Language of document : ECLI:EU:T:2007:178

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Sinjali figurattivi – Raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T-441-05,

IVG Immobilien AG, stabbilita f’Bonn (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Okonek u U. Karpenstein, avocats,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ta’ l-1 ta’ Settembru 2005 (Każ R 559/2004‑4), dwar talba għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv I, bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Diċembru 2005,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Marzu 2006

wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), kif emendata.

2        It-trade mark li għaliha r-reġistrazzjoni ġiet mitluba hija t-trade mark figurattiva ta’ kulur blu jgħajjat, riprodotta kif ġej:

Image not found

3        Is-servizzi li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 36, 37, 39, 42 u 43 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

Klassi 35 : “Twettiq ta’ analiżi tal-prezz tal-produzzjoni, pariri dwar organizzazzjoni u affarijiet ta’ natura kummerċjali, b’mod partikolari, pariri dwar l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ l-impriżi ; kalkoli ta’ affarijiet ta’ natura kummerċjali”;

Klassi 36 : “Analiżi finazjarji; negozju bankarju; irkupru ta’ dejn; self fuq garanzija ; konsultazzjoni ta’ natura finanzjarja ; żvilupp finanzjarju ; garanziji ; irkuprar tal-flus tal-kera u tal-kera mir-raba; ġestjoni ta’ beni immobbli; amministrazzjoni ta’ beni immobbli u ta’ art; stima ta’ beni immobbli; kera ta’ immobbli u qbiela; investiment tal-kapital ; kera ta’ proprjeta’ agrikola ; servizzi ta’ sensar, tqegħid ta’ l-assi ; ġestjoni ta’ beni” ;

Klassi 37 : “Twaqqigħ ta’ bini ; asfaltar ; informazzjoni fil-qasam tal-kostruzzjoni ; tmexxija ta’ xogħlijiet fil-kostruzzjoni ; kostruzzjoni ; titqib bit-trapan ; installazzjoni ta’ irrigazzjoni ; bini ta’ fabbriki ; bini ta’ portijiet ; bini ta’ mollijiet” ;

Klassi 39 : “Kunsinna ta’ merkanzija ; kiri ta’ vapuri; ħażna ta’ merkanzija ; sensar tal-merkanzija ; impriżi tat-trasport ; kera ta’ garaxxijiet ; kontejners għall-ħażna ; trasport” ;

Klassi 42 : “Servizzi ta’ arkitett, pariri dwar kostruzzjoni” ;

Klassi 43 : “Kera ta’ kostruzzjonijiet mobbli”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 2004, l-eżaminatur irrifjuta li jirreġistra s-sinjal ippreżentat, għar-raġuni li dan ma kienx ta’ karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, meta mqabbel mas-servizzi kollha msemmija fit-talba għal reġistrazzjoni.

5        F’dan ir-rigward, l-eżaminatur irrileva li, sakemm ma jippreżentaw ebda grafika partikolari u li tiġbed l-għajn, sinjali ordinarji u sempliċi, bħalma huma l-ittri waħedhom, in-numri kardinali jew il-forom ġeometriċi bażiċi mhumiex distintivi. Sussegwentement, huwa kkunsidra li s-sinjal ippreżentat minnu nnifsu ma kellu ebda partikolarità ta’ natura li tagħtih funzjoni li tmur lil hinn minn rappreżentazzjoni ta’ ittra normali.

6        Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni quddiem l-UASI, permezz ta’ appell ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2004 abbażi ta’ l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94. In sostenn ta’ l-azzjoni tagħha, ir-rikorrenti allegat li l-forma tas-sinjal ippreżentat kienet distintiva permezz ta’ l-ittra “i” bid-daqs tal-karattri ta’ “Times New Roman”, bħala ittra kapitali fid-dawl ukoll tal-kulur tagħha, kif ukoll l-irquqija u t-tul ta’ l-elementi orizzontali trażversali li jinsabu fil-parti ta’ fuq u ta’ isfel tagħha.

7        Din l-azzjoni ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ta’ l-1 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir-rikorrenti fid-19 ta’ Ottubru segwenti.

8        Il-Bord ta’ l-Appell sostna, b’mod partikolari, kif ġej:

“[. . .]

