Language of document : ECLI:EU:T:2023:847

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

20 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax denominati f’EUR – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza interbankarji tal-Euribor – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Ksur uniku u kontinwu – Proċedura ‘ibrida’ mifruxa fuq perijodu ta’ żmien – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Imparzjalità – Multi – Ammont bażiku – Valur tal-bejgħ – Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Deċiżjoni li temenda li tikkompleta l-motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑113/17,

Crédit agricole SA, stabbilita f’Montrouge (Franza),

Crédit agricole Corporate and Investment Bank, stabbilit f’Montrouge,

irrappreżentati minn J.-P. Tran Thiet, M. Powell u J. Jourdan, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Farley u T. Baumé, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukata,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President tal-Awla, A. Kornezov, E. Buttigieg (Relatur), K. Kowalik-Bańczyk u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        id-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2019 u tat-30 ta’ Marzu 2021 li l-proċedura tiġi sospiża b’applikazzjoni tal-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

–        in-nota ta’ adattament ippreżentata mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2021 u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar din in-nota ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2021,

wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2022,

wara li rat is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2023:11), u l-osservazzjonijiet tal-partijiet li huma relatati magħha,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Crédit agricole SA u Crédit agricole Corporate and Investment Bank (iktar’ il quddiem “CACIB”) (iktar’ il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Crédit agricole”), jitolbu, minn naħa, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8530 finali tas-7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro (EIRD)) (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom f’din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, huma jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 4610 finali tat-28 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-deċiżjoni kkontestata (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni li temenda”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentenza li tgħid li din id-deċiżjoni tal-aħħar ma setgħetx tirrimedja n-nuqqas ta motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

C.      Il-fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors ineżami

21      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (T‑105/17, EU:T:2019:675), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Kummissjoni kienet imponiet multa fuq HSBC, minħabba li hija ma kinitx immotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet li għalihom il-fattur ta’ tnaqqis uniformi applikat għad-dħul tal-flus tal-impriżi kkonċernati għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom (iktar ’il quddiem il-“fattur ta’ tnaqqis”), kien ġie ffissat għal 98.849 % pjuttost milli f’livell eventwalment ogħla, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

22      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti u lil JP Morgan bl-intenzjoni tagħha li temenda d-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (T‑105/17, EU:T:2019:675). Permezz tal-istess ittra, kif ukoll permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2021, il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni u spjegazzjonijiet supplimentari lid-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata dwar ir-raġunijiet li wassluha tiffissa l-livell tal-fattur ta’ tnaqqis għal 98.849 %. Ir-rikorrenti ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dawn l-ittri fis-7 ta’ Mejju 2021.

23      Fit-28 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li temenda Hija qieset li, sa fejn il-fattur ta’ tnaqqis fid-deċiżjoni kkontestata kien identiku għad-destinatarji kollha tagħha, kien probabbli li l-Qorti Ġenerali tqis li r-raġunament li jinsab fis-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (T‑105/17, EU:T:2019:675), dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-determinazzjoni ta’ dan il-fattur ta’ tnaqqis, huwa trasponibbli għall-multi imposti fuq ir-rikorrenti u fuq id-destinatarju l-ieħor tagħha, u li għalhekk kien fl-interess tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li l-iżbalji identifikati mill-Qorti Ġenerali f’dik is-sentenza jiġu kkorreġuti u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi emendata fir-rigward tar-rikorrenti u tad-destinatarju l-ieħor tagħha billi l-motivazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis tiġi kkompletata.

24      Permezz ta’ sentenza tat-12 ta Jannar 2023, HSBC Holdings et vs l-Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2023:11), minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-24 ta Settembru 2019, HSBC Holdings et vs l-Kummissjoni (T‑105/17, EU:T:2019:675), sa fejn din tal-aħħar kienet ċaħdet it-talba prinċipali intiża għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u t-talba sussidjarja intiża għall-annullament tal-Artikolu 1(b) tagħha. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikors ippreżentat minn HSBC fil-Kawża T‑105/17, sa fejn dan kien jirrigwarda l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tal-Artikolu 1(b) tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan ir-rikors.

II.    It-talbiet tal-partijiet

25      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-Artikolu 1(a) kif ukoll l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas b’mod sinjifikattiv, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom mill-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        b’mod addizzjonali, tannulla d-deċiżjonijiet tal-uffiċjal tas-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2014, tal-4, tas-27 ta’ Marzu u tad-29 ta’ Lulju 2015 kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2016 u, konsegwentement, tannulla l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni li temenda jew, fin-nuqqas ta’ dan, tiddeċiedi li din ma setgħetx tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u tannulla l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata, kif emendata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

[omissis]

III. Id-dritt

[omissis]

A.      Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din l-aħħar talba hija bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba r-rifjut ta’ aċċess għall-fajl

[omissis]

1.      Fuq l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors u t-tielet parti tad-disa’ motiv tiegħu) 

[omissis]

b)      Fuq l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-qorti, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju

[omissis]

2)      Fuq ir-rifjut li tingħata risposta għad-domandi magħmula mir-rikorrenti waqt is-seduta

52      Fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u l-prinċipju ta’ kontradittorju meta rrifjutat li tirrispondi għal ċerti mistoqsijiet li huma kienu għamlulha waqt is-seduta.

[omissis]

57      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li s-smigħ imwettaq mill-uffiċjal tas-seduta, li jagħmel parti mill-garanziji abbażi tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva implimentata mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, huwa intiż li jagħti l-possibbiltà, b’mod partikolari lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jiżviluppaw il-perspettiva tagħhom dwar il-konstatazzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004 u mill-Artikolu 10(4) tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea 2011/695 tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU 2011, L 275, p. 29). Ċertament, skont kliem l-Artikolu 14(7) tar-Regolament Nru 773/2004 u l-Artikolu 12(3) tad-Deċiżjoni Nru 2011/695, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jawtorizza, b’mod partikolari lill-partijiet li lilhom tkun ġiet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jagħmlu mistoqsijiet waqt is-seduta. Madankollu, din hija possibbiltà, peress li l-għan prinċipali tas-seduta huwa li tingħata l-opportunità, b’mod partikolari lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom, kif irrileva, f’dan il-każ, l-uffiċjal tas-seduta matul is-seduta ta’ Crédit agricole.

58      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-mistoqsijiet inkwistjoni, magħmulin mir-rikorrenti lill-Kummissjoni, kienu jirrigwardaw, hekk kif huma osservaw, l-allegati kontradizzjonijiet fil-modalitajiet ta’ kalkolu tas-sanzjoni ippjanata.

59      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta tirreferi għall-fatt li l-prinċipju ta’ kontradittorju u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimponix fuqha l-obbligu li tipprovdi, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, preċiżazzjonijiet dwar il-mod li bih hija għandha l-intenzjoni timplimenta l-kriterji relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi.

60      Minn dan isegwi li, filwaqt li d-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jista’ jressaq, b’mod partikolari waqt is-seduta, l-argumenti kollha li huwa jqis rilevanti sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ċerti kontradizzjonijiet fit-tweġibiet tal-partijiet l-oħra għat-talbiet għal informazzjoni, li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni li din ser ikollha tieħu fir-rigward tiegħu, jew li jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tkompli l-investigazzjoni tagħha sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tiegħu, il-garanzija tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma timponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tirrispondi, fl-istadju tas-seduta, għal tali argumenti jew mistoqsijiet tal-partijiet.

[omissis]

d)      Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba r-rifjut ta’ aċċess għall-fajl (ir-raba’ parti tat-tieni motiv u t-tielet parti tad-disa’ motiv tar-rikors)

[omissis]

2)      Fuq it-talba għal aċċess għad-dokumenti relatati mal-valur tal-bejgħ

171    Għandu jiġi osservat li, wara t-talba ta’ Crédit agricole intiża għall-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni dwar il-valur tal-bejgħ li ġiet sottomessa lill-Kummissjoni mill-partijiet l-oħra u għal dik dwar il-metodi użati minnhom sabiex jipproduċuha, l-uffiċjal tas-seduta, fid-deċiżjoni tiegħu tat-2 ta’ Ottubru 2014, stabbilixxa sistema ta’ aċċess imħallat billi ta, lir-rikorrenti, aċċess dirett għal ċerta informazzjoni u, lill-konsulenti esterni tagħhom, il-possibbiltà li jikkonsultaw il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti kkonċernati skont il-proċedura ta’ sala ta’ informazzjoni (“data room”) (premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata). Sala ta’ informazzjoni oħra ġiet stabbilita wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni ta’ rettifika fir-rigward tas-Société générale, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni finanzjarja kkorreġuta ppreżentata minnha (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-uffiċjal tas-seduta, fid-deċiżjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Marzu 2015 u fl-intervent tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2015, kif imniżżla fid-deċiżjoni tiegħu tas-27 ta’ Marzu 2015, ta lir-rikorrenti aċċess dirett iktar estiż għal ċerta informazzjoni kkonċernata mit-talbiet tagħhom.

172    Fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tieni motiv u tat-tielet parti tad-disa’ motiv,  ir-rikorrenti jallegaw li, billi imponitilhom modalitajiet ta’ aċċess restrittivi permezz tas-sala ta’ informazzjoni għad-dokumenti inkwistjoni u billi rrifjutatilhom l-aċċess dirett għat-totalità ta’ din l-informazzjoni, li ma setgħetx iktar tiġi kklassifikata bħala sensittiva, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

173    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-ilment li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti jikkontestaw il-proċedura ta’ aċċess għall-fajl permezz tas-sala ta’ informazzjoni.

174    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet tan-negozju, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa, b’mod partikolari, ikkonkretizzat fl-Artikolu 339 TFUE, il-Kummissjoni hija obbligata li ma tiżvelax lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 773/2004 jirriżulta li dan ma jestendix għas-sigrieti tan-negozju u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra. Madankollu, f’ċerti ċirkustanzi, in-neċessità li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet jiġu protetti għandha tiġi rrikonċiljata mal-obbligu tal-Kummissjoni li tipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fil-fajl ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, li toriġina minn partijiet oħra, kif jirriżulta, essenzjalment, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 773/2004 (ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 24 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni).

175    Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, il-proċedura ta’ sala ta’ informazzjoni kienet tikkostitwixxi għodda xierqa sabiex jiġu rrikonċiljati l-interessi leġittimi li l-Kummissjoni kienet obbligata tipproteġi, jiġifieri, minn naħa, l-interessi ta’ kunfidenzjalità li setgħu jiġu invokati mill-banek li pprovdew informazzjoni li għaliha r-rikorrenti kienu talbu aċċess u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tad-difiża ta’ dawn tal-aħħar, kif osserva, essenzjalment, l-uffiċjal tas-seduta fid-deċiżjonijiet tiegħu tat-2 ta’ Ottubru 2014 u tas-16 ta’ Settembru 2016.

176    Madankollu, ir-rikorrenti ma jaqblux li l-informazzjoni inkwistjoni kien għad kellha tiġi koperta mill-kunfidenzjalità minħabba li kienet antika u minħabba n-natura limitata tagħha li ma tippermettix li tiġi identifikata l-eventwali informazzjoni kunfidenzjali, bħall-identità tal-klijenti. Huma jqisu għalhekk li din l-informazzjoni setgħet tiġi żvelata direttament lil Crédit agricole, fatt li, kuntrarjament għall-aċċess mogħti biss lill-konsulenti esterni fis-sala ta’ informazzjoni, kellu jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

177    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-ġurisprudenza li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti f’dan ir-rigward jirriżulta li informazzjoni li kienet sigrieta jew kunfidenzjali, iżda li għandha ħames snin jew iktar, għandha, minħabba l-mogħdija taż-żmien, titqies, bħala prinċipju, li hija storika u bħala li tkun tilfet, minħabba dan il-fatt, in-natura sigrieta jew kunfidenzjali tagħha, sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura ma turix li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C‑162/15 P, EU:C:2017:205, punt 64).

