Language of document : ECLI:EU:C:2024:365

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fil‑25 ta’ April 2024 (1)

Kawża C239/23

Karl und Georg Anwander GbR Güterverwaltung

vs

Land BadenWürttemberg,

fil-preżenza ta’

Freistaat Bayern

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sigmaringen, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Ħlasijiet favur żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali jew għal restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn – Żoni muntanjużi – Allowance kumpensatorja – Esklużjoni ta’ ħlas għal superfiċji li jinsabu fir-reġjun ġar f’żona amministrattiva oħra”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-bidu tas-sena 2024 kien ikkaratterizzat minn manifestazzjonijiet u imblokki organizzati mill-bdiewa f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (2). Filwaqt li kienu qegħdin jitolbu kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ugwali bejn il-bdiewa tal-Unjoni u titjib tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tagħhom, huma irrapportaw ukoll sensiela ta’ dewmien amministrattiv li ma kienx jippermettilhom jiksbu, b’mod suffiċjentement fil-ħin, l-għajnuna mwiegħda, b’mod partikolari fil-kuntest tal-politika agrikola komuni.

2.        Il-kawża preżenti tikkostitwixxi xhieda ġdida tad-diffikultajiet prattiċi li jistgħu jkunu esposti għalihom il-bdiewa.

3.        Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (3) jistabbilixxi skema ta’ għajnuna favur l-iżvilupp rurali u jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkumpensaw lill-bdiewa li l-artijiet tagħhom ikunu f’żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali. Għalkemm il-Ġermanja għażlet din l-opzjoni, id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u l-verifika tal-osservanza tagħhom ġew fdati lil-Länder. Peress li l-ebda wieħed mil-Länder ma għandu l-kompetenza li jagħti ħlas għal art li ma tinsabx fil-limiti tat-territorju tiegħu, kull Land jiddeċiedi dwar il-ħlasijiet għall-artijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza territorjali tiegħu.

4.        Is-sitwazzjoni tirriżulta li hija kemxejn Kafkjana meta, kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali, filwaqt li l-artijiet tal-azjenda agrikola ta’ bidwi huma kollha eliġibbli għall-ħlas ta’ tali allowance sa fejn dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali ddefiniti rispettivament minn kull wieħed miż-żewġ Länder ikkonċernati, dan il-bidwi jsib ruħu prekluż milli jikseb kumpens għall-parti mill-artijiet tiegħu li ma jinsabux fil-Land li fih għandha s-sede tagħha l-azjenda agrikola tiegħu, peress li l-applikazzjoni għal appoġġ tista’ tiġi ppreżentata biss fil-Land fejn ikun tinsab din is-sede.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament Nru 1305/2013

5.        Il-premessi 7, 9 u 26 tar-Regolament Nru 1305/2013 jiddikjaraw dan li ġej:

“(7)      Sabiex jiġu żgurati l-bidu immedjat u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-programmi ta’ żvilupp rurali, l-appoġġ mill-FAEŻR għandu jkun ibbażat fuq l-eżistenza ta’ kondizzjonijiet ta’ qafas amministrattiv li huma sodi. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-applikabbiltà u t-twettiq ta’ ċerti kondizzjonalitajiet ex ante. Kull Stat Membru għandu jħejji, jew programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għat-territorju kollu tiegħu, jew sett ta’ programmi reġjonali, jew kemm programm nazzjonali kif ukoll sett ta’ programmi reġjonali. Kull programm għandu jidentifika strateġija li tilħaq il-miri b’rabta mal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali u għażla ta’ miżuri. L-ipprogrammar għandu jikkonforma mal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, u fl-istess waqt jadatta għal kuntesti nazzjonali u jikkumplimenta l-politiki l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politika tas-suq agrikolu, il-politika ta’ koeżjoni u l-politika komuni tas-sajd. L-Istati Membri li jagħżlu li jħejju sett ta’ programmi reġjonali għandhom ikunu jistgħu jħejju wkoll qafas nazzjonali, mingħajr allokazzjoni baġitarja separata, sabiex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni fost ir-reġjuni biex jindirizzaw l-isfidi nazzjonali.

