Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Ottubru 2012 - Flughafen Lübeck vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-461/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Flughafen Lübeck GmbH (Lübeck, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Núñez Müller, J. Dammann de Chapto u T. Becker, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2012 li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat SA.27585 (2012/C) (2012/NN) u SA.31149 (2012/C) (ex 2012/NN) (ĠU C 241, p. 56), sa fejn din id-deċiżjoni tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-iskeda tat-tariffi tal-ajruport tar-rikorrent għas-sena 2006;

tannulla d-deċiżjoni msemmija fit-talba preċedenti sa fejn tobbliga lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 , tosserva l-inġunzjoni għal informazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iskeda tat-tariffi tal-ajruport tar-rikorrenti għas-sena 2006;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Fil-kuntest ta' dan l-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sa fejn fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-iskeda tat-tariffi tal-ajruport meta din l-iskeda ma kinitx is-suġġett ta' proċedura ta' eżami preliminari. Dwar dan il-punt ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista' tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jwassal għan-nullità (parzjali) tad-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li jsir eżami diliġenti u imparzjali

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tagħmel eżami diliġenti u imparzjali sa fejn fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-iskeda tat-tariffi tal-ajruport mingħajr ma tat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew lir-rikorrenti l-possibbiltà li jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom dwar l-allegata għajnuna legali fil-kuntest tal-proċedura ta' eżami preliminari.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE kif ukoll tal-Artikoli 4, 6 u 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) u (3) TFUE kif ukoll l-Artikoli 4, 6 u 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 sa fejn naqset milli twettaq, fir-rigward tal-iskeda tat-tariffi tal-ajruport, il-proċedura f'żewġ stadji prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tikkonsisti fi proċedura ta' eżami preliminari u fi proċedura ta' investigazzjoni formali.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

Fil-kuntest tar-raba' motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn tieħu l-pożizzjoni li l-iskeda tat-tariffi tal-ajruport tikkonċedi għajnuna mill-Istat. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-iskeda tat-tariffi tal-ajruport hija selettiva fuq il-bażi tal-fatt li din l-iskeda tapplika biss għall-utenti tal-ajruport. Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma setgħetx issostni li l-iskeda tat-tariffi tal-ajruport hija miżura tal-Istat sa fejn ir-rikorrenti, meta ġiet stabbilita l-iskeda tat-tariffi tal-ajruport, kienet miżmuma, fil-parti l-kbira tagħha, minn investituri privati.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 296(2) TFUE sa fejn ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti għall-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-iskeda tat-tariffi tal-ajruport tal-2006.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament Nru 659/1999

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament Nru 659/1999 sa fejn indirizzat inġunżjoni għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-iskeda tat-tariffi tal-ajruport mingħajr ma qabel indirizzatilha talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).