preġudizzju għal dokumenti pprovduti qabel minn impriża oħra u li l-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-informazzjoni pprovduta minn impriża ma jistax jiddependi fuq l-għażla tal-Kummissjoni dwar jekk tużhomx jew le.

124    L-ewwel nett, kif diġà indikat fil-punti 210 u 211 tal-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ dokument li sar riferiment għalih fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, u li hija ma kinitx żammet kopja tiegħu, li jispeċifika, għal kull klijent komuni, il-volumi ta’ bejgħ li kull wieħed mill-produtturi tal-klorat tas-sodju kien awtorizzat li jfornilhom fil-kuntest tal-ftehim dwar it-tqassim tas-swieq. L-eżistenza ta’ tali dokument turi l-grad ta’ strutturazzjoni tal-akkordju.

125    It-tieni nett, fl-osservazzjonijet tagħha b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li identifikat il-klijenti ta’ Europe continentale li kienu s-suġġett ta’ tqassim ta’ volumi ta’ bejgħ bejn il-produtturi tal-klorat tas-sodju. Konsegwentement, hija tqis li din l-informazzjoni setgħet tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-ambitu ġeografiku tal-akkordju u għaldaqstant, setgħet isservi ta’ bażi għal talbiet għal informazzjoni, sabiex jiġi vverifikat li ż-żieda fil-prezzijiet kienet verament ġiet applikata. F’dan ir-rigward hija tippreċiża li, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara l-Kummissjoni, fuq disa’ klijenti identifikati minn L., ir-rappreżentant tar-rikorrenti, tnejn minnhom biss kienu diġà ġew identifikati minn EKA.

126    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni qabel kollox li l-kliem stess tad-deċiżjoni kkontestata juri li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq bosta informazzjoni li hija kienet ipprovdiet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur u tikkorrobora ċertu numru ta’ elementi li kienu ġejjin minn sorsi oħrajn. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-premessi 76, 98, 207, 254, 273 u 284 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għan-noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 116, 118, 142, 259, 305, 325 u 337 tal-imsemmija deċiżjoni.

127    Imbagħad, ir-rikorrenti tippreċiża li, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara l-Kummissjoni, il-premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax laqgħa li seħħet fir-Rebbiegħa tal-2000, li kien impossibbli li tiġi kkorroborata l-eżistenza tagħha, iżda laqgħa li saret fl-1999 ma’ Finnish Chemicals, li matulha din tal-aħħar kienet iddikjarat li kienet “il-fornitriċi esklużiva tal-klijent MODO, wara li sar ftehim mill-kumpannija parent tagħha ma’ MODO, biex għaldaqstant inkiser il-ftehim eżistenti bejn EKA, Finnish Chemicals u hija nnifisha dwar dan il-klijent”.

128    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

129    Fl-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li fihom impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżenti mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kien ikollhom iħallsu.

130    Skont il-punt 20 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [sabiex tinkiseb eżenzjoni minn multa] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta”.

131    Il-punt 21 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li, “Biex tikkwalifika [għal tnaqqis tal-multa skont il-punt 20 tal-imsemmi avviż], impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

132    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(b) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprovdi tliet faxex ta’ tnaqqis tal-multa. Fil-fatt, l-ewwel impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 21 tal-imsemmi avviż għandha dritt tikseb tnaqqis tal-multa ta’ bejn 30 u 50 %, it-tieni impriża tnaqqis tal-multa ta’ bejn 20 u 30 % u l-impriżi sussegwenti tnaqqis tal-multa massimu ta’ 20 %.

133    It-tieni subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jindika li “Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 [tal-imsemmi avviż] u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud” u li “[t]ista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa”.

134    Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija mitluba twettaq evalwazzjonijiet ta’ fatti kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il-kooperazzjoni rispettiva tal-imsemmija impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 81, u s-sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 219).

135    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li jista’ jkun iċċensurat peress li hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari, meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn (sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, punt 134 iktar ’il fuq, punt 88). F’dan ir-rigward għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm il-Kummissjoni għandha timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi pprovduti minn impriżi fil-kuntest ta’ avviż dwar il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew le tnaqqis tal-multa imposta, min-naħa l-oħra huma l-impriżi li jixtiequ jikkontestatw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li din, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni pprovduta volontarjament minn dawn l-impriżi, ma kinitx tkun fil-pożizzjoni li turi l-aspett essenzjali tal-ksur u għaldaqstant li tadotta deciżjoni li timponi multi (sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 297).

136    Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-multi f’każ ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa ġġustifikat mill-fatt li tali kooperazzjoni tiffaċilita l-kompitu tal‑Kummissjoni sabiex tikkonstatata l-eżistenza ta’ ksur, u skont il-każ, ittemmu (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 399 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363). Fir-rigward tar‑ratio tat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal‑informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi fuq il-provi li hija diġà għandha (sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 220).

137    Apparti dan, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta, abbażi tal-kooperazzjoni, impriża sempliċement tikkonferma, b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-grad ta’ kooperazzjoni pprovdut minn din l‑impriża, minkejja li tista’ xorta waħda tkun ta’ ċerta utilità għall‑Kummissjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala paragunabbli għal dak ipprovdut mill-ewwel impriża li pprovdiet l-imsemmija informazzjoni. Dikjarazzjoni li sa ċertu punt tillimita ruħha li tikkorrobora dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha, effettivament, ma tiffaċilitax il-kompitu tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal‑ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 301; Danone, punt 51 iktar ’il fuq, punt 455, u Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 222).

138    Fl-aħħar nett, il-kollaborazzjoni ta’ impriża fl-investigazzjoni ma tagħtiha l-ebda dritt għal tnaqqis tal-multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx marret lil hinn minn dak li kien jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punti 341 u 342, u Danone, punt 51 iktar ’il fuq, punt 451).

