Language of document : ECLI:EU:C:2017:987

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2000/60/KE – Politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Artikolu 4(1) u Artikolu 14(1) – Obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma u li tiġi nkoraġġuta l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet kollha kkonċernati fl-implementazzjoni tad-direttiva – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Parteċipazzjoni pubblika fil-proċess deċiżjonali u aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali – Artikolu 6 u Artikolu 9(3) u (4) – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Proġett li jista’ jaffettwa l-istat tal-ilma – Proċedura amministrattiva għal awtorizzazzjoni – Organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent – Talba sabiex tinkiseb il-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva – Possibbiltà li jiġu invokati drittijiet misluta mid-Direttiva 2000/60/KE – Dekadenza tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura u tad-dritt għal azzjoni legali fil-każ li ma jiġux invokati l-imsemmija drittijiet fi żmien xieraq matul il-proċedura amministrattiva”

Fil-Kawża C‑664/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Protect Natur-,Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation

vs

Bezirkshauptmannschaft Gmünd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, minn L. E. Riegler, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u C. Vogl, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin kif ukoll minn C. Hermes u E. Manhaeve, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), jew ta’ din id-direttiva bħala tali, u tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għat-tagħrif, il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess deċiżjonali u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (Protect, organizzazzjoni ambjentali għall-protezzjoni tan-natura, tal-ispeċi u tal-pajżaġġi, l-Awstrija, iktar ’il quddiem “Protect”) u Bezirkshauptmannschaft Gmünd (l-Awtorità Distrettwali ta’ Gmünd, l-Awstrija) dwar it-talba ta’ din l-organizzazzjoni sabiex tiġi rrikonoxxuta lilha l-kwalità ta’ parti f’proċedura dwar talba għal proroga tal-awtorizzazzjoni mogħtija skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma għal faċilità li tagħmel is-silġ, ippreżentata minn Aichelberglift Karlstein GmbH.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        It-tmintax-il premessa tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprovdi li:

“Filwaqt li jinsabu mħassba li mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, inklużi l-organizzazzjonijiet, sabiex l-interessi leġittimi tiegħu jkunu protetti u l-liġi tiġi infurzata”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 2(4) u (5) ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“4.      ‘il-pubbliku’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar, u konformement mal-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom

5.      ‘il-pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku li huwa affettwat jew li jista’ jkun affettwat mid-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam ambjentali jew li għandu interess li jrid jinvoka fir-rigward tal-proċess deċiżjonali; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti skont il-liġi nazzjonali jitqiesu li jkollhom interess.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni intitolat “Parteċipazzjoni pubblika f’deċiżjonijiet dwar ċerti attivitajiet” jipprevedi:

“1.      Kull Parti:

a)      għandha tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għal deċiżjonijiet dwar jekk għandhomx ikunu permessi l-attivitajiet proposti li huma elenkati fl-Anness I;

b)      għandha tapplika wkoll, skont id-dritt nazzjonali tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għal deċiżjonijiet dwar attivitajiet proposti, li ma humiex elenkati fl-Anness I, li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent. Għal kull każ, il-partijiet għandhom jistabbilixxu jekk dawn id-dispożizzjonijiet japplikawx għal tali attività proposta.

[…]

2.      Meta jinbeda proċess deċiżjonali li jaffettwa l-ambjent, il-pubbliku kkonċernat għandu jiġi informat kif xieraq, b’mod effettiv u fil-ħin mixtieq, permezz ta’ avviż pubbliku jew individwalment, skont il-każ, fil-bidu tal-proċess.[…]

[…]

3.      Għall-istadji differenti tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, hemm termini raġonevoli li jipprovdu żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi informat skont il-paragrafu 2 iktar ’il fuq u sabiex il-pubbliku jipprepara ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fix-xogħlijiet matul il-proċess deċiżjonali kollu fil-qasam tal-ambjent.

4.      Kull parti għandha tipprovdi għal parteċipazzjoni pubblika fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza effettiva.”

5.      Kull parti għandha, meta jkun xieraq, tinkoraġġixxi kull min għandu l-intenzjoni jressaq talba għal awtorizzazzjoni, jidentifika l-pubbliku kkonċernat, jinformah dwar is-suġġett tat-talba li huwa jikkunsidra li jressaq u jkollu diskussjoni miegħu dwar dan is-suġġett qabel ma jressaq it-talba tiegħu.

6.      Kull parti għandha titlob lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti biex jagħmlu mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jikkonsulta meta jagħmel talba għal dan, meta d-dritt nazzjonali jeżiġi dan, u mingħajr ħlas, minn meta tkun disponibbli, l-informazzjoni kollha li jkollha xi rilevanza għall-proċess deċiżjonali msemmi f’dan l-artikolu u li tista’ tinkiseb fil-mument tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, bla ħsara għad-dritt tal-partijiet li jirrifjutaw li jiżvelaw ċerta informazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 4(3) u (4).[…]

[…]

7.      Il-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika tipprevedi l-possibbiltà għall-pubbliku li jressaq bil-miktub jew, kif xieraq, f’seduta jew f’investigazzjoni pubblika fil-preżenza tal-applikant, l-osservazzjonijiet, informazzjoni, analiżi jew opinjonijiet kollha li huwa jidhirlu xieraq fir-rigward l-attività proposta.”

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 9 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprevedi fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu:

“2.      Kull parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

a)      li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti, jew, alternattivament,

b)      li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ parti titlob dan bħala kundizzjoni,

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit b’liġi, biex jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, fejn ikun hekk previst skont id-dritt nazzjonali u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess ġuridiku suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u b’mod konformi mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies li huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-punt (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ ksur għall-finijiet tal-punt (b) iktar ’il fuq.

[…]

3.      Barra minn dan u bla ħsara għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li, meta jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, membri tal-pubbliku għandu jkollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet minn persuni privati jew awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha relatati mal-ambjent.

