Language of document : ECLI:EU:T:2023:832

Kawża T106/17

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

JPMorgan Chase & Co. et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tal-20 ta’ Diċembru 2023

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tad-derivattivi tar-rati tal-interessi ddenominati f’euro – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza interbankarji tal-Euribor – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Ksur uniku u kontinwu – Proċedura ‘ibrida’ mifruxa fiż-żmien – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Imparzjalità – Multi – Ammont bażiku – Valur tal-bejgħ – Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni– Deċiżjoni emendatorja li tikkompleta l-motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni assoluta”

1.      Kompetizzjoni – Proċedura Amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Modalità ta’ prova – Użu ta’ sensiela ta’ indizji – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi stabbiliti barra mill-perijodu ta’ ksur – Ammissibbiltà

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 64-71)

2.      Akkordji – Akkordji bejn impriżi u prattiki miftiehma – Kunċett – Parteċipazzjoni f’netwerk ta’ kuntatti bilaterali b’għan antikompetittiv – Modi passivi ta’ parteċipazzjoni – Inklużjoni – Kundizzjoni – Assenza ta’ tbegħid – Kundizzjoni ssodisfatta

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 279-312)

3.      Akkordji – Prattika miftiehma – Kunċett – Koordinazzjoni u kooperazzjoni inkompatibbli mal-obbligu għal kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq – Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn negozjanti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji – Skambji dwar it-tentattivi ta’ manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza interbankarji tal-Euribor – Skambji fuq il-pożizzjonijiet ta’ negozjar u fuq l-istrateġiji fil-qasam tal-prezzijiet fis-settur tal-prodotti indiċjati fuq l-Euribor jew fuq l-EONIA – Assenza ta’ effetti favur il-kompetizzjoni pprovati, rilevanti, speċifiċi għall-ftehim ikkonċernat u suffiċjentement sinjifikattivi – Skambji bi grad suffiċjenti ta’ dannu biex jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni minħabba l-għan

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 325-337, 341-364, 377-438)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa

(Artikoli 101(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 338, 339, 368-375)

5.      Akkordji – Projbizzjoni – Ksur – Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu – Kundizzjonijiet – Prattiki u aġir li jikkostitwixxu ksur li jifformaw parti minn pjan ġenerali – Evalwazzjoni – Kriterji – Kontribut għall-uniku għan tal-ksur – Għarfien jew prevedibbiltà tal-pjan globali tal-akkordju u tal-elementi prinċipali tiegħu

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 441-450, 453-473, 477-501, 504-508)

6.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Proċerdura ta’ tranżazzjoni – Proċedura li ma tinvolvix lill-parteċipanti kollha f’akkordju – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tranżazzjoni u ta’ deċiżjoni wara proċedura ordinarja b’mod mifrux fiż-żmien – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tad-dmir ta’ imparzjalità u tal-preżunzjoni tal-innoċenza – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Portata

(Artikolu 101 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41 u 48; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artkoli 10a)

(ara l-punti 514-544)

7.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Obbligu għall-Kummissjoni li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni – Dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni magħmula matul il-proċedura amministrattiva – Dikjarazzjonijiet li jistgħu eventwalment jixhdu assenza ta’ imparzjalità suġġettiva – Assenza ta’ impatt fuq l-evalwazzjoni imparzjali mill-Kummissjoni tal-kawża

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 549-558)

8.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 101(1) u 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3) u 31)

(ara l-punti 567, 568, 698-728)

9.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Applikazzjoni tal-metodoloġija prevista mil-linji gwida – Valur ta’ sostituzzjoni stabbilit abbażi tad-dħul tal-flus imnaqqas bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis – Insuffiċjenza tal-motivazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 13 u 37)

(ara l-punti 583-595, 602-608, 612-621)

10.    Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Eżami ex officio mill-qorti

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 609-611)

11.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Regolarizzazzjoni ta’ żball fil-motivazzjoni fil-mori tal-kawża bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni emendatorja – Inammissibbiltà

(Artikoli 101(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 627-633)

12.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Applikazzjoni tal-metodoloġija prevista mil-linji gwida – Valur ta’ sostituzzjoni stabbilit abbażi tad-dħul tal-flus imnaqqas bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis – Kalkolu tad-dħul tal-flus tal-impriżi involuti fl-istess ksur skont metodi eteroġeni – Effett negliġibbli fuq il-valuri użati – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 636-671)

13.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Ċirkustanzi attenwanti – Inqas intensità tal-parteċipazzjoni fil-ksur meta mqabbla ma’ dik tal-atturi prinċipali – Tnaqqis ta’ 10 fil-mija tal-ammont bażiku – Ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

(ara l-punti 674-695)

Sunt

Fl-2011, il-grupp bankarju Barclays ressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea talba għal klemenza, fejn informaha bl-eżistenza ta’ kartell fis-settur tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati f’Euro (Euro Interest Rate Derivatives, iktar ‘il quddiem l-“EIRD”).