9      Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huma distintivi dawk is-sinjali, fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi konkretament indikati, li f’għajnejn il-konsumaturi mmirati tista’ ssir distinzjoni bejn prodotti jew servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI, T-337/99, (Pillola tonda, ħamra u bajda), T-337/99, Ġabra p. II-2597, punti 42 u 43]. Għaldaqstant, il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat meta mqabbel, minn naħa, mal-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, mill-perċezzjoni tas-settur interessat. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħmel ebda differenza f’dan ir-rigward bejn it-tipi differenti ta’ sinjali. Żgur li jista’ jidher li l-perċezzjoni tal-pubbliku intressat mhijiex neċessarjament l-istess għal kull waħda mill-kategoriji ta’ trade marks u li, għaldaqstant, jista’ jirriżulta iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ trade marks ta’ ċerti kategoriji minn dawk ta’ oħrajn. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġġustifika s-suppożizzjoni li dawn it-trade marks mhumiex a priori ta’ karattru distintiv jew li ma jistgħux jiksbuh ħlief permezz ta’ l-użu [ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104/KEE kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, Nichols, C-404/02, Ġabra p. I-8499, punti 23, 24 u 27 et seq].

10      Is-sinjal ippreżentat huwa magħmul mill-ittra kapitali ‘i’, jew in-numru Ruman, bid-daqs tal-karattri ‘Times New Roman’, li huwa normalment użat f’testi stampati. Huwa veru li r-rikorrenti ssostni li l-elementi trażversali li jinsabu fil-parti ta’ fuq u ta’ isfel tas-sinjal ippreżentat huma ftit iktar irqaq u itwal minn dawk tad-daqs tal-karattri standard “Times New Roman". Madankollu, dawn id-differenzi fini mhumiex perċettibbli mill-konsumatur raġonevolment attent, u għalhekk mhumiex rilevanti għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità sabiex tiġi rreġistrata t-trade mark mitluba. Il-kulur blu lanqas ma għandu l-effett li jirrendi s-sinjal ‘I’ tali li jista’ jiġi rreġistrat. Huwa veru li normalment it-testi huma stampati bl-iswed fuq sfond abjad. Madankollu, il-fatt li hemm kulur blu ma jistax minnu nnifsu jagħti lil ittra jew lil numru Ruman element li huwa determinanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħhom minħabba, li fiż-żminijiet ta’ llum fejn wieħed isib diffużjoni ta’ printers bil-kulur, l-ittri u t-testi huma ta’ spiss riprodotti b’kulur li mhuwiex iswed. Il-blu skur jidher li huwa partikolarment indikat fil-każ preżenti, safejn il-kuluri skuri joffru l-vantaġġ ta’ kuntrast aħjar ma’ l-isfond ġeneralment ċar tat-testi, u għalhekk jiffaċilitaw il-qari. Barra minn hekk, ir-riproduzzjoni ta’ ittra f’kulur ta’ bażi standard tissodisfa l-funzjoni li qabel kollox hija dekorattiva, iżda li ma tindikax l-oriġini.

11      Għaldaqstant, fir-rigward tas-servizzi indikati kollha, is-sinjal ippreżentat jidher ordinarju u li m’għandux karatteristika espressiva. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra ta’ konnessjoni eżistenti bejn is-sinjal ippreżentat u impriża partikolari, is-settur interessat ma josservax għalhekk fl-ittra bil-kulur l-identifikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 36, 37, 39, 42 u 43. Sinjal li m’għandux valur espressiv ma jistax effettivament iservi bħala indikatur ta’ l-oriġini kummerċjali tas-servizzi msemmija.

[…].”

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza togħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tordna lill-UASI jirreġistra s-sinjal ippreżentat għas-servizzi msemmija kollha;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

10      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza togħġobha:

–        tiċħad ir-rikors ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti

11      L-UASI jitlob li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti jiġi ddikjarat inammissibbli safejn ifittex li jikseb ordni mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġi rreġistrata t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi kollha indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

12      Skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors imressaq quddiem il-qorti Komunitarja kontra d-deċiżjoni ta’ Bord ta’ Appell ta’ l-UASI, dan ta’ l-aħħar għandu l-obbligu, skond l-Artikolu 233 KE u l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, li jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza ta’ annullament tal-qorti Komunitarja.

13      Għaldaqstant, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tressaq inġunzjonijiet quddiem l-UASI. Bil-kontra, huwa dan ta’ l-aħħar li jista’ jiddeduċi, skond il-każ, il-konsegwenzi tal-parti operattiva tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza [sentenza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33].