4.      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inklużi konformità permezz ta’ ordni fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u mingħajr dewmien u ma għandhomx jinvolvu spiża projbittiva. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. Id-deċiżjonijiet tal-qrati, u sa fejn possibbli, dawk ta’ korpi oħra, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 92/43

7        L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ((ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE ta’ l-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008 L 352M, p. 883) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/43”), jipprovdi li:

“Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

 Id-Direttiva 2000/60

8        Il-premessi 11, 19, 27 u 46 tad-Direttiva 2000/60 jipprovdu li:

“(11)      Kif stabbilit fl-Artikolu 174 tat-Trattat, il-politika Komunitarja fuq l-ambjent għandha tikkontribwixxi għal għanijiet ta’priservar, protezzjoni u titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, f’użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u li din tkun bażata fuq il-prinċipju prekawzjonarju, u fuq il-prinċipji li, azzjonijiet preventivi għandhom jittieħdu, il-ħsara għall-ambjent trid, bħala prijorità, tkun ikkoreġuta fil-bidu u li minn iniġġeż iħallas.

[…]

(19)      Din id-Direttiva timmira sabiex iżżomm u ttejjeb l-ambjent akwatiku fil-Komunità. Dan l-iskop huwa primarjament konċernat mal-kwalità tal-ilmijiet konċernati. […]

[…]

(27)      L-għan aħħari ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu eliminati sustanzi perikolużi prioritarji u li tgħin sabiex jinkisbu konċentrazzjonijiet fl-ambjent marittimu viċin tal-background values għal sustanzi li jfiġġu b’mod naturali naturali.

[…]

(46)      Biex tkun assigurata l-parteċipazzjoni tal-pubbliku ġenerali inklużi utenti ta’ l-ilma fit-twaqqif u aġġornament tal-pjanijiet ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara, huwa meħtieġ li tkun provduta informazzjoni adattata ta’ miżuri maħsuba u biex jiġi rapportat fuq il-progress ma’ l-implimentazzjoni tagħhom bi skop għall-involviment tal-pubbliku ġenerali qabel deċiżjonijiet finali fuq il-miżuri meħtieġa huma adottati.”

9        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:

(a)      jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom ta’ l-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi;

(b)      jippromwovi użu sostenibbli ta’ l-ilma bbażat fuq protezzjoni fit-tul ta’ riżorsi disponibbli ta’ l-ilma;

(ċ)      għandu l-għan li jipproteġi u jtejjeb l-ambjent akkwatiku, inter alia, permezz ta’ miżuri speċifiċi li jnaqqsu b’mod progressiv il-ħruġ, l-emmissjonijiet u t-telf ta’ sustanzi prioritarji u l-waqfien jew waqfien f’fażijiet ta’ ħruġ, emmissjonijiet u telf ta’ sustanzi prioritarji perikolużi;

[…]”

10      L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

(a)      għall-ilma tal-wiċċ

(i)      L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(ii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu u jiżviluppaw il-korpi ta’ l-ilma kollha artifiċjali u modifikati ħafna, bil-mira li jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ kimiku u potenzjal ekoloġiku tajjeb mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

[…]”

11      L’Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Konsultazzjoni u informazzjoni pubblika”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri jridu jinkoraġġixxu l-involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, partikolarment fil-produzzjoni, reviżjoni u aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara. Stati Membri jridu jiżguraw li, għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, iridu jippubblikaw u jagħmlu disponibbli għal kummenti lill-pubbliku, inklużi utenti:

[…]

2.      L-Istati Membri jridu jħallu għall-anqas sitt xhur biex jikkummentaw bil-kitba fuq dawk id-dokumenti sabiex jippermettu konsultazzjoni u involviment attiv.

[…]”

 Id-dritt Awstrijak

12      L-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AVG”), tipprovdi fl-Artikolu 8 tagħha:

“Il-persuni li jużaw l-attività tal-awtorità jew li għalihom tirreferi din l-attività huma partijiet interessati; sa fejn, fir-rigward tas-suġġett ta’ din l-attività, huma jkollhom dritt legali jew interess ġuridiku huma jkunu partijiet fil-proċeduri.”

13      L-Artikolu 41 tal-AVG jipprevdi:

“(1)      Is-sejħa għal seduta għandha tiġi nnotifikata personalment lil partijiet interessati magħrufa. Jekk persuni oħra jistgħu possibbilment ikunu wkoll partijiet interessati, għandu, barra minn dan, jingħata avviż ta’ seduta fuq in-notice board uffiċjali tal-muniċipalità, permezz ta’ avviż fil-gazzetta indikata għal avviżi uffiċjali mill-awtorità jew permezz ta’ avviż fil-ġurnal uffiċjali elettroniku tal-awtorità.

(2)      […] In-notifikazzjoni (avviż) tas-sejħa għas-seduta għandu jkollha l-informazzjoni preskritta għal ċitazzjonijiet, inkluża informazzjoni dwar il-konsegwenzi li jista’ jkun hemm skont l-Artikolu 42 ta’ din il-liġi. […]”

14      Skont l-Artikolu 42(1) tal-AVG:

“Jekk ikun ingħata avviż ta’ seduta skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 41(1) u, fejn applikabbli, f’formola speċjali kif jipprovdu r-regoli amministrattivi, il-konsegwenza għandha tkun li persuna titlef il-kwalità tagħha bħala parti jekk ma tissottomettix oġġezzjonijiet għand l-awtorità matul il-ħinijiet tax-xogħol, mhux iktar tard mill-jum qabel il-bidu tas-seduta jew matul is-seduta. Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni fir-regoli amministrattivi applikabbli dwar il-formola li biha għandu jingħata avviż, isseħħ il-konsegwenza legali deskritta fl-ewwel sentenza jekk ikun ingħata avviż skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 41(1) fil-formola dovuta.”

