Language of document : ECLI:EU:T:2014:758

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat − Tariffi tal-ajruport – Ajruport ta’ Lübeck – Deċiżjoni li tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE – Artikolu 107(1) TFUE – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999”

Fil-Kawża T‑461/12,

Hansestadt Lübeck (il-Ġermanja), aventi kawża ta’ Flughafen Lübeck GmbH, irrappreżentata minn M. Núñez Müller, J. Dammann de Chapto u T. Becker, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 1012 finali, tat-22 ta’ Frar 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.27585 u SA.31149 (2012/C) (ex NN/2012, ex CP 31/2009 u CP 162/2010) – il-Ġermanja, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna r-Regolament dwar it-tariffi tal-ajruport ta’ Lübeck (il-Ġermanja) adottat fl-2006,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas (Relatur), President, N. J. Forwood u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ottubru 2012, FL ippreżentat dan ir-rikors.

12      Fir-replika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2013, il-belt ta’ Lübeck iddikjarat li kienet qiegħda tissostitwixxi lil FL, sabiex tkompli r-rikors ippreżentat inizjalment minn din tal-aħħar.

13      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet domandi bil-miktub lir-rikorrenti, li osservat din it-talba fit-terminu stabbilit. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-risposti tar-rikorrenti fit-terminu mogħti.

14      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet. Dawn irrispondewhom fit-terminu stabbilit.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2014.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami fir-rigward tar-Regolament tal-2006;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tobbliga lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tagħti risposta għall-ordni li tipprovdi informazzjoni f’dak li jikkonċerna r-Regolament tal-2006;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ewwel kap tat-talbiet

[omissis]

 Fuq il-mertu

39      Insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu li jitwettaq eżami diliġenti u imparzjali, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE, tal-Artikoli 4, 6 u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, il-ħames, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

40      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li qabel kollox teżamina r-raba’ motiv, fil-parti tiegħu ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività.

41      Insostenn tal-parti msemmija, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex tikkonkludi li r-Regolament tal-2006 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li dan ma huwiex selettiv.

42      F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ bidu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwalifika tal-miżura kkontestata bħala għajnuna mill-Istat, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea huwa limitat għall-verifika tal-punt jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li hija ma setgħetx tegħleb id-diffikultajiet kollha fuq dan il-punt matul eżami inizjali tal-miżura kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, C‑194/09 P, Ġabra p. I‑6311, punt 61, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Diċembru 2001, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 R u T‑207/01 R, Ġabra p. II‑3915, punt 79, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, Ġabra p. II‑4217, punt 49).

43      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat teħtieġ li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑140/09, Ġabra p. I‑5243, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Il-karattru selettiv ta’ miżura tal-Istat jikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 40; tal-24 ta’ Novembru 2011, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑458/09 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56, u tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra p. II‑3207, punt 39). Fil-fatt, dan l-artikolu jipprojbixxi l-għajnuna, li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti”, jiġifieri l-għajnuna selettiva. Għalhekk, vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kollha ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ dan l-artikolu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra p. I‑10901, punt 99).

45      Sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, din il-miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbel ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Skont ġurisprudenza stabbilta wkoll, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu distinzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ spejjeż li jagħmlu parti minnha (ara s-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni qieset, fil-paragrafu 279 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-vantaġġi inkwistjoni kienu ngħataw biss lill-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck u li, għalhekk, dawn kienu selettivi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

48      Ir-rikorrenti tikkontesta li l-kumpanniji tal-ajru stabbiliti f’ajruporti oħra ma jinsabux f’sitwazzjoni simili, fil-fatt u fid-dritt, għal dik tal-kumpanniji tal-ajru li jinsabu fl-ajruport ta’ Lübeck u li l-Kummissjoni ma sostnietx li r-Regolament tal-2006 kien jagħti li xi utenti tal-ajruport ta’ Lübeck, meta mqabbel ma utenti oħra tal-ajruport imsemmi, vantaġġi b’mod mhux użwali fis-suq.

49      Il-Kummissjoni tinsisti li r-Regolament tal-2006 huwa selettiv, peress li dan japplika biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-motivazzjoni li tinsab fil-paragrafu 279 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija evokata fil-punt 47 iktar ’il fuq u li hija illustrata fil-paragrafi 265 sa 267 tad-deċiżjoni msemmija, hija l-unika waħda mogħtija biex tiġġustifika l-karattru selettiv tar-Regolament tal-2006, b’mod li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni msemmija għandu jsir fir-rigward ta’ din il-motivazzjoni waħedha.

