Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Jannar 2012 - Kreyenberg vs UASI - Il-Kummissjoni (MEMBER OF €e euro experts)

(Kawża T-3/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Heinrich Kreyenberg (Ratingen, il-Ġermanja) (rappreżentant: J. Krenzel, avukat)

Konvenuta: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-5 ta' Ottubru 2011 fil-Każ R 1804/2010-2, u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett ta' talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: it-trade mark figurattiva li tinkludi l-elementi verbali "MEMBER OF €e euro experts€", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 35, 36, 39, 41, 42, 44 u 45.

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrent.

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: il-Kummissjoni Ewropea.

Motivi tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: ksur tal-Artikolu 52(1)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba allegata probabbiltà ta' qerq fir-rigward tal-kwalità tal-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark. Ksur tal-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba l-allegata identifikazzjoni, fit-trade mark, ta' imitazzjoni, mill-perspettiva araldika, tal-bandiera Ewropea, ippreżentata quddiem il-WIPO (Ċirkolari Nru 3556), skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali. Ksur tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba l-monopolizzazzjoni, mit-trade mark tar-rikorrent, tas-simbolu "€" li r-rappreżentazzjoni grafika tiegħu hija ddeterminata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (97) 418 finali.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità miċħuda.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell milqugħ.

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li ma hemmx riproduzzjoni identika tas-sinjal uffiċjali "€", neċessarja għall-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet u, sussidjarjament, fi kwalunkwe każ, peress li d-dispożizzjonijiet derogatorji tal-Artikolu 6b(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali huma sodisfatti, peress li l-pubbliku ma jitlaqx mill-prinċipju tal-eżistenza ta' rabta bejn it-trade mark figurattiva tar-rikorrent u l-Unjoni Monetarja Ewropea (jew l-Unjoni Ewropea). Sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 7(1)(c) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li, fit-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità, il-Kummissjoni Ewropea invokat espressament l-Artikolu 7(1)(c), b'mod li jista' biss jitqies li l-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità hija żbaljata u l-invokar tar-raġuni għal rifjut tal-Artikolu 7(1)(g) li sar għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell għandu jitqies li ġie ppreżentat tard u li huwa inammissibbli.

____________