178    Fid-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2016, l-uffiċjal tas-seduta ħa inkunsiderazzjoni argument simili ta’ Crédit agricole imressaq matul il-proċedura amministrattiva. Huwa qies, essenzjalment, li, minħabba n-natura tagħha, l-informazzjoni inkwistjoni ma kinitx tilfet in-natura kunfidenzjali tagħha minkejja li kienet antika. Fil-fatt, skont l-uffiċjal tas-seduta, il-kumplessità, l-ispeċifiċità u l-volum ta’ din l-informazzjoni kienet tali li ma kinitx ekwivalenti għas-sempliċi dħul mill-bejgħ tal-banek ikkonċernati. Fid-dawl ta’ din in-natura tal-informazzjoni inkwistjoni, l-uffiċjal tas-seduta seta’ ġustament iqis li s-sempliċi mogħdija taż-żmien ma kinitx, fiha nnifisha, ta’ natura li tnaqqas b’mod suffiċjenti r-riskju ta preġudizzju serju għall-interessi leġittimi ta’ dawn il-banek jekk din l-informazzjoni tiġi żvelata direttament lill-ispeċjalisti fi ħdan Crédit agricole.

179    Barra minn hekk, għandu jitfakkar, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li dawn iressqu l-kummenti tagħhom fuq it-tul, il-gravità u n-natura antikompetittiv tal-fatti allegati, iżda min-naħa l-oħra ma jeħtiġux li din il-possibbiltà tkopri l-mod li bih il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tuża l-kriterji obbligatorji tal-gravità u tat-tul tal-ksur fid-dawl ta’ tali determinazzjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 428 u 439 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta l-interessi tal-partijiet l-oħra għall-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni li huma kienu ppreżentaw bl-għan li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li tikkonċernahom, bħal f’dan il-każ informazzjoni li tippermetti li jiġi kkalkolat il-valur tal-bejgħ, jiġu bbilanċjati mad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet l-oħra, hekk kif osserva, essenzjalment, l-uffiċjal tas-seduta fid-deċiżjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Marzu 2015 u tas-16 ta’ Settembru 2016.

180    Ir-rikorrenti ma jressqu ebda argument intiż sabiex juri li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħhom kellu, f’dan il-każ, jieħu l-preċedenza fuq l-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità li l-banek l-oħra jistgħu jinvokaw fir-rigward tal-informazzjoni inkwistjoni. Għalhekk huma ma wrewx li l-konklużjonijiet tal-uffiċjal tas-seduta fid-deċiżjonijiet tiegħu tat-2 ta’ Ottubru 2014, tal-4 u tas-27 ta’ Marzu 2015 u tas-16 ta’ Settembru 2016, imfakkra fil-punti 171, 178 u 179 iktar ’il fuq, kienu żbaljati.

[omissis]

2.      Fuq l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur imputabbli lir-rikorrenti (it-tielet, ir-raba’ u t-tmien motivi tar-rikors)

[omissis]

b)      Fuq it-tielet motiv tar-rikors, dwar il-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fl-aġiri relatati mal-manipulazzjonijiet tal-Euribor

[omissis]

2)      Fuq il-kontestazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fil-prattiki ta’ manipulazzjoni tar-rata Euribor

[omissis]

213    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-iskambji bejn l-operaturi tas-suq imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, kif miġbura fil-qosor fil-punti 203 sa 210 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni kellha elementi li jippermettulha tqis li l-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole kienu pparteċipaw fl-iskambji relatati mal-manipulazzjoni tar-rata Euribor.

214    Fil-fatt, l-ewwel nett, waqt id-diskussjoni tal-1 ta’ Marzu 2007, l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole ħa l-inizjattiva li jitlob lill-operatur tas-suq ta’ Barclays sottomissjoni mingħand il-bank tiegħu lill-Bord tal-Euribor fis-sens tal-interess tiegħu (“għandi interess li dan jogħla”), ħaġa li dan tal-aħħar aċċetta li jagħmel (“naqbel, ser ngħidilhom”).

215    It-tieni nett, waqt id-diskussjonijiet tas-16 ta’ Ottubru, tat-13 ta’ Novembru u tal-5 ta’ Diċembru 2006 u tas-16 u tad-19 ta’ Marzu 2007, l-operatur tas-suq ta’ Barclays talab lill-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole sabiex jitlob mingħand id-dipartiment tal-likwidità tal-bank tiegħu sottomissjoni speċifika, ħaġa li dan tal-aħħar aċċetta li jagħmel jew saħansitra rrapporta li għamel billi ppreċiża l-livell ta’ kontribuzzjoni ssuġġerit jew previst mid-dipartiment tal-likwidità (ara l-iskambji tas-16 ta’ Ottubru 2006 fis-7:33 (“ngħidilhom jipprovaw it-3.36”) u fis-7:46 (“ser jikkontribwixxu 3.36”), tat-13 ta’ Novembru 2006 (“ok ebda problema, ma għandix, ser nagħmel hekk”, imbagħad “għedtilhom jagħmlu sebgħa u tletin”), tas-16 ta’ Marzu 2007 fis-14:06 (“għedtilha li aħna interessati fl iktar baxx. Qaltli ok, ser nieħu nota”) u tad-19 ta’ Marzu 2007 fis-14:24 (“Iva għedtilhom machin, riedu jpoġġu 91, [...] qaluli ‘tajjeb humm ser naraw x’nistgħu nagħmlu’”)).

216    It-tielet nett, mill-iskambju tas-16 ta’ Novembru 2006 jirriżulta mingħajr ambigwità li l-operaturi tas-suq ta’ Barclays u ta’ Crédit agricole kkomunikaw lil xulxin il-preferenzi tagħhom fir-rigward tal-livell tal-fixing Euribor-3M ta’ dik il-ġurnata u tal-pożizzjonijiet ta’ operar assoċjati tagħhom. Tali komunikazzjoni saret bl-għan li jiġi vverifikat jekk l-interessi tagħhom kinux jikkonverġu bl-għan li jkomplu, jekk ikun il-każ, il-ftehim tagħhom intiż sabiex jinfluwenza s-sottomissjonijiet Euribor tal-banek rispettivi tagħhom fis-sens ta’ dawn l-interessi. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-operatur tas-suq ta’ Barclays esprima d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li l-interessi tiegħu u dawk tal-operatur ta’ Crédit agricole fir-rigward tal-livell ta’ fixing kienu opposti. Madankollu, huwa indika lill-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole li huwa kien ser “jivverifika” wara li saqsieh dwar il-livell tar-rata Euribor li kienet adatta għalih.

217    Ir-raba’ nett, matul il-konverżazzjoni telefonika tal-14 ta’ Frar 2007, l-operatur tas-suq ta’ Barclays għarraf lill-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole bl-elementi essenzjali tal-manipulazzjoni prevista fid-19 ta’ Marzu 2007. Barra minn hekk, mill-iskambju tas-16 ta’ Marzu 2007 jirriżulta li l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole kien lest li jibbenefika minn din il-manipulazzjoni billi kkonferma li l-interess tiegħu f’dak li kien jirrigwarda l-fixing tal-Euribor-3M ta’ dik il-ġurnata kien jikkoinċidi mal-interess li kellu l-operatur tas-suq ta’ Barclays (“lkoll għandna interess li jkun baxx”, “anki aħna għandna interess serju”) u billi kkonferma lil dan tal-aħħar, waqt l-iskambju tad-19 ta’ Marzu 2007, li bis-saħħa ta’ dan il-fixing huwa kien rebaħ ukoll ċerta somma ta’ flus (“irbaħt EUR 156 000 bis-saħħa ta’ dan”).

218    Il-ħames nett, wara l-iskadenzi tas-sottomissjonijiet, l-operaturi tas-suq irringrazzjaw lill-xulxin għall-implikazzjonijiet reċiproċi tagħhom fil-prattiki inkwistjoni u ferħu bis-suċċess tal-pjanijiet tagħhom (ara, b’mod partikolari, l-iskambju tad-19 ta’ Marzu 2007) billi segwew ir-riżultat jew l-effetti mistennija tal-azzjonijiet miftiehma tagħhom.

219    Il-parteċipazzjoni tal-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole fl-aġiri intiż għall-manipulazzjoni tar-rata Euribor ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

220    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li ma ntweriex li l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole kien effettivament ikkuntattja lid-dipartiment tal-likwidità tiegħu sabiex jagħti segwitu għall-wegħda li saret lill-interlokutur tiegħu u li huwa seta’ gideb meta huwa rrapporta li kien għamel dan. Il-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fl-aġiri intiżi għall-manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza ma hijiex stabbilita, fl-assenza ta’ prova tal-involviment effettiv, fl-imsemmija aġiri, tad-dipartiment tal-likwidità tagħhom.

221    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, l-aġiri antikompetittivi allegati fil-konfront ta’ Crédit agricole ma jikkonsistux fil-manipulazzjoni tal-Euribor bħala tali, iżda fi skambji ta’ informazzjoni bejn l-operaturi tas-suq li jirriflettu l-intenzjoni tagħhom li jinfluwenzaw is-sottomissjonijiet tal-banek tagħhom lill-Bord tal Euribor fis-sens tal-interessi rispettivi tagħhom. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 113(a) sa (f), mill-premessa 35(a) sa (f) u mill-premessa 392(a) sa (f) tad-deċiżjoni kkontestata, miġbura fil-qosor fil-punt 15 iktar ’il fuq, dawn l-iskambji kienu jirrigwardaw il-preferenzi għal livell tar-rata tal-Euribor, xi drabi flimkien mal-komunikazzjoni tal-pożizzjonijiet ta’ operar miżmuma, il-possibbiltà li l-pożizzjonijiet ta’ operar jiġu allinjati u s-sottomissjonijiet lill-Euribor, wegħda min-naħa tal-operatur tas-suq involut li jikkuntattja persuna responsabbli għas-sottomissjonijiet Euribor fi ħdan il-bank tiegħu sabiex jitlobha tippreżenta sottomissjoni f’ċerta direzzjoni jew f’livell speċifiku u rendikont tat-tweġiba ta’ din tal-aħħar.

222    Issa, l-iskambji bejn l-operaturi tas-suq jiżvelaw b’mod ċar il-komunikazzjoni tal-preferenzi ta’ rati, tal-pożizzjonijiet ta’ operar assoċjati u ta’ offerta jew ta’ intenzjoni tal-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole li jinfluwenzaw is-sottomissjoni tal-bank tagħhom.

223    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa li għandha għan antikompetittiv toħloq preżunzjoni tan-natura illegali ta’ din il-parteċipazzjoni, preżunzjoni li din l-impriża għandha tikkonfuta permezz tal-prova ta’ dissassoċjazzjoni pubbliku, li għandha tiġi pperċepita bħala tali mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 81 u 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta Mejju 2012, Comap vs Il-Kummissjoni, C‑290/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:271, punti 74 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-raġuni li fuqha huwa bbażat dan il-prinċipju legali hija li, jekk tkun ipparteċipat fl-imsemmija laqgħat mingħajr ma ddisassoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut tagħhom, l-impriża tkun tat lill-parteċipanti l-oħra x’jifhmu li hija kienet qiegħda taqbel mal-eżitu tal-laqgħat u li hija kienet ser tikkonforma ruħha miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 82 u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 48).

