Language of document : ECLI:EU:T:2012:518

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

3 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva TEQUILA MATADOR HECHO EN MEXICO – Trade marks nazzjonali u internazzjonali verbali preċedenti MATADOR – Raġuni relattiva għal rifjut – Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Nuqqas ta’ xebh tal-prodotti – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑584/10,

Mustafa Yilmaz, residenti f’Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentat inizjalment minn F. Kuschmirek, sussegwentement minn F. Stangl, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Tequila Cuervo, SA de CV, stabbilita fi Tlaquepaque, Jalisco (il-Messiku), irrappreżentata minn S. Salvetti, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat‑13 ta’ Ottubru 2010 (Każ R 1162/2009‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Mustafa Yilmaz u Tequila Cuervo, SA de CV,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Diċembru 2010,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2011,

wara li rat ir-replika tar-rikorrent ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2011,

wara li rat ir-replika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2011,

wara li rat id-deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2011 li tirrifjuta li tawtorizza l-preżentazzjoni tal-kontroreplika,

wara li rat id-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2011 dwar il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat li ma tressqitx talba sabiex tinżamm seduta min-naħa tal-partijiet fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li għalhekk iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

wara li rat l-ittra tal-UASI tal-14 ta’ Frar 2012 li infurmat lill-Qorti Ġenerali b’limitazzjoni tal-lista tal-prodotti inkwistjoni u li talbet parzjalment li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-intervenjenti fuq din l-ittra ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 ta’ Awwissu 2004, l-intervenjenti, Tequila Cuervo, SA de CV, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara l-ewwel limitazzjoni mitluba fl‑24 ta’ April 2008, fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Xorb alkoħoliku, koktejls alkoħoliċi mħalltin minn qabel, tekila li ġejja mill-Messiku u likers tat-tequila li ġejjin mill-Messiku”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 32/2005, tat-8 ta’ Awwissu 2005.

5        Fit-8 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrent, Mustafa Yilmaz għamel oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata, min-naħa, fuq it-trade mark internazzjonali verbali preċedenti MATADOR, li tipproduċi l-effetti tagħha fil-pajjiżi tal-Benelux, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fl-Awstrija, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja, fi Svezja u fir-Renju Unit, irreġistrata fil-31 ta’ Ottubru 2002 taħt in-numru 792051, u, min-naħa oħra, fuq it-trade mark Ġermaniża verbali preċedenti MATADOR, irreġistrata fil-21 ta’ Awwissu 2002 taħt in-numru 302050531, dawn iż-żewġ trade marks jindikaw prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 li jikkorrispondu mad-deskrizzjoni li ġejja: “Birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2009, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni, billi bbażat ruħha, għall-fini ta’ ekonomija proċedurali, fuq l-unika trade mark Ġermaniża preċedenti. Hija kkunsidrat, minn naħa, li l-prodotti koperti mis-sinjali kunfliġġenti kienu jikkompetu ma’ xulxin u, għalhekk, jixxiebhu, u, min-naħa oħra, li dawn is-sinjali kienu globalment jixxiebhu.

9        Fl-1 ta’ Ottubru 2009, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Jirriżulta mill-ittra tal-UASI lill-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2012 li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni paralleli għal dawk li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors, l-intervenjenti, permezz ta’ rikors tat-2 ta’ Diċembru 2009 li ppreżentat mal-UASI, ressqet limitazzjoni ulterjuri tal-lista tal-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni qed tintalab f’dan il-każ, sabiex jikkorrispondu mad-deskrizzjoni segwenti: “Tekila li ġejja mill-Messiku, koktejls alkoħoliċi li fihom it-tekila li ġejja mill-Messiku u likers tat-tequila li ġejja mill-Messiku” li jaqgħu taħt il-klassi 33.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, billi ċaħad l-oppożizzjoni u aċċetta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni “għall-prodotti u servizzi kollha intiżi fl-applikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Meta ddeċieda hekk, il-Bord tal-Appell madankollu naqas li jieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjoni tal-lista ta’ prodotti inkwistjoni mitluba mill-intervenjenti fit-2 ta’ Diċembru 2009, bi żball li l-UASI jagħraf li huwa dovut lilu. Il-Bord tal-Appell, essenzjalment, immotiva d-deċiżjoni tiegħu kif ġej:

–        għall-fini ta’ ekonomija proċedurali, il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija li jiġi eżaminat mill-bidu b’paragun bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Ġermaniża preċedenti (punt 17);

–        il-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi medji fil-Ġermanja (punt 18);

