Language of document : ECLI:EU:T:2011:621

Kawża T-348/08

Aragonesas Industrias y Energía, SAU

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-klorat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Rikors għal annullament — Tqassim tas-suq — Iffissar tal-prezzijiet — Serje ta’ indizji — Data tal-provi — Dikjarazzjonijiet ta’ kompetituri — Ammissjoni — Tul tal-ksur — Multi — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikoli 81(1) KE u 230 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

2.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza —Proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà

(Artikolu 6(2) UE; Artikolu 81(1) KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ serje ta’ indizji

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

4.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur — Assenza ta’ provi dokumentarji — Effett

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Stħarriġ ġudizzjarju — Identifikazzjoni tal-provi meqjusa mill-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

7.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur — Evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi differenti — Ammissjoni ta’ impriża rigward il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat illeċiti

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa — Teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-ksur fl-intier tiegħu

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 22)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Marġni ta’ diskrezzjoni rriżervat għall-Kummissjoni — Żieda tal-livell ġenerali tal-multi — Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju — Evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3))

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Konstatazzjoni ta’ illegalità — Neċessità għall-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni dwar ir-riforma tad-deċiżjoni skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha

(Artikolu 261 TFUE)

1.      F’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur.

Sussegwentement, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att ikkontestat.

Għalhekk, ir-rwol tal-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti li jiġi evalwat jekk il-provi u elementi oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur ikkontestat.

(ara l-punti 90-92)

2.      L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tkun favur l-impriża destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-qorti ma tistax għalhekk tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ tali ksur skont id-dritt jekk ikun għad hemm dubju fuq il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa.

Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk ikkonfermata mill-preambolu tal-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) UE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ ħruxija tas-sanzjonijiet marbuta miegħu, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tapplika b’mod partikolari għall-proċeduri dwar il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu sabiex jiġu imposti multi jew pagamenti ta’ penalità.

(ara l-punti 93, 94)

3.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li l-ksur twettaq.

Madankollu, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, twieġeb għal dan ir-rekwiżit.

Minbarra dan, meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura notorja tal-projbizzjoni tal-ftehim antikompetittivi, ma jistax jiġi meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li juru b’mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mifruxa li tista’ tiddisponi minnhom il-Kummissjoni għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 95-97)

4.      Fir-rigward tal-mezzi ta’ prova li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 81(1) u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak ta’ amministrazzjoni libera tal-provi.

Konsegwentement, l-eventwali assenza ta’ provi dokumentati hija rilevanti biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-valur probatorju tas-serje ta’ indizji ppreżentati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, dan waħdu ma jkollux bħala konsegwenza li l-impriża kkonċernata tista’ validament tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta spjegazzjoni barra l-fatti tal-każ. Dan ikun il-każ biss meta l-provi ppreżentati mill-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur mingħajr ekwivoku u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni.

Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha, kontra impriża, fuq dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra akkużati, anki jekk dawn kienu nġabru mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ talba intiża favur l-Avviż [Komunikazzjoni] dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji]. Jekk dan ma kienx ikun il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jikser l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 KE tal-Ftehim ŻEE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha tiġi kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun sostnuta minn provi oħra, peress li l-livell ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni. Tali kundizzjoni ta’ korroborazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ impriża għandha tiġi osservata wkoll fil-każ ta’ kontestazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni minn impriża oħra akkużata.

(ara l-punti 98-101, 206)

5.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, jista’ jiġi rrikonoxxut valur probatorju partikolarment għoli għad-dikjarazzjonijiet li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, isiru f’isem impriża, it-tielet nett, joriġinaw minn persuna li għandha responsabbiltà professjonali li taġixxi f’isem din l-impriża, ir-raba’ nett, imorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, joriġinaw minn xhud dirett taċ-ċirkustanzi li huma jirrapurtaw u, is-sitt nett, ikunu ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni bir-reqqa.

Minkejja li hija ġeneralment applikata ċerta kawtela fir-rigward ta’ depożizzjonijiet volontarji tal-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali, minħabba l-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom tendenza li jċekknu l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom fil-ksur u li jkabbru dik tal-oħrajn, xorta jibqa’ l-fatt li t-talba għal benefiċċju taħt l-applikazzjoni tal-Avviż [Komunikazzjoni] dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji], sabiex tinkiseb immunità jew tnaqqis mill-multa ma toħloqx neċessarjament inċentivazzjoni sabiex jiġu prodotti provi distorti f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra fl-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, kull tentattiv magħmul biex il-Kummissjoni taqa’ fi żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-applikant u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà tiegħu li jibbenefika kompletament mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, il-konsegwenzi potenzjali tal-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ provi distorti huma għaldaqstant iktar gravi peress li d-dikjarazzjoni kkontestata ta’ impriża għandha tkun sostnuta minn provi oħra. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza żżid ir-riskju li dikjarazzjonijiet ineżatti jiġu identifikati, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-impriżi l-oħra akkużati li pparteċipaw fil-ksur.

(ara l-punti 104-106)

6.      Il-proċedura amministrattiva prevista bir-Regolament Nru 1/2003, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi, li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontenzjuża, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tuża s-setgħat ta’ investigazzjoni previsti bir-Regolament Nru 1/2003, u li tasal sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni li tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentament tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontenzjuża, li tibda mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definttiv fuq il-ksur ikkontestat.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi u tal-elementi oħra invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-riċerka, għall-finijiet tal-identifikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi, tista’ tirrigwarda biss il-parti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fihom hija tiddeskrivi l-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss wara li tkun irċeviet, fil-kuntest ta’ din l-aħħar fażi, l-osservazzjonijiet tal-impriża kkonċernata fuq l-ewwel pożizzjoni mibdija mill-Kummissjoni fi tmiem fażi ta’ investigazzjoni preliminari, kif imniżżla fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li żżomm jew le din l-ewwel pożizzjoni u għalhekk li tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-ksur ikkontestat.