Dawn l-EIRD huma indiċjati fuq l-Euribor (Euro Interbank Offered Rate), sett ta’ rati ta’ interessi ta’ referenza intiżi biex jirriflettu l-ispiża tas-self interbankarju ddenominat f’Euro, jew fuq l-EONIA (Euro OverNight Index Average), li taqdi funzjoni ekwivalenti għall-Euribor, iżda fir-rigward tar-rati ta’ kuljum. Ir-rata Euribor hija bbażata fuq il-kwotazzjoni individwali indikata mill-banek li jappartjenu lil panel ikkostitwit minn 47 stabbiliment finanzjarju (iktar ‘il quddiem il-“panel Euribor”).

Wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ ksur mill-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji Barclays, Deutsche Bank, Royal Bank of Scotland u Société générale iddeċidew li jipparteċipaw fi proċeduri għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (1). Fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat, fl-4 ta’ Diċembru 2013, deċiżjoni (2) li tikkonstata li dawn l-istabbilimenti kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu li kellu bħala għan it-tibdil tal-kors normali ta’ ffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-EIRD.

Peress li l-istabbilimenti finanzjarji JPMorgan Chase & Co., JPMorgan Chase Bank, National Association u J. P. Morgan Services LLP (iktar ‘il quddiem, meħuda flimkien, “JP Morgan”), Crédit agricole u HSBC ma ssottomettewx proposta għal tranżazzjoni, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni tagħha fil-konfront tagħhom.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2016 (3), il-Kummissjoni kkonstatat li JP Morgan kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat, mis-27 ta’ Settembru 2006 sad-19 ta’ Marzu 2007, fi ksur uniku u kontinwu li kellu bħala għan it-tibdil tal-kors normali tal-iffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-EIRD u imponitilha multa ta’ EUR 337 196 000.

Skont il-Kummissjoni, l-aġir illegali ta’ JP Morgan kien jikkonsisti fi skambji bejn wieħed min-negozjanti tagħha u negozjanti ta’ żewġ stabbilimenti finanzjarji oħra li jappartjenu lill-bord Euribor li kienu jirrigwardaw, essenzjalment, il-manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet tal-banek tagħhom lill-imsemmi bord Euribor għall-finijiet tal-kalkolu tal-Euribor, il-pożizzjonijiet ta’ negozjar f’dak li jirrigwarda l-EIRD u l-intenzjonijiet u l-istrateġija tagħhom fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet tal-EIRD.

Quddiem il-Qorti Ġenerali, JP Morgan titlob, minn naħa, l-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta.

Wara l-preżentata tar-rikors, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ emenda (4) sabiex tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tas-sentenza HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni, mogħtija mill-Qorti Ġenerali f’kawża konnessa (5).

Permezz tas-sentenza tagħha, l-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tippreċiża l-kriterji li jippermettu li tiġi kkonstatata l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi prattiki antikompetittivi, b’mod partikolari permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni, fis-settur tal-prodotti finanzjarji. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din timponi multa fuq JP Morgan, minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Sussegwentement, hija teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u timponi fuq JP Morgan multa ffissata għall-istess ammont bħal dak stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Wara li kkonfermat il-materjalità tal-iskambji bejn in-negozjanti ta’ JP Morgan, ta’ Deutsche Bank u ta’ Barclays eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed minn dawn l-iskambji, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti ta’ JP Morgan li jgħidu li dawn ma kellhomx l-għan li jimmanipulaw l-Euribor jew l-EONIA. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tenfasizza b’mod partikolari li l-ksur allegat fil-konfront ta’ JP Morgan ma jikkonsistix fil-manipulazzjoni tal-Euribor bħala tali, iżda fil-parteċipazzjoni f’netwerk ta’ kuntatti bilaterali li għandhom bħala għan id-distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD marbuta mal-Euribor u/jew mal-EONIA.

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala ksur uniku adottata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li tliet elementi huma determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża pparteċipat f’tali ksur:

i)      id-diversi tipi ta’ aġir inkwistjoni għandhom jaqgħu taħt “pjan ġenerali” li għandu għan uniku.

ii)      l-impriża kellu jkollha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur maħsub jew implimentat minn impriżi oħrajn fit-tfittxija tal-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedih u tkun lesta li taċċetta dan ir-riskju u;

iii)      l-impriża kellu jkollha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir rispettiv tagħha għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha.

Fir-rigward tal-ewwel element, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ddefinixxiet l-għan uniku b’mod suffiċjentement preċiż bħala intiż biex jinfluwenza l-fluss tal-flus dovut skont il-kuntratti dwar l-EIRD għad-detriment tal-kontropartijiet għal dawn il-kuntratti. Issa, l-iskambji kollha li JP Morgan kienet akkużata bihom kienu jaqgħu taħt dan l-għan uniku.

Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija sostnuta minn elementi oħra mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-prattiki inkwistjoni kienu jikkonċernaw l-istess prodotti, jiġifieri l-EIRD, u kienu jieħdu l-forma ta’ skambji bilaterali relattivament regolari, li jikkoinċidu maż-żmien u li jintervjenu fi ħdan grupp stabbli ta’ persuni impjegati mill-banek ikkonċernati.

Fir-rigward tat-tieni element, JP Morgan ikkontestat biss b’mod konkret l-għarfien tagħha tal-aġir implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju dwar il-manipulazzjoni tal-iffissar tal-Euribor. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, madankollu, li l-provi, evalwati globalment bħala sensiela ta’ indizji, jippermettu li jintwera li n-negozjant ta’ JP Morgan seta’ raġonevolment jipprevedi li l-iskambji inkwistjoni li kien qiegħed jipparteċipa fihom kienu jifformaw parti minn ksur uniku li jinvolvi lil banek oħra li kellu l-għan li jbiddel il-flussi tal-flus dovuti skont l-EIRD permezz ta’ azzjonijiet miftiehma intiżi biex jimmanipulaw ir-rata Euribor, u li huwa kien lest li jaċċetta r-riskju.

Fir-rigward tat-tielet element, il-Qorti Ġenerali tirrileva li n-negozjant ta’ JP Morgan ipparteċipa, flimkien man-negozjanti tal-banek l-oħra, fil-prattiċi kollużivi u b’hekk kellu l-intenzjoni li jikkontribwixxi permezz tal-aġir tiegħu stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha.

Peress li b’hekk ikkonfermat il-konstatazzjoni tal-ksur allegat u l-klassifikazzjoni tiegħu bħala ksur uniku u kontinwu, u peress li ċaħdet it-talba għal annullament sa fejn kienet ikkonċernata din il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, tilqa’ t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar timponi multa fuq JP Morgan, minħabba li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din il-multa.

Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq JP Morgan, fuq id-dħul tal-flus imnaqqas bħala valur ta’ sostituzzjoni għall-valur tal-bejgħ, hija ma spjegatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għalfejn il-fattur ta’ tnaqqis applikat għal dan id-dħul ġie ffissat għal 98.849 %. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma wrietx li kien fil-prattika impossibbli għaliha li timmotiva suffiċjentement skont il-liġi d-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt, il-motivazzjoni addizzjonali mogħtija f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni li temenda, peress li din tal-aħħar ma tibdilx id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas ma tista’ tiġi aċċettata.

Fl-aħħar nett, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali teżamina l-konklużjonijiet ta’ JP Morgan għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha.

Billi enfasizzat li l-iffissar ta’ multa skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż, il-Qorti Ġenerali tuża, bħall-approċċ segwit mill-Kummissjoni, il-valur tad-dħul tal-flus imnaqqas bħala data inizjali għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, sa fejn dan il-valur jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv tal-impriża fil-ksur. Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis, li l-applikazzjoni tiegħu hija neċessarja sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ multa dissważiva wisq, il-Qorti Ġenerali tosserva li huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan il-fattur jammonta għal mill-inqas 98.849 %.

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, sa fejn l-aġir inkwistjoni kien jirrigwarda l-fatturi rilevanti għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-EIRD, dan huwa inkluż minħabba n-natura tiegħu fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Barra minn hekk, il-prattiki inkwistjoni huma partikolarment serji u dannużi sa fejn dawn jistgħu mhux biss joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti tal-EIRD, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, jikkompromettu l-fiduċja fis-sistema bankarja u fis-swieq finanzjarji kollha kemm huma kif ukoll il-kredibbiltà tagħhom.

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li JP Morgan ċertament kellha rwol inqas importanti fil-ksur mill-atturi prinċipali. Madankollu, l-iskambji li fihom ipparteċipat JP Morgan huma kkaratterizzati minn frekwenza u minn regolarità partikolari, u l-parteċipazzjoni tagħha fl-aġir li jikkostitwixxi ksur kienet intenzjonali. Barra minn hekk, l-aġir inkwistjoni huwa kkaratterizzat minn gravità ikbar. Konsegwentement, l-effett taċ-ċirkustanzi attenwanti kkunsidrati jista’ jkun biss marġinali.

Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk l-ammont tal-multa jiġi ffissat għal EUR 337 196 000.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn timponi multa fuq JP Morgan, tiffissa l-multa għall-istess ammont bħal dak impost mill-Kummissjoni, jiġifieri EUR 337 196 000, u tiċħad il-kumplament tar-rikors.


1      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol.3, p. 81) kif emendat.


2      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8512 finali tas‑7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro [(EIRD]) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ riżolviment”).


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8530 finali, tas-7 ta’ Diċembru 2016, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro [(EIRD]) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


4      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 4610 finali, tat-28 ta’ Ġunju 2021, li temenda d-deċiżjoni kkontestata.


5      Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (T‑105/17, EU:T:2019:675). Din is-sentenza ġiet parzjalment annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2023:11).