51      Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li l-fatt li r-Regolament tal-2006 japplika biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck huwa konsostanzjali mas-sistema legali Ġermaniża relattiva għat-tariffi tal-ajruporti u għan-natura stess ta’ regolament li jiffissa tali tariffi. Fil-fatt, b’mod konformi mal-Artikolu 43a tal-Luftverkehrs-Zulassungs-Ordnung, kull amministratur ta’ ajruport għandu jiffissa l-livell tat-tariffi applikabbli għal dan l-ajruport. Għalhekk, fil-kuntest legali inkwistjoni, ir-Regolament tal-2006 seta’ jikkonċerna biss it-tariffi applikabbli fl-ajruport ta’ Lübeck. Il-kumpanniji li jiffrekwentaw l-ajruporti Ġermaniżi l-oħra huma suġġetti, f’dawn l-ajruporti, għar-regolamenti fuq it-tariffi speċifikament applikabbli għalihom. Għalhekk, dawn ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-kumpanniji li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck.

52      Barra minn hekk, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li, kif tindika l-Kummissjoni, għajnuna tista’ tkun selettiva anki meta tikkonċerna lil settur ekonomiku sħiħ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ġurisprudenza msemmija, elaborata b’mod partikolari fil-kuntest ta’ miżuri nazzjonali ta’ portata ġenerali, ma hijiex direttament rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-miżura inkwistjoni ma tikkonċernax “settur ekonomiku sħiħ”, li huwa, f’dan il-każ, is-settur tal-ajruporti, iżda biss lill-impriżi li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck.

53      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi evalwat il-karattru eventwalment selettiv fir-rigward ta’ ċerti impriżi ta’ livell tariffarju stabbilit minn entità pubblika għall-użu ta’ oġġett jew servizz speċifiku f’settur partikolari, għandha, b’mod partikolari, issir riferenza għall-impriżi kollha li jużaw, jew li jistgħu jużaw, dan l-oġġett jew servizz determinat u li jiġi eżaminat jekk humiex biss xi wħud minnhom li jibbenefikaw, jew jistgħu jibbenefikaw, minn tali vantaġġ. B’hekk, is-sitwazzjoni tal-impriżi li ma jridux, jew li ma jistgħux, jużaw l-oġġett jew is-servizz inkwistjoni ma hijiex direttament rilevanti biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ. Fi kliem ieħor, il-karattru selettiv ta’ miżura li tikkonsisti f’livell tariffarju stabbilit minn entità pubblika għall-użu ta’ oġġett jew servizz ipprovdut minn din l-entità jista’ jiġi evalwat biss fir-rigward tal-klijenti, attwali jew potenzjali, tal-entità msemmija u tal-oġġett jew tas-servizz speċifiku inkwistjoni, u mhux fir-rigward, b’mod partikolari, tal-klijenti ta’ impriżi oħra tas-settur li jipprovdu oġġetti jew servizzi simili. Qabel kollox, kieku kellu jitqies li kull livell tariffarju mhux diskriminatorju applikat minn entità pubblika b’korrispettiv għal oġġett jew għal servizz partikolari għandu karattru selettiv, dan iwassal, essenzjalment, biex jitwessa’ b’mod eċċessiv il-kunċett ta’ għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, biex eventwali vantaġġ mogħti minn entità pubblika, fil-kuntest tal-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi speċifiċi, jiffavorixxi lil ċerti impriżi, huwa neċessarju li impriżi li jużaw, jew li jixtiequ jużaw, dan l-oġġett jew servizz ma jibbenefikawx, jew ma jistgħux jibbenefikaw, mill-vantaġġ imsemmi min-naħa ta’ din l-entità f’dan il-kuntest speċifiku.

54      Minn naħa, minn dak li ntqal jirriżulta li s-sempliċi fatt li r-Regolament tal-2006 japplika biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck ma huwiex kriterju rilevanti biex jitqies li dan għandu karattru selettiv.

55      Min-naħa l-oħra, minn dak li ntqal jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li s-servizz speċifiku inkwistjoni huwa l-użu, bil-ħlas ta’ tariffi previsti bir-Regolament tal-2006, tal-ajruport ta’ Lübeck u li ma huwiex ikkontestat li l-kumpanniji tal-ajru kollha jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tariffarji tar-regolament imsemmi, kien b’mod żbaljat, fid-dawl tal-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-Regolament tal-2006 kien selettiv.

[omissis]

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-vantaġġi stabbiliti bir-Regolament tal-2006 għandhom karattru selettiv hija, fid-dawl tal-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

60      Minn dak li ntqal jirriżulta li għandu jiġi milqugħ ir-raba’ motiv invokat insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet u li għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tar-Regolament tal-2006, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma insostenn tal-imsemmi kap tat-talbiet.

 Fuq it-tieni kap tat-talbiet

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 1012 finali, tat-22 ta’ Frar 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.27585 u SA.31149 (2012/C) (ex NN/2012, ex CP 31/2009 u CP 162/2010) – il-Ġermanja, hija annullata sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna r-Regolament dwar it-tariffi tal-ajruport applikabbli għall-ajruport ta’ Lübeck adottat fl-2006.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-Hansestadt Lübeck.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.