139    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li huwa stabbilit li, minn naħa waħda, kif jirriżulta mill-premessa 561 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet it-tieni impriża li ppreżentat applikazzjoni skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni wara EKA. Min-naħa l-oħra, bħalma l-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 565 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma r-rikorrenti kkontestat dan, huma biss dawk l-elementi ta’ informazzjoni li jinsabu fil-punt 3 tar-risposta, tat-18 ta’ Ottubru 2004, għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Settembru 2004 (iktar ’il quddiem ir-“risposta tar-rikorrenti”, li jikkostitwixxu informazzjoni li tmur lil hinn mis-sempliċi obbligu ta’ din tal-aħħar li tirrispondi għat-talba għal informazzjoni li l-Kummissjoni kienet għamlitilha skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Fl-aħħar nett, l-informazzjoni li tinsab fil-punt 3 tar-risposta tar-rikorrenti, li tirrigwarda l-laqgħa li hija kellha fl-24 ta’ Settembru 2004 mal-impjegat tagħha, L., tirrigwarda direttament il-fatti relattivi għall-ksur inkwistjoni.

140    Għaldaqstant, huwa biss fir-rigward tal-informazzjoni li tinsab fil-punt 3 tar-risposta tar-rikorrenti li għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv imqajjem sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-elementi ta’ informazzjoni li hija kienet ipprovditilha ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv u li ma kinux jiġġustifikaw għaldaqstant l-għoti ta’ tnaqqis ta’ 30 sa 50 % tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha.

141    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni messha tatha tnaqqis tal-multa, kif kienet għamlet fid-deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu minkejja n-natura limitata ħafna tal-informazzjoni li hija kienet ipprovditilha dwar l-akkordju inkwistjoni f’din id-deċiżjoni tal-aħħar, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, apparti l-fatt li ma huwiex fir-rigward tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, iżda dik tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni li l-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kooperazzjoni offruta minn impriża tiġġustifikax tnaqqis tal-multa, l-argument tar-rikorrenti ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-informazzjoni li hija pprovdiet tippreżenta valur miżjud sinjifikattiv fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fid-dawl tal-provi li l-Kummissjoni kellha fid-data tal-applikazzjoni tagħha skont l-imsemmi avviż.

142    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li hija kienet l-ewwel waħda li kkorroborat l-informazzjoni mogħtija minn EKA fl-applikazzjoni orali għal immunità, għandhom jiġu eżaminati l-ħames elementi ta’ informazzjoni li hija ssostni li għandhom valur miżjud sinjifikattiv għall-Kummissjoni.

143    Qabel kollox, sa fejn ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li “sistema ta’ tqassim tal-klijenti u tal-volumi kienet ġiet stabbilta fl-aħħar tas-sena 1993 għal numru ta’ produtturi tal-klorat tas-sodju”, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata li “ir-rikorrenti kienet ikkonfermat l-eżistenza tas-sistema b’mod ġenerali, iżda ma kienet ipprovdiet l-ebda prova bil-miktub li hija datata għall-perijodu li l-fatti kienu seħħew fih, li kienet tippermetti li ssaħħaħ il-kapaċità li jiġu stabbiliti l-fatti inkwistjoni”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li din l-informazzjoni jista’ jkollha valur miżjud sinjifikattiv. Fil-fatt, apparti l-fatt li jirriżulta mill-applikazzjoni orali għal immunità ta’ EKA li din tal-aħħar kienet diġà informat lill-Kummissjoni b’tali sistema, ir-rikorrenti la sostniet din l-informazzjoni bi provi bil-miktub u lanqas ma pprovdiet dettalji addizzjonali dwar dati, postijiet, modalitajiet u ammonti msemmija mill-imsemmi tqassim ta’ volumi u ta’ klijenti. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 hawn fuq, is-sempliċi konferma mir-rikorrenti fid-dikjarazzjoni orali tagħha tal-eżistenza ta’ tqassim ta’ volumi u ta’ klijenti ma tistax titqies bħala waħda ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

144    Sussegwentement, fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti li kienet teżisti sistema ta’ kumpens bejn il-produtturi milquta li kienet tippermettilhom li jżidu l-volumi s-sena ta’ wara, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punt 143 hawn fuq, il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata li, “għal dak li jikkonċerna l-mekkaniżmu tat-tqassim tas-swieq tal-klorat tas-sodju, hija kienet diġà rċevit din l-informazzjoni fil-kuntest tad-dikjarazzjoni orali ta’ EKA” u li “ir-rikorrenti kienet ikkonfermat l-eżistenza tas-sistema b’mod ġenerali iżda ma kienet ipprovdiet l-ebda prova bil-miktub li hija datata għall-perijodu li l-fatti kienu seħħew fih, li kienet tippermetti li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni”. F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li din l-informazzjoni għandha valur miżjud sinjifikattiv. Fil-fatt, apparti l-fatt li jirriżulta mill-applikazzjoni orali għal immunità ta’ EKA li din tal-aħħar kienet diġà informat lill-Kummissjoni bis-sistema ta’ kumpens stabbilita f’numru ta’ Stati Membri, ir-rikorrenti la pproduċiet prova bil-miktub li tistabbilixxi l-eżistenza tal-imsemmija sistema u lanqas ma pprovdiet dettalji fid-dikjarazzjoni orali tagħha rigward dati, postijiet u modalitajiet tal-imsemmija sistema.

145    Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li kienu seħħew b’suċċess tliet żidiet fil-prezzijiet, il-Kummissjoni indikat, f’dan ir-rigward, fil-premessa 572 tad-deċiżjoni kkontestata li, “għal dak li jikkonċerna ż-żieda fil-prezzijiet fl-1993, 1994 u 1995, [L.] ikkonferma b’mod ġenerali ħafna l-informazzjoni diġà pprovduta minn EKA mingħajr ma ta iktar dettalji, b’mod spontanju, dwar l-aġir inkwistjoni”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li din l-informazzjoni jista’ jkollha valur miżjud sinjifikattiv. Fil-fatt, apparti l-fatt li jirriżulta mill-applikazzjoni orali għal immunità ta’ EKA li din tal-aħħar kienet diġà pprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni ddettaljata dwar l-intervalli taż-żmien, l-ammont u l-mekkaniżmu ta’ dawn iż-żidiet fil-prezzijiet, ir-rikorrenti la pproduċiet provi u lanqas dettalji addizzjonali għal dawk li diġà kellha l-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha, b’tali mod li hija ma ħaffietx il-kompitu tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 hawn fuq.