14      Għalhekk l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, safejn dan huwa intiż sabiex jikseb deċiżjoni ta’ ordni mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġi rreġistrata t-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni għas-servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

 Fuq l-uniku motiv tar-rikors, ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94


 L-argumenti tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti ssostni li meta l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra s-sinjal ippreżentat bħala wieħed ordinarju u mingħajr sinjifikat u kkunsidra li ma jagħtix lok lis-settur professjonali rilevanti li jidentifika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi indikati, huwa indebitament saħħaħ is-severità tal-kriterji ta’ l-aspett distintiv ta’ l-ittri, bi ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

16      Il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark hija dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utilizzatur finali l-identità ta’ l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 28).

17      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest ta’ eżami a priori u barra minn kull użu effettiv tas-sinjal, jekk is-sinjal ippreżentat jippermettix lill-pubbliku mmirat li jiddistingwi bejn il-prodotti u s-servizzi msemmija minn dawk li huma ta’ provenjenza minn impriżi oħra, meta dan jiġi biex jagħmel l-għażla tiegħu fl-akkwist ta’ dawn il-prodotti jew servizzi [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2001, Bank für Arbeit und Wirtschaft vs UASI (EASYBANK), T-87/00, Ġabra P. II-1259, punt 40, u tas-7 ta’ Frar 2002, Mag Instrument vs UASI, (Forma ta’ torċa ta’ l-idejn), T-88/00, Ġabra p. II-467, punt 34].

18      L-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ sinjali. Lanqas l-UASI ma jista’ mal-ewwel jiċħad l-ittri iżolati billi jirreferi għad-direttivi ta’ eżami tiegħu, mingħajr ma jevalwa ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ preżenti.

19      Jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat li ittri sempliċi setgħu, fost il-pubbliku rilevanti, minħabba d-disinn grafiku speċifiku tagħhom, ikunu ta’ karattru distintiv li jiġbed l-attenzjoni, u konsegwentement, suffiċjenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet fakkret l-“element dominanti” ta’ l-ittra “a” magħmula minn ittra korsiva żgħira ta’ kulur abjad fuq sfond iswed. Dan is-sempliċi sinjal jifluwenza immedjatament il-ħsieb u jidħol fil-memorja [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2004, AVEX vs UASI – Ahlers (a), T-115/02, Ġabra p. II-2907, punt 20].

20      Għaldaqstant, huwa radikalment żbaljat l-argument ta’ l-UASI li jgħid li l-arranġament ta’ ittra f’wieħed mill-kuluri ta’ bażi standard ikollu qabel xejn funzjoni dekorattiva li ma tindikax l-oriġini.

21      Il-Bord ta’ l-Appell ma setax jiġġustifika legalment id-deċiżjoni tiegħu billi jikkunsidra li l-karattru ppreżentat kien ordinarju u mingħajr sinjifikat jew ukoll fantażjuż. In-nuqqas ta’ element distintiv ma setax jirriżulta partikolarment mill-unika osservazzjoni li s-sinjal ippreżentat kien nieqes minn element ta’ fantasija jew li m’għandux aspett mhux tas-soltu jew li jiġbed l-għajn (sentenza EASYBANK, punt 17 iktar ’il fuq, punti 39 et seq).

22      L-UASI diġà rrikonoxxa karattru biżżejjed distintiv għat-trade marks a u j li huma intiżi sabiex it-tnejn li huma jirrappreżentaw artikoli ta’ lbies. Ma hemm ebda raġuni li s-sinjal ippreżentat fil-każ preżenti jiġi ttrattat b’mod differenti u li jirrigwarda lil “IVG Immobilien AG”.

23      Is-sinjal figurattiv ippreżentat jikseb il-karattru distintiv tiegħu mill-fatt li hemm l-użu tal-kulur blu skur, b’mod partikolari intens u arranġament grafiku differenti mid-daqs tal-karattru standard “Times New Roman”. Dan l-arranġament grafiku jirrappreżenta wkoll binja skond forma stilizzata u b’hekk huwa marbut mat-trade mark figurattiva Ġermaniża preċedenti “IVG” tar-rikorrenti.