224    F’dan il-każ, mill-iskambji kkunsidrati mill-Kummissjoni, kif miġbura fil-qosor fil-punti 214 u 218 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole kien, f’okkażjoni minnhom, ta bidu għat-talba għal sottomissjoni lill-Bord tal-Euribor skont l-interess tiegħu u bl-għan ta’ manipulazzjoni ta’ din ir-rata u li, f’okkażjonijiet oħra, mhux talli ma ddisassoċjax ruħu pubblikament mit-talbiet tal-operatur tas-suq ta’ Barclays, iżda talli ta x’jifhem lil dan tal-aħħar li l-bank tiegħu kien ser jissottometti jew kien effettivament issottometta kontribuzzjoni lill-Bord tal-Euribor skont dak li kien ġie miftiehem u serraħlu moħħu li huwa kien tkellem lill-persuni responsabbli għas-sottomissjonijiet tal-bank tiegħu, fejn saħansitra taħ rendikont tal-kontenut preċiż ta’ dawn il-konverżazzjonijiet.

225    B’mod iktar partikolari, il-fatt li, waqt il-konverżazzjoni tal-14 ta’ Frar 2007, l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole wera ruħu xettiku dwar is-suċċess tal-pjan ta’ manipulazzjoni tad-19 ta’ Marzu 2007, ma jikkostitwixxix prova ta’ disassoċjazzjoni ċara mill-aġir li l-pjan tiegħu kien ġie spjegat lilu mill-operatur ta’ Barclays.

226    Il-premessi 125, 135 u 634 tad-deċiżjoni kkontestata, li fuqhom jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti, ma jikkontestawx dak li ġie espost iktar’ il fuq. Fil-fatt, fl-imsemmija premessi, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, li l-arranġamenti bejn l-operaturi tas-suq kienu ġew ikkompletati u implimentati permezz ta’ komunikazzjonijiet bejniethom u l-persuni responsabbli mis-sottomissjonijiet fi ħdan id-dipartimenti tal-likwidità tal-banek tagħhom u, “minn żmien għall-ieħor”, permezz ta’ kwotazzjoni effettivament sottomessa minn dawn tal-aħħar tar-rati Euribor ikkomunikati, ikkoordinati jew miftiehma. Għalhekk il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ involviment tad-dipartiment tal-likwidità ta’ Crédit agricole fil-prattiki intiżi li jinfluwenzaw ir-rata Euribor jistgħu, l-iktar l-iktar, juru assenza ta’ implimentazzjoni tal-aġir antikompetittiv mid-dipartiment tal-likwidità tal-bank, pjuttost milli assenza ta’ parteċipazzjoni tal-operaturi tas-suq fl-aġir imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1991, Atochem vs Il-Kummissjoni, T‑3/89, EU:T:1991:58, punt 100).

227    L-istess jgħodd fir-rigward tal-argument dwar il-fatt li l-kwotazzjonijiet effettivament sottomessi minn Crédit agricole fid-dati rilevanti kienu koerenti mal-kontribuzzjonijiet l-oħra tagħha u mas-suq u li dawn kienu saħansitra jmorru kontra l-interess tal-akkordju. Fil-fatt, fid-dawl tal-portata tad-deċiżjoni kkontestata u tal-aġiri li bihom hija akkużata Crédit agricole, li jirrigwarda l-“arranġamenti” bejn l-operaturi tas-suq sabiex jinfluwenzaw ir-rati ta’ referenza skont l-interessi tagħhom, iżda mhux manipulazzjoni effettiva tal-imsemmija rati bl-involviment tad-dipartimenti tal-likwidità, dawn l-argumenti huma ineffettivi għall-finijiet li tiġi kkontestata l-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fl-imsemmija aġiri kkunsidrat mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha.

228    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, diversi provi kkunsidrati mill-Kummissjoni jippermettu li jintwera li l-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole ippruvaw jinfluwenzaw il-livell ta’ kontribuzzjoni tad-dipartiment tal-likwidità tal-bank tagħhom jew minn tal-inqas ftaħru li għamlu dan. Fil-fatt, matul l-iskambji tas-16 ta’ Ottubru, tat-13 ta’ Novembru u tal-5 ta’ Diċembru 2006 u tas-16 u tad-19 ta’ Marzu 2007, l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole irrapporta lill-operatur tas-suq ta’ Barclays ir-risposta li kien kiseb wara li kien ikkuntattja lid-dipartiment tal-likwidità tiegħu (ara l-punt 215 iktar ’il fuq). Barra minn hekk mill-iskambji tas-27 ta’ Ottubru (premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata) u tal-5 ta’ Diċembru 2006 (premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2007 (premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta li l-operaturi tas-suq kienu jqisu lil-azzjonijiet miftiehma tagħhom intiżi għall-manipulazzjoni tal-fixing kienu ta’ suċċess u li kienu kuntenti b’dan. Dawn l-iskambji, moqrija fid-dawl tal-iskambju tas-16 ta’ Marzu 2007 bejn l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole u l-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet ta’ dan il-bank, li juri li l-operaturi tas-suq kellhom kuntatti mad-dipartiment tal-likwidità, li matulhom iddiskutew il-livell tal-fixings futuri tar-rati u tal-interessi li operaturi tas-suq seta’ jkollhom fir-rigward ta’ livell speċifiku tar-rati, huma ta’ natura li juru li l-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole aġixxew fuq id-diskussjonijiet mal-operatur tas-suq ta’ Barclays fir-rigward tal-livell mixtieq tar-rata Euribor billi stabbilixxew kuntatti mal-persuni responsabbli mis-sottomissjonijiet tal-bank tagħhom u b’dan il-mod implimentaw skambji kollużivi.

229    It-tieni nett, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li permezz tiegħu huma jsostnu, billi jibbażaw ruħhom fuq rapport ta’ perizja, rapport li l-kredibbiltà tiegħu hija kkontestata mill-Kummissjoni,  li, fid-dawl tal-pożizzjonijiet ta’ operar miżmuma minnhom, l-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole ma kellhom ebda interess konkret sabiex jipparteċipaw fil-manipulazzjonijiet inkwistjoni, b’mod partikolari f’dik tad-19 ta’ Marzu 2007. Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-parteċipazzjoni fil-prattiki intiżi sabiex jinfluwenzaw il-livell tar-rati ta’ referenza “ma kinux jagħmlu sens”, sakemm l-operaturi tas-suq ma kellhomx l-informazzjoni fi żmien utli sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan u sakemm ma kinux akkumulaw “pożizzjonijiet enormi ta’ operar”.

230    Madankollu, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti hijiex affidabbli, fir-rigward ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li huwa, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-każ tal-iskambji dwar il-manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk impriża kellhiex interess kummerċjali li tipparteċipa fihom meta jkun ġie pprovat li din l-impriża pparteċipat f’aġiri li jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punti 44 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

231    Iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti, anki jekk jitqiesu li huma stabbiliti, l-iktar l-iktar jistgħu juru li, peress li ma kellux pożizzjoni ta’ operar importanti, b’mod partikolari fid-data tad-19 ta’ Marzu 2007, l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole ma silitx benefiċċji sinjifikattivi mill-pjan li huwa pparteċipa fih u, għalhekk, li l-iskambji bejn l-operaturi tas-suq ma ġewx segwiti minn effetti antikompetittivi fis-suq. Din il-kwistjoni hija madankollu irrilevanti fir-rigward tal-aġiri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑199/92 P, EU:C:1999:356, punti 123 u 124). Għalhekk, tali argument jista’, jekk ikun il-każ, ikun rilevanti jekk ir-rikorrenti juru li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-aġiri inkwistjoni kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan, punt li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tar-raba’ motiv.

232    Sa fejn, billi qajmu tali argument, ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li jippreżentaw prova kuntrarja sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni li, billi pparteċipa fil-ftehim mal-operatur tas-suq ta’ Barclays u billi kien attiv fis-suq, l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole neċessarjament ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetitur tiegħu sabiex jiddetermina l-aġir tiegħu f’dan is-suq, f’dan il-każ l-istrateġija ta’ operar tiegħu, billi bbaża ruħu fuq il-manipulazzjoni futura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 121, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 162), għandu jiġi osservat li s-sempliċi allegazzjoni li l-operatur tas-suq ma kellux pożizzjoni sinjifikattiva fid-data ta’ manipulazzjoni prevista jew li l-bank tiegħu kellu pożizzjoni opposta għal dik tal-akkordju ma tikkostitwixxix tali prova kuntrarja suffiċjenti, sa fejn dawn l-elementi ma jeskludux fihom innifishom li jiġi preżunt li l-prattika miftiehma ppermettiet li l-operatur tas-suq jelimina l-inċertezzi fir-rigward tal-aġir tiegħu fis-suq, b’tali mod li l-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni seta’ kien ostakolat, ristrett jew distort (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, C‑449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punt 39).

233    It-tielet nett, il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija pparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tagħha. Dawn l-elementi, li jirrigwardaw in-numru u l-intensità tal-aġiri antikompetittivi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jew taċ-ċirkustanzi attenwanti u, jekk ikun il-każ, waqt id-determinazzjoni tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 197 u 199 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti intiżi li juru r-rwol minuri, mill-perspettiva kwalitattiva u kwantitattiva, li Crédit agricole kellha fil-manipulazzjonijiet inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li dawn kienu maħsuba, organizzati u implementati minn operatur tas-suq tal-bank A u operatur tas-suq tal-bank D, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi fil-kuntest tal-eżami tal-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fl-aġir inkwistjoni.

234    Bl-istess mod, ir-raba’ nett, il-fatt li Crédit agricole hija attur minuri fis-suq tal-EIRD, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jippermettix li tiġi kkontestata l-parteċipazzjoni tagħha fl-aġiri inkwistjoni, peress li hija attiva fl-imsemmi suq. Fil-fatt, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, l-iskambji ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar il-manipulazzjonijiet previsti tar-rati ta’ referenza ppermettew li l-parteċipanti f’dawn l-iskambji, indipendentement mill-pożizzjoni tal-bank tagħhom fis-suq, jadattaw l-istrateġija ta’ operar tagħhom billi jikkomponu l-portafolli tagħhom speċifikament b’mod li jieħdu vantaġġ mill-għarfien tagħhom tal-manipulazzjonijiet futuri u li jimmassimizzaw il-profitti tagħhom jew jimminimizzaw it-telf tagħhom.

235    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ‘il fuq, bla ħsara għall-eżami tar-raba’ motiv (ara l-punti 230 u 231 iktar ’il fuq) hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat.

[omissis]

3.      Fuq ilklassifikazzjoni bħala ksur uniku u kontinwu kkonstatat millKummissjoni (ilħames, issitt u sseba’ motivi)

[omissis]

b)      Fuq is-sitt motiv tar-rikors, li jikkontesta l-għarfien minn Crédit agricole tal-eżistenza ta’ “pjan ġenerali” u r-rieda tagħha li tipparteċipa fih

[omissis]

1)      Fuq l-għarfien minn Crédit agricole tal-eżistenza ta’ “pjan ġenerali”

[omissis]

i)      Fuq l-għarfien minn Crédit agricole tal-aġiri li jikkostitwixxu ksur ippjanati jew implimentat minn impriżi oħra li jikkonsistu f’tentattivi ta’ manipulazzjoni tal-Euribor

[omissis]

402    Għandu jiġi osservat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li din tal-aħħar għandha provi diretti li juru li Crédit agricole kienet taf li hija kienet qiegħda tipparteċipa fi ksur uniku flimkien ma’ banek oħra sa fejn l-operaturi tas-suq tagħha kienu jafu jew setgħu raġonevolment jipprevedu li l-iskambji msemmija fil-punt 401 iktar ’il fuq kienu jifformaw parti minn “pjan ġenerali” li jmur lil hinn mill-kuntest tal-iskambji bilaterali.