146    Barra minn hekk, fir-rigward tal-“bosta informazzjoni dwar il-konflitt ta’ bejn il-parteċipanti tal-akkordju” wara d-deċiżjoni tal-klijent MODO li ma jibqax jixtri minn għand ir-rikorrenti minn nofs l-1998 u d-diversi laqgħat li segwew matul is-sena 1999 u r-Rebbiegħa 2000, li r-rikorrenti informat bihom lill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar indikat, b’mod partikolari fil-premessa 573 tad-deċiżjoni kkontestata li “d-dikjarazzjonijiet ta’ [L.] ikkonfermaw l-elementi l-prinċipali tad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA u ta’ Finnish Chemicals, iżda […] ma urewx elementi ġodda jew provi addizzjonali li jsaħħu sostanzjalment il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni”. F’dan ir-rigward, għandu jiġu kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li din l-informazzjoni għandha valur miżjud sinjifikattiv. Fil-fatt, apparti l-fatt li, fl-applikazzjoni orali għal immunità, EKA kienet informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ konflitt bejn il-membri tal-akkordju dwar il-MODO, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti la pproduċiet provi u lanqas dettalji insostenn tal-affermazzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni tipprova l-fatti tal-ksur li, bħalma jirriżulta b’mod espliċitu mill-premessi 215 u 216 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar kellha tistabbilixxi abbażi tad-dokumenti pprovduti minn Finnish Chemicals.

147    Barra minn hekk, fir-rigward tal-informazzjoni tar-rikorrenti li l-akkordju ntemm f’nofs is-sena 2000 wara l-adozzjoni tal-programmi għall-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 575 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[L.] sempliċement ikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ EKA dwar l-effett tal-adozzjoni tal-programmi [għall-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni] mingħajr ma pproduċa provi ġodda f’dan ir-rigward”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li din l-informazzjoni għandha valur miżjud sinjifikattiv. Fil-fatt, apparti l-fatt li din l-informazzjoni weħedha hija nieqsa mid-dettalji fir-rigward tad-data eżatta kkunsidrata mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata t-tmiem tal-ksur, jiġifieri d-9 ta’ Frar 2000 [ara l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata], is-sempliċi konferma orali mir-rikorrenti ta’ din l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha diġà ma ffaċilitatx il-kompitu tagħha b’mod sinjifikattiv, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 hawn fuq.

148    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment tar-rikorrenti li l-informazzjoni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni, u li tikkorrobora l-informazzjoni li din tal-aħħar kellha diġà, kellha valur miżjud sinjifikattiv, għandu jiġi miċħud.

149    Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li ċertu informazzjoni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni uriet elementi ġodda, li din tal-aħħar ma kellhiex għarfien tagħhom qabel u li għaldaqstant saħħulha sostanzjalment il-kapaċità tagħha sabiex tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni, għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ elementi ta’ informazzjoni li tirreferi għalihom ir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-ilment.

150    Qabel kollox, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ lista, li hija ma żammietx u li, għal kull klijent komuni tal-membri tal-akkordju, kienet tippreċiża l-volumi ta’ bejgħ li huma kienu jipprovdulhom, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma tat l-ebda tnaqqis tal-multa f’dan is-sens. Fil-fatt, peress li bħalma l-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma pprovditilhiex l-imsemmija lista, tali informazzjoni ma tippermettilhiex li tistabbilixxi l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur inkwistjoni.

151    Imbagħad, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li identifikat il-klijenti ta’ Europe continentale li kienu s-suġġett ta’ tqassim tal-volumi, dan ippermetta lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-ambitu ġeografiku tal-akkordju u serva bħala bażi tat-talbiet għal informazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ddeċiditx speċifikament fuq dan l-argument fid-deċiżjoni kkontestata, iżda madankollu fil-premessa 576 tad-deċiżjoni kkontestata hija rrilevat b’mod partikolari li, “b’mod ġenerali, il-kwalità u l-kwantità tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti għandhom jitqiesu bħala limitati ħafna” u li “għalkemm ir-rikorrenti setgħet tikkonferma ċerti aspetti tal-funzjonament tal-akkordju b’mod ġenerali ħafna, hija ma għamlitx dan b’mod li jista’ jsaħħaħ sostanzjalment il-kapaċità tal-Kummissjoni sabiex tipprova l-ksur”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm il-lista ta’ ismijiet ta’ impriżi li kienu s-suġġett tal-akkordju kienet tikkompleta lil dik li EKA kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li peress li ma pprovditx dettalji fuq l-implementazzjoni, id-dati u ċ-ċifri tas-sistema ta’ tqassim tal-volumi li l-imsemmija impriżi kienu s-suġġett tagħha, tali informazzjoni ma kinitx ta’ valur miżjud sinjifikattiv għall-Kummissjoni. L-argument li r-rikorrenti qajmet waqt is-seduta li l-Kummissjoni kien messha kkompletat l-informazzjoni li hija kienet ipprovditilha billi tagħmel talba għal informazzjoni lill-impriżi li kienu s-suġġett tal-akkordju, ma jistax ibiddel din il-konklużjoni. Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti nnifisha ma pprovditx din l-informazzjoni ddettaljata, li hija kellha neċessarjament għarfien dwarha, peress li hija kienet ipparteċipat għall-imsemmija sistema ta’ tqassim, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet eventwalment tikkorrobora jew tikkompleta din l-informazzjoni billi tuża s-setgħat investigattivi tagħha stess, ma jbiddilx il-konklużjoni li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma ffaċilitatx b’mod sinjifikattiv il-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur inkwistjoni.

152    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala infondat, it-tielet ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-elementi ta’ informazzjoni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar ma kellhiex għarfien tagħhom qabel, kienu ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

153    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-kliem stess tad-deċiżjoni kkontestata juri li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi elementi ta’ informazzjoni li hija kienet ipprovdiet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur u tikkorrobora ċertu numru ta’ elementi ġejjin minn sorsi oħrajn, għandu jiġi eżaminat jekk, mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti tirreferi għalihom u li huma esposti fil-punt 126 hawn fuq, hija effettivament saħħitx b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur inkwistjoni.