–        b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali [sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2008, Coca-Cola vs UASI – San Polo (MEZZOPANE), T‑175/06, Ġabra p. II‑1055, u tad-29 ta’ April 2009, Bodegas Montebello vs UASI – Montebello (MONTEBELLO RHUM AGRICOLE), T‑430/07, Ġabra p. II‑49], ix-xorb alkoħoliku intiż mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa differenti bħal prodotti “birer” (punti 21 sa 30) minn prodotti “ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet” (punti 32 sa 40) intiżi bit-trade mark Ġermaniża preċedenti, u dan min-natura tagħhom, l-oriġini tagħhom, l-ingredjenti tagħhom, il-mod tal-produzzjoni, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom, in-nuqqas ta’ sostitwibbiltà u ta’ komplimentarjetà tagħhom, anki jekk uħud minn dawn il-prodotti huma, f’ċerta miżura, f’relazzjoni kompetittiva;

–        il-konklużjoni dwar in-nuqqas ta’ xebh tal-prodotti inkwistjoni tibqa’ valida fl-Istati Membri kollha ħlief fil-Ġermanja li fiha t-trade mark internazzjonali preċedenti hija protetta (punt 41);

–        waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-identiċità jew ix-xebh ta’ prodotti koperti mis-sinjali konfliġġenti, hija nieqsa f’dan il-każ, b’mod li ma hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, anki f’każ ta’ identiċità tal-imsemmija sinjali (punti 42 sa 44).

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

14      Fl-ittra tiegħu tal-14 ta’ Frar 2012, l-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni li r-rikors sar mingħajr suġġett għal dak li jikkonċerna l-prodott “xorb alkoħoliku”.

15      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba parzjali li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

16      Fl-ittra tiegħu tal-14 ta’ Frar 2012, l-UASI jsostni li, billi l-intervenjenti rtirat l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni għal dak li jikkonċerna l-prodotti “xorb alkoħoliku”, dan ir-rikors sar mingħajr suġġett għal dak li jikkonċerna dawn il-prodotti.

17      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha f’din l-ittra, l-intervenjent tikkonferma dan l-irtirar, iżda ma tiħux pożizzjoni fuq il-konsegwenzi proċedurali tiegħu.

18      Ir-rikorrent ma kkonformax mal-istedina li kienet saret mill-Qorti Ġenerali li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din l-ittra.

19      F'dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont l-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-applikant jista’ f’kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trademark Komunitarja jew jirrestrinġi l-lista ta’ prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha. Restrizzjoni tal-lista tal-prodotti jew tas-servizzi indikati f’applikazzjoni għal trademark Komunitarja għandha ssir skont ċerti kundizzjonijiet partikolari, jiġifieri permezz ta’ rikors biex tiġi emendata l-applikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2009, Korsch vs UASI (PharmaResearch), T‑464/07, Ġabra p. II‑85, punt 10, u l-ġurisprudenza ċċitata].

20      F’dan il-każ, l-UASI kkonferma, bl-ittra tiegħu tal-14 ta’ Frar 2012, in-natura regolari u effettiva tal-limitazzjoni tal-lista ta’ prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark u r-rikorrent ma qajjem ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, din il-limitazzjoni hija evidenzjata mill-online database tal-UASI.

21      Għalhekk għandha tittieħed din il-limitazzjoni sabiex jiġi stabbilit u kkonstatat, b’konsegwenza, li l-Bord tal-Appell wettaq żball billi aċċetta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja “għall-prodotti u servizzi kollha koperti mill-applikazzjoni” billi inkluda l-prodott “xorb alkoħoliku” li kien is-suġġett ta’ din il-limitazzjoni.

22      Madankollu għandu jiġi kkonstatat ukoll li dan l-iżball huwa bla ebda konsegwenza dannuża għar-rikorrent, billi, ikun x’ikun l-eżitu ta’ dan ir-rikors, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tkunx tista’ tiġi rreġistrata bħala trade mark Komunitarja għal dan il-prodott “xorb alkoħoliku” minħabba l-limitazzjoni tal-lista ta’ prodotti indikati fl-applikazzjoni għal trade mark.

