Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2010 - Aitic Penteo vs UASI- Atos Worldline (PENTEO)

(Kawża T-585/10)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aitic Penteo, SA (Barcelona, Spanja) (rappreżentant: J. Carbonell, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Atos Worldline SA (Brussell, il-Belġju)

Talbiet tar-rikorrenti

temenda d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-23 ta' Settembru 2010 fil-Każ R 774/2010-1 u tilqa' l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 5480561

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-23 ta' Settembru 2010 fil-Każ R 774/2010-1; u

tikkundanna lill-konvenut u lill-parti l-oħra għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "PENTEO", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 38 u 42 - applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 5480561

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: trade mark verbali "XENTEO" irreġistrata fil-Benelux bin-numru 772120 "XENTEO" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 36, 37, 38, u 42; trade mark verbali "XENTEO" li hija s-suġġet tar-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 863851 "XENTEO" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 36, 37, 38, u 42;

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikser: (i) l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni u timponi trattament ugwali skont il-liġi, (ii) l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress illi l-Bord tal-Appell naqas milli jqis id-drittijiet preċedenti tar-rikorrenti, (iii) l-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress illi l-Bord tal-Appell naqas milli jqis il-fatti u l-provi prodotti mir-rikorrenti fit-terminu previst, u (iv) l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress illi l-Bord tal-Appell wettaq żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidra l-probabbiltà ta' konfużjoni.

____________