24      Għandu jiġi evalwat il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fid-dawl tas-settur ta’ l-użu u l-ġestjoni kummerċjali ta’ beni mmobbli. Min-natura tiegħu, dan is-settur jagħmel użu ta’ trade marks u ta’ simboli li huma inqas viżivi u li inqas jiġbdu l-għajn minn dawk is-sinjali użati, per eżempju, fil-kummerċ bl-imnut. Għaldaqstant, għandu jiġi applikat kriterju ta’ attenzjoni differenti għall-pubbliku mmirat mill-attività tar-rikorrenti. Għal din ir-raġuni, il-kulur tas-sinjal ippreżentat ma jistax jitqies bħala mhux importanti, iktar u iktar minħabba li l-lowgow tar-rikorrenti kienet diġà kkaratterizzata mill-kulur blu skur.

25      Għaldaqstant hemm lok li jiġi rrikonoxxut il-livell distintiv minimu neċessarju iżda wkoll suffiċjenti għas-sinjal li qed jiġi eżaminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Forma ta’ torċi ta’ l-idejn, punt 17 iktar ’il fuq, punt 34), sabiex dan jingħata protezzjoni.

26      L-UASI jafferma li l-karattru distintiv ta’ trade mark skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi evalwat fir-rigward, minn naħa, tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, u min-naħa l-oħra, mill-perċezzjoni li għandu l-pubbliku kkonċernat, jiġifieri l-konsumatur medju li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punt 35).

27      Il-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ l-element distintiv ta’ l-ittri waħedhom mhumiex differenti minn dawk li huma applikabbli għal trade marks verbali jew figurattivi oħra, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħmel l-ebda differenza bejn id-diversi forom ta’ trade mark. Il-fatt li l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex identika għall-kategoriji kollha tat-trade marks ma jiġġustifikax l-esklużjoni a priori ta’ ċerti trade marks milli jiġu rreġistrati.

28      Għaldaqstant hemm lok li ssir previżjoni tal-perċezzjoni tas-sinjal mill-konsumatur. Hekk kif sar dan l-eżerċizzju, il-Bord ta’ l-Appell wasal għall-konklużjoni li l-pubbliku kkonċernat ma jipperċepixxix is-sinjal ippreżentat bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini tas-servizzi koperti.

29      Huwa importanti li s-sinjal ippreżentat jinftiehem bħala tali u indipendentement minn karatteristiċi oħra. Meta l-konsumatur jiltaqa’ mas-sinjal ippreżentat, ikkunsidrat waħdu, huwa jipperċepixxi biss, permezz tas-sostenn utilizzat, element, ittra jew figura Rumana li għandhom l-għan li jagħtu struttura lil dokument jew li jservu ta’ dekorazzjoni. Kif sostna l-Bord ta’ l-Appell, din il-perċezzjoni hija riżultat tal-fatt li l-preżentazzjoni grafika tas-sinjal ippreżentat ma tiġbidx l-attenzjoni tal-pubbliku mmirat. L-elementi trażversali li jiddistingwu s-sinjal ippreżentat mid-daqs ta’ l-ittri normali mhumiex perċepibbli ħlief wara osservazzjoni bir-reqqa u l-użu tal-kulur blu mhuwiex eċċezjonali.

30      Ir-referenza għas-sentenza (a), punt 19 iktar ’il fuq, mhijiex applikabbli. Din is-sentenza, mogħtija f’kawża inter partes, tirrigwarda kwistjoni dwar jekk element intrinsikament mhux distintiv ta’ trade mark jistax jiddomina l-impressjoni globali prodotta minn din it-trade mark, u konsegwentement, jiġi invokat in sostenn ta’ l-eżistenza ta’ riskju ta’ konfużjoni. Sa ċertu punt, dan huwa favur il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-Qorti tal-Prim’ Istanza manifestament stipulat li l-ittra “a”, min-natura tagħha, ma setgħetx tiġi rreġistrata u li s-sinjal figurattiv jieħu l-karattru distintiv tiegħu mill-preżentazzjoni grafika tiegħu biss (sentenza (a), punt 19 iktar ’il fuq, punt 21).

31      Id-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell hija konformi mal-prassi segwita mill-UASI fil-qasam tar-reġistrazzjoni. Is-sentenzi invokati mir-rikorrenti huma differenti mill-każ preżenti minħabba arranġament grafiku li iżjed jiġbed l-attenzjoni mis-sinjali in kwistjoni.

