Language of document : ECLI:EU:T:2013:364

Kawża T‑3/12

Heinrich Kreyenberg

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja figurattiva MEMBER OF €e euro experts – Raġuni assoluta għal rifjut – Emblemi tal-Unjoni u tal-oqsma ta’ azzjoni tagħha – Simbolu tal-euro – Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Lulju 2013

1.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li għandhom jiġu rrifjutati bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi – Protezzjoni tal-emblemi tal-Istat u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali – Imitazzjoni mill-perspettiva araldika – Kundizzjoni tal-protezzjoni ta’ emblemi ta’ organizzazzjoni internazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(h))

2.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li jinkludu badges, emblemi jew stemmi oħra barra dawk imsemmija fl‑Artikolu 6ter tal‑Konvenzjoni ta’ Pariġi – Kundizzjonijiet tal-protezzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(h) u (i))

3.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li jinkludu badges, emblemi jew stemmi oħra barra dawk imsemmija fl‑Artikolu 6ter tal‑Konvenzjoni ta’ Pariġi – Estensjoni tal-protezzjoni – Simbolu tal-euro

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(h) u (i))

4.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Reġistrazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 – Trade mark figurattiva MEMBER OF €e euro experts

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(i))

1.      L-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it trademark Komunitarja, moqri flimkien mal-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li għalih jirreferi, jipproteġi żewġ kategoriji ta’ emblemi.

Fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ emblemi ta’ Stati, mhux biss bħala trade marks, iżda wkoll bħala elementi ta’ trade marks, kemm jekk dawn l-emblemi jkunu riprodotti b’mod identiku kif ukoll jekk ikunu sempliċiment suġġetti għal imitazzjoni mill-perspettiva araldika. Sabiex jiġi ddeterminat jekk trade mark għandhiex imitazzjoni ta’ emblema mill-perspettiva araldika, hemm lok li tiġi kkunsidrata d-deskrizzjoni araldika ta’ din l-emblema. Madankollu, kwalunkwe differenza bejn l-imsemmija trade mark u l-emblema, innutata minn espert fl-araldika, ma hijiex ser tiġi neċessarjament ipperċepita mill-konsumatur medju, li, minkejja d-differenzi fil-livell ta’ ċerti dettalji araldiċi, jista’ jara fit-trade mark imitazzjoni tal-emblema inkwistjoni.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tinkludi r-riproduzzjoni jew l-imitazzjoni mill-perspettiva araldika ta’ emblema ta’ organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva meta din tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi permezz tal-Uffiċċju Internazzjonali tad-Organizzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali. Madankollu, din il-projbizzjoni kienet maħsuba sabiex tapplika biss fil-każ imsemmi fl-Artikolu 6b(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jiġifieri meta, meħuda kollha kemm hi, it-trade mark kkonċernata tissuġġerixxi, f’moħħ il-pubbliku, rabta bejn, minn naħa waħda, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha, u min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva inkwistjoni, jew twassal lill-pubbliku sabiex jitqarraq dwar l-eżistenza ta’ tali rabta.

(ara l-punti 28-31)

2.      L-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it trademark Komunitarja għandu jitqies bħala li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, bħala trade marks jew elementi ta’ trade marks, ta’ emblemi barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 791)(h) tal-istess regolament, kemm jekk dawn l-emblemi jkunu riprodotti b’mod identiku kif ukoll tkun saret biss imitazzjoni tagħhom.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jillimitax espressament il-kamp ta’ applikazzjoni li jistabbilixxi għat-trade marks li jirriproduċu b’mod identiku emblema. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti li din tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi mhux biss ir-riproduzzjoni identika, iżda wkoll l-imitazzjoni ta’ emblema bi trade mark. Jekk tali interpretazzjoni ma tiġix aċċettata, l-effettività tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 barra minn hekk titnaqqas kunsiderevolment: huwa biżżejjed li emblema nbidlet ftit, anki b’mod imperċettibbli għal persuna li ma tkunx speċjalista fl-araldika, sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata bħala trade mark jew element ta’ trade mark.