403    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta tagħmel riferiment, fil-premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-konverżazzjoni tas-16 ta’ Ottubru 2006 bħala li tiżvela li Crédit agricole kellha tali għarfien tal-eżistenza ta’ “pjan ġenerali” u tal-parteċipazzjoni ta’ banek oħra f’dan il-pjan.

404    Waqt din il-konverżazzjoni, l-operatur tas-suq ta’ Barclays staqsa lill-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole jitlob li d-dipartiment tal-likwidità tiegħu jagħmel sottomissjoni Euribor-1M għolja. Qabel ma laqa’ din it-talba, l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole staqsa x’vantaġġ jista’ jikseb minn dan, u t-tweġiba tal-operatur tas-suq ta’ Barclays kienet li seta’ jitloblu l-“fixing” skont il-pożizzjonijiet rispettivi tiegħu ta’ operar (“dak li trid, id-dritt li titlobni fixings meta trid u meta jkollok bżonn”). Iktar tard, l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole staqsa lil dak ta’ Barclays kif kien mar minkejja l-livell baxx tal-Euribor. Bi tweġiba għal dan, l-operatur tas-suq ta’ Barclays irringrazzjah għall-kooperazzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda s-sottomissjoni tal-bank tiegħu billi ddikjara li, bis-saħħa tas-sottomissjonijiet għoljin ta’ ċerti banek (“ħbieb”), huwa seta’ jikkontrobilanċja s-sottomissjonijiet baxxi tal-banek l-oħra (“li kieku ċerti ħbieb ma kinux hemm għalija [...] kelli minn tal-inqas erba’ bank kontriha f’din l-affari”).

405    Il-qari ta’ dawn il-konverżazzjonijiet juri, minn naħa, li l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole kien jaf li s-sottomissjoni għolja li huwa kien wiegħed li jitlob mingħand id-dipartiment tal-likwidità tiegħu kienet tagħmel parti minn “pjan ġenerali” intiż sabiex jimmanipula l-livell tal-Euribor-1M ta’ dik il-ġurnata billi dan jogħla permezz tas-sottomissjonijiet ikkoordinati ta’ diversi banek. Għalhekk huwa kkontribwixxa, permezz tal-aġir tiegħu, għar-realizzazzjoni ta’ dan il-pjan. Min-naħa l-oħra, billi indikalu li f’mumenti oħra seta’ jitolbu “fixings” skont l-interessi rispettivi tiegħu, l-operatur tas-suq ta’ Barclays ta x’jifhem lil dak ta’ Crédit agricole li dan ma kienx tentattiv ta’ manipulazzjoni tar-rata Euribor iżolata, iżda pjuttost prattika li tista’ tiġi ripetuta.

406    Bl-istess mod, it-tieni nett, il-Kummissjoni kienet ukoll iġġustifikata li tagħmel riferiment, fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-konverżazzjoni tal-14 ta’ Frar 2007 bħala li kienet ukoll tiżvela li Crédit agricole kellha għarfien kemm tal-eżistenza ta’ “pjan ġenerali” kif ukoll tal-parteċipazzjoni ta’ banek oħra.

407    Fil-fatt, minn naħa, minn din id-diskussjoni jirriżulta li l-operatur tas-suq ta’ Barclays żvela lil dak ta’ Crédit agricole l-elementi li jikkostitwixxu l-manipulazzjoni prevista għad-data IMM tad-19 ta’ Marzu 2007, billi talbu jżommha sigrieta, jiġifieri manipulazzjoni tal-ispread bejn żewġ prodotti dderivati, il-“futures” indiċjati fuq l-Euribor-3M u ta’ swaps ibbażati fuq l-EONIA fid-19 ta’ Marzu 2007 (“il-bażi ser tiġi ristretta”, “spread b’erbgħa” (jiġifieri li l-ispread bejn l-EONIA u l-Euribor-3M kienet ser tiġi ristretta għal erba’ punti bażi)]. Huwa kkondivida miegħu wkoll elementi oħra tal-pjan li jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess tiegħu, billi indikalu li kellu jkun hemm żieda progressiva tal-pożizzjonijiet “xerrejja” fuq il-“futures” indiċjati fuq l-Euribor-3M, filwaqt li kellu jkun hemm tnaqqis tas-suq tal-flus kontanti permezz ta’ azzjoni miftiehma (“inti tħallas l-EONIA u tixtri futures [...] fuq l-IMM; fil-ġurnata tal-IMM tnaqqsu l-cash [...]”), jiġifieri li jinħolqu pożizzjonijiet “bejjiegħa” fuq l-EONIA u pożizzjonijiet “xerrejja” fuq l-Euribor fid-dawl tal-iffissar tad-19 ta’ Marzu 2007 u li s-suq tal-flus kontanti jitniżżel fil-ġurnata tal-fixing). Min-naħa l-oħra, l-operatur tas-suq ta’ Barclays informa lil dak ta’ Crédit agricole li Deutsche Bank kienet qed tipparteċipa f’dan il-“pjan ġenerali” (“id-dipartiment tal-likwidità ta’ Deutsche, ta’ ġewwa”) u indikalu li kien ikun ta’ vantaġġ li fil-pjan jiġu involuti erba’ jew ħames banek (“jekk jirnexxielna nagħmlu ta’ ġewwa erba’ jew ħames dipartimenti tal-likwidità, qed tifhem?”).

408    Minn dan jirriżulta li l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole ġie informat bil-parteċipazzjoni ta’ Deutsche Bank fil-pjan hekk deskritt. Barra minn hekk, anki jekk l-identità tal-banek l-oħra ma ġietx żvelata lill-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole, dan tal-aħħar kien jaf bil-fatt li l-operatur tas-suq ta’ Barclays kellu l-intenzjoni li jinvolvi ċertu numru ta’ banek f’dan il-pjan.

409    Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkonkludiet li Crédit agricole kienet taf bl-aġiri li jikkostitwixxi ksur ippjanati jew implimentat minn parteċipanti oħra fl-akkordju sabiex jintlaħaq l-għan li jinbidlu l-flussi tal-flus permezz tal-azzjonijiet miftiehma intiżi li jimmanipulaw ir-rata Euribor fis-16 ta’ Ottubru 2006 u fid-19 ta’ Marzu 2007.

410    Barra minn hekk, anki jekk il-Kummissjoni ma kellhiex provi diretti li jistabbilixxu li l-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole kienu jafu bil-parteċipazzjoni ta’ banek oħra f’tentattivi oħra ta’ manipulazzjoni tar-rata Euribor li kienu ġew ikkonstatati fil-konfront tagħha, hija setgħet tqis li dawn l-operaturi tas-suq setgħu raġonevolment jipprevedu tali parteċipazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 354 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-fatt li Crédit agricole kienet informata bil-parteċipazzjoni tal-banek l-oħra f’dan it-tip ta’ aġir sa mis-16 ta’ Ottubru 2006. Għaldaqstant, Crédit agricole setgħet raġonevolment tipprevedi li kull tentattiv ieħor ta’ manipulazzjoni kellu jsir biss permezz ta’ azzjoni miftiehma ta’ diversi banek. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati meta jsostnu li l-għarfien mill-operaturi tas-suq tal-parteċipazzjoni tal-banek l-oħra fit-tentattivi ta’ manipulazzjoni tar-rati kellu jiġi limitat biss għall-manipulazzjonijiet tas-16 ta’ Ottubru 2006 u tad-19 ta’ Marzu 2007 jew għal ċertu perijodu tal-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fil-ksur uniku kkonstatat mill-Kummissjoni.

411    F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti li Crédit agricole ma kinitx aġġornata bl-intensità u bir-regolarità ta’ kuljum tal-kuntatti, b’mod partikolari bejn l-operaturi tas-suq ta’ Barclays u ta’ Deutsche Bank, IT-343/347, u lanqas dwar in-natura ftit jew wisq intensa tal-kuntatti li l-operatur tas-suq ta’ Barclays kellu mal-banek l-oħra involuti.

412    Huwa wkoll irrilevanti li l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole kien xettiku fir-rigward tal-fattibbiltà tal-pjan ta’ manipulazzjoni tad-19 ta’ Marzu 2007. Effettivament, il-fatt li ma kienx jaħseb li l-pjan kien ser jirnexxi, li madankollu ma huwiex univoku fit-teħid ta’ pożizzjoni tiegħu, għaliex huwa jindika “fi kwalunkwe każ ta min jipprova”, bl-ebda mod ma juri li huwa ma kienx jaf bil-parteċipazzjoni ta’ Deutsche Bank u, jekk ikun il-każ, tal-banek l-oħra fl-implementazzjoni ta’ dan il-pjan.

ii)    Fuq l-għarfien minn Crédit agricole tal-aġiri l-oħra li jaqgħu taħt il-ksur uniku ppjanati jew implimentat minn impriżi oħra

413    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt timputa lil Crédit agricole, abbażi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku, l-aġiri kollha tal-banek l-oħra kkonċernati, għandu jiġi osservat li, b’differenza għal dak li sar fil-każ tal-għarfien minn Crédit agricole tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali li għandu bħala għan il-manipulazzjoni, fid-diversi dati, tar-rata Euribor permezz tal-azzjonijiet miftiehma ta’ diversi banek (ara l-punti 402 sa 408 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma pproduċiet, fid-deċiżjoni kkontestata, ebda prova diretta li tippermetti li jiġi stabbilit li Crédit agricole kienet taf jew kellha tkun taf bil-fatt li l-iskambji li l-operaturi tas-suq tagħha kellhom mal-operatur tas-suq ta’ Barclays li jirrigwardaw l-informazzjoni dwar l-istrateġiji jew l-intenzjonijiet fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet kienu jmorru lil hinn mill-iskambji bilaterali u kienu jagħmlu parti minn “pjan ġenerali” li fih kienu jipparteċipaw banek oħra.

414    Bl-istess mod, il-provi indiretti kkunsidrati flimkien bħala sensiela ta’ indizji ma jippermettux li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li Crédit agricole kienet taf jew kellha tkun taf b’tali pjan ġenerali, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi l-eżistenza tiegħu, b’tali mod li jiġġustifikaw li hija tiġi imputata bl-aġiri kollha tal-banek l-oħra li jaqgħu taħt l-imsemmi għan uniku, irrispettivament minn jekk hija pparteċipat jew ma pparteċipatx direttament f’dawn l-aġiri.

415    F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi biss, fil-premessi 457 sa 465 tagħha, raġunijiet relatati man-natura stess tal-akkordju u mal-funzjonament tas-suq tal-EIRD, raġunijiet li jikkonċernaw il-banek kollha li pparteċipaw fl-akkordju u li tfakkru fil-punt 396 iktar ’il fuq. Dawn ir-raġunijiet, ikkunsidrati individwalment jew flimkien, ma jippermettux li Crédit agricole tiġi imputata bl-aġiri tal-banek l-oħra li għalihom, skont id-deċiżjoni kkontestata, hija ma pparteċipatx direttament, minbarra dawk imsemmija fil-punti 409 u 410 iktar ’il fuq, mingħajr ma tinkiser il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 360 iktar ’il fuq.

416    Fil-fatt, ir-rikorrenti huma ġġustifikati li jsostnu li l-Kummissjoni ma tistabbilixxi ebda rabta bejn, minn naħa, il-kuntest speċifiku li fih joperaw l-operaturi tas-suq, imfakkar fil-premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-fatt li huma rreġistrati u kkontrollati, li l-kuntatti huma esklużivament bilaterali, li huma jużaw lingwaġġ ikkodifikat u li huma jikkuntattjaw lil xulxin reċiprokament u b’mod regolari, dejjem għall-istess tip ta’ operazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, l-għarfien li Crédit agricole kellha jew kellha jkollha dwar l-aġiri tal-banek l-oħra li jirrigwardaw l-istrateġiji u l-intenzjonijiet fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet li fihom hija ma ħaditx sehem.