154    Qabel kollox, fir-rigward tal-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 116 li hija marbuta magħha, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-funzjonament ġenerali tal-akkordju li kien ikkaratterizzat, b’mod partikolari, minn “kuntatti frekwenti taħt il-forma ta’ laqgħat bilaterali jew multilaterali u telefonati, mingħajr madankollu ma jsegwu skema stabbilita minn qabel”. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li “fil-fehma tar-rikorrenti, lista ta’ klijenti komuni u ta’ volumi li kull wieħed mill-produtturi tal-klorat tas-sodju membru tal-akkordju kien awtorizzat li jfornihom kienet ġiet stabbilita fil-bidu nett tal-akkordju” u “r-rikorrenti madankollu ma ppreżentatx il-lista inkwistjoni lill-Kummissjoni”. F’dan ir-rigward, għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 144 u 150 hawn fuq, din l-informazzjoni, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni kkonstatat espessament li r-rikorrenti ma kienet ipproduċiet l-ebda prova materjali, ma kinitx ta’ valur miżjud sinjifikattiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li din l-informazzjoni għandha tali valur.

155    Barra minn hekk, fir-rigward tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 118 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti “kkonfermat id-dikjarazzjonijiet orali ta’ EKA dwar l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ tqassim tas-suq u tal-iskema ta’ kumpens deskritti minn EKA”. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm ir-rikorrenti kkorroborat l-eżistenza ta’ tali prattika antikompetittiva, madankollu din l-informazzjoni weħedha ma kinitx biżżejjed fiha nnifisha sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tipprova l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 144 hawn fuq, ma jistax jitqies li din is-sempliċi informazzjoni, li l-Kummissjoni diġà kellha għarfien dwarha, hija ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

156    Sussegwentement, fir-rigward tal-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 142 li hija marbuta magħha, il-Kummissjoni tindika b’mod partikolari li “EKA tirrapporta wkoll li lejn l-1995 kien ġie deċiż ma’ Finnish Chemicals u r-rikorrenti li ‘jagħmlu żieda sostanzjali fil-prezzijiet li irnexxiet’ għall-Portugall fid-dawl tal-iżvalutar tal-iskud”, li “l-provi prodotti minn EKA juru li fl-1995, l-impriża għolliet it-tariffi li kienet tapplika fil-konfront tal-klijienti Portugiżi tagħha b’31 u 44 % meta mqabbla mal-prezzijiet applikati fl-1993” u li “r-rikorrenti rrapportat ukoll żieda fil-prezzijiet li rnexxiet fl-1995”. Għaldaqstant, mit-test tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din iż-żieda fil-prezzijiet fl-1995 ġiet stabbilita abbażi ta’ informazzjoni orali u ta’ dokumenti pprovduti minn EKA, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Għaldaqstant, anki jekk l-informazzjoni orali pprovduta mir-rikorrenti tikkonferma dik ta’ EKA, hija ma tistax titqies, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 hawn fuq, bħala waħda ta’ valur miżjud sinjifikattiv, peress li kienet diġà pprovduta minn EKA u li r-rikorrenti ma pprovditx dettalji addizzjonali fuq l-imsemmija żieda fil-prezzijiet.

157    Barra minnhekk, fir-rigward tal-premessa 207 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 259 li hija marbuta magħha, il-Kummissjoni tirrileva li “għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tad-diskussjonijiet bejn Finnish Chemicals u r-rikorrenti dwar il-klijent MODO, [L.] ċempel lil [B.] (ir-rappreżentant ta’ Quadrimex, l-importatur ta’ Finnish Chemicals fi Franza) sabiex jiġu diskussi l-volumi mitlufa mir-rikorrenti” u li “meta saru dawn it-telefonati, fit-2 u fil-5 ta’ Ottubru 1998, [L.] ilmenta dwar l-aggressività Skandinava u talab kumpens f’volum mir-rikorrenti”. F’dan ir-rigward, mid-dokumenti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 257 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punt 4.3.1.20 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolata “1998 – konflitt dwar il-klijent MODO” jirriżulta li sabiex stabbilixxiet in-natura preċiża tal-kuntatti bejn il-kompetituri rigward il-provvista tal-klijent MODO, id-dati ta’ dawn il-kuntatti u l-volumi mqassma, il-Kummissjoni bbażat ruħha kompletament fuq l-informazzjoni preċiża li Finnish Chemicals kienet ipprovditilha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li din l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, għandha valur miżjud sinjifikattiv.

158    Barra minn hekk, fir-rigward tal-premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 305 li hija marbuta magħha, il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti ddikjarat li “[L.] jaħseb li jiftakar f’laqgħa li saret bejn Finnish Chemicals u r-rikorrenti sabiex jifhmu għaliex ir-regoli ta’ tqassim applikabbli għal MODO ma kinux għadhom qed jiġu osservati” u li “matul din il-laqgħa, li [L.] jaħseb li seħħet fl-ewwel tliet xhur tal-1999 fil-Finlandja, Finnish Chemicals iddikjarat li saret il-fornitriċi esklużiva ta’ MODO wara li sar ftehim mill-kumpannija parent tagħha ma’ MODO, li għaldaqstant kiser il-ftehim eżistenti bejn EKA, Finnish Chemicals u [r-rikorrenti] dwar dan il-klijent”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tgħid ukoll li “madankollu, peress li l-kuntratt bejn MODO u Finnish Chemicals li ġie konkluż biss f’Settembru 1999, il-Kummissjoni qieset li [L.] ħa żball fid-dati u l-postijiet u li huwa jinvoka fir-realtà l-laqgħa tad-9 ta’ Novembru 1999 f’Kopenħagen”. Għaldaqstant, apparti l-fatt li l-informazzjoni orali pprovduta mir-rikorrenti hija, skont kif sostniet hija stess, inċerta (“[L.] jaħseb li jiftakar”), iżda wkoll mhux preċiża, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li l-Kummissjoni, mhux talli ma użathiex sabiex tistabbilixxi l-prova tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur, iżda tirrileva espressament, fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-informazzjoni hija żbaljata u barra minn hekk ir-rikorrenti ma tikkontestax dan. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li din l-informazzjoni, li ma kinitx ikkorroborata, ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv.