23      F’dawn il-kundizzjonijiet, dan ir-rikors jista’ effettivament jiġi kkunsidrat bħala li huwa mingħajr suġġett sakemm għandu t-tendenza li jannulla d-deċiżjoni kkontestata peress li hija aċċettat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodott “xorb alkoħoliku”. F’din l-istess miżura, għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

 Fuq il-mertu

24      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

25      Ir-rikorrent isostni li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti minħabba, min-naħa, ix-xebh qawwi, saħansitra l-identiċità, bejn is-sinjali u, min-naħa oħra, ix-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, li tagħha l-Bord tal-Appell kien għamel evalwazzjoni żbaljata. F’dan ir-rigward, huwa jsostni, b’mod partikolari, billi jirreferi għal xi provi ġodda annessi mar-rikors, dan li ġej:

–        il-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi medji fl-Ewropa, u mhux biss fil-Ġermanja;

–        ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti “birer” koperti mit-trade marks preċedenti jippreżentaw grad medju ta’ xebh; dawn il-prodotti jappartjenu għall-istess kategorija ta’ xorb alkoħoliku, huma jkopru l-istess pubbliku, huma jiġu kkonsmati f’ċirkustanzi simili, skont il-każ flimkien jew imħallta, taħt forma ta’ koktejls, b’mod partikolari fir-ristoranti u bars, huma jistgħu jissodisfaw bżonn identiku li jaqtgħu l-għatx, huma jinbiegħu fl-istess post fis-supermarkets u jistgħu jiġu mill-istess impriżi;

–        ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti “ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet” koperti mit-trade marks preċedenti jippreżentaw tal-inqas grad medju ta’ xebh; dawn il-prodotti jappartjenu għall-kategorija ġenerali ta’ xarbiet, huma jistgħu jkunu kkunsmati biex jaqtgħu l-għatx, bħala aperittivi jew li jakkumpanjaw ikla, huma kumplimentari minħabba l-fatt li huma ta’ sikwit ikkonsmati fl-istess ħin jew imħalltin, b’mod partikolari taħt forma ta’ koktejls, skont il-każ enerġetiċi bħal “premix”, u huma prodotti u ddistribwiti mill-istess impriżi; il-prodotti inkwistjoni allura żgur sejrin jitħalltu fis-suq.

26      L-UASI ssostni, fuq bażi preliminari, li l-produzzjoni bħala provi, fl-annessi A 1 sa A 9 tar-rikors, ta’ ċertu numru ta’ dokumenti huwa kuntrarju għall-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li seħħet għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Bħala konsegwenza, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli dawn l-annessi tar-rikors.

27      Fuq il-mertu, l-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argument tar-rikorrent u jikkunsidraw, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell għamel evalwazzjoni xierqa tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti inkwistjoni, billi argumentaw b’mod iktar partikolari dan li ġej:

–        ftit jimporta li l-pubbliku rilevanti jkun iddefinit b’riferiment għall-konsumatur medju Ġermaniż jew Ewropew;

–        fir-rigward tal-paragun bejn ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti “birer” koperti mit-trade marks preċedenti, il-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali waslet għalihom fis-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, jistgħu jiġu trasposti għaċ-ċirkustanzi tal-każ;

–        fir-rigward tal-paragun bejn ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti “ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra sabiex isiru x-xarbiet” koperti mit-trade marks preċedenti, id-differenza fin-natura dwar il-preżenza jew le ta’ alkoħol huwa determinanti; dawn il-prodotti ma huma la kompetituri, la sostitwibbli, u lanqas komplimentari; il-fatt li huma jistgħu jitħalltu ma jbiddilx din l-evalwazzjoni;

–        fir-rigward tal-paragun tas-sinjali kunfliġġenti, ix-xebh globali tagħhom għandu jiġu kklassifikat bħala pjuttost dgħajjef, skont l-intervenjenti;

–        skont l-intervenjenti, in-nuqqas ta’ xebh tal-prodotti inkwistjoni u l-grad ta’ xebh pjuttost dgħajjef tas-sinjali kunfliġġenti jagħmel impossibbli l-probabbiltà ta’ konfużjoni;

–        skont l-intervenjenti, id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll konformi mad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tas-16 ta’ Jannar 2008 fil-Każ B 767741.

28      Inkwantu għall-konsegwenzi tat-tibdil tad-deskrizzjoni tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, l-UASI jsostni, fl-ittra tiegħu tal-14 ta’ Frar 2012, li n-nuqqas mill-Bord tal-Appell li jieħu kont ta’ dan ma għandu ebda impatt fuq dawn il-proċeduri, peress li ma jikkontestax il-motivi invokati mill-Bord tal-Appell għall-punti 21 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-UASI, fil-fatt, dan it-tibdil ma jistax jinfluwenza l-eżami tal-prodott kif sar mill-Bord tal-Appell u huwa ma jbiddel xejn mill-kuntest fattwali tal-kawża kif tkun ġiet suġġetta għal dan. B’konsegwenza, dan it-tibdil ma għandu ebda impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali trid teżerċita.