417    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinqara mal-premessi 459 sa 464 tal-istess deċiżjoni. Madankollu, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li r-raġunijiet mogħtija fil-premessi 459 sa 464 tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu, l-iktar l-iktar, iservu ta’ sostenn, għall-argument li l-operaturi tas-suq kellhom ikunu jafu bl-involviment tal-banek l-oħra fl-aġiri li kellhom l-għan li jimmanipulaw ir-rati Euribor, iżda mhux fl-aġiri li jikkonsistu fl-iskambji dwar l-istrateġiji jew dwar l-intenzjonijiet fil-qasam ta’ ffissar ta’ prezzijiet.

418    Fl-ewwel lok, il-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 459 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, permezz tal-kuntatti bilaterali tagħhom, l-operaturi tas-suq kienu jafu li l-operaturi tas-suq ta’ banek oħra kienu disposti li jipparteċipaw fl-istess tip ta’ aġiri kollużivi fir-rigward tal-komponenti tal-iffissar tal-prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ negozjar tal-EIRD hija minnha fir-rigward ta’ Crédit agricole biss f’dak li jirrigwarda l-iskambji relatati mal-manipulazzjonijiet tal-Euribor (ara l-punti 403 sa 408 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, fl-ebda waħda mill-konverżazzjoni bilaterali li jirrigwardaw l-istrateġiji ta’ ffissar tal-prezzijiet, ma ġie żvelat mill-operatur tas-suq ta’ Barclays lil dak ta’ Crédit agricole li l-operaturi l-oħra kienu jipparteċipaw f’tali skambji jew li l-istess informazzjoni kienet ġiet skambjata mal-operaturi tas-suq l-oħra.

419    Fit-tieni lok, ir-riferiment, li jinsab fil-premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-“għarfien ġenerali mifrux” fost l-atturi tas-suq dwar il-fatt li l-proċess ta’ determinazzjoni tar-rati ta’ referenza kien dikjaratorju u, konsegwentement, li s-sottomissjonijiet setgħu jiġu mibdula mill-banek membri tal-bord skont l-interess tagħhom fil-mument tas-sottomissjoni, jekk jitqies li huwa stabbilit, huwa rilevanti biss fir-rigward tal-prattiki intiżi għall-manipulazzjoni tal-imsemmija rati ta’ referenza. L-istess jgħodd, jekk jitqies li hija rilevanti sabiex jiġi stabbilit l-għarfien tal-involviment tal-banek l-oħra fil-prattiki kollużivi, għaċ-ċirkustanza rrilevata fil-premessi 461 u 462 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi tas-suq ma setgħux ma jkunux jafu bil-fatt li, jekk iktar banek jibdlu s-sottomissjonijiet tagħhom fl-istess jum u għall-istess maturità ta’ Euribor, l-impatt potenzjali fuq ir-rata tal-interessi ta’ referenza jiżdied proporzjonalment għan-numru ta’ banek involuti, b’tali mod li l-livell ta’ suċċess tal-prattiki kollużivi kien jiddependi, fil-parti l-kbira, mill-involviment ta’ iktar banek. Min-naħa l-oħra, ma tista’ tiġi stabbilita l-ebda rabta bejn il-proċess ta’ determinazzjoni tal-livell tal-Euribor permezz tas-sottomissjonijiet tal-membri tal-bord, imsemmi f’dawn l-affermazzjonijiet, u l-aġiri msemmija fil-premessa 358(g) tad-deċiżjoni kkontestata u li jirrigwarda l-iskambji dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġiji fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet, bħalma huma r-“runs” jew il-“mids”.

420    Sussegwentement, il-fatti, esposti fil-premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom, l-ewwel nett, l-operaturi tas-suq tal-banek ikkonċernati kienu attivi fis-settur tal-EIRD għal diversi snin, it-tieni nett, il-kuntatti bilaterali kienu mal-operaturi tas-suq tal-banek li kienu fost l-iktar atturi importanti tas-suq u, it-tielet nett, l-operaturi tas-suq ma kinux jistgħaġbu meta kienu jiġu avviċinati sabiex jintlaħaq ftehim huma irrilevanti sabiex jiġi stabbilit l-għarfien tal-aġiri li għalihom Crédit agricole ma pparteċipatx direttament. Barra minn hekk, kif isostnu r-rikorrenti, l-għarfien tas-“saħħa tan-network li kien wara l-operatur tas-suq li kellu diskussjonijiet antikompetittivi magħhom”, li jissemma wkoll fil-premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-riżultat ta sempliċi spekulazzjoni li ma hija sostnuta minn ebda prova li Crédit agricole kellha tali għarfien tal-eżistenza u tas-saħħa ta’ tali network u li dan ma jistax jiġi dedotta mill-iskambju tal-14 ta’ Frar 2007 bejn l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole u dak ta’ Barclays, invokat mill-Kummissjoni insostenn ta’ din il-kunsiderazzjoni. Fil-fatt, għalkemm minn dan l-iskambju ċertament jirriżulta li l-operatur tas-suq ta’ Crédit agricole ġie informat bl-involviment ta’ Deutsche Bank fit-tentattivi ta’ manipulazzjoni tar-rati u bl-intenzjoni tal-operatur tas-suq ta’ Barclays li jinvolvi iktar banek (ara l-punti 406 sa 408 iktar ’il fuq). Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li huwa kien għalhekk kiseb l-għarfien tal-involviment tal-banek l-oħra f’aġiri differenti minn dak intiż għall-manipulazzjoni tar-rati u, wisq inqas, tal-eżistenza ta’ network ta’ kuntatti intiż għall-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar l-istrateġiji jew l-intenzjonijiet fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet.

421    Fl-aħħar nett, il-fatt enfasizzat mill-Kummissjoni fil-premessa 465 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-reġistrazzjonijiet tal-operaturi tas-suq jiffaċilitaw l-identifikazzjoni, mill-bank, tal-aġir illegali tal-impjegati tiegħu, jaqa’ l-iktar l-iktar taħt il-kwistjoni dwar jekk l-aġiri li għalihom ipparteċipaw l-operaturi tas-suq ta’ dan tal-aħħar jistgħux jiġu imputati lilu, kwistjoni li ġiet miċħuda fil-kuntest tal-eżami tat-tmien motiv (ara l-punt 350 iktar ’il fuq). Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 413 iktar ’il fuq, ebda prova li toriġina, jekk ikun il-każ, mir-reġistrazzjonijiet tal-iskambji bilaterali bejn l-operatur tas-suq ta’ Barclays u l-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole dwar l-informazzjoni relatata mal-istrateġiji jew mal-intenzjonijiet fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet ma tippermetti li jitqies li dawn l-iskambji kienu jmorru lil hinn mill-iskambji bilaterali u kienu jagħmlu parti minn “pjan ġenerali” li għalih kienu jipparteċipaw banek oħra.

422    Il-Kummissjoni tidher li qed issostni wkoll li, peress li l-aġiri kollha inkwistjoni kellhom l-istess għan (kwistjoni li hija s-suġġett tal-ħames motiv), il-fatt li ġie stabbilit li Crédit agricole kienet taf jew kellha tkun taf bl-involviment tal-banek l-oħra fl-aġiri li jirrigwardaw tentattivi ta’ manipulazzjoni tar-rata Euribor kien suffiċjenti sabiex tiġi adottata l-istess konklużjoni f’dak li jirrigwarda l-għarfien minn Crédit agricole tal-parteċipazzjoni tal-banek l-oħra fl-aġiri l-oħra.

423    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku hija distinta mill-kwistjoni dwar jekk ir-responsabbiltà għal dan il-ksur fl-intier tiegħu hijiex imputabbli lil impriża (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 174). Fi kliem ieħor, is-sempliċi identiċità tas-suġġett bejn ftehim li fih ipparteċipat impriża u akkordju globali, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju kollu kemm hu. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) TFUE ma japplikax, sakemm ma jkunx hemm intenzjoni komuni bejn il-partijiet ikkonċernati. L-impriża kkonċernata għandha għalhekk tkun konxja mill-portata ġenerali u mill-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju globali (ara s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il-Kummissjoni, T 68/09, EU:T:2014:867, punti 62 u 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

424    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li Crédit agricole tiġi imputata bir-responsabbiltà tal-aġiri kollha li jikkostitwixxu ksur li jagħmlu parti mill-ksur uniku, inklużi l-iskambji dwar l-istrateġiji u l-intenzjonijiet fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet li fihom hija ma pparteċipatx direttament, unikament minħabba l-fatt, minn naħa, li hija kienet taf bl-aġiri tal-banek l-oħra fir-rigward tal-manipulazzjoni tar-rata Euribor u, min-naħa l-oħra, li dawn il-prattiki kienu jsegwu l-istess għan bħal dawk li jirrigwardaw l-istrateġiji u l-intenzjonijiet fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet.

425    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li s-sensiela ta’ indizji li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni, evalwata globalment u flimkien mal-provi diretti tal-għarfien tal-aġiri illegali previsti jew implimentati minn impriżi oħra li jikkonsisti f’tentattivi ta’ manipulazzjoni tal-Euribor, eżaminati fil-punti 402 sa 412 iktar ’il fuq, ma tammontax għal provi serji, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jintwera mingħajr ebda dubju li Crédit agricole kienet taf bil-fatt li l-iskambji li hija kellha ma’ Barclays dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġiji fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet kienu jmorru lil hinn mill-kuntest bilaterali u kienu jagħmlu parti minn pjan ġenerali li jimplika wkoll banek oħra jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u taċċetta r-riskju tiegħu.

426    Fid-dawl ta’ dan kollu li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fi ksur uniku setgħet tiġi kkonstatata biss fir-rigward, minn naħa, tal-aġiri rispettiv tagħha fl-imsemmi ksur u, min-naħa l-oħra, tal-aġiri tal-banek l-oħra li jagħmlu parti mill-qafas tat-tentattivi ta manipulazzjoni tar-rata Euribor.

427    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa possibbli li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali bħala ksur uniku u kontinwu tiġi maqsuma biss jekk, minn naħa, din l-impriża kienet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li fil-konfront tagħha kienu qed jiġu allegati wkoll kull wieħed mill-aġiri li jikkostitwixxi dan il-ksur, u għalhekk li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u jekk, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hijiex suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 46). F’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod ċar distinzjoni, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), bejn id-diversi aġiri attribwiti lill-banek li pparteċipaw fl-akkordju, fosthom Crédit agricole, li kienu jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu. Barra minn hekk, kif ġie mfakkar, essenzjalment, fil-punt 363 iktar ’il fuq, b’mod partikolari mill-premessi 365, 387, 393 u 442 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-għan ta’ dawn l-aġiri kien ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, mhux biss kollettivament, iżda wkoll fuq bażi individwali.

428    Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma ġġustifikati li jsostnu, fil-kuntest tas-sitt motiv, li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta imputat lil Crédit agricole aġiri oħra għajr dawk identifikati fil-punt 426 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-ewwel parti tas-sitt motiv hija parzjalment fondata.

[omissis]

B.      Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata u t-talba għat-tnaqqis tal-multa

[omissis]

1.      Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

a)      Fuq l-użu tad-dħul tal-flus skontat għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ

[omissis]

2)      Fuq id-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 % applikat mill-Kummissjoni

[omissis]

i)      Fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-fattur ta’ tnaqqis

[omissis]

512    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 %.

513    Madankollu, dan l-ilment tar-raba’ parti tad-disa’ motiv jista’ jirriżulta infondat jekk jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet għamlet tajjeb għall-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni hekk ikkonstatata bl-adozzjoni tad-deċiżjoni li temenda (ara l-punti 21 sa 23 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tan-nota ta’ adattament intiżi sabiex jikkontestaw l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

ii)    Fuq id-deċiżjoni li temenda

[omissis]

516    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tirrimedja l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (T‑105/17, EU:T:2019:675), permezz tad- deċiżjoni li temenda.