15      L-Artikolu 102 tal-Wasserrechtsgesetz (il-Liġi dwar l-Ilma), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-WRG”), jinqara kif ġej:

“(1)      Għandhom ikunu partijiet:

a)      l-applikant;

b)      il-persuni li għandhom obbligu ta’ provvista, ta’ tolleranza jew ta’ astensjoni jew li d-drittijiet tagħhom […] huma affettwati b’mod ieħor, dawk li għandhom drittijiet ta’ sajd […] jew ta’ użu […], kif ukoll il-persuni li jkunu qajmu kunflitt;

[…]

(2)      Għandhom, b’mod partikolari, il-kwalità ta’ persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 8 tal-[AVG] – skont is-suġġett tas-seduta inkwistjoni u sa fejn il-kwalità ta’ parti ma tkunx diġa ġiet irrikonoxxuta lilhom skont il-paragrafu 1 – il-persuni li għandhom interess jużaw id-dominju pubbliku, il-proprjetarji kollha li għandhom drittijiet in rem fuq il-proprjetà immobbli affettwata, il-benefiċjarji potenzjali kollha tal-preservazzjoni jew tal-abbandun ta’ faċilità jew tal-estinzjoni ta’ dritt fuq l-ilma u, għall-finijiet tal-proċedura ta’ oppożizzjoni għall-proġetti […], il-persuni kollha li għandhom jitqiesu li huma partijiet (paragrafu 1) fil-mument tal-eżekuzzjoni tal-proġetti.

(3)      Il-persuni interessati huma intitolati jinvokaw l-interessi tagħhom matul il-proċedura iżda ma għandhomx id-dritt li jissottomettu oġġezzjonijiet.

[…]”

16      Mill-Artikolu 145b(6) tal-WRG jirriżulta li din il-liġi federali hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tittrasponi d-Direttiva 2000/60.

17      L-Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar l-Evalwazzjoni tal-Effetti fuq l-Ambjent, BGBl. 697/1993), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UVP‑G 2000”), hija intiża tittrasponi fl-ordni ġuridiku Awstrijak id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1).

18      Skont l-Artikolu 19(7) tal-UVP-G 2000, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent li tissodisfa r-rekwiżiti imposti fil-paragrafu 6 tal-Artikolu 19 tista’ titlob li tiġi rrikonoxxuta sabiex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet konnessi mal-kwalità ta’ parti fil-proċeduri relatati ma’ proġetti li jkunu ser jitwettqu f’ċerti Länder.

19      Konformement mal-Artikolu 19(10) tal-UVP-G 2000, l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jkunu ġew irrikonoxxuti b’dan il-mod, jistgħu jitolbu l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tal-ambjent f’dawn il-proċeduri, inkluż fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja, sakemm huma jissottomettu bil-miktub l-oġġezzjonijiet tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari, matul il-perijodu ta’ spezzjoni pubblika tal-fajl, imsemmija fl-Artikolu 9(1) tal-UVP-G 2000, li għandha ddum mill-inqas sitt xhur.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Aichelberglift Karlstein ippreżentat, skont il-WRG, talba għal proroga tal-awtorizzazzjoni ta’ faċilità li tagħmel is-silġ li hija proprjetà ta’ ski resort u li tinkludi ġibjun li jimtela’ mill-ilma tal-Einsiedlbach, xmara li tinsab fl-Awstrija.

21      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura amministrattiva, Protect, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent irrikonoxxuta skont l-Artikolu 19(7) tal-UVP-G 2000, talbet sabiex tiġi rrikonoxxuta lilha l-kwalità ta’ parti u ppreżentat l-oġġezzjonijiet tagħha għall-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

22      Filwaqt li bbażat ruħha fuq studji, hija sostniet li l-proġett inkwistjoni jaffettwa b’mod notevoli ż-żoni protetti taħt id-Direttiva 92/43, b’mod partikolari minħabba l-istorbju tal-faċilitajiet li jagħmlu s-silġ u li huwa ta’ ħsara sinjifikattiva għal ċerti speċi preżenti f’dawn iż-żoni, fosthom diversi speċi ta’ għasafar protetti li l-habitat tagħhom diġà huwa mhedded mill-faċilitajiet eżistenzi, u dan wassal, barra minn hekk, għall-għejbien ta’ diversi minn dawn l-ispeċi mill-imsemmija żoni.

23      Wara s-sottomissjonijiet orali dwar it-talba għal awtorizzazzjoni li seħħew fl-4 ta’ Lulju 2013 taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 41 u 42 tal-AVG, l-awtorità tad-distrett ta’ Gmünd ħarġet, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2013, l-awtorizzazzjoni mitluba minn Aichelberglift Karlstein.

24      Din l-awtorità ċaħdet it-talba u l-oġġezzjonijiet ta’ Protect minħabba li din ma kinitx invokat preġudizzju għad-drittijiet protetti taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u għaldaqstant ma setgħetx tgawdi mill-kwalità ta’ parti fil-proċedura.

25      Id-deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2013 tirreferi għal deċiżjoni preċedenti li permezz tagħha l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura qieset, abbażi ta’ rapport li fih evalwazzjoni tal-effetti li jista’ jkollu l-proġett inkwistjoni fuq iż-żoni protetti taħt id-Direttiva 92/43, li ma kellhiex topponi għall-awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tan-natura.

26      Protect imbagħad ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2013, filwaqt li invokat il-ksur tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60, u sostniet, b’mod partikolari, li minkejja li din id-direttiva timponi l-preżervazzjoni tal-ilma fi stat ekoloġiku tajjeb, id-deterjorazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-ilma kkonċernat ipprovokata mill-faċilitajiet eżistenti li jagħmlu s-silġ kienet diġà ċara.

27      Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Jannar 2015, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Awstrija t’isfel, l-Awstrija) ċaħdet ir-rikors ta’ Protect minħabba li din kienet tilfet il-kwalità ta’ parti fil-proċedura skont l-Artikolu 42 tal-AVG peress li, matul il-proċedura amministrattiva u l-iktar tard matul is-seduta, hija ma kinitx invokat id-drittijiet tagħha protetti mil-leġiżalzzjoni dwar l-ilma u li, barra minn hekk, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma hijiex direttament applikabbli taħt id-dritt nazzjonali.