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea bl-ebda mod ma ppreċiża li trade mark kkostitwita biss minn emblema tista’, skont l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, tiġi pprojbita għal reġistrazzjoni. Billi juża l-kelma “jinkludu” fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa indika li, fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni, l-użu ta’ emblemi barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu (1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 kien ipprojbit, mhux biss bħala trade mark iżda wkoll bħala element ta’ trade mark. Dan huwa barra minn hekk konformi mal-effettività tal-imsemmija dispożizzjoni li hija intiża li tiżgura l-protezzjoni l-iktar sħiħa tal-emblemi li hija tirreferi għalihom.

Madankollu, tali projbizzjoni ma hijiex inkundizzjonata.

L-emblemi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi kkomunikati regolarment lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi huma protetti mill-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009 meta, meħuda kollha kemm hi, it-trade mark ikkonċernata tissuġġerixxi, f’moħħ il-pubbliku, rabta bejn, minn naħa, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha, u min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva involuta. Jekk il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 setgħet tapplika, u dan anki meta din l-aħħar kundizzjoni ma tiġix issodisfatta, hija kienet tkun ogħla minn dik li l-paragrafu (1)(h) tal-istess artikolu jagħti lill-emblemi ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali kkomunikati regolarment lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

Issa, ma hemm ebda indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jagħti l-emblemi msemmija fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 protezzjoni ikbar milli għal dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament, hekk li l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex ikbar mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament.

Għaldaqstant, il-protezzjoni mogħtija lill-emblemi msemmija fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 hija maħsuba sabiex tapplika meta, meħuda kollha kemm hi, it-trade mark li tinkludi tali emblema tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jitqarraq dwar ir-rabta eżistenti bejn, minn naħa waħda, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha u, min-naħa l-oħra, l-awtorità li jirreferi għaliha s-simbolu inkwistjoni.

(ara l-punti 34-40)

3.      L-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it trade mark Komunitarja jipproteġi l-emblemi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament, jiġifieri l-emblemi minbarra dawk ta’ Stati u dawk ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi kkomunikati regolarment lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u dan sakemm l-imsemmija emblemi għandhom interess pubbliku partikolari. Fid-dawl tal-formulazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi kkunsidrat li din tipproteġi mhux biss l-emblemi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi li ma jkunux ġew ikkomunikati lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iżda wkoll l-emblemi li, filwaqt li ma jindikawx l-attivitajiet kollha ta’ organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva, madankollu jkollhom rabta speċjali ma’ waħda minn dawn l-attivitajiet. Fil-fatt, il-fatt li emblema tintrabat ma’ waħda mill-attivitajiet ta’ organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva huwa suffiċjenti sabiex jintwera interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tagħha.

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li huma, b’mod partikolari, protetti mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, b’riżerva tal-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra imposti minn din id-dispożizzjoni, mhux biss l-emblemi tal-Unjoni Ewropea bħala tali, iżda wkoll l-emblemi li sempliċement jirreferu għal waħda mill-oqsma ta’ azzjoni ta’ din tal-aħħar.

Barra minn hekk, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandu japplika minkejja li r-raġunijiet għar-rifjut jeżistu biss f’parti tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, għandu jinftiehem li l-interess pubbliku li jirreferi għalih l-Artikolu 7(1)(i) ta’ dan l-istess regolament ma għandux neċessarjament jiġi kkonstatat fit-territorju kollu tal-Unjoni. Huwa suffiċjenti li jeżisti fuq parti minnha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 7(1)(i) tal-imsemmi regolament jipproteġi, b’mod partikolari, kwalunkwe emblema li, mingħajr ma tindika l-Unjoni kollha kemm hi, tittratta azzjoni meħuda minnha, u dan anki jekk l-imsemmija azzjoni tikkonċerna biss lil xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(4) TUE jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tkun l-euro”. Is-simbolu tal-euro huwa għaldaqstant, ċertament, is-simbolu ta’ azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx l-euro bħala munita ma jippermettix li jiġi konkluż li dan is-simbolu, li ebda element tal-proċess ma jindika li dan ġie kkomunikat kif dovut lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, huwa eskluż mill-kamp tal-protezzjoni stabbilit mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009.

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 107-114)