29      Fl-osservazzjonijiet fuq din l-ittra, l-intervenjenti taqbel, essenzjalment, mal-perspettiva tal-UASI u targumenta li l-emenda tad-deskrizzjoni ta’ prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark issaħħaħ biss il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

30      Peress li ċerti provi ġodda b’appoġġ għall-argumentazzjoni tal-intervenjenti qed jingħaqdu minnha fl-Annessi 4‑16 tar-risposta, ir-rikorrent jitlob, fir-replika tiegħu, li huma jiġu wkoll miċħuda bħala inammissibbli fil-każ fejn tkun intlaqgħet it-talba tal-UASI koperta fil-punt 26 iktar ’il fuq.

31      F’din l-istess replika, ir-rikorrent jinvoka, minn naħa, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tas-26 ta’ Lulju 2011 fil-Każ B 1752545 – “Don Angel”, fejn kien ikkonstatat li l-birer tal-klassi 32 u x-xorb alkoħoliku (minbarra l-birer) tal-klassi 33 kienu jixxiebhu, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dawn il-prodotti jistgħu jiġu mħallta u kkonsmati flimkien, pereżempju fil-koktejls, u, min-naħa oħra, id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-4 ta’ Mejju 2011 (Każ R 1632/2010‑1), li kienet ikkonstatat li x-xorb alkoħoliku (minbarra l-birer) u l-birer huma normalment suġġetti għal distribuzzjoni ġeneralizzata, li huma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kumplimentari minħabba li dawn jistgħu kultant ikunu mħallta u jista’ jiġi eskluż biss li l-birer u ċertu xorb alkaħoliku jistgħu jinkisbu, b’mod partikolari matul ċerti fażijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, tal-istess impriżi.

32      Inkwantu għall-konsegwenzi tal-bidla fid-deskrizzjoni ta’ prodotti koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark, ir-rikorrent ma għamel ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward.

33      Il-Qorti Ġenerali tfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatti mhux invokati mill-partijiet quddiem l-istanzi tal-UASI ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tal-appell ġudizzjarju. Il-Qorti Ġenerali hija fil-fatt inkarigata sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li ssir minnu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-punti ta’ fatt li ġew sottomessi lill-imsemmi Bord (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057, punt 50) iżda ma tistax, min-naħa l-oħra, tagħmel stħarriġ bħal dan billi tqis punti ta’ fatt ġodda mressqa quddiemha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      B’konsegwenza, hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-UASI u tar-rikorrent intiża sabiex il-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni l-provi l-ġodda annessi mar-rikors u mar-risposta tal-intervenjenti.

35      Inkwantu għall-konsegwenzi tal-emenda tal-lista tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, għandu jiġi rikonoxxut li l-pożizzjoni attwali tal-UASI tirritorna, essenzjalment, sabiex jintalab lill-Qorti Ġenerali li tipproċedi għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ portata iktar limitata minn dik tal-istħarriġ mitlub fir-rikors.

36      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, madankollu, li t-talba tal-UASI hija ġġustifikata mill-assenza parzjali tas-suġġett tal-kawża, peress li din tirrigwarda fir-realtà biss il-prodotti “Tekila li ġejja mill-Messiku, koktejls alkoħoliċi li fihom it-tekila li ġejjin mill-Messiku u likers tat-tequila li ġejjin mill-Messiku” koperti, wara l-limitazzjoni, mill-applikazzjoni tat-trade mark. Ma jirriżulta minn dan ebda preġudizzju għar-rikorrent, billi l-lista ta’ dawn il-prodotti hija iżgħar minn dik tal-prodotti koperti inizjalment, hekk kif huma ġew eżaminati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk ir-rikorrent ma għamel ukoll ebda oġġezzjoni għall-applikazzjoni tal-UASI għalkemm kien ġie mistieden mill-Qorti Ġenerali sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-ittra tal-UASI tal-14 ta’ Frar 2012.

37      Fil-bqija ta’ din is-sentenza, jeħtieġ għalhekk li l-kliem “xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni” jinftehmu bħala li jindikaw l-uniċi prodotti “Tekila li ġejja mill-Messiku, koktejls alkoħoliċi li fihom it-tekila tal-Messiku u likers tat-tequila li ġejjin mill-Messiku”.

38      Il-bqija, hemm lok li jitfakkar li skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ meta, għal raġuni ta’ identiċità jew xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi r-riskju ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l‑probabbiltà li l‑pubbliku jista’ jaħseb li l‑prodotti jew is‑servizzi inkwistjoni jirriżultaw mill‑istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l‑istess ġurisprudenza, il‑probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il‑perċezzjoni li l‑pubbliku rilevanti jkollu tas‑sinjali u tal‑prodotti jew tas‑servizzi inkwistjoni, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑fatturi rilevanti kollha tal‑każ ineżami, b’mod partikolari l‑interdipendenza bejn ix‑xebh tas‑sinjali u x‑xebh tal‑prodotti jew tas‑servizzi ddeżinjati [ara s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

40      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi jew identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li huma jiddeżinjaw. Dan jirrigwarda kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra p. II‑43, punt 42, u l-ġursprudenza ċċitata]. Jibqa’ għalhekk neċessarju, anki fil-każ ta’ eżistenza ta’ identiċità ma’ sinjal li għandu karattru distintiv partikolarment qawwi, li tiġi prodotta l-prova tal-preżenza ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi ddeżinjati (ara s-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Huwa fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji li għandu, f’dan il-każ, jiġi eżaminat l-uniku motiv għal annullament.