28      Protect imbagħad adixxiet lill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ proċedura għal “reviżjoni” filwaqt li sostniet li l-Artikolu 2(4) u (5) u l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jagħtuha l-kwalità ta’ parti fil-proċeduri mwettqa b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u li hija għandha interess ġuridiku f’li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent fosthom, partikolarment, dawk tad-Direttiva 2000/60 li l-proġett inkwistjoni jikser sa punt kunsiderevoli.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awtrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 […] jew din id-direttiva bħala tali, jagħtu lil organizzazzjoni li tiddefendi l-ambjent, fi poċedura li ma hijiex suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92 […], drittijiet għall-protezzjoni li permezz tagħhom hija tista’, bis-saħħa tal-Artikolu 9(3) tal-[Konvenzjoni ta’ Aarhus], tibda proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 1:

2)      Mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jirriżulta li dawn id-drittijiet għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati sa mill-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva, jew il-possibbiltà li tingħata protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva hija suffiċjenti?

3)      Huwa leċitu għad-dritt proċedurali nazzjonali (Artikolu 42 tal-[AVG]) li jistieden l-organizzazzjoni li tiddefendi l-ambjent – kif ukoll, barra minn hekk, lill-partijiet l-oħra fil-proċedura – sabiex tinvoka l-oġġezzjonijiet tagħha fi żmien xieraq sa mill-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva u mhux biss mill-istadju ta’ rikors quddiem il-qorti amministrattiva peress li, fin-nuqqas ta’ dan, hija titlef l-istatus tagħha bħala parti kif ukoll il-possibbiltà li tippreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 jew din id-direttiva bħala tali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tkun tista, skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni li hija rregolata esklużivament mil-leġiżlazzjoni dwar l-ilma, ta’ proġett li ma huwiex suġġett għal evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent skont id-Direttiva 2011/92.

31      Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jirrifjutaw, bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan ikun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew meta dan jikkomprometti l-għan li jinkiseb stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ jew potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb ta’ dan l-ilma sad-data prevista minn din id-direttiva (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 51).

32      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jistabbilixxix sempliċement, skont formulazzjoni programmatika, oġġettivi ta’ ppjanar ta’ ġestjoni, iżda jimponi obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma li għandu effett vinkolanti fuq l-Istati Membri, ladarba jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura deskritt minn din id-direttiva u, b’mod partikolari, waqt l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti partikolari b’applikazzjoni tas-sistema ta’ derogi previst mill-imsemmi Artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 43 u 48).

33      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 jipparteċipa għaldaqstant fit-twettiq tal-għan prinċipali tal-miżuri meħuda taħt din id-direttiva li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessi 11, 19 u 27 tal-imsemmija direttiva, jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, fiż-żamma u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent akwatiku tal-Unjoni.

34      Madankollu, ikun inkompatibbli mal-effett vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jattribbwixxi lil direttiva, li jiġi eskluż, fil-prinċipju, li l-obbligi li hija timponi jkunu jistgħu jiġu invokati mill-persuni kkonċernati. L-effett utli tad-Direttiva 2000/60 kif ukoll l-għan tagħha li tipproteġi l-ambjent, imfakkar fil-punt preċedenti, jeżiġu li individwi, jew skont il-każ, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent ikkostitwita kif xieraq, jistgħu jinvokaw dan quddiem qorti u li l-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu din id-direttiva inkunsiderazzjoni bħala punt ta’ liġi tal-Unjoni sabiex, fost oħrajn, jistħarrġu jekk l-awtorità nazzjonali li tkun ħarġet awtorizzazzjoni relattiva għal proġett li jista’ jaffettwa l-istat tal-ilma osservatx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dak tal-prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-korpi tal-ilma u għaldaqstant żammetx mal-limit tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti minn din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37, u tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 44).

35      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-obbligu tal-qrati tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri, barra minn hekk, li jistabbilixxu rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari d-dritt għal azzjoni legali ta’ organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent bħal Protect kontra deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jistgħu jmorru kontra l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma impost mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, huwa paċifiku li d-deċiżjoni li tagħti l-awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma taqax taħt l-Artikolu 6(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni u, għaldaqstant, sa dan il-punt, taħt l-Artikolu 9(2) tal-imsemmija konvenzjoni.

37      Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-kawża prinċipali, Protect tistax, skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tibbaża dritt għal azzjoni legali fuq l-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni minħabba li, f’dak il-każ, fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti, awtorità nazzjonali eżaminat, abbażi ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq sit protett taħt id-Direttiva 92/43, jekk dan il-proġett setax ikun ta’ ħsara għall-integrità ta’ dan is-sit, fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

38      Fil-fatt, deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, dwar, b’mod partikolari, in-natura xierqa tal-konklużjonijiet misluta minn evalwazzjoni ambjentali tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett fir-rigward tar-riskji ta’ dan il-proġett jew ta’ dan il-pjan għall-integrità ta’ tali sit, u indipendentement minn jekk humiex awtonomi jew integrati f’deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni, huma msemmija fl-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u għaldaqstant jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni sa fejn dawn id-deċiżjonijiet jinvolvu li l-imsemmija awtoritajiet jevalwaw, qabel ma jawtorizzaw attività, jekk fiċ-ċirkustanzi tal-każ, din jistax ikollha effett importanti fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punti 56 u 57).

39      Organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, bħal Protect, li tissodisfa r-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku kkonċernat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tkun tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors imsemmi fl-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni, ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jimplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, fosthom ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43, kif ukoll ir-regoli tad-dritt ambjentali tal-Unjoni li għandhom effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punti 59 u 60).

40      Madankollu, f’dan il-każ jidher, b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li għalkemm matul il-proċedura għal awtorizzazzjoni Protect qajmet oġġezzjonijiet ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, hija għandha l-intenzjoni tikkontesta d-deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni riżultat ta’ din il-proċedura għas-sempliċi raġuni li din tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ilma intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2000/60 u ma mminatx id-deċiżjoni preċedenti meħuda skont l-imsemmi Artikolu 6(3).

