Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, afdeling Gent (il-Belġju) fil-25 ta’ Mejju 2023 – Dranken Van Eetvelde NV vs Belgische Staat

(Kawża C-331/23, Dranken Van Eetvelde)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, Afdeling Gent

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Dranken Van Eetvelde NV

Konvenut: Belgische Staat

Domandi preliminari

L-Artikolu 51bis(4) tal-WBTW 1 jikser l-Artikolu 205 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 2 moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi responsabbiltà ġenerali inkundizzjonata u ma tippermettix lill-qorti tevalwa r-responsabbiltà abbażi tal-kontribuzzjoni għall-frodi fiskali ta’ kull persuna?

L-Artikolu 51bis(4) tal-WBTW jikser l-Artikolu 205 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, kemm-il darba din id-dispożizzjoni tiġi interpretata bħala li tfisser li persuna tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT minflok id-debitur legali, mingħajr ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-VAT li jista’ jiġi invokat mid-debitur legali?

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-kumulu ta’ sanzjonijiet (amministrattivi u kriminali) ta’ natura kriminali, li jirriżultaw minn proċeduri differenti, fir-rigward ta’ fatti li huma materjalment identiċi iżda seħħew fi snin suċċessivi (li madankollu, fid-dritt kriminali, jitqiesu reat kontinwat bi skop kriminali uniku), u fejn il-fatti jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ sena partikolari u prosekuzzjoni kriminali fir-rigward ta’ sena oħra? Għandhom dawn il-fatti ma jitqisux li huma inseparabbli minħabba li seħħew fi snin suċċessivi?

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha jistgħu jinbdew proċeduri kontra persuna għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja amministrattiva ta’ natura kriminali fir-rigward ta’ fatti li għalihom din il-persuna tkun diġà instabet definittivament ħatja taħt id-dritt kriminali, fejn iż-żewġ proċeduri jiżvolġu kompletament indipendenti minn xulxin u l-unika garanzija li s-severità tas-sanzjonijiet kollha imposti tkun tirrifletti l-gravità tar-reat inkwistjoni hija kkostitwita mill-fatt li l-qorti fiskali tista’ tagħmel stħarriġ ta’ proporzjonalità fil-mertu, filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi l-ebda regoli f’dan ir-rigward, u lanqas ma tipprovdi regoli li permezz tagħhom l-awtorità amministrattiva tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sanzjoni kriminali diġà imposta?

____________

1 Belgishe btw-wetboek (il-Kodiċi tal-VAT Belġjan).

1 ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.