517    Ir-rikorrenti josservaw li, għalkemm il-Kummissjoni tista’, bħala prinċipju, temenda deċiżjoni wara l-adozzjoni tagħha, hija min-naħa l-oħra ma għandhiex kompetenza sabiex tadotta, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni li tikkoreġi jew tikkompleta l-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata matul il-proċedura ġudizzjarja intiża għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma tadotta mill-ġdid dispożittiv ta’ din l-aħħar deċiżjoni. In-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni li temenda toħroġ b’mod iktar qawwi sa fejn hija tagħti, fil-verità, motivazzjoni differenti minn dik tad-deċiżjoni kkontestata.

518    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tqis li hija setgħet tadotta, fl-osservanza tal-forom u tal-proċeduri previsti f’dan ir-rigward mit-Trattat, id-deċiżjoni li temenda sabiex tikkompleta l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, billi tispjega ulterjorment il-metodoloġija użata sabiex jiġi ddeterminat il-fattur ta’ tnaqqis, mingħajr ma temendaha. Fil-fehma tagħha, il-ġurisprudenza dwar l-impossibbiltà li l-motivazzjoni żbaljata ta’ deċiżjoni individwali tiġi rregolarizzata matul il-proċedura kontenzjuża ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Peress li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li temenda tat lir-rikorrenti l-possibbiltà li jadattaw ir-rikors tagħhom sabiex jikkontestaw il-validità tal-metodoloġija inkwistjoni, id-drittijiet proċedurali tagħhom ġew għalhekk protetti u l-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

519    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li s-setgħa tagħha li tadotta att partikolari għandha neċessarjament tinkludi s-setgħa li temenda dan l-att, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza tagħha kif ukoll fl-osservanza tal-forom u tal-proċeduri previsti f’dan ir-rigward mit-Trattat (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Lucchini vs Il-Kummissjoni, T‑91/10, EU:T:2014:1033, punt 108), punt li huwa aċċettat mir-rikorrenti.

520    Madankollu, għandu neċessarjament jiġi osservat, bħalma għamlu r-rikorrenti, li kemm mid-dispożittiv tad-deċiżjoni li temenda, kif ukoll mill-premessi 11 sa 13 tagħha, jirriżulta espliċitament li din hija intiża biss sabiex tikkompleta l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma temenda d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, u li, għaldaqstant, l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 2(a) tagħha “jibqgħu fis-seħħ”.

521    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, billi adottat id-deċiżjoni li temenda, il-Kummissjoni ma adottatx deċiżjoni li temenda d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, iżda sempliċement ikkompletat il-motivazzjoni li fuqha kien allegatament ibbażat id-dispożittiv adottat fid-deċiżjoni kkontestata, u dan huwa dak li hija tikkonferma, essenzjalment, quddiem il-Qorti Ġenerali (ara l-punt 518 iktar ’il fuq).

522    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni li temenda ma tistax titqies bħala li hija deċiżjoni ġdida li temenda d-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 519 iktar ’il fuq, iżda għandha tiġi mxebbħa ma’ motivazzjoni addizzjonali mogħtija mill-konvenuta fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess ħin tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. L-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149; tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 74, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 46).

523    La jeżisti dritt tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jirregolarizzaw quddiem il-qorti tal-Unjoni d-deċiżjonijiet tagħhom insuffiċjentement immotivati, u lanqas obbligu ta’ din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet komplementari pprovduti biss fil-mori tal-kawża mill-awtur tal-att inkwistjoni sabiex tevalwa l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Stat simili tad-dritt jirriskja li joskura t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni, idgħajjef l-istħarriġ tal-legalità u jqiegħed f’perikolu l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C 114/19 P, EU:C:2020:457, punt 58).

524    Preċiżazzjonijiet magħmula mill-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata, matul il-proċedura kontenzjuża, li jikkompletaw motivazzjoni diġà fiha nfisha suffiċjenti, ma jaqgħux strettament taħt l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, anki jekk dawn jistgħu jintużaw għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni, eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, għaliex dawn jippermettu li l-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha. Għaldaqstant, spjegazzjonijiet addizzjonali, li jmorru lil hinn mill-eżiġenzi tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jistgħu jippermettu li l-impriżi jkunu jafu fid-dettall il-mod ta’ kalkolu tal-multa imposta fuqhom u, b’mod iktar ġenerali, jagħmlu l-azzjoni amministrattiva iktar trasparenti u jiffaċilitaw l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha billi jippermettilha li tevalwa, lil hinn mil-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura xierqa tal-multa imposta. Madankollu, din il-possibbiltà ma hijiex ta’ natura li tbiddel il-portata tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni (C‑279/98 P, EU:C:2000:626, punti 45 u 47).

525    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 512 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis. Il-Kummissjoni ma invokat l-eżistenza ta’ ebda ċirkustanza intiża li turi li fil-prattika ma kienx possibbli għaliha li timmotiva d-deċiżjoni kkontestata suffiċjentement skont il-liġi u li tippermetti li tiġi aċċettata, b’mod eċċezzjonali, motivazzjoni addizzjonali mogħtija matul il-proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 59). Għaldaqstant, u mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-metodoloġija spjegata b’mod iktar iddettaljat fid-deċiżjoni li temenda kinitx tabilħaqq dik li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, li tiġi adottata l-miżura istruttorja proposta mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 522 sa 524 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni addizzjonali tad-deċiżjoni kkontestata mogħtija mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża ma tistax tiġi aċċettata.

526    F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi jintlaqgħu l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv tan-nota ta’ adattament, hemm lok li tiġi miċħuda l-motivazzjoni komplementari mogħtija mid-deċiżjoni li temenda fil-mori tal-kawża, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati t-talbiet, l-ilmenti u l-motivi l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din in-nota jew li tiġi adottata l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li huma pproponew, peress li din hija relatata mal-fondatezza tal-affermazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni li temenda dwar id-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis.

527    Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis huwa fondat.

b)      Fuq l-inkoerenza tal-metodi ta’ kalkolu tal-valuri ta’ bejgħ użati mill-banek u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali minħabba l-assenza ta’ kontroll mill-Kummissjoni fuq dan il-punt

[omissis]

2)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba verifika insuffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta mill-banek

557    Fil-kuntest tat-tieni parti tad-disa’ motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn hija ma kkontrollatx il-koerenza tar-risposti għall-kwestjonarju dwar il-valur tal-bejgħ u ma wettqet ebda miżura ta’ investigazzjoni addizzjonali meta rċeviet l-informazzjoni sabiex tiżgura ruħha mill-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

558    Il-Kummissjoni ssostni li ħadet “il-prekawzjonijiet kollha sabiex tevita diverġenzi bejn il-valuri kkomunikati mill-banek”, sa fejn hija ppreżentat l-istess talba għal informazzjoni preċiża u ddettaljata lill-partijiet kollha, żgurat il-koordinazzjoni u saħqet li t-tweġibiet ikunu akkumpanjati minn nota dwar il-metodoloġija u li awditur estern indipendenti jikkonferma l-eżattezza tal-kalkoli ppreżentati.

559    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma jeżistix obbligu ġenerali li l-Kummissjoni tivverifika informazzjoni pprovduta b’risposta għal talba għal informazzjoni fin-nuqqas ta’ indizji li jindikaw l-ineżattezza tal-imsemmija informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Spira vs Il-Kummissjoni, T‑108/07 u T‑354/08, EU:T:2013:367, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

560    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li diversi indizji fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 559 iktar ’il fuq kellhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni jkollha dubji dwar in-natura suffiċjentement uniformi tal-metodoloġiji segwiti mill-banek ikkonċernati sabiex jipprovdu l-informazzjoni mitluba.

561    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-partijiet kienu informawha dwar id-diffikultajiet li huma kellhom sabiex iwieġbu għall-kwestjonarju. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti, li tgħid li Société générale (premessa 703 tad-deċiżjoni kkontestata, ara l-punt 11 iktar ’il fuq) u JP Morgan (premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata) kienu spontanjament ippreżentaw informazzjoni kkorreġuta li kienet tinkludi reviżjonijiet kunsiderevoli għall-informazzjoni prodotta inizjalment, turi l-eżistenza ta dawn id-diffikultajiet. Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kienet aċċettat din l-informazzjoni riveduta.

562    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti huma wkoll iġġustifikati meta jenfasizzaw id-differenzi bejn in-noti metodoloġiċi pprovduti minn kull wieħed mill-banek ikkonċernati kemm fir-rigward tad-differenza kunsiderevoli fit-tul tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-eteroġeneità tal-livell ta’ informazzjoni pprovduta mill-banek.

563    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw l-inkoerenzi bejn l-ammonti nozzjonali ddikjarati mill-banek ikkonċernati bħala indizju tal-inkoerenzi fl-informazzjoni prodotta mill-partijiet b’risposta għat-talba għal informazzjoni. Ċertament, hekk kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 700 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma bbażatx, f’dan il-każ, il-valur tal-bejgħ fuq l-ammonti nozzjonali, iżda fuq id-dħul tal-flus. Madankollu, mir-rapport dwar il-valur tal-bejgħ jirriżulta li l-ammonti nozzjonali u d-dħul tal-flus mogħtija mid-diversi banek ma jidhrux koerenti bejniethom. Minn dan jirriżulta li l-livell tal-ammonti nozzjonali ma huwiex kompletament irrilevanti bħala indizju ta’ inkoerenza fil-metodoloġiji segwiti sabiex tingħata risposta għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, inkluż f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tad-dħul tal-flus tal-banek.

564    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll li, matul is-seduta, ir-rikorrenti kienu ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ċerti kontradizzjonijiet fir-risposti tal-partijiet l-oħra għat-talbiet għal informazzjoni (ara l-punti 58 u 60 iktar ’il fuq).

565    Fil-preżenza ta’ tali indizji, hija l-Kummissjoni li għandha tkompli l-investigazzjoni tagħha, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, b’mod partikolari, tal-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti, sabiex tiżgura ruħha li l-informazzjoni dwar id-dħul tal-flus li tikkostitwixxi bażi għall-kalkolu tal-multa tiġi kkalkolata skont il-metodoloġiji suffiċjentement uniformi sabiex tingħata risposta adegwata għat-talba għal informazzjoni.

566    Issa, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ammettiet li ma talbet ebda kjarifika lill-partijiet dwar l-elementi tat-tweġibiet tagħhom għat-talba għal informazzjoni jew il-metodi użati għall-kalkolu tal-informazzjoni mitluba.

567    Sa fejn il-Kummissjoni tirreferi għar-rapport tal-awditjar li jakkumpanja kull waħda mir-risposti tal-banek ikkonċernati u ssostni, essenzjalment, li kienu l-awdituri li kellhom jivverifikaw in-natura adegwata tal-metodi segwiti sabiex iwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni (premessa 678 tad-deċiżjoni kkontestata), lanqas dan l-argument ma jista’ jintlaqa’.