41      Issa, peress li permezz ta’ din id-deċiżjoni preċedenti, l-awtorità nazzjonali kompetenti ddeċidiet abbażi ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq sit protett taħt id-Direttiva 92/43 li dan il-proġett ma huwiex ta’ ħsara għall-integrità ta’ dan is-sit, fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, jista’ wkoll isegwi minn dan li l-imsemmi proġett ma jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus b’tali mod li d-deċiżjoni sussegwenti meħuda fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma la taqa’ taħt l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni u lanqas, għaldaqstant, taħt l-Artikolu 9(2) tal-imsemmija konvenzjoni.

42      Madankollu, dan ikun biss il-każ jekk il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiżgura ruħha li fil-fatt huwa eskluż li l-proġett inkwistjoni jista’ jkollu effett negattiv sinjifikattiv fuq l-istat tal-ilma li huwa s-suġġett tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43      Huwa biss fil-każ li, wara din il-verifika, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li tali effett negattiv sinjifikattiv huwa eskluż, li jsegwi li l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent bħal Protect għandhiex dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal proġett li jista’ jmur kontra l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-ilma impost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

44      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, meta Stat Membru jistabbilixxi regoli tad-dritt proċedurali applikabbli għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li jirrigwardaw l-eżerċizzju ta’ drittijiet li organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent tislet mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, sabiex deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġu mistħarrġa fid-dawl tal-obbligi tagħhom taħt dan l-artikolu, dan l-Istat Membru jimplementa obbligu li jirriżulta mill-imsemmi artikolu u għandu għaldaqstant jitqies bħala li jimplementa d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’tali mod li l-Karta hija applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 52).

45      Huwa minnu li huma biss “membri tal-pubbliku” li “jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali” li għandhom id-drittijiet previsti fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’tali mod li din id-dispożizzjoni, bħala tali, ma għandhiex effett dirett fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dipożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dispożizzjonijiet tad-dritt tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punti 45 u 51).

46      Issa, hekk kif essenzjalment irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 u 90 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiġi mċaħħad minn kwalunkwe effett utli, anki saħansitra mis-sustanza tiegħu stess, jekk kellu jiġi aċċettat li, permezz tal-impożizzjoni ta’ tali kriterji, ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku” a fortiori “membri tal-pubbliku kkonċernat” bħall-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jiġu miċħuda minn kull dritt għal azzjoni legali.

47      L-impożizzjoni tal-imsemmija kriterji ma jistgħux iċaħħdu partikolarment lill-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent mill-possibbiltà li jistħarrġu l-osservanza tar-regoli li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent, peress ukoll li tali regoli ġeneralment jiffavorixxu l-interess ġenerali u mhux is-sempliċi protezzjoni tal-interessi tal-individwi meħuda individwalment u li l-imsemmija organizzazzjonijiet għandhom il-missjoni li jiddefendu l-interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 46).

48      Fil-fatt, il-kelmiet “kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali” li jinsabu fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għalkemm jimplikaw li l-Istati kontraenti jżommu setgħa diskrezzjonali fl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistgħux jippermettu li dawn jimponu kriterji li huma tant stretti li jkun effettivament impossibbli għall-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jikkontestaw atti jew ommissjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

49      F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda “kriterji, jekk ikun hemm” previsti mid-dritt Awstrijak, il-qorti tar-rinviju targumenta li r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ parti fil-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri proċedura taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma, lill-organizzazzjonjiet għall-protezzjoni tal-ambjent li ma għandhomx drittijiet pubbliċi suġġettivi, ma jistax ikun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-WRG u, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 102(1)(a) u (b) ta’ din il-liġi.

50      Barra minn hekk, din il-qorti tispjega li, skont id-dritt Awstrijak, huma biss il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkollhom il-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva li jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti sabiex jinvokaw ksur tad-drittijiet tagħhom.

51      Minn dawn il-punti ta’ liġi tad-dritt nazzjonali jidher li jirriżulta li, jekk ma tiġix irrikonoxxuta lilha l-kwalità ta’ parti fil-proċedura fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, minkejja li tkun tissodisfa r-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku kkonċernat”, ma tistax, skont id-dritt Awstrijak, tippreżenta rikors quddiem qorti nazzjonali sabiex tikkontesta deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal proġett li jista’ jmur kontra l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma kif impost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

52      Billi b’hekk jiċħad lill-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent kull dritt għal azzjoni legali kontra tali deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni, id-dritt proċedurali nazzjonali kkonċernat jmur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-qari tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

53      F’dan il-każ, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma huwiex eskluż a priori li din il-kwalità ta’ parti fil-proċedura tista’ xorta waħda tiġi rrikonoxxuta lil organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, bħal Protect, abbażi ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjoni ġenerali li tinsab fl-Artikolu 8 tal-AVG.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dritt proċedurali li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi eżerċitat rimedju kemm skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll skont l-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni sabiex tippermetti lil organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, bħal Protect, tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni adottata wara proċedura amministrattiva li tista’ tmur kontra d-dritt tal-Unjoni tal-ambjent (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 52).

55      Madankollu, jekk tali interpretazzjoni konformi kellha tirriżulta impossibbli, ikun imbagħad l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li ma tapplikax, fil-kawża li biha tkun adita, ir-regola tad-dritt proċedurali nazzjonali li teżiġi li l-organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent inkwistjoni jkollha l-kwalità ta’ parti fil-proċedura sabiex tkun tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal proġett li jista’ jmur kontra l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma kif impost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

56      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tapplika, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq l-inizjattiva tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir tagħha minn qabel permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punti 21 u 24, u tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fil-fatt, kull dispożizzjoni ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha bħala effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni peress li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika dan id-dritt tiġi mċaħħda mis-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex jiġu esklużi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment ikunu ta’ ostakolu għall-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni, tkun inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 22, u tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent ikkostitwita kif xieraq u li topera skont ir-rekwiżiti previsti mid-dritt nazzjonali għandha tkun tista’ tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal proġett li jista’ jmur kontra l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma kif impost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

 Fuq it-tieni domanda

59      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tkunx irrispettata meta Stat Membru jipprevedi dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni amministrattiva kkonċernata jekk dan ir-rispett jeżiġi, barra minn hekk, li d-drittijiet misluta mid-Direttiva 2000/60 jkunu jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

60      Mir-risposta mogħtija lill-ewwel domanda jirriżulta li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, bħal Protect, għandha tkun tista’ tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal proġett li jista’ jmur kontra l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma kif impost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

61      Madankollu, id-domanda dwar jekk Protect tislitx ukoll mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus dritt għal parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni sabiex tkun tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ksur potenzjali tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, hija domanda distinta li għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni biss, dispożizzjoni li, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, tagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 45).

