Language of document : ECLI:EU:T:2011:102

Kawża T-419/03

Altstoff Recycling Austria AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Sistema ta’ ġbir u ta’ riċiklaġġ ta’ imballaġġi użati fl-Awstrija — Ftehim ta’ ġbir u ta’ għażla li jinkludu klawżoli ta’ esklużività — Deċiżjoni ta’ eżenzjoni individwali — Obbligi imposti — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Qafas ta’ ftehim ta’ sħubija li jinkludi klawżoli ta’ esklużività territorjali — Aċċessibbiltà tas-suq — Ftehim li għandhom bħala effett kumulattiv il-qsim tas-suq — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku speċifiku

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Qafas ta’ ftehim li jirrigwardaw il-ġbir u l-għażla ta’ imballaġġi domestiċi użati u li jinkludu klawżoli ta’ esklużivita territorjali — Ġustifikazzjoni — Effett restrittiv potenzjali fis-suq upstream tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi — Għoti ta’ eżenzjoni individwali b’żieda ta’ obbligi

(Artikolu 81(1) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikoli 8(1))

1.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma huwiex permess li matul il-kawża jiġu ppreżentati raġunijiet ġodda sakemm dawn ir-raġunijiet ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, u li għandu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

(ara l-punt 44)

2.      Fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, imputabbli lil ftehim ta’ sħubija li jinkludu klawżoli ta’ esklużività territorjali, il-Qorti Ġenerali ma tistax tillimita ruħha għall-effetti tal-esklużività kkunsidrati iżolament u tirreferi biss għar-restrizzjonijiet imposti mill-ftehim ta’ sħubija.

Fil-fatt, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dawn il-ftehim jaqgħux taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jiġi eżaminat jekk il-ftehim kollha simili konklużi fis-suq rilevanti u elementi oħra tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu l-ftehim inkwistjoni jindikawx li huma għandhom l-effett kumulattiv li jagħlqu l-aċċess ta’ dan is-suq għal kompetituri ġodda.

Jekk minn dan l-eżami jirriżulta li dan ma huwiex il-każ, il-ftehim individwali li jikkostitwixxu s-serje ta’ ftehim ma jistgħux joħolqu theddida għall-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Min-naħa l-oħra, jekk l-eżami jindika li l-aċċess għas-suq huwa diffiċli, ikun meħtieġ li jiġi mbagħad analizzat sa fejn il-ftehim inkwistjoni jikkontribwixxu għall-effett kumulattiv prodott, fid-dawl tal-fatt li huma preklużi biss il-kuntratti li jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għal qsim eventwali tas-suq.

(ara l-punt 56)

3.      Fir-rigward ta’ qafas ta’ ftehim ta’ sħubija konklużi bejn, minn-naħa, impriża ta’ riċiklaġġ settorjali, li topera fis-suq tal-eliminiazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi użati, u, min-naħa l-oħra, imsieħba reġjonali (bħal impriżi jew awtoritajiet territorjali) li jiżguraw b’mod konkret il-ġbir, l-għażla, it-trasport u l-irkupru ta’ dawn l-imballaġġi domestiċi użati u li jibbenefikaw, għal perijodu ta’ minn tliet snin sa ħames snin, minn esklużività territorjali de facto, għal kull reġjun ta’ ġbir u ta’ għażla, il-konsegwenza prattika tal-istabbiliment ta’ dan il-qafas ta’ ftehim hija l-għeluq tal-aċċess għas-suq għall-impriżi tal-ġbir u tal-għażla esklużi u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, min-naħa tal-provvista, fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi, matul il-perijodu tal-ftehim.

Fil-fatt, peress li dawn il-ftehim ta’ sħubija huma konklużi mill-ikbar entità li titlob servizzi ta’ eliminazzjoni ta’ skart u jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tali esklużività tikkawża fis-suq tal-ġbir u tal-għażla għandha effetti fuq it-territorju nazzjonali kollu u, għalhekk, fis-suq kollu tal-ġbir u tal-għażla ġeografikament rilevanti Għalhekk, l-impriżi esklużi għandhom diffikultajiet kemm sabiex iduru mal-qafas ta’ ftehim u jidħlu fis-suq nazzjonali tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi kif ukoll sabiex jibqgħu f’dan is-suq.

Madankollu, ftehim bħal dawn jistgħu jiġi ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ amminstrazzjoni u ta’ effiċjenza, minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata provvista affidabbli ta’ servizzi ta’ ġbir, kif ukoll minħabba n-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-organizzazzjoni u minħabba li kien meħtieġ li jsiru investimenti sabiex il-ftehim ta’ ġbir u ta’ għażla jiġi implementat. L-obbligu ta’ esklużività jista’ għalhekk jikkostitwixxi restrizzjoni indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan tal-organizzazzjoni razzjonali tal-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE.

Madankollu, l-impenn ta’ impriża ta’ riċiklaġġ settorjali li tintrabat biss ma’ msieħeb wieħed tal-ġbir u/jew tal-għażla għal reġjun tal-ġbir jista’ jippermettilha li timblokka l-aċċess għall-infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla eżistenti għall-kompetituri potenzjali tagħha sa fejn jirnexxilha timponi fuq l-imsieħba tagħha esklużività de facto fil-provvista tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla F’sitwazzjoni bħal din, dawn ma għandhomx il-possibbiltà reali u konkreta li jevitaw il-qafas ta’ kuntratti stabbilit mill-imsemmija impriża, peress li, fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi, ma hemmx impriża tal-ġbir u tal-għażla oħra li tista’ toffrilhom dawn is-servizzi, taħt kundizzjonijiet kompetittivi, mill-bidu tal-attività tagħhom. Għalhekk, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkonstatata fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi tista’ twassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni upstream, jiġifieri fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi. Din ir-restrizzjoni hija riflessa immedjatament f’limitazzjoni tad-domanda tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikkunsidra li, sabiex tevita li impriża ta’ riċiklaġġ settorjali tkun tista’ telimina l-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni tal-imballaġġi domestiċi, huwa meħtieġ li mal-eżenzjoni individwali jiżdiedu ċerti obbligi, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17.

(ara l-punti 58, 59, 63-65, 80)