Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta' Ġunju 2012 - Hamas vs Il-Kunsill

(Kawża T-531/11) 

"Rikors għal annullament - Miżuri restrittivi fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu - Lis alibi pendens"

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Hamas (Damasku, is-Sirja u Gaza, il-Medda ta' Gaza) (rappreżentant: L. Glock, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment R. Szostak u G. Marhic, sussegwentement B. Driessen u G. Étienne, aġenti)

Suġġett

Inizjalment, rikors għal annullament tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011, tat-18 ta' Lulju 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 u (UE) Nru 83/2011 (ĠU L 188, p. 2), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/430/PESK, tat-18 ta' Lulju 2011, li taġġorna l-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 188, p. 47), sa fejn isem l-organizzazzjoni rikorrenti inżamm fil-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi previst fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli.

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Hamas għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 - ĠU C 126, 28.04.2012.