[…]

(9)      Il-programmi ta’ żvilupp rurali għandhom jidentifikaw il-ħtiġijiet taż-żona koperta, u għandhom jiddeskrivu strateġija koerenti biex jissodisfawhom fid-dawl tal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali. Dik l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq l-istabbiliment ta’ miri. Għandhom jiġu stabbiliti r-rabtiet bejn il-ħtiġijiet identifikati, il-miri stabbiliti u l-għażla tal-miżuri magħżula biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet. Il-programmi ta’ żvilupp rurali għandhom jinkludu wkoll l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(26)      Sabiex ikun żgurat l-użu effiċjenti tal-fondi tal-Unjoni u trattament ugwali għall-bdiewa fl-Unjoni kollha, iż-żoni muntanjużi u ż-żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali jew speċifiċi oħra għandhom ikunu definiti f’konformità ma’ kriterji oġġettivi. Fil-każ ta’ żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali, dawk il-kriterji għandhom ikunu kriterji bijofiżiċi u sostnuti b’evidenza xjentifika qawwija. Għandhom ikunu adottati arranġamenti transizzjonali sabiex tkun iffaċilitata t-tneħħija gradwali ta’ pagamenti f’żoni li, bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, mhux ser jibqgħu jkunu meqjusa bħala li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali.”

6.        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw l-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, iffinanzjat mill-[FAEŻR] u stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549)]; Huwa jistabbilixxi l-objettivi li għalihom għandha tikkontribwixxi l-politika ta’ żvilupp rurali u l-prijoritajiet rilevanti tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali. Huwa jiddeskrivi l-kuntest strateġiku tal-politika ta’ żvilupp rurali u jiddefinixxi l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex tiġi implimentata l-politika ta’ żvilupp rurali. Barra minnhekk huwa jistabbilixxi regoli dwar l-ipprogrammar, in-netwerking, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni abbażi tar-responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u r-regoli biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-FAEŻR mal-istrumenti l-oħrajn tal-Unjoni.”

7.        Il-punt 4(a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ żvilupp rurali li jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, għandhom jiġu segwiti s-sitt prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, li jirriflettu fl-Objettivi Tematiċi rilevanti tal-[Qafas Strateġiku Komuni (QSL)]:

[…]

4)      ir-restawr, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u l-forestrija, b’enfasi fuq l-oqsma li ġejjin:

(a)      ir-restawr, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità, inklużi ż-żoni tan-Natura 2000, u ż-żoni li qed iħabbtu wiċċhom ma’ restrizzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi, u [ż-żoni agrikoli b’] valur naturali għoli, kif ukoll [il]-pajsaġġi Ewropej.”

8.        L-Artikolu 6(2) tal-istess regolament jiddikjara:

“Stat Membru jista’ jippreżenta jew programm wieħed għat-territorju kollu tiegħu jew sett ta’ programmi reġjonali. Alternittivament f’każijiet ġustifikati kif xieraq, huwa jista’ jippreżenta programm nazzjonali u sett ta’ programmi reġjonali. Jekk Stat Membru jippreżenta programm nazzjonali u sett ta’ programmi reġjonali, il-miżuri u/jew it-tipi ta’ operazzjonijiet għandhom ikunu pprogrammati jew fil-livell nazzjonali jew fil-livell reġjonali, u għandha tiġi żgurata l-koerenza bejn l-istrateġiji tal-programmi nazzjonali u dawk reġjonali.”

9.        L-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament Nru 1305/2013 jipprovdi:

“1.      Il-pagamenti lill-bdiewa f’żoni muntanjużi u żoni oħra li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħra, għandhom jingħataw kull sena għal kull ettaru ta’ żona agrikola sabiex jikkumpensaw lill-bdiewa għall-ispejjeż addizzjonali kollha jew parti minnhom u d-dħul mitluf b’rabta mar-restrizzjonijiet għal produzzjoni agrikola fiż-żona kkonċernata.

[…]

2.      Il-pagamenti għandhom jingħataw lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jwettqu l-attività agrikola tagħhom fiż-żoni indikati skont l-Artikolu 32 u huma bdiewa attivi fit-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament [(UE) Nru 1307/2013 (4)], kif applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat.”

10.      L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1305/2013 huwa redatt kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jagħżlu żoni, abbażi tal-paragrafi 2, 3 u 4, li huma eliġibbli għal pagamenti previsti fl-Artikolu 31 taħt il-kategoriji li ġejjin:

(a)      żoni muntanjużi;

(b)      żoni, minbarra żoni muntanjużi, li huma affettwati minn restrizzjonijiet naturali sinifikanti; u;

(c)      żoni oħra li huma affettwati minn restrizzjonijiet speċifiċi[.]

2.      Sabiex ikunu eliġibbli għal pagamenti skont l-Artikolu 31, iż-żoni muntanjużi għandhom ikunu kkaratterizzati minn limitazzjoni konsiderevoli tal-possibbiltajiet għall-użu tal-art u b’żieda apprezzabbli fl-ispejjeż tal-produzzjoni minħabba:

(a)      l-eżistenza, ikkawżata mill-altitudni, ta’ kondizzjonijiet klimatiċi diffiċli ħafna, li l-effett tagħhom iqassar sostanzjalment l-istaġun tal-kultivazzjoni;

(b)      f’altitudni aktar baxxa, il-preżenza