Meta, wara li rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ impriża fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-provi li hija kellha fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur, tqajjem dubju hija stess fuq il-valur probatorju ta’ dawn il-provi, il-Qorti Ġenerali jkollha tieħu inkunsiderazzjoni din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 109, 110, 113)

7.      F’dak li jikkonċerna l-ammissjoni tar-rikorrenti rigward il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa illeċita fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu tal-punti ta’ fatt jew ta’ liġi minnha matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali matul l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ azzjoni ġudizzjarja.

Għaldaqstant, sabiex tali ammissjoni tiġi aċċettata bħala prova affidabbli, fl-istadju tal-evalwazzjoni fondatezza ta’ azzjoni ġudizzjarja għandu jsir stħarriġ dwar jekk il-kontenut ta’ din l-ammissjoni jikkompletax provi oħra prodotti mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 217, 218)

8.      Jekk il-gravità tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni hija, fl-ewwel lok, evalwata skont elementi relatati mal-ksur, bħan-natura tiegħu, il-parti mis-suq akkumulata tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tiegħu, fit-tieni lok din l-evalwazzjoni hija rregolata skont ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li huma karatteristiċi ta’ kull impriża li pparteċipat fil-ksur.

Għalhekk, l-ewwel fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multa mill-Kummissjoni għandha bħala għan li tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull impriża kkonċernata, u dan billi jiġi applikat fuq il-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni fis-suq ġeografiku kkonċernat ta’ kull waħda minnhom l-ewwel koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni li jirrifletti l-gravità tal-ksur, kif ukoll it-tieni koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni intiż sabiex jiddisswadihom milli jibdew mill-ġdid tali aġir illegali. Hekk kif jirriżulta mil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, kull wieħed minn dawn iż-żewġ koeffiċjenti ta’ moltiplikazzjoni huwa ddeterminat fid-dawl tal-fatturi li jirriflettu l-karatteristiċi tal-ksur meħud fl-intier tiegħu, jiġifieri li dan jiġbor l-aġir antikompetttiv kollu tal-parteċipanti kollha tiegħu.

Għalhekk, ma hemmx lok, waqt id-determinazzjoni tal-ammont ta’ dawn iż-żewġ koeffiċjenti ta’ moltiplikazzjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi marbuta mal-ksur imwettaq minn kull wieħed mill-parteċipanti meħuda individwalment. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk sostnuta mill-għan stess tat-tieni fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multi, li hija intiża, preċiżament, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jikkaratterizzaw, individwalment, l-aġir antikompetittiv ta’ kull wieħed mill-parteċipanti tal-ksur inkwistjoni.

Konsegwentement, il-fatturi elenkati fil-punt 22 tal-linji gwida, sabiex jiġu stabbiliti kemm il-koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni “gravità tal-ksur” (punt 21 tal-linji gwida) u l-koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni “dritt ta’ dħul” (punt 25 tal-linji gwida), għandhom dejjem bħala għan li jevalwaw il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meħuda flimkien. B’mod partikolari, ma jirriżultax mil-linji gwida li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni elementi speċifiċi għal parteċipant fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, bħall-parteċipazzjoni inqas frekwenti ta’ impriża f’kuntatti antikompetittivi jew l-assenza ta’ implementazzjoni tal-ftehim konklużi, fl-istadju tal-ewwel fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multa. Tali elementi ma jittieħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ħlief fl-istadju tat-tieni fażi ta’ dan il-metodu, bħala ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti proprji għal kull waħda mill-impriżi li pparteċipat fil-ksur.

(ara l-punti 264-267, 273)

9.      Il-punti 28 u 29 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdu aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li huma proprji għal kull impriża kkonċernata. B’mod partikolari, il-punt 29 tal-Linji gwida jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jwasslu, taħt ċerti ċirkustanzi, għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Ċertament, din il-lista ma tagħmilx iktar riferiment, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għar-rwol passiv ta’ impriża. Madankollu, peress li l-lista stabbilita fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 ma hijiex eżawrjenti, tali ipoteżi ma tistax, fil-prinċipju tagħha, tiġi eskluża miċ-ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.

Ir-rwol passiv ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jimplika l-adozzjoni ta’ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri assenza ta’ parteċipazzjoni attiva fit-tfassil tal-elaborazzjoni ta’ ftehim antikompetittivi.

Fost l-elementi li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta pparagunata mal-membri ordinarji tal-akkordju kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur jew ukoll l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur.

(ara l-punti 279-281, 284, 285)

10.    Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jistax għaldaqstant iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. L-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni teżiġi għall-kuntrarju li l-Kummissjoni tkun tista’ fi kwalunkwe mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika.

(ara l-punt 293)

11.    Il-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha fir-rigward tal-prezzijiet hija stabbilita, ma tkunx ġabet ruħha fis-suq b’mod konformi ma’ dak li jkun ġie miftiehem mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti, meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta. Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha, politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha.

(ara l-punt 297)

12.    Il-fatt li l-eżami tal-motivi mqajma minn impriża kontra l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tiżvela illegalità ma jeżentax lill-Qorti Ġenerali milli teżamina jekk għandhiex, fid-dawl tal-konsegwenzi ta’ din l-illegalità u billi tapplika l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tirriforma d-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 306)