159    Barra minn hekk, fir-rigward tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 325 tad-deċiżjoni kkontestata, din tikkostitwixxi riferiment għall-premessa 273 tal-imsemmija deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni tirrileva b’mod partikolari, li r-rikorrenti “irrapportat laqgħa bejn EKA, Finnish Chemicals u hija stess ‘fir-Rebbiegħa 2000’, fejn hemm lok li jiġi preżunt li hija l-laqgħa tad-9 ta’ Frar 2000 deskritta fil-premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata”. F’din il-premessa tal-aħħar, il-Kummissjoni tippreċiża li fil-marġini tal-laqgħa tad-9 ta’ Frar 2000, EKA “qalet li hija kienet tirrifjuta li tipparteċipa f’diskussjonijiet oħra mal-kompetituri”. Fil-premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 337 li hija marbuta magħha, il-Kummissjoni tirrileva li “t-tibdiliet li seħħew fis-suq tal-klorat tas-sodju fil-Komunità fl-1999 (b’mod partikolari fir-rigward tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ provvista bejn Finnish Chemicals u MODO) wasslu għat-tmiem tal-kuntatti bejn il-produtturi tal-klorat tas-sodju u, għalkemm kien għad hemm xi telefonati u laqgħat f’Jannar u Frar 2000 […], il-livell ta’ kooperazzjoni normali, li essenzjalment kienet tinkludi sforzi intiżi sabiex jitqassmu l-volumi ta’ bejgħ ma reġax ġie stabbilit”. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 337 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li “EKA u r-rikorrenti jirreferu għall-programmi għall-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni rispettivi li kienu ġew introdotti fl-1999 u fl-2000”, filwaqt li Finnish Chemicals tindika li l-kuntatti mal-kompetituri spiċċaw għal kollox eżattament kif il-kuntratt mal-klijent MODO ġie konkluż. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv. Fil-fatt, apparti l-fatt li l-informazzjoni pprovduta minnha, li l-akkordju ntemm wara l-adozzjoni tal-programmi għall-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma tinkludi l-ebda dettall rigward id-data eżatta meqjusa mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi t-tmiem tal-ksur, huwa abbażi tad-dettalji provduti minn EKA, bħalma jirriżulta mill-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li l-ksur kien intemm mal-laqgħa tal-assoċjazzjoni professjonali CEFIC li kienet saret fid-9 ta’ Frar 2000.

160    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala infondat, ir-raba’ ilment tar-rikorrenti li mit-test stess tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija kienet ipprovdiet informazzjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv u anki t-tielet motiv kollu kemm hu.

c)     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ għoti lir-rikorrenti ta’ tnaqqis tal-multa li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

161    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt billi ma tathiex tnaqqis tal-multa li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li jiġu eżaminati t-tliet partijiet ta’ dan il-motiv f’ordni li huwa parzjalment differenti mill-mod kif qajmet dan il-motiv ir-rikorrenti.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li l-Kummissjoni wettqet billi qieset li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti previsti fil-linji gwida

–       L-argumenti tal-partijiet

162    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, sa fejn hija ma bbenefikat mill-ebda tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, minkejja l-fatt li r-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida jipprovdi tali tnaqqis. Fil-fehma tagħha, l-imsemmi punt, li l-Kummissjoni ma tistax tinterpreta b’mod ristrettiv billi tillimita l-applikazzjoni tiegħu għal ċirkustanzi eċċezzjonali, jipprovdi fil-fatt li impriża, li ma kkooperatx b’mod suffiċjenti skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa jekk hija tkun tat, minn naħa waħda, kooperazzjoni effettiva u, min-naħa l-oħra, li din il-kooperazzjoni tkun tmur lil hinn mill-obbligi legali ta’ kooperazzjoni.

163    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li fil-premessi 385 sa 398 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċeduri skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux ipproċessat – l-Italja), il-Kummissjoni applikat ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida sabiex tat tnaqqis tal-multa ta’ 50 % abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti lil impriża li kellha l-immunità kundizzjonali mill-multa, mogħtija fil-kuntest tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, irtirata. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni partikolari kif ukoll ta’ deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni, ma jistax jinftiehem kif ir-rikorrenti, li ma kkontestatx il-fatti u li kkooperat matul il-proċeduri, ma tiksibx tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti.

164    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa waħda, li hija kkooperat b’mod effettiv mal-Kummissjoni. Hija mhux biss irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur mill-bidu tal-investigazzjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari, mill-fatt li hija kienet it-tieni impriża li kkooperat mal-Kummissjoni, iżda hija pprovdiet numru kbir ta’ elementi ddettaljati li jippermettu li jiġu ċċarati n-natura u t-tul tal-akkordju, il-parteċipanti tiegħu u l-mod ta’ funzjonament, bħalma jirriżulta mill-informazzjoni li hija pprovdiet fir-risposta tagħha, tat-18 ta’ Ottubru 2004, għat-talba għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

165    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti offriet kooperazzjoni li tmur ħafna lil hinn minn dik li tirriżulta mill-obbligi legali ta’ kooperazzjoni tagħha. Fil-fatt, sa mit-talba tagħha skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, hija kkollaborat mill-qrib u b’mod kostanti mal-Kummissjoni, kif jirriżulta mir-risposti li hija pprovdiet għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2007. Mhux biss hija rrinunzjat, b’dan il-mod, għad-dritt tagħha li ma tinkriminax ruħha, iżda hija ħadet ukoll parti attiva fil-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-ksur.

166    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

167    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, fid-dawl tal-kooperazzjoni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, din tal-aħħar wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt billi ma tathiex tnaqqis tal-multa skont ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida.