42      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, ma hemmx lok li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell espressa fil-punti 18 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata (ara punt 11 iktar ’il fuq). Kif ġie rrilevat ġustament mill-UASI u l-intervenjenti, fil-fatt, ftit jimporta jekk il-pubbliku rilevanti jkunx iddefinit b’riferiment għall-konsumatur medju Ġermaniż jew Ewropew. Barra minn hekk, peress illi r-rikorrent ma kienx sostna l-eżistenza ta’ ċirkustanzi, bħal drawwiet ta’ konsum speċifiku f’ċerti Stati Membri barra mill-Ġermanja, li jistgħu jkollhom impatt fuq il-perċezzjoni tax-xebh tal-prodotti, l-ilment li għamel lill-Bord tal-Appell li dan kien evalwa b’mod żbaljat il-pubbliku rilevanti jidher bħala ineffettiv.

43      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jittieħed kont tal-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, il-mod tal-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 23). Jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi oħra, bħalma huma l-kanali ta’ distribuzzjoni tal‑prodotti inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, Ġabra p. II‑2579, punt 37, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

44      F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-ilment magħmul mir-rikorrent lill-Bord tal-Appell li dan evalwa b’mod żbaljat ix-xebh bejn ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti “birer” koperti mit-trade marks preċedenti, fil-punti 21 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li, mutatis mutandis, din l-evalwazzjoni hija intiża li tikkonforma fedelment mal-evalwazzjoni tax-xebh bejn l-inbid u l-birra, magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 68 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq.

45      B’mod iktar partikolari, inkwantu għan-natura kompetittiva tal-inbid u tal-birra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 68 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jeżisti bejn ċerti tipi ta’ nbejjed u l-birra “ċertu livell ta’ sostituzzjoni” hekk li għandu jkun rikonoxxut li dawn il-prodotti huma, f’ċertu miżura, kompetituri.

46      B’riferiment espress għall-imsemmi punt 68 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hi ċċitata hemmhekk, il-Bord tal-Appell bl-istess mod irrikonoxxa, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-inbid u l-birra “huma, sa ċertu punt, prodotti kompetituri” u żied li “huwa permess li jingħad l-istess ħaġa għal ċerti ‘xorb alkoħoliku’ u ‘koktejls alkoħoliċi mħalltin minn qabel oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

47      Għall-bqija, il-Bord tal-Appell ma identifika ebda fattur rilevanti li jista’ jiddistingwi l-paragun ta’ prodotti hawn inkwistjoni minn dak li għalih il-Qorti Ġenerali pproċediet, fir-rigward tal-birra u tal-inbid, fis-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq.

48      Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkonstata, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti pparagunati f’dan il-każ “ma humiex kompetituri u ma huma la interkambjabbli, la sostitwibbli u lanqas komplimentari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u huwa kkonkluda, fl-istess punt, li dawn il-prodotti “ma jixxiebhux”.

49      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk huwa veru li l-Qorti Ġenerali tidher li kkunsidrat, fil-punt 70 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, li kien jeżisti “xebh żgħir” bejn l-inbid, minn naħa, u l-birra, min-naħa l-oħra, ma huwiex inqas veru li l-Qorti Ġenerali indikat espressament fl-evalwazzjoni globali tagħha l-probabbiltà ta’ konfużjoni, mħaddma fil-punti 102 sa 109 tal-imsemmija sentenza, waqt li tiġi approvata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li l-prodotti inkwistjoni flimkien kienu kkaratterizzati minn “nuqqas ta’ xebh”. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tikkonferma, b’din is-sentenza, li, jekk jittieħed kont tal-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tal-prodotti bejniethom, kif kienu ġew eżaminati fil-punti 63 sa 69 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, il-birra u l-inbid għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma jixxiebhux, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

50      Bil-benefiċċju ta’ din il-kjarifika, iċ-ċirkustanza li l-konsumatur medju inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, kien il-konsumatur medju Awstrijak, filwaqt li l-konsumatur medju inkwistjoni fil-kawża preżenti huwa dak tal-pajjiżi kollha li fihom it-trade marks preċedenti huma protetti, ma tidhirx rilevanti f’dan il-każ, għar-raġunijiet diġà sostnuti fil-punt 42 iktar ’il fuq.