568    Fil-fatt, mit-Taqsima I.2 (ii) tal-istruzzjonijiet li jakkumpanjaw it-talba għal informazzjoni jirriżulta li “l-informazzjoni” mitluba kellha tiġi vverifikata minn kumpannija ta’ awdituri jew minn awditur u li t-tweġiba kellha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni li tindika li l-“informazzjoni” kienet ivverifikata. Kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-premessa 678 tad-deċiżjoni kkontestata, tali istruzzjoni ma tistax neċessarjament tinftiehem fis-sens li rapporti jew opinjonijiet tal-awdituri indipendenti kellhom jikkonfermaw, minbarra li l-informazzjoni pprovduta kienet korretta, li l-metodoloġija segwita għall-kalkolu tagħha kienet xierqa għall-finijiet tat-tweġiba għat-talba għal informazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-kummenti inklużi fir-rapporti tal-awditjar redatti minn kumpannija ta’ awdituri f’dak li jirrigwarda l-kalkoli tagħhom u dawk stabbiliti, b’mod partikolari, għall-bank A, għall-bank C u JP Morgan, li l-materjalità tagħhom ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni. Minn dawn il-kummenti jirriżulta li l-awdituri indipendenti qiesu li l-missjoni tagħhom kienet li jivverifikaw l-applikazzjoni tajba tal-metodu magħżul minn bank, u mhux li jiflu dan il-metodu fid-dawl tal-perimetri li jirriżultaw mit-talba għal informazzjoni.

569    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, minkejja indizji suffiċjenti sabiex ikun hemm dubju dwar l-uniformità tal-metodoloġiji segwiti mill-banek ikkonċernati għall-kalkolu tad-dħul tal-flus tagħhom, il-Kummissjoni ma adottatx miżuri ta’ investigazzjoni addizzjonali, bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti impost fuqha mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 537 iktar ’il fuq. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, tali ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk ir-rikorrenti juru li l-konsegwenzi tad-diverġenzi metodoloġiċi inkwistjoni kienu li l-ammonti bażiċi tal-multi imposti ġew ikkalkolati bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

3)      Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

570    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba rriżulta, f’din il-kawża, fi ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn, mingħajr l-investigazzjoni addizzjonali, hija ddeterminat l-ammonti tal-multi billi ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li ma kinitx affidabbli u koerenti biżżejjed sabiex tikkostitwixxi bażi tal-kalkoli tal-multi.

571    Madankollu, ir-rikorrenti ma jurux li, f’din il-kawża, l-applikazzjoni mill-banek ta’ metodoloġiji differenti sabiex jikkalkolaw d-dħul tagħhom tal-flus, aċċettati mill-Kummissjoni, wasslet sabiex din tal-aħħar sabiex tuża informazzjoni mhux paragunabbli minn bank għall-ieħor u għalhekk sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa fir-rigward ta’ Crédit agricole bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

572    Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ diverġenzi li jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-portata tal-flussi meħuda inkunsiderazzjoni mill-bank A, sa fejn dan eskluda mill-kalkoli tiegħu l-parti fissa ta’ kuntratt swap meta dan kien jinkludi kemm parti fissa kif ukoll parti varjabbli, it-tieni nett, il-portata tal-kumpens (netting) bejn il-flussi mħallsa u rċevuti fuq it-tranżazzjonijiet u, it-tielet nett, l-esklużjoni tal-prodotti “eżotiċi” kellha biss effett negliġibbli fuq ir-riżultat tal-kalkoli tad-dħul tal-flus u għalhekk fuq id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ (ara l-punti 549, 551 u 554 iktar ’il fuq).

573    Ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura negliġibbli tal-effett tad-diverġenzi metodoloġiċi fuq il-livell tad-dħul tal-flus.

574    L-ewwel nett, huma jqisu li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-effett tal-metodoloġija segwita mill-bank A fuq il-valur tad-dħul tal-flus tiegħu f’dak li jirrigwarda l-esklużjoni tal-partijiet fissi fir-rigward tal-kuntratti li għandhom kemm parti fissa kif ukoll parti varjabbli kienet tammonta biss għal 0.1 % u, minħabba għalhekk, kienet negliġibbli, ma tistax tiġi vverifikata. Huma jsostnu, essenzjalment, li l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja tal-partijiet l-oħra li huma kisbu permezz tal-proċedura ta’ sala ta’ informazzjoni ma kienx suffiċjenti sabiex huma jkunu jistgħu jwettqu, kif għamlet il-Kummissjoni, tali kalkoli minħabba li l-esperti ta’ Crédit agricole kienu ġew esklużi milli jaċċedu għall-informazzjoni inkwistjoni u minħabba ż-żmien ta’ aċċess limitat.

575    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Kummissjoni kkalkolat l-effett tal-metodu applikat mill-bank A fuq il-valur tad-dħul tal-flus tiegħu għal 0.1 % billi bbażat ruħha fuq il-folji ta’ kalkolu li jinkludu ċerti kodiċijiet, prodotti minn dan il-bank flimkien mat-tweġiba tiegħu għat-talba għal informazzjoni (premessa 685 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-konsulenti legali u ekonomiċi tar-rikorrenti kellhom aċċess għal dawn id-dokumenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sala ta’ informazzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 720 tad-deċiżjoni kkontestata).

576    Barra minn hekk, minn naħa, mill-eżami tal-ilmenti dwar ir-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-valur tal-bejgħ jirriżulta li l-Kummissjoni ma ppreġudikatx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti meta stabbilixxiet sistema ta’ aċċess imħallat għall-informazzjoni inkwistjoni li tikkonsisti fl-għoti tal-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali biss lill-konsulenti esterni ta’ Crédit agricole permezz tal-proċedura ta’ sala ta’ informazzjoni (ara l-punti 173 sa 180 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti kienu jqisu li ż-żmien ta’ aċċess hekk mogħti lill-konsulenti esterni ma kienx suffiċjenti, xejn ma kien jipprekludihom milli jressqu, quddiem id-dipartimenti tal-Kummissjoni jew quddiem l-uffiċjal tas-seduta, talba għall-estensjoni tal-ħin ta’ aċċess jew talba għal aċċess addizzjonali skont l-istess proċedura. Issa, huma ma ressqux tali talba.

577    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti għalhekk ma jistgħux jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-effett ta’ 0.1 % fuq il-valur tad-dħul tal-flus tal-bank A kien negliġibbli.

578    It-tieni nett, fir-rigward tad-differenzi fil-metodi ta’ netting, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li r-rikorrenti ma jikkontestawx li n-netting ta’ kuljum, kif applikat minn Crédit agricole, huwa standard fis-suq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas biss ma jippruvaw juru li l-applikazzjoni ta’ netting ta’ kull xahar pjuttost milli ta’ kuljum kien ikollu effett sinjifikattiv fuq l-informazzjoni rispettiva tagħhom fir-rigward tad-dħul tal-flus.

579    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 702 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-fatt li l-banek isegwu metodi ta’ netting differenti la wassal għal differenzi sinjifikattivi u lanqas ma kkawża inugwaljanza fit-trattament hija kontradetta mill-fatt li l-multa ta’ Société générale tnaqqset bin-nofs fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ rettifika.

580    Madankollu, minn naħa, mill-premessa 703 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni ta’ riżolviment fir-rigward ta’ Société générale meta din informatha li hija ma kinitx wettqet in-netting għal parti sostanzjali tat-tranżazzjonijiet tagħha, u mhux għaliex hija rrevediet l-informazzjoni tagħha billi applikat metodu ieħor ta’ netting. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 702 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-riżultati tal-kalkoli skont iż-żewġ approċċi (jiġifieri n-netting ta’ kuljum u n-netting ta’ kull xahar) magħmula mill-bank C juru differenza ta’ madwar 0.4 %. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx in-natura negliġibbli ta’ tali differenza.

581    It-tielet nett, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma jippreżentaw ebda argument intiż li jikkontesta l-ispjegazzjonijiet tal-bank A, li jirriżultaw mill-premessa 694 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-effett negliġibbli tal-esklużjoni, mill-istess bank A fil-kalkoli tiegħu, tal-prodotti “eżotiċi”.

582    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom ukoll fuq l-informazzjoni riveduta ppreżentata lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Ottubru 2016, ikkalkolata skont dak li huma qiesu li hija l-metodoloġija segwita mill-bank A, jiġifieri n-“newtralizzazzjoni” tal-parti fissa u l-esklużjoni tal-prodotti “eżotiċi”.

583    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 687 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut ta’ aċċettazzjoni tal-informazzjoni riveduta ppreżentata minn Crédit agricole, billi indikat li l-metodu li din kienet segwiet sabiex tippreżenta din l-informazzjoni ma kienx xieraq u li l-imsemmija informazzjoni ma kinitx eżatta. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li l-metodu propost la kien jikkorrispondi għall-istruzzjonijiet tat-talba għal informazzjoni u lanqas għall-metodu segwit mill-bank A u kien ġie ppreżentat mingħajr konferma min-naħa tal-awditur. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienu, b’mod partikolari, eskludew mill-kalkoli tagħhom id-dħul tal-flus tal-parti fissa tal-iswaps iżda ma kinux irrevedew l-ammonti tad-dħul tal-flus miksub permezz ta’ netting bejn il-parti varjabbli u l-parti fissa, li jwassal għal dħul tal-flus iktar baxx. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-metodu propost minn Crédit agricole fuq id-dħul tal-flus tagħha jkun ta’ madwar 43 %, b’tali mod li dan iwassal għal differenzi sinjifikattivi. Dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex jippermettu li r-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet li wasslu sabiex il-Kummissjoni tirrifjuta li taċċetta l-informazzjoni riveduta u li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 255 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

584    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-Kummissjoni (premessa 687 tad-deċiżjoni kkontestata), l-effett tal-metodoloġija segwita fuq l-informazzjoni ta’ Crédit agricole huwa ta’ 43 %, li jirriżulta wkoll, essenzjalment, mit-talba magħmula mir-rikorrenti lill-Qorti Ġenerali intiża sabiex, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija tnaqqas, b’dan il-livell, l-ammont tal-multa ta’ Crédit agricole.

585    Anki jekk jitqies li b’dan il-mod ir-rikorrenti jipprovaw juru li l-effett tal-metodoloġija segwita mill-bank A fuq l-informazzjoni rispettiva tagħhom dwar id-dħul tal-flus ma kienx negliġibbli, u ma humiex qed jipprovaw jitolbu l-applikazzjoni, fir-rigward tagħhom, tal-metodoloġija segwita minn dan l-aħħar bank (ara l-punt 588 iktar ’il quddiem), lanqas dan l-argument ma jista’ jiġi milqugħ. Fil-fatt, minn naħa, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-metodoloġija applikata mill-bank A ma hijiex konformi mat-talba għal informazzjoni.

586    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jurux li l-metodoloġija li huma segwew sabiex jippreżentaw din l-informazzjoni riveduta kienet dik applikata mill-bank A. F’dan ir-rigward, huma bl-ebda mod ma jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni esposta fil-premessa 687 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 583 iktar ’il fuq) u lanqas ma jippruvaw juru li n-“newtralizzazzjoni”, tal-partijiet fissi li taħthom ammonti kienu reċivibbli, li huma wettqu sabiex jikkalkolaw l-informazzjoni riveduta kienet tirriżulta mis-sempliċi esklużjoni tal-parti fissa tal-kuntratti swap li għandhom kemm parti fissa kif ukoll parti varjabbli, bħal fil-metodoloġija segwita mill-bank A, u mhux, barra minn hekk, min-netting tal-partijiet fissi, li taħthom jitħallsu ammonti, bil-partijiet varjabbli li taħthom ammonti kienu reċivibbli, kif ġie osservat, essenzjalment, mill-Kummissjoni fil-premessa 687 tad-deċiżjoni kkontestata.

587    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma jurux li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta qieset li d-diverġenzi fil-metodoloġiji applikati mill-banek sabiex jikkalkolaw id-dħul tal-flus tagħhom kienu wasslu għal diverġenzi negliġibbli fl-informazzjoni ppreżentata. Issa, tali diverġenzi negliġibbli ma humiex ta’ natura li jwasslu għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn dawn ma jwasslux sabiex jiġu adottati valuri mhux paragunabbli għall-kalkolu tal-ammont tal-multi.