32      Il-Bord ta’ l-Appell irrileva li t-trade mark figurattiva j ma kinitx riprodotta fid-daqs ta’ karattri standard u li ż-żieda ta’ element kienet suffiċjenti sabiex tagħti karattru distintiv minimu lill-ittra ppreżentata (deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 1999, R 091/1998 2). Il-karattru distintiv minimu tat-trade mark figurattiva a jirriżulta wkoll mill-preżentazzjoni grafika tagħha (deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Lulju 2001, R 480/1992).

33      Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark Komunitarja, li l-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jieħdu skond ir-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt kompetenza relatata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet m’għandhiex tiġi evalwata ħlief fuq il-bażi tar-regolament kif interpretat mill-qorti Komunitarja u fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-Bordijiet ta’ l-Appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim ‘Istanza

34      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 intitolat “Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark Komunitarja” jipprovdi :

“Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra”.

35      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, li jelenka r-raġunijiet assoluti għal rifjut, li jistgħu ma jitħallewx jiġu rreġistrati bħala sinjali inkwantu trade mark Komunitarja, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu :

“1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

b) trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv.”

36      Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti talbet reġistrazzjoni Komunitarja ta’ sinjal figurattiv li jikkonsisti fir-riproduzzjoni grafika tal-kulur blu skur ta’ l-ittra kapitali “i” jew tal-figura Rumana kif ukoll, żewġ elementi trażversali li jinsabu fil-parti ta’ fuq u ta’ isfel li huma irqaq u itwal minn dawk tad-daqs tal-karattri omologi “Times New Roman”.

37      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 jelenka lista b’eżempji ta’ sinjali li jistgħu jirrappreżentaw b’mod grafiku li jistgħu jikkostitwixxu trade mark, sakemm dawn is-sinjali jkunu adattati sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra, jiġifieri li jservu sabiex jindikaw l-oriġini tat-trade mark. [ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989 L 40, p.1), li l-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 89/104, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, C-404/02, Ġabra p. I-8499, punt 22].

38      Jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 jagħmel espressament referenza għall-ittri u l-figuri, il-kapaċità ġenerali ta’ kategorija ta’ sinjali li tikkostitwixxi trade mark skond din id-dispożizzjoni ma timplikax, madankollu, li dawn is-sinjali huma neċessarjament ta’ karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) meta mqabbla ma’ prodott jew servizz partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs UASI (Sfumatura ta’ lewn oranġjo), T-173/00, Ġabra p. II-3843, punt 26).

39      Fil-fatt huma nieqsa minn dan il-karattru dawk is-sinjali li mhumiex kapaċi jidentifikaw konkretament l-oriġini tal-prodott jew is-servizz kopert u li jippermettu lill-konsumatur li jakkwista dan il-prodott jew servizz li matul akkwist sussegwenti, jkun jista’ jagħmel l-isess għażla jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk tirriżulta negattiva. (sentenza Sfumatura ta’ lewn oranġjo, punt 38 iktar ’il fuq, punt 27).

40      Barra minn hekk, diffikultà ikbar li niltaqgħu magħha, skond il-każ, fl-evalwazzjoni konkreta tal-karattru distintiv ta’ ċerti trade marks ma tistax tiġġustifika s-suppożizzjoni li dawn mhuma a priori, mingħajr karattru distintiv jew li ma jistgħux jiksbu dan il-karattru ħlief permezz ta’ użu, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 89/104, li l-kontenut leġiżlattiv tagħha huwa, essenzjalment, identiku għal dak ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza Nichols, punt 37 iktar ’il fuq, punt 29).

41      Il-karattru distintiv ta’ trade mark kif mitlub mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi evalwat meta mqabbel, minn naħa, mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, u min-naħa l-oħra, mal-perċezzjoni tas-settur interessat, li huwa magħmul mill-konsumaturi ta’ l-imsemmija prodotti jew servizzi (ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, fejn il-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel, C-218/01, Ġabra p. I-1725, punt 50).

42      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, fil-każ preżenti, fil-kuntest ta’ eżami konkret tal-kapaċitajiet potenzjali tas-sinjal li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni, jekk deherx eskluż il-fatt li dan is-sinjal jista’ jiddistingwi, f’għajnejn il-pubbliku mmirat, il-prodotti jew is-servizzi indikati minn dawk li għandhom oriġini differenti (sentenza EASYBANK, punt 17 iktar ’il fuq, punt 40), peress li minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex jostakola l-applikazzjoni ta’ raġuni assoluta ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni kif previst mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza Għamla ta’ torċa ta’ l-idejn, punt 17 iktar ’il fuq, punt 34).