62      Fil-fatt, il-parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali f’materji ambjentali hija distinta u għandha għan ieħor milli rimedju ġudizzjarju, billi dan tal-aħħar jista’, skont il-każ, jiġi eżerċitat kontra d-deċiżjoni adottata wara dan il-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C‑263/08, EU:C:2009:631, punt 38).

63      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 6(3)(4) u (7) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dan jagħti lill-pubbliku, b’mod partikolari, id-dritt li jipparteċipa “effettivament fix-xogħlijiet involuti fil-proċess deċiżjonali kollu fil-qasam ambjentali”, billi jissottometti “bil-miktub, jew, kif xieraq, f’seduta jew f’investigazzjoni pubblika fil-preżenza tal-applikant, l-osservazzjonijiet, informazzjoni, analiżi jew opinjonijiet kollha li huwa jidhirlu xieraq fir-rigward l-attività proposta”. Din il-parteċipazzjoni għandha tibda “fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza effettiva”.

64      Madankollu, skont l-Artikolu 6(1)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, id-drittijiet għal parteċipazzjoni li jagħti dan l-artikolu japplika biss fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar attivitajiet proposti li jew huma elenkati fl-Anness I ta’ din il-konvenzjoni jew la ma humiex iżda jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent.

65      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 36 tal-kawża preżenti, huwa paċifiku li l-attività li hija s-suġġett tad-deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex elenkata fl-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

66      Konsegwentement, huwa biss jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata, fil-kuntest tal-eżami li għandha twettaq konformement ma’ dak li ntqal diġà fil-punti 41 sa 43 tas-sentenza preżenti, li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’mod partikolari fuq l-istat tal-ilma li huwa s-suġġett tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li Protect tislet mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dritt tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva għal awtorizzazzjoni sabiex tkun tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ksur potenzjali tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

67      Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li huwa eskluż li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq l-istat tal-ilma kkonċernat, minn dan isegwi li Protect ikollha biss dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

68      Għalkemm l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus bħala tali ma jeżiġix li Stat Membru jagħti dritt għal parteċipazzjoni, fi kwalità ta’ parti fil-proċedura, fi proċedura amministrattiva għal awtorizzazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ma jkunx il-każ jekk, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-kisba ta’ din il-kwalità hija kundizzjoni li għandha neċessarjament tiġi ssodisfatta sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat rikors intiż jikkontesta d-deċiżjoni adottata wara din il-proċedura.

69      Fil-fatt, jekk id-dritt nazzjonali jistabbilixxi tali rabta bejn il-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju, l-imsemmija kwalità ma tistax tiġi rrifjutata mingħajr ma d-dritt għal azzjoni legali jiġi mċaħħad minn kull effett utli, jew saħansitra mis-sustanza tiegħu stess, u dan imur kontra l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

70      Issa, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Awstrijak jistabbilixxi tali rabta.

71      F’dan il-kuntest, hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Konsultazzjoni u Informazzjoni pubblika”, inkwantu huwa jipprevedi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri “jridu jinkoraġġixxu l-involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, partikolarment fil-produzzjoni, reviżjoni u aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.”

72      Proċedura għal awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari li jista’ jikkawża deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp ta’ ilma għandha tiġi kklassifikata baħal “implementazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 32).

73      Barra minn hekk, mill-kelma “partikolarment” li tinsab ukoll fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati kollha ma hijiex limitata għall-produzzjoni, ir-reviżjoni jew l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.

74      Min-naħa l-oħra, il-kelma “jinkoraġġixxu” li tinsab l-imsemmi Artikolu 14(1) tikkostitwixxi formulazzjoni ta’ natura pjuttost programmatika, b’tali mod li n-natura vinkolanti ta’ din id-dispożizzjoni hija limitata. Dan huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-fatt li, għalkemm id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu 14 jinkludu, min-naħa tagħhom, obbligi reali, dawn jikkonċernaw speċifikament il-proċedura relatata mal-produzzjoni, ir-reviżjoni jew l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.

75      Xorta jibqa’ l-fatt li, meta japplika d-Direttiva 2000/60, Stat Membru għandu josserva s-sustanza tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva li jikkonsisti fl-obbligu li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati kollha fl-implementazzjoni tal-imsemmija direttiva.

76      Issa, hekk kif diġà ntqal fil-punti 49 sa 51 tas-sentenza preżenti, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżuta li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, bħal Protect, anki jekk hija tissodisfa r-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku kkonċernat”, ma tistax, fil-prinċipju, tikseb il-kwalità ta’ parti fil-proċedura fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mwettqa skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma.

77      Barra minn hekk, għalkemm huwa paċifiku li sa ċertu punt Protect setgħet tipparteċipa fil-proċedura għal awtorizzazzjoni fil-kwalità tagħha ta’ “persuna interessata”, fis-sens tal-Artikolu 102(2) tal-WRG, li ppermettilha, b’mod partikolari, issostni argumenti intiżi sabiex juru li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa tali li jaffettwa l-integrità ta’ sit protett, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, din il-kwalità ma hijiex ekwivalenti għal dik ta’ parti fil-proċedura.

78      F’dan ir-rigward, mid-dokumenti fil-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwalità ta’ parti fil-proċedura, li kieku din ingħatat lil Protect, kienet tippermettilha tipparteċipa b’mod attiv fil-proċess deċiżjonali billi tiżviluppa iktar u b’mod iktar rilevanti l-argument tagħha dwar ir-riskji tal-proġett ippjanat għall-ambjent, b’mod partikolari dawk relatati mal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-istat tal-ilma, u billi tippreżenta dawn l-argumenti bħala oġġezzjonijiet li kien ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti qabel l-awtorizzazzjoni u t-twettiq tal-imsemmi proġett.