51      Huwa l-istess mill-fatt li l-prodotti li qed isir paragun bejniethom fil-kawża li tat lok għas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, kienu l-birra u l-inbid, filwaqt li l-prodotti li qed isir paragun bejniethom fil-kawża preżenti huma, min-naħa, il-birra u, min-naħa l-oħra, it-“Tekila li ġejja mill-Messiku, koktejls alkoħoliċi li fihom it-tekila li ġejja mill-Messiku u likers tat-tequila li oriġinaw fil-Messiku”. Għall-kuntrarju, id-differenzi li jeżistu bejn dawn il-prodotti, għall-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tagħhom, huma iktar qawwija u importanti minn dawk li jeżistu bejn il-birra u l-inbid, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali f’din il-kawża, tali li dawn id-differenzi jagħmlu iktar improbabbli l-fatt li l-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-istess impriża tista’ timmanifattura u tikkummerċjalizza simultanjament iż-żewġ tipi ta’ xarbiet.

52      Ebda mill-kunsiderazzjonijiet imressqa mir-rikorrent ma jippermettu li tiġi kkontestata l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni.

53      Sakemm dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bbażati fuq provi ġodda prodotti fl-anness għar-rikors, hemm lok li jitfakkar li huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali, meta dawn ma jkunux ġew ippreżentati quddiem il-Bord tal-Appell u li huma ma jikkostitwixxux fatt magħruf li l-Qorti Ġenerali jmissha ħadet inkunsiderazzjoni ex officio (ara punt 33 iktar ’il fuq).

54      Għall-bqija, ħlief serje ta’ affermazzjonijiet mhux sostanzjati b’mod ieħor, ir-rikorrent ma ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali ebda argument li jista’ juri li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell kienet se tkun ivvizzjata minn żball. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li, jekk il-prodotti li jiġu pparagunati f’dan il-każ jappartjenu għall-istess kategorija ġenerali ta’ xarbiet, u iktar speċifikament għal dik tax-xorb alkoħoliku, huma differenti minn xulxin b’mod partikolari minħabba l-ingredjenti bażiċi tagħhom, il-mod ta’ produzzjoni tagħhom, il-kulur tagħhom, ir-riħa tagħhom u t-togħma tagħhom, b’mod li huma pperċepiti mill-konsumatur rilevanti bħala li huma ta’ natura differenti. Dawn il-prodotti ma humiex normalment esposti għall-istess xkafef, fil-parti tas-supermarkets u punti oħra ta’ bejgħ iddedikati għax-xorb. Inkwantu għall-użu tagħhom, differenza importanti li tikkaratterizzhom hija li l-birra taqta’ l-għatx, li ma huwiex il-każ tax-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Jekk, fil-fatt, dawn il-prodotti jistgħu jiġu kkonsmati fl-istess postijiet u ċirkustanzi u jissodisfaw l-istess bżonn, jiġifieri l-iggostar ta’ xarba waqt l-ikel jew bħala aperittiv, jibqa’ l-fatt li ma jappartjenux għall-istess familja ta’ xorb alkoħoliku u li l-konsumatur jipperċepihom bħala żewġ prodotti distinti, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat, fir-rigward tal-birra u tal-inbid, fil-punt 66 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq.

55      L-eżistenza ta’ koktejls alkoħoliċi li jħalltu l-birra ma’ alkoħol ieħor, b’mod partikolari t-tequila, ma tħassarx id-differenzi bejn dawn il-prodotti rrilevati iktar ’il fuq, peress li din iċ-ċirkustanza tapplika għal ħafna xarbiet li għaldaqstant ma humiex simili [ara, f’dan is-sens, il-każ tar-rum u l-kola, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Frar 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (LINDENHOF), T‑296/02, Ġabra p. II‑563, point 57].

56      Din l-istess ċirkustanza ma tagħmilx il-prodotti inkwistjoni iktar komplementari, għar-raġunijiet esposti fil-punt 67 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, u li jitfakkru fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkuntestata. Fil-fatt, il-prodotti komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Marzu 2005, Sergio Rossi vs UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI), T‑169/03, Ġabra p. II‑685, punt 60]. F’dan il-każ, ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwa la indispensabbli u lanqas importanti għall-użu tal-birra u viċeversa. Ma jeżisti wkoll ebda element fil-proċess li jippermetti li jiġi konkluż li x-xerrej ta’ wieħed minn dawn il-prodotti ser jasal b’mod iktar partikolari sabiex jixtri l-ieħor.