588    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-fatt li l-metodoloġija segwita mill-bank A għall-kalkolu tad-dħul tal-flus ma tikkorrispondix għat-talba għal informazzjoni, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kellha twassal sabiex il-Kummissjoni tippermettilhom jissottomettu l-informazzjoni kkalkolata skont il-metodoloġija applikata mill-bank A jew sabiex taċċetta l-informazzjoni riveduta ppreżentata fl-14 ta’ Ottubru 2006. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jrid jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi li ebda persuna ma tista’ tinvoka, favuriha, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-argument tar-rikorrenti fir-realtà jeżiġi li l-Kummissjoni tapplika fil-konfront tagħhom metodoloġija mhux konformi mat-talba għal informazzjoni.

589    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrewx li, f’din il-kawża, il-fatt li l-Kummissjoni aċċettat l-informazzjoni kkalkolata skont metodoloġiji diverġenti kien wassal sabiex din tal-aħħar tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar id-dħul tal-flus mhux paragunabbli u għalhekk sabiex tikkalkola l-multa ta’ Crédit agricole bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tagħha. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, l-istess bħal ma għandhom jiġu miċħuda, b’konsegwenza ta’ dan, it-tieni lment tal-ewwel parti tad-disa’ motiv u t-tieni parti ta’ dan il-motiv.

[omissis]

2.      Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa

[omissis]

657    F’din il-kawża, minkejja li t-talbiet imressqa prinċipalment intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata ġew milqugħa, il-Qorti Ġenerali tqis li hija awtorizzata teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sa fejn il-kwistjoni tal-ammont tal-multa tqegħdet għall-evalwazzjoni tagħha, u dan anki jekk it-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa tressqu sussidjarjament meta mqabbla mat-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 (a) tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930, punti 551 sa 562).

[omissis]

662    F’din il-kawża, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa intiża li tissanzjona l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Crédit agricole, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel tmien motivi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin.

663    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-ksur, għandu jiġi osservat dan li ġej.

664    L-ewwel nett, huwa opportun li tintuża l-metodoloġija li, bħal dik segwita f’din il-kawża mill-Kummissjoni, tidentifika, għall-ewwel, l-ammont bażiku tal-multa, li jista’, wara dan, jiġi aġġustat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża.

665    Qabelxejn, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ bħala informazzjoni inizjali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala valur ta’ sostituzzjoni għalih, id-dħul tal-flus imnaqqas. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tad-disa’ motiv, il-valur tad-dħul tal-flus imnaqqas jista’, f’din il-kawża, jagħti bażi inizjali xierqa sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, sa fejn dan il-valur jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż tal-impriża fil-ksur.

666    F’dan ir-rigward, għalkemm fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tad-disa’ motiv ġie ċertament ikkonstatat li d-determinazzjoni mill-banek tad-dħul tal-flus kienet tat lok, f’ċerti każijiet, għal approċċi differenti. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 571 iktar ’il fuq, minn dawn id-diverġenzi ma jirriżulta l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

667    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li metodoloġija oħra ta’ kalkolu tad-dħul tal-flus, bħal dik użata mir-rikorrenti sabiex tiġi ddeterminata l-informazzjoni riveduta ppreżentata lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Ottubru 2006, ma hijiex iktar xierqa sabiex jiġi stabbilit id-dħul tal-flus. Fil-fatt, metodoloġija li timplika l-esklużjoni tal partijiet fissi tal kuntratti li għandhom kemm partijiet fissi kif ukoll partijiet varjabbli, l-esklużjoni tal-prodotti “eżotiċi” jew l-applikazzjoni ta’ netting ta’ kull xahar pjuttost milli ta’ kuljum ma hijiex iktar xierqa sabiex tiddetermina, f’din il-kawża, il-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur issanzjonat u għalhekk sabiex tirrifletti b’mod adegwat kemm ir-realtà u l-portata ekonomika tiegħu kif ukoll il-pożizzjoni tal-impriżi f’dan il-ksur. Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntratti EIRD li għandhom kemm parti fissa kif ukoll parti varjabbli, il-fluss tal-flus jirrifletti d-differenza bejn ir-rata fissa u r-rata varjabbli fid-data tal-fixing, kif jirriżulta mill-punt 188 iktar ’il fuq. Il-Qorti Ġenerali tqis li ma teżisti ebda raġuni sabiex jiġu esklużi b’mod partikolari l-flussi li jirriżultaw minn waħda miż-żewġ “partijiet” ta’ tali EIRD. It-tieni nett, ma hemm xejn li jiġġustifika l-esklużjoni tal-prodotti “eżotiċi” mill-kalkoli tad-dħul tal-flus, meta dawn jagħmlu wkoll parti mis-suq rilevanti tal-EIRD. It-tielet nett, filwaqt li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li n-netting ta’ kuljum huwa l-istandard tas-suq, l-ebda ċirkustanza partikolari speċifika għal din il-kawża ma tiġġustifika li dan jiġi eskluż.

668    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-valur tad-dħul tal-flus ta’ Crédit agricole ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

669    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-fatt li bħala bażi għall-kalkolu tal-multa jiġi adottat biss id-dħul tal-flus iwassal għal impożizzjoni ta’ multa dissważiva wisq. Il-partijiet għalhekk jaqblu fuq il-fatt li huwa neċessarju li dan id-dħul tal-flus jitnaqqas permezz tal-applikazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis.

670    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat fattur ta’ tnaqqis uniformi stabbilit għal 98.849 %.

671    Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dan il-fattur ta’ tnaqqis, għandu jiġi rrilevat li dan huwa r-riżultat ta’ eżerċizzju kumpless li jirrifletti diversi elementi, b’mod partikolari l-kumpens inerenti għan-negozjar tal-prodotti dderivati b’mod ġenerali kif ukoll l-aspetti speċifiċi tan-netting ta’ dawn il-prodotti u, b’mod iktar partikolari, tan-netting tal-EIRD. Għalhekk, din hija approssimazzjoni ta’ valur maħdum. Għalhekk, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma jeżistix fattur wieħed ta’ tnaqqis possibbli, punt li huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-fatt li r-rikorrenti stess issuġġerew, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, diversi fatturi ta’ tnaqqis differenti.

672    Għalhekk, pereżempju, skont studju ppreżentat fl-anness tar-rikors, fattur ta’ tnaqqis alternattiv ta’ 99.849 % “jista’ wkoll ikun ġustifikat”. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ studju ieħor ippreżentat fl-anness tan-nota ta’ adattament tat-talbiet, ir-rikorrenti jipproponu diversi fatturi ta’ tnaqqis alternattivi, ikkalkolati skont approċċ individwalizzat, li jvarjaw minn 99.54 % sa 99.90 %. Madankollu, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-valur probatorju ta’ dawn l-istudji u lanqas dwar il-fondatezza tal-metodoloġiji għad-determinazzjoni ta’ dawn il-fatturi ta’ tnaqqis alternattivi proposti mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li l-applikazzjoni ta’ tali fatturi ta’ tnaqqis alternattivi partikolarment għolja, jekk mhux saħansitra eċċessivi, tirriskja li xxejjen s-sens tas-sanzjoni billi tagħmilha negliġibbli u billi tippreġudika, b’dan il-mod, in-neċessità li tiġi żgurata n-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa. L-applikazzjoni ta’ tali fatturi ta’ tnaqqis alternattivi rrakkomandati mir-rikorrenti tkun għalhekk twassal sabiex tiġi imposta multa li la tirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u lanqas il-piż relattiv ta’ Crédit agricole fl-istess ksur.

673    F’kull każ, minn naħa, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-fattur ta’ tnaqqis għandu jkun jammonta għall ta mill-inqas 98.849 %. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-istabbiliment ta’ multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż.

674    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, il-portata ġeografika tiegħu kif ukoll l-implimentazzjoni jew in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-ksur.

675    Fir-rigward tan-natura tal-ksur, sa fejn l-aġiri inkwistjoni kienu jirrigwardaw il-fatturi rilevanti għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-EIRD, dawn huma, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-prattiki inkwistjoni huma partikolarment gravi u dannużi sa fejn dawn jistgħu mhux biss joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti EIRD, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, jikkompromettu l-fiduċja fis-sistema bankarja u fis-swieq finanzjarji kollha kemm huma kif ukoll il-kredibbiltà tagħhom.

676    Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 721 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dawn l-elementi huma kkontestati mir-rikorrenti, l-indiċi ta’ referenza kkonċernati riflessi fit-tariffikazzjoni tal-EIRD japplikaw għall-parteċipanti kollha fis-suq tal-EIRD. Barra minn hekk, peress li dawn ir-rati huma bbażati fuq l-euro, dawn huma ta’ importanza kbira għall-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet finanzjarji fis-suq intern u għall-attivitajiet bankarji fl-Istati Membri.

677    F’dak li jirrigwarda l-portata ġeografika tal-ksur, kif jirriżulta mill-premessi 47 u 721 tad-deċiżjoni kkontestata, l-akkordju kien ikopri minn tal-inqas iż-ŻEE kollha, b’tali mod li l-aġiri inkwistjoni seta’ jkollhom effett fuq l-attivitajiet bankarji fl-Istati Membri kollha.

678    Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole ammettew li implimentaw l-aġiri miftiehma mal-operatur tas-suq ta’ Barclays billi stabbilixxew kuntatti ma’ dawk responsabbli mis-sottomissjonijiet tal-bank tagħhom (ara l-punt 641 iktar ’il fuq).

679    It-tielet nett, għandu jitqies it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, peress li din ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti u ma hijiex affettwata mill-konklużjoni, li tinsab fil-punt 426 iktar ’il fuq, dwar il-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fil-ksur uniku inkwistjoni.

680    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li Crédit agricole kellha rwol inqas importanti fil-ksur mill-atturi prinċipali, b’mod partikolari l-bank D u l-bank A. Bl-istess mod, l-intensità tal-kuntatti li għalihom ipparteċipaw l-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole kienet inqas minn dik tal-imsemmija atturi prinċipali. Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit li Crédit agricole kienet taf jew setgħet raġonevolment tippreżumi li banek oħra kienu jipparteċipaw fl-iskambji dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġiji fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet li ma seħħewx fil-perspettiva tal-manipulazzjonijiet tar-rati.

681    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fl-aġiri li jikkostitwixxu ksur kienet intenzjonali u li r-rikorrenti ma jurux li huma għandhom jibbenefikaw, f’din il-kawża, miċ-ċirkustanza attenwanti relatata man-negliġenza. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 675 iktar ’il fuq, l-aġiri inkwistjoni huma kkaratterizzat minn gravità ikbar. Konsegwentement, l-effett li ċ-ċirkustanzi attenwanti, relatati mal-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fil-ksur inkwistjoni kienet inqas intensa u mal-fatt li r-rwol tagħha fl-imsemmi ksur kien inqas importanti meta mqabbla ma’ dawk tal-atturi prinċipali, jista’ jkollhom fuq l-ammont finali tal-multa, jista’ jkun biss marġinali.

682    Fit-tielet lok, l-ammont tal-multa ddeterminat mill-Qorti Ġenerali jieħu debitament inkunsiderazzjoni n-neċessità li fuq Crédit agricole tiġi imposta multa ta’ ammont dissważiv, konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punti 618 sa 624 iktar ’il fuq.

683    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ fid-dawl tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni u ta’ proporzjonalità tagħha jekk l-ammont tal-multa jiġi ffissat għal EUR 110 000 000, multa li għaliha Crédit agricole SA u CACIB huma responsabbli in solidum.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8530 finali tas-7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro (EIRD) huwa annullat.

2)      L-ammont tal-multa, li għaliha huma responsabbli in solidum Crédit agricole SA u Crédit agricole Corporate and Investment Bank, huwa stabbilit għal EUR 110 000 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Papasavvas

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Diċembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.