43      Għall-finijiet ta’ eżami bħal dan, l-UASI jew, fuq rikors, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C-136/02 P, Ġabra p. I-9165, punt 48).

44      Hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaqx eżami bħal dan fil-każ preżenti.

45      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li l-Bord ta’ l-Appell illimata ruħu sabiex jikkunsidra, fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjal ippreżentat ma kienx kapaċi jindika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi koperti, minħabba li ż-żewġ elementi trażversali tas-simbolu ppreżentat għar-reġistrazzjoni u l-kulur blu skur tiegħu, li għalih ġie assenjat għan qabel xejn dekorattiv, ma kienx biżżejjed sabiex jiġbed l-attenzjoni ta’ l-osservatur normalment diliġenti.

46      Sabiex wasal għal din il-konklużjoni, il-Bord ta’ l-Appell ibbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ partikolaritajiet grafiċi notevoli tas-sinjal ippreżentat meta mqabbel mad-daqs ta’ l-ittri standard “Times New Roman”. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-konstatazzjoni tal-karattru ordinarju tas-sinjal preżenti li l-Bord ta’ l-Appell għamel fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Billi enfasizza mill-bidu nett l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tas-sinjal ippreżentat fuq l-arranġament tal-kulur tiegħu u l-importanza tad-differenzi ta’ natura grafika li kellu jippreżenta meta mqabbla mas-simboli omologi tad-daqs tal-karattri standard “Times New Roman”, il-Bord ta’ l-Appell impliċitament iżda neċessarjament ikkunsidra, bi ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li simbolu stampat li jagħmel parti minn daqs ta’ karattri ta’ ittri standard ma jippreżentax, minnu nnifsu, il-livell ta’ element distintiv minimu meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja.

48      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell ċaħad minn kull portata prattika l-prinċipju, li madankollu huwa fakkar fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistabbilixxi ebda differenza bejn it-tipi differenti ta’ sinjali fir-rigward ta’ l-eżiġenza ta’ l-element distintiv.

49      Minbarra dan, hija ġurisprudenza stabbilita li n-nuqqas ta’ element distintiv ta’ sinjal, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jirriżulta mill-osservazzjoni li ma jippreżentax aspett mhux tas-soltu jew li jiġbed l-attenzjoni (sentenza EASYBANK, punt 17 iktar ’il fuq, punt 39).

50      Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja mhijiex suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ ċertu livell ta’ kreattività jew ta’ immaġinazzjoni min-naħa tal-proprjetarju tat-trade mark (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I-8317, punt 41), imma l-kapaċità tas-sinjal li jindividwalizza l-prodotti jew is-servizzi ta’ l-applikant tat-trade mark minn dawk offruti mill-kompetituri tiegħu [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Rewe-Zentral vs UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II-705, punt 30].

51      Sinjal li m’għandux elementi grafiki ta’ stil, ukoll jista’ aktar faċilment u mill-ewwel jidħol fil-memorja tal-pubbliku rilevanti, li jista’ jippermettilu li jirrepeti l-esperjenza ta’ tranżazzjoni pożittiva, sakemm dan ma jkunx komunement użat inkwantu tali sabiex jindika l-prodotti u s-servizzi in kwistjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Dart Industries vs UASI (UltraPlus), T-360/00, Ġabra p. II-3867, punt 48].

52      Għaldaqstant, meta ddeduċa n-nuqqas ta’ l-element distintiv tas-sinjal ippreżentat min-nuqqas ta’ partikolarità grafika li tiġbed l-attenzjoni meta mqabbla mad-daqs ta’ karattri standard, il-Bord ta’ l-Appell b’hekk għamel applikazzjoni mhux eżatta ta’ l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

53      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota, fit-tieni lok, li l-Bord ta’ l-Appell illimita ruħu, fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex iżid ma’ dak li ntqal preċedentement, li s-sinjal ma kellux kontenut espressiv li seta’ jagħtih karattru distintiv.

54      F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell ippreċiża li, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra ta’ relazzjoni eżistenti bejn is-sinjal ippreżentat u impriża partikolari, il-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix fis-sinjal in kwistjoni l-identifikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tas-servizzi indikati fit-talba għal trade mark Komunitarja.