57      F’dak li jirrigwarda n-natura kompetittiva tal-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hija nettament iktar baxxa minn dik irrilevata, fir-rigward tal-birra u tal-inbid, fil-punt 68 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, u li kienet għalhekk ġiet kkunsidrata kif jixraq mill-Bord tal-Appell, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikonoxximent mill-Qorti Ġenerali ta’ ċertu relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-inbid u l-birra, fil-punt 68 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, kien ġie bbażat fuq iċ-ċirkustanza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar oqsma oħra minn dak tat-trade mark Komunitarja, l-inbid u l-birra kienu, sa ċertu punt, ta’ natura li jissodisfaw bżonnijiet identiċi, b’tali mod li jista’ jiġi aċċettat li kien jeżisti bejniethom ċertu livell ta’ sostituzzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, li fid-dawl tad-differenzi kbar fil-kwalità u, għaldaqstant, fil-prezz, li jeżistu bejn l-inbejjed, ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni determinanti bejn il-birra, xarba popolari kkonsmata f’ammonti kbar, u l-inbid kellha tiġi stabbilita mal-inbejjed l-iktar aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, jiġifieri mal-inbejjed li huma, ġeneralment, l-eħfef u l-orħos (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 356/85, Ġabra p 3299, punt 10; ara wkoll, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1983, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, 170/78, Ġabra p. 2265, punt 8, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Socridis, C‑166/98, Ġabra p. I‑3791, punt 18). Issa, ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma, inġenerali, nettament eħfef u b’mod sinjifikattiv iktar għaljin mill-“inbejjed l-iktar aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali” sabiex l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi applikata għal din il-kawża.

58      Inkwantu għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tal-UASI, tas-26 ta’ Lulju 2011 fil-Każ B 1752545 – “Don Angel” u għad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tal-4 ta’ Mejju 2011, fil-Każ R 1632/2010‑1, invokati mir-rikorrent, huwa ċar mill-bidu li huma biss jiżvelaw l-eżistenza ta’ prattika deċiżjonali mhux kompletament konsistenti fi ħdan l-UASI. Kif tirrileva l-intervenjenti, dawn id-deċiżjonijiet huma, fil-fatt, kontradetti mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tas-16 ta’ Jannar 2008 fil-Każ B 767741, dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn l-istess partijiet li kkonċernaw applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali MATADOR, intiża għall-istess prodotti, u kontra liema r-rikorrent ma ppreżentax rikors.

59      Madankollu, għandu jitfakkar li l-UASI huwa obbligat li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

60      Fid-dawl ta’ dawk iż-żewġ prinċipji tal-aħħar, l-UASI għandu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra p. I‑1541, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Minkejja dan, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amminstrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikkonċiljati mal-osservanza tal-legalità.

62      Konsegwentement, ebda parti fil-proċedimenti quddiem l-UASI ma tista tinvoka favuriha illegalità eventwalment imwettqa favur ħaddieħor bil-għan li tinkiseb deċiżjoni identika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’kull każ, kuntrarjament għal dak li kien ġie deċiż mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u mill-Bord tal-Appell tal-UASI fid-deċiżjonijiet invokati mir-rikorrent (f’dak li jikkonċerna l-birer u ċertu xorb alkoħoliku ieħor), iżda bħal dak li kien ġie deċiż fis-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq (f’dak li jikkonċerna l-inbid u l-birra), il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-prodotti inkwistjoni f’dan il-każ ma humiex komplimentari, fis-sens tal-ġurisprudenza (ara l-punt 56 iktar ’il fuq). Kif diġà ġie sostnut f’din l-okkażjoni, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li dawn il-prodotti jistgħu kultant jitħalltu u jkunu kkonsmati flimkien, raġuni li fuqha huma bbażati b’mod żbaljat id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ komplementarjetà, fid-deċiżjonijiet invokati mir-rikorrent.

64      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-ilment magħmul mir-rikorrent lill-Bord tal-Appell dan li evalwa b’mod żbaljat ix-xebh bejn ix-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti “ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet” koperti mit-trade marks preċedenti, fil-punti 32 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat ukoll mill-bidu li, mutatis mutandis, din l-evalwazzjoni hija kompletament konformi mal-evalwazzjoni tax-xebh bejn, minn naħa, l-inbid u, min-naħa oħra, l-ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku, xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet u xorb imħallat abbażi ta’ luminata, mħaddma mill-Qorti Ġenerali fil-punti 79 sa 91 tas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex il-konklużjonijiet rigward il-paragun bejn dawn il-prodotti li għalihom waslet il-Qorti Ġenerali, f’din is-sentenza, jistgħu jiġu trasposti għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

65      Iċ-ċirkustanza li l-konsumatur medju inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, kien il-konsumatur medju Ġermaniż, filwaqt li l-konsumatur medju inkwistjoni fil-kawża preżenti huwa dak tal-pajjiżi kollha li fihom it-trade marks preċedenti huma protetti, ma tidhirx rilevanti f’dan il-każ, peress li l-kunsiderazzjonijiet espressi fil-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza huma rilevanti wkoll għall-konsumaturi medji tal-pajjiżi kollha l-oħra kkonċernati.