168    Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li fir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida, il-Kummissjoni impenjat ruħha, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha taċ-ċirkustanzi attenwanti li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tkun qiegħda tiffissa l-ammont tal-multi, li tagħti tnaqqis tal-multa meta “impriża tikkoopera b’mod effettiv mal-Kummissjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni u lil hinn mill-obbligi legali ta’ kooperazzjoni”.

169    Madankollu, l-applikazzjoni tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni mill-effettività tiegħu. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 1 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li l-imsemmi avviż “jistabbilixxi qafas sabiex jiġu kkumpensati, għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, impriżi li jagħmlu parti jew kienu jagħmlu parti minn akkordji sigrieti li jaffettwaw lill-Komunità”. Għaldaqstant, mill-kliem u mill-istruttura tal-imsemmi avviż jirriżulta li l-impriżi ma jistgħux, bħala prinċipju, jiksbu tnaqqis tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom ħlief jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stretti tal-imsemmi avviż.

170    Għaldaqstant, sabiex tinżamm l-effettività tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, huwa biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li l-Kummissjoni għandha tagħti tnaqqis tal-multa lil impriża fuq il-bażi tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-kooperazzjoni ta’ impriża, filwaqt li tmur lil hinn mill-obbligu legali ta’ kooperazzjoni tagħha mingħajr madankollu ma tagħtiha d-dritt għal tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, hija ta’ utilità oġġettiva għall-Kummissjoni. Tali utilità għandha titqies meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni finali tagħha, fuq il-provi li impriża pprovditilha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha u li fin-nuqqas tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tissanzjona totalment jew parzjalment il-ksur inkwistjoni.

171    F’dan il-każ, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument jew prova li jistabbilixxu li mingħajr il-kooperazzjoni tagħha l-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tissanzjona parzjalment jew totalment il-ksur ikkontestat fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fid-dawl tan-natura impreċiża, ineżatta jew mhux issostanzjata tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti (ara l-punti 141 sa 159 hawn fuq), l-imsemmija informazzjoni ma kinitx utli għall-Kummissjoni peress li kienet ibbażata fuq provi li hija kienet ġabret ukoll sabiex tistabbilixxi l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur.

172    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxitx li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma tathiex tnaqqis tal-multa fuq il-bażi tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida.

173    L-argumenti mqajma mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jbiddlux din il-konklużjoni.

174    L-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li hija kellha tikseb tnaqqis tal-multa peress li hija rrinunzjat għad-dritt fundamentali tagħha li ma tinkriminax lilha nnifisha, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, apparti l-fatt li r-rikorrenti kienet libera li tikkoopera mal-Kummissjoni jew li tikkontesta l-partiċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tatiha tnaqqis tal-multa skont ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida ħlief jekk iċ-ċirkustanzi esposti fil-punt 170 hawn fuq kienu sodisfatti f’dan il-każ.

175    It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li f’kawżi oħrajn il-Kummissjoni tat tnaqqis tal-multa lil impriżi għall-kooperazzjoni tagħhom skont ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, peress li huwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tissanzjona totalment jew parzjalment akkordju fin-nuqqas tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, tali argument ma jaffettwax il-konklużjoni esposta fil-punt 172 hawn fuq li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxitx li l-Kummissjoni kellha tatiha tnaqqis tal-multa li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

176    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment bħala ineffettiva.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti u tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

177    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, hija tqis li, fid-dawl tal-fatt li hija rrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur mill-bidu tal-investigazzjoni u li ma kkontestatx il-fatti wara li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet innotifikata lilha, hija kellha tikseb tnaqqis tal-multa li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

178    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti tiġġustifika tnaqqis tal-multa għal tliet raġunijiet. Qabel kollox, dan jimplika li l-impriża inkwistjoni tirrinunzja għad-dritt fundamentali tagħha li ma tinkriminax lilha nnifisha u li tikkontesta d-dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħrajn li talbu l-benefiċċju tal-klemenza. Imbagħad, dan imur lil hinn mill-obbligu legali ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, iħaffef b’mod sinjifikattiv ix-xogħol tal-Kummissjoni.

179    It-tieni nett, ir-rikorrenti tosserva li l-utilità tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti ġiet irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza. Minn naħa waħda, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (T‑30/05, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 251), il-Qorti Ġenerali qieset li tnaqqis tal-multa abbażi tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti u tal-kooperazzjoni kienet iġġustifikata meta l-aġir tal-impriża inkwistjoni kien ippermetta lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur mingħajr inqas diffikultajiet. Fis-seduta, hija invokat ukoll f’dan ir-rigward is-sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq (punti 95 sa 97), u Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq (punt 221). Min-naħa l-oħra, l-importanza tar-rikonoxximent tal-fatti minn impriża tirriżulta wkoll b’mod impliċitu mis-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq (punti 112, 418 u 457).

180    It-tielet nett, ir-rikorrenti tirrileva li l-valur tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti ġie wkoll irrikonoxxut mill-Kummissjoni fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha. Minn naħa waħda, l-utilità intrinsika tar-rikonoxximent ta’ ksur kienet ġiet ikkonfermata mill-adozzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment [tranżazzjoni] ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1, punti 32 u 33, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar it-tranżazzjoni”, li jipprovdi tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa li jista’ jiġi impost fuq l-impriża meta din tal-aħħar tirrikonoxxi l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju. Min-naħa l-oħra, il-proċeduri li jirriżultaw mill-Avviż dwar it-tranżazzjoni jagħmlu parti mill-kontinwità tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-għoti, skont il-punt D(2) tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis tal-multi fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni”), tnaqqis ta’ 10% tal-ammont tal-multa meta impriża ma “tikkontestax il-mertu tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha”. Barra minn hekk, il-fatt li, bid-differenza tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni la jipprevedi u lanqas jeskludi li jingħata tnaqqis tal-multa meta impriża ma tikkontestax il-fatti, ma huwiex tali li jillimita l-portata tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju bħall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

181    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tosserva li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniza, Franċiża u tar-Renju Unit, tnaqqis tal-multa jista’ jingħata lil impriża jew li essenzjalment ma tikkontestax ir-realità tal-fatti jew li tirrikonoxxihom.