79      Tali parteċipazzjoni attiva ta’ Protect bħala organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent ikkostitwita kif xieraq u li topera skont ir-rekwiżiti previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli kienet iktar importanti peress li tali organizzazzjonijiet biss jiffavorixxu l-interess ġenerali u mhux is-sempliċi protezzjoni tal-interessi tal-individwi meħuda individwalment.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dritt proċedurali kkonċernat, b’mod partikolari d-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 8 tal-AVG, f’sens li huwa konformi mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/60, sabiex tippermetti lil organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent bħal Protect tipparteċipa, bil-kwalità ta’ parti fil-proċedura, fi proċedura amministrattiva għal awtorizzazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali intiża sabiex timplementa din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 52).

81      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/60 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dritt proċedurali nazzjonali li jeskludi, f’sitwazzjoni bħal dik inwistjoni fil-kawża prinċipali, l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent mid-dritt li jipparteċipaw, bħala parti fil-proċedura, f’proċedura għal awtorizzazzjoni intiża sabiex timplementa d-Direttiva 2000/60 u li tillimita d-dritt għal azzjoni legali sabiex jiġu kkontestati deċiżjonijiet li rriżultaw minn tali proċedura għal persuni li għandhom din il-kwalità biss.

 Fuq it-tielet domanda

82      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-impożizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, fuq organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ta’ regola tad-dritt proċedurali nazzjonali ta’ dekadenza, li permezz tagħha persuna titlef il-kwalità tagħha ta’ parti fil-proċedura u għaldaqstant ma tkunx tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tirriżulta minn din il-proċedura jekk hija ma tkunx ressqet l-oġġezzjonijiet tagħha fi żmien xieraq sa mill-proċedura amministrattiva u, l-iktar tard, waqt il-fażi orali ta’ din il-proċedura.

83      Preliminarjament għandu jitfakkar li, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punti 49 sa 51 u 76 tas-sentenza preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent bħal Protect ma tistax, fil-prinċipju, tikseb il-kwalità ta’ parti fil-proċedura sabiex tipparteċipa f’proċedura amministrattiva għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jista’ jmur kontra l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma impost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

84      Peress li għaldaqstant jidher li huwa a priori eskluż, f’dan il-każ, li Protect setgħet effettivament tikseb il-kwalità ta’ parti fl-imsemmija proċedura amministrattiva għal awtorizzazzjoni, ma huwiex ċar kif din setgħet titlef din il-kwalità skont l-Artikolu 42 tal-AVG, hekk kif il-qorti tar-rinviju tieħu bħala punt ta’ tluq fil-kuntest tat-tielet domanda tagħha, u speċjalment peress li l-Artikolu 102(2) tal-WRG jipprevedi li persuna li għandha l-kwalità ta’ parti fil-proċedura biss għandha d-dritt li tressaq oġġezzjonijiet fil-kuntest ta’ tali proċedura amministrattiva.

85      Fid-dawl ta’ dan, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda sa fejn jirriżulta espressament mid-deċiżjoni tar-rinviju li, f’dan il-każ, ir-rikors ta’ Protect ġie miċħud mill-qorti tal-ewwel istanza preċiżament minħabba li hija tilfet il-kwalità ta’ parti fil-proċedura b’applikazzjoni tar-regola dwar id-dekadenza prevista fl-Artikolu 42 tal-AVG, li minnu jirriżulta li din il-kwistjoni ma hijiex waħda manifestament ipotetika fis-sens ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka, C‑218/16, EU:C:2017:755, punti 30 u 31).

86      Dwar il-mertu tat-tielet domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi espressament li r-rimedji msemmija minn din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu suġġetti għal “kriterji”, minn fejn jirriżulta li, fil-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li huma għandhom f’dan ir-rigward, jistabbilixxu regoli ta’ dritt proċedurali relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex jiġu eżerċitati dawn ir-rimedji.

87      F’dan il-kuntest, għandu madankollu jitfakkar li, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet legali intiżi sabiex jissalvagwardjaw drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi riaffermazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, fost oħrajn, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Issa, bħala prinċipju, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jipprekludix regola ta’ dekadenza bħal dik prevista fl-Artikolu 42 tal-AVG, li timponi l-obbligu ta’ eżerċizzju effettiv, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, tad-dritt, li tagħti l-kwalità ta’ parti fil-proċedura, li jitressqu oġġezzjonijiet dwar l-osservanza ta’ regoli rilevanti tad-dritt ambjentali, peress li tali regola tista’ tippermetti li jiġu identifikati b’mod iktar rapidu l-punti kontenzjużi u, jekk ikun il-każ, li dawn jiġu solvuti matul il-proċedura amministrattiva b’tali mod li azzjoni ġudizzjarja ma tkunx iktar neċessarja.

89      Għaldaqstant, tali regola ta’ dekadenza tista’ tikkontribwixxi għall-għan tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, espress fit-tmintax-il premessa ta’ din il-konvenzjoni, li jiġu previsti mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi u jidher ukoll f’konformità mal-Artikolu 9(4) tal-imsemmija konvenzjoni, li jeżiġi li l-proċeduri msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 9(3) tagħha, joffru rimedji “suffiċjenti u effettivi” u li dawn ikunu “ekwi”.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija regola ta’ dekadenza tista’, minkejja l-fatt li tikkostitwixxi, bħala prerekwiżit sabiex titressaq azzjoni ġudizzjarja, limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tkun iġġustifikata, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sa fejn hija prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt, tkun neċessarja, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u tirrispondi b’mod effettiv għal objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 61 sa 71).

91      Sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, huwa meħtieġ li l-modalitajiet konkreti tal-eżerċizzju tar-rimedji amministrattivi disponibbli fid-dritt Awstrijak ma jaffettwawx b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti msemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 72).