66      L-istess japplika għaċ-ċirkustanza, li tqajmet mir-rikorrent, li x-xorb alkoħoliku inkwistjoni f’dan il-każ ma jinkludix l-inbid, bħal fil-każ li tat lok għas-sentenza MEZZOPANE, iċċitata iktar ’il fuq, iżda xorb abbażi tat-tequila. Mhux talli s-sentenza MEZZOPANE tagħmel rilevanti għal dan il-każ, din iċ-ċirkustanza, għal kuntrarju ssaħħaħ ir-rilevanza tagħha. Fil-fatt, bħalma diġà ġie rrilevat, f’dak li jikkonċerna l-birra u l-inbid, fil-punt 51 iktar ’il fuq, id-differenzi li jeżistu bejn il-prodotti inkwistjoni f’dan il-każ, għall-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tagħhom, huma ferm iktar importanti minn dawk, li jeżistu bejn l-inbid u x-xorb mhux alkoħoliku, identifikati mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża, b’tali mod li dawn id-differenzi jagħmlu iktar improbabbli l-fatt li l-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-istess impriża tipproduċi u tikkummerċjalizza simultanjament iż-żewġ tipi ta’ xarbiet.

67      Ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jista’ jqajjem dubju dwar il-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni.

68      Sakemm dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bbażati fuq provi ġodda prodotti fl-anness għar-rikors, hemm lok li jitfakkar li dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali, peress li dawn ma jkunux ġew ippreżentati lill-Bord tal-Appell u ma jikkostitwixxux fatt magħruf li dan kellu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod awtomatiku (ara punt 33 iktar ’il fuq).

69      Għall-bqija, ħlief għal serje ta’ affermazzjonijiet mhux issostanzjati b’mod ieħor, ir-rikorrent ma ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali ebda argument li jista’ juri li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell kienet ivvizzjata bi żball, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-karattru deċiżiv tan-natura differenti bejn dawn il-prodotti, dwar il-preżenza jew assenza ta’ alkoħol, u l-karattru kompetittiv jew komplimentari tagħhom.

70      L-eżistenza ta’ koktejls alkoħoliċi u ta’ “premix” li jħalltu xorb alkoħoliku ma’ ingredjent mhux alkoħoliku ma tneħħix id-differenzi sostanzjali bejn dawn il-prodotti, għar-raġunijiet diġà sostnuti fil-punt 55 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-intervenjenti ġustament tinnota li l-impriżi li joffru x-xorb alkoħolku tagħhom ma’ ingredjent mhux alkoħoliku għall-bejgħ tagħhom bħala “premix” ma jbigħux dan l-ingredjent separatament u taħt l-istess trade mark bħax-xorb alkoħoliku inkwisjtoni u taħt trade mark li tixxiebah.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-elementi ta’ nuqqas ta’ xebh huma ħafna iktar mill-elementi ta’ xebh tal-prodotti inkwistjoni u jikkonfermaw, b’konsegwenza, l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punti 29, 30, 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata.

72      Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, hemm lok li jiġi konkluż ukoll li d-differenzi identifikati bejn il-prodotti inkwistjoni huma tali li jeskludu, waħedhom, il-possibbiltà ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u li tiġi kkonfermata, b’konsegwenza, l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punti 42 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata.

73      Għalhekk, peress li ġie konkluż li hemm nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti inkwistjoni f’dan il-każ, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-imsemmi artikolu għandu jkun miċħud bħala infondat u, miegħu, il-kumplament tar-rikors, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-identiċità jew ix-xebh tas-sinjali konfliġġenti.

 Fuq l-ispejjeż

74      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

75      Peress li r‑rikorrent tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati, minbarra l‑ispejjeż rispettivi tiegħu, l‑ispejjeż tal‑UASi u tal-intervenjenti, kif mitlub minn dawn il-partijiet.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors sa fejn dan jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-13 ta’ Ottubru 2010 (Każ R 1162/2009‑2), sa fejn din aċċettat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodott “xorb alkoħoliku”.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Mustafa Yilmaz għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-UASI u minn Tequila Cuervo, SA de CV.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Ottubru 2012.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.