182    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

183    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi ma tathiex tnaqqis tal-multa li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, għandu jitfakkar li bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 hawn fuq, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-awtorità kompetenti għandha l-obbligu li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, kull element rilevanti tal-każ inkwistjoni.

184    F’dan il-każ, mill-premessa 544 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, minn naħa waħda, li l-Kummissjoni kkunsidrat li “fid-dawl tal-fatti inkwistjoni kollha, l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali ta’ din il-kawża ma kienet tali li tiġġustifika l-għoti lir-rikorrenti ta’ tnaqqis, għall-kollaborazzjoni effettiva tagħha, li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat fl-imsemmija premessa li “bid-differenza tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, dak tal-2002 ma kienx għadu jipprevedi tnaqqis tal-multa għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti u l-Kummissjoni bl-ebda mod ma tat x’tifhem, fil-kawża preżenti, li hija setgħet tagħti tnaqqis barra mill-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”.

185    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, li ma tressaq l-ebda argument jew prova li jistabbilixxu li l-Kummissjoni naqset milli teżamina b’reqqa u imparzjalità l-kooperazzjoni li din kienet ipprovdiet matul il-proċedura amministrattiva, ma urietx li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

186    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

187    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma tat l-ebda tnaqqis tal-multa lir-rikorrenti minħabba li hija ma kinitx ikkontestat il-fatti u li kienet ikkollaborat mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, għandu jitfakkar qabel kollox li, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 hawn fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonat għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li għandha tapplika, għal dan il-għan, dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

188    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa billi eskludiet li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti min-naħa tagħha u l-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva jagħtuha dritt għal tnaqqis tal-multa.

189    Fil-fatt, l-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar tat tnaqqis tal-multi lil impriżi li ma kinux ikkontestaw il-fatti u li kienu kkooperaw magħha, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Minn naħa waħda, għalkemm huwa stabbilit li l-punt D(2) tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, li l-Kummissjoni applikat fil-kuntest tad-deċiżjonijiet preċedenti li ssanzjonaw akkordji li r-rikorrenti tirreferi għalihom, kien jipprevedi l-għoti ta’ tnaqqis ta’ 10 sa 50 % tal-ammont tal-multa meta wara li tkun irċevit dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża “ma kinitx tikkontesta l-mertu tal-fatti li l-Kummissjoni kienet tibbaża l-akkużi tagħha fuqhom”, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi avviż, li ġie ssostitwit mill-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, ma japplikax għall-fatti ta’ dan il-każ. Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti u bħalma tosserva l-Kummissjoni, billi ssostitwiet l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni b’dak tal-2002, li ma jipprevedix tnaqqis tal-multa fil-każ ta’ sempliċi nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni eskludiet, mingħajr ambigwità, li tnaqqis tal-multa jista’ jingħata f’dan is-sens fil-kuntest tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata biss li tagħti tnaqqis tal-multa fil-każ fejn impriża jew tipprovdi provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv, bħalma ġie espost fil-punt 131 hawn fuq, fis-sens tal-punt 21 tal-imsemmi avviż, jew bħalma ġie espost fil-punt 170 hawn fuq, tipprovdi informazzjoni li fin-nuqqas tagħha l-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tissanzjona totalment jew parzjalment il-ksur inkwistjoni fid-deċiżjoni finali.

190    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrenti li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 179 hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tagħti tnaqqis tal-multa lil impriża li tkun ippermettiet li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultajiet, b’mod partikolari meta l-imsemmija impriża tkun iddikjarat b’mod espress li hija ma tikkontestax il-fatti. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma timminax il-konstatazzjoni esposta fil-punt 175 hawn fuq li r-rikorrenti ma stabbilixxietx f’dan il-każ li, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tikkonstata totalment jew parzjalment il-ksur inkwistjoni. L-argumenti tar-rikorrenti li t-tnaqqis tal-multa abbażi tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti kien iġġustifikat inkwantu dan tal-aħħar kien imur lil hinn mill-obbligu legali ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni u li tiffaċilita b’mod sinjifikattiv ix-xogħol tal-Kummissjoni, għandhom jiġu miċħuda wkoll bħala infondati peress li, bħalma ġie rrilevat fil-punt 170 hawn fuq, l-għoti ta’ tnaqqis tal-multa jiddependi biss fuq l-utilità oġġettiva tal-kooperazzjoni ta’ impriża għall-Kummissjoni.

191    It-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti li fl-Avviż dwar it-tranżazzjoni l-Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod espress li l-kooperazzjoni ta’ impriża kellha tiġi rrikumpensata, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, minn naħa waħda, bħalma l-Kummissjoni ġustament sostniet mingħajr ma r-rikorrenti kkontestat dan, l-imsemmi avviż, li ġie adottat kważi xahar wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma japplikax għall-fatti ta’ dan il-każ. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 5 tal-imsemmi avviż, il-Kummissjoni għandha “marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tidentifika l-kawżi li jistgħu jieħdu sehem f’diskussjonijiet ta’ tranżazzjoni” u huwa biss fil-każ li l-impriżi li jipparteċipaw fihom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmi avviż li jingħatalhom tnaqqis tal-multa ta’ 10 %. Għaldaqstant, skont l-imsemmi avviż, hija biss il-Kummissjoni u mhux l-impriżi li tista’ tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali, jekk l-użu ta’ din il-proċedura jippermettix li jiffaċilita s-sanzjoni tal-ksur inkwistjoni u, f’dan il-kuntest, li jingħata tnaqqis tal-multa ta’ 10 % lil impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet.

192    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti jagħti dritt għal tnaqqis tal-multa, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv peress li l-imsemmija regoli, li ma jorbtux lill-Kummissjoni, ma jikkostitwixxux il-kuntest legali rilevanti sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma tat l-ebda tnaqqis tal-multa lir-rikorrenti abbażi tal-kooperazzjoni tagħha.