55      Madankollu, biex ikollu grad ta’ element distintiv minimu kif meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress li sinjal ippreżentat għandu biss jidher a priori kapaċi li jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jidentifika l-oriġini tal-prodotti jew servizzi msemmija fit-talba għal trade mark Komunitarja u sabiex jiddistingwihom minn dawk ta’ impriżi oħra, mingħajr ma neċessarjament ikollu sens partikolari, sinjal li huwa kompletament arbitrarju jista’ jkun distintiv.

56      Fil-każ preżenti, il-Bord ta’ l-Appell ma ppreċiżax kif in-nuqqas ta’ kontenut espressiv ta’ sinjal eskluda l-identifikazjoni tas-servizzi ta’ kostruzzjoni, ta’ amministrazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ beni immobbli pprovduti mir-rikorrenti.

57      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, safejn huwa kkostitwit mill-ittra “i”, is-sinjal ippreżentat jiġi identifikat ma’ l-inizjali tal-kelma “immobbli”, li tfisser, f’numru ta’ lingwi uffiċjali tal-Komunità, il-qasam ta’ attivitajiet li taħthom jaqgħu s-servizzi in kwistjoni.

58      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord ta’ l-Appell kellu mill-inqas jeżamina l-kwistjoni dwar jekk is-sinjal in eżami setax jevoka n-natura ta’ għoti ta’ servizzi msemmija, mingħajr madankollu ma jimxi fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)c) tar-Regolament Nru 40/94.

59      Meta ddeduċa l-inkapaċità sabiex jidentifika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi in kwistjoni man-nuqqas ta’ kontenut espressiv tas-sinjal ippreżentat, il-Bord ta’ l-Appell applika b’mod żbaljat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

60      Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell aġixxa b’mod żbaljat meta bbaża r-rifjut tiegħu għal reġistrazzjoni tas-sinjal ippreżentat fuq in-nuqqas tiegħu ta’ partikolarità grafika li tiġbed l-attenzjoni u ta’ kontenut espressiv, mingħajr ma eżamina preliminarjament, u billi jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li huma marbuta maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ preżenti, jekk dan is-sinjal kienx b’mod konkret kapaċi li jiddistingwi, fil-ħsieb tal-pubbliku ddestinatarju, is-servizzi pprovduti mill-persuna li għamlet l-applikazzjoni għal trade mark minn dawk ipprovduti mill-kompetituri tagħha.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fit-tielet lok, li r-rikorrenti hija impriża speċjalizzata fil-kostruzzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni ta’ beni immobbli u li tipprovdi s-servizzi indikati fit-talba tagħha għal trade mark Komunitarja għal utilizzaturi professjonali jew privati.

62      Fir-rigward tal-partikolarità u tal-prezz għoli tat-tranżazzjonijiet li dawn jimplikaw b’mod ġenerali, dawn is-servizzi huma indirizzati f’kull ipoteżi għall-pubbliku mwissi, fejn il-grad ta’ attenzjoni huwa ogħla minn dak li jikkaratterizza l-konsumatur medju, li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, meta jixtri beni u servizzi ta’ kuljum, kif sostna l-Bord ta’ l-Appell.

63      Fil-fatt, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat jista’ jvarja skond il-funzjoni tal-kategoriji tal-prodotti jew tas-servizzi proposti u l-konsumaturi jistgħu jikkkostitwixxu pubbliku attent ħafna meta, bħal fil-każ preżenti, it-tranżazzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu relattivament importanti u s-servizzi pprovduti jkunu relattivament tekniċi [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Citicorp vs UASI (LIVE RICHLY), T-320/03, Ġabra p. II-3411, punti 70 u 73].

64      Għaldaqstant il-Bord ta’ l-Appell aġixxa b’mod żbaljat meta qies bħala pubbliku l-konsumatur medju li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, mingħajr ma ħa in kunsiderazzzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur, inkluż il-konsumatur medju, jista’ jvarja skond il-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26).

65      Jirriżulta mill-iżviluppi kollha preċedenti, li l-Bord ta’ l-Appell interpreta u applika b’mod mhux korrett l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

66      Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

68      Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skond it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) ta’ l-1 ta’ Settembru 2005 (Każ R 559/2004-4) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk ta’ IVG Immobilien AG.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-13 ta’ Ġunju 2007.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

      H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.