92      F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-impożizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tar-regola ta’ dekadenza kkonċernata fuq organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent bħal Protect hijiex ta’ natura li tillimita b’mod eċċessiv id-dritt għal azzjoni ġudizzjarja li huwa intiż li jiġi ggarantit mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

93      Għalkemm finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tirrispondi din id-domanda fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi nazzjonali rilevanti, jidher, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dokumenti kollha fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja u b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li din għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

94      F’dan ir-rigward, huwa diffiċli li Protect tiġi kkritikata li ma waqqfitx l-applikazzjoni tar-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 42 tal-AVG billi teżerċita, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, id-dritt li tagħtiha l-kwalità ta’ parti fil-proċedura li tissottometti oġġezzjonijiet ibbażati fuq ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma intiża sabiex tittrasponi fid-dritt nazzjonali d-Direttiva 2000/60.

95      Fil-fatt, din l-organizzazzjoni talbet lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jirrikonoxxulha l-kwalità ta’ parti fil-proċedura iżda din ġiet irrifjutata minħabba r-raġuni essenzjali li l-Artikolu 102(1) tal-WRG ma għandux bażi legali f’dan is-sens. Konsegwentement, l-imsemmija organizzazzjoni kellha tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva fil-kwalità ta’ “persuna interessata” fis-sens tal-Artikolu 102(2) tal-WRG li, skont l-Artikolu 102(3) tal-WRG, ma jagħtihiex id-dritt li tissottometti oġġezzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet qabel ma jieħdu deċiżjoni dwar it-talba għal awtorizzazzjoni.

96      Għaldaqstant, fid-dawl tad-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, jidher li l-kritika li ma ssottomettietx oġġezzjonijiet fi żmien xieraq sabiex tevita l-applikazzjoni tar-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 42 tal-AVG hija ekwivalenti għal li jiġi mitlub li dawn l-organizzazzjonijiet jissodisfaw obbligu li dawn ma jistgħux a priori jissodisfaw. Impossibilium nulla obligatio est.

97      Barra minn hekk, minkejja li, hekk kif isostni l-Gvern Awstrijak, l-obbligu previst fl-Artikolu 42 tal-AVG huwa ta’ natura pjuttost formali, fis-sens li jkun suffiċjenti, sabiex jiġi evitat li din ir-regola ta’ dekadenza tapplika, li jiġu sottomessi oġġezzjonijiet li sempliċement isostnu, b’mod ġenerali, li l-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni tmur kontra dispożizzjoni tal-WRG, fejn il-motivazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ tingħata fi stadju sussegwenti, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kawża prinċipali, l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent setgħu raġonevolment jiddeduċu mir-regoli proċedurali applikabbli li huma kellhom l-ewwel jiksbu l-kwalità ta’ parti fil-proċedura sabiex imbagħad ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jissottomettu oġġezzjonijet, dritt li huwa mogħti minn din il-kwalità.

98      B’riżerva ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher għaldaqstant li l-impożizzjoni fuq Protect, f’sitwazzjoni li hija kemxejn ekwivoka maħluqa mid-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, tar-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 42 tal-AVG, li wasslitha sabiex titlef kemm il-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva għall-awtorizzazzjoni inkwistjoni kif ukoll id-dritt tagħha li tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni adottata wara din il-proċedura, hija ta’ natura li tillimita b’mod eċċessiv id-dritt għal azzjoni ġudizzjarja li huwa intiż li jiġi ggarantit mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

99      Sa dan il-punt, l-impożizzjoni ta’ din ir-regola, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt għal azzjoni effettiv quddiem qorti, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, li ma hijiex iġġustifikata, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

100    Konsegwentement, b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju tal-fatti u tar-regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti, din għandha l-obbligu, konformement mal-prinċipji mfakkar fil-punti 55 u 56 tas-sentenza preżenti, li fil-kawża li biha hija adita ma tapplikax ir-regola ta’ dekadenza li jipprevedi d-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli.

101    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi nazzjonali rilevanti, l-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-impożizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent ta’ regola tad-dritt proċedurali nazzjonali ta’ dekadenza, li permezz tagħha persuna titlef il-kwalità ta’ parti fil-proċedura u għaldaqstant ma tistax tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tirriżulta wara din il-proċedura jekk hija tkun naqset milli tissottometti l-oġġezzjonijiet tagħha fi żmien xieraq sa mill-proċedura amministrattiva u, sa mhux iktar tard minn matul il-fażi orali ta’ din il-proċedura.

 Fuq l-ispejjeż

102    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għat-tagħrif, il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess deċiżjonali u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent ikkostitwita kif xieraq u li topera skont ir-rekwiżiti previsti mid-dritt nazzjonali għandha tkun tista’ tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal proġett li jista’ jmur kontra l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma kif impost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma.

2)      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni approvata bid-Deċiżjoni 2005/370 u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/60 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dritt proċedurali nazzjonali li jeskludi, f’sitwazzjoni bħal dik inwistjoni fil-kawża prinċipali, l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent mid-dritt li jipparteċipaw, bħala parti fil-proċedura, f’proċedura għal awtorizzazzjoni intiża sabiex timplementa d-Direttiva 2000/60 u li tillimita d-dritt għal azzjoni legali sabiex jiġu kkontestati deċiżjonijiet li rriżultaw minn tali proċedura għal persuni li għandhom din il-kwalità biss.

3)      B’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi nazzjonali rilevanti, l-Artikolu 9(3) u (4) tal-imsemmija konvenzjoni approvata bid-Deċiżjoni 2005/370, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-impożizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent ta’ regola tad-dritt proċedurali nazzjonali ta’ dekadenza, li permezz tagħha persuna titlef il-kwalità ta’ parti fil-proċedura u għaldaqstant ma tkunx tista tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tirriżulta wara din il-proċedura jekk hija tkun naqset milli tissottometti l-oġġezzjonijiet tagħha fi żmien xieraq sa mill-proċedura amministrattiva u, sa mhux iktar tard minn matul il-fażi orali ta’ din il-proċedura.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.