193    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud parzjalment bħala ineffettiv u parzjalment bħala infondat u għaldaqstant l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ amministazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali, li jirriżulta mill-fatt li Aragonesas u r-rikorrenti ġew ittrattati, b’mod żbaljat, bl-istess mod

–       L-argumenti tal-partijiet

194    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ amministrazzjoni tajba fid-deċiżjoni kkontestata, peress li impriża li tirrikonoxxi ksur u li tikkoopera mal-Kummissjoni għandha tiġi ttrattata b’mod differenti minn dik li tikkontesta l-imsemmi ksur.

195    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li, bħal Aragonesas, hija ma bbenefikat mill-ebda tnaqqis tal-multa, filwaqt li Aragonesas kienet ikkontestat il-fatti billi indikat, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ma kinitx ipparteċipat fil-ftehim li jkopru s-suq komuni kollu hemm hu, li l-provi prodotti mill-Kummissjoni kienu insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur minħabba li kienu ġew pprovduti fil-kuntest tal-applikazzjonijiet skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni ppreżentati minn impriżi oħrajn u li l-ebda prova ma kienet tistabbilixi li hija kienet ikkooperat sistematikament mal-membri l-oħra tal-akkordju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

196    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità billi ma tatha l-ebda tnaqqis tal-multa, abbażi tal-kooperazzjoni tagħha, li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din il-parti tar-raba’ motiv, hija ma ressqet l-ebda argument insostenn tal-ilmenti tagħha u li dawn jitħalltu ma’ dawk li hija qajmet fil-kuntest tal-ewwel parti tal-istess motiv. Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati għar-raġunijiet esposti fil-punti 183 sa 193 hawn fuq.

197    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li hija tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ Aragonesas, li kienet ikkontestat il-fatti matul il-proċedura amministrattiva, għandu jitfakkar li bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 hawn fuq, l-imsemmi prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

198    F’dan il-każ, għalkemm huwa stabbilit li Aragonesas ikkontestat il-fatti matul il-proċedura amministrattiva (ara l-premessi 341 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li r-rikorrenti ma kkontestathomx u kkooperat mal-Kummissjoni (ara l-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata), xorta jibqa’ l-fatt li dawn iż-żewġ impriżi jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli peress li l-ebda waħda minnhom ma tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni u mir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida, li jiġġustifikaw li jingħata tnaqqis tal-multa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ittrattat lil dawn iż-żewġ impriżi b’mod identiku.

199    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll it-tielet parti tar-raba’ motiv kollha kemm hi.

200    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B –  Fuq it-talbiet magħmula sussidjarjament sabiex jinbidel l-ammont tal-multa

1.     L-argumenti tal-partijiet

201    Skont it-tieni kap tat-talbiet kif ukoll fl-atti tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tibdel l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha. F’dan il-kuntest, hija tixtieq b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, tnaqqas ir-rata taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva ta’ 90 għal 50 % u, it-tieni nett, tatiha tnaqqis tal-multa ta’ 30 sa 50 %, fid-dawl tal-kooperazzjoni tagħha mill-qrib matul il-proċedura amministrattiva u minħabba li hija ma kkontestatx il-fatti.

202    Il-Kummissjoni topponi t-talbiet tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

203    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, iktar milli sempliċi stħarriġ ta’ legalità, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud, jew li l-att ikkontestat jiġi annullat, il-ġurisdizzjoni sħiħa, skont l-Artikolu 229 KE, mogħtija lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tawtorizza lil din il-qorti sabiex tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma jiġix annullat, billi tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex temenda, pereżempju, l-ammont tal-multa (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

204    L-ewwel nett, fir-rigward tat-talba għal tibdil tar-rata ta’ żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba r-reċidiva, il-Qorti Ġenerali tqis, fid-dawl b’mod partikolari tat-tendenza kbira tar-rikorrenti li tevadi r-regoli tal-kompetizzjoni, li ma hemmx lok, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa, li tibdel l-imsemmija rata.

205    It-tieni nett, fir-rigward tat-talba għal tibdil tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba li hija ma kkontestatx il-fatti u li hija kkooperat matul il-proċedura amministrattiva, il-Qorti Ġenerali tqis li, sa fejn din il-kooperazzjoni ma kinitx tali li tippermetti lill-Kummissjoni li tissanzjona totalment jew parzjalment lill-akkordju, ma hemmx lok, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiha tagħha, li tatiha tnaqqis tal-multa.

206    Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta’ elementi oħrajn, f’dan il-każ, tali li jwasslu għat-tibdil fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, it-tieni kap tat-talbiet ta’ din tal-aħħar għandu jiġi miċħud bħala infondat.

207    Konsegwentement, ir-rikors tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

208    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, kif mitlub mill‑Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Arkema France hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet, prinċipalment, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq l-ammissibbiltà

a)  Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltŕ tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti

b)  Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltŕ tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti

2.  Fuq il-mertu

a)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi marbuta maż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba r-reċidiva

Fuq l-ewwel parti, bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ, fid-dawl tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni Peroxygen, minħabba r-reċidiva, fid-deċiżjoni kkontestata

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji non bis in idem u ta’ proporzjonalitŕ, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni kienet diġŕ ħadet inkunsiderazzjoni, minħabba r-reċidiva, id-deċiżjoni Peroxygen, id-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC f’erba’ deċiżjonijiet oħra li jissanzjonaw lir-rikorrenti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ, ta’ trattament ugwali u ta’ amministrazzjoni tajba, fid-dawl taż-żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba r-reċidiva

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ għoti ta’ tnaqqis tal-multa lir-rikorrenti skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c)  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ għoti lir-rikorrenti ta’ tnaqqis tal-multa li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li l-Kummissjoni wettqet billi qieset li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti previsti fil-linji gwida

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalitŕ, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti u tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ, ta’ amministazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali, li jirriżulta mill-fatt li Aragonesas u r-rikorrenti ġew ittrattati, b’mod żbaljat, bl-istess mod

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq it-talbiet magħmula sussidjarjament sabiex jinbidel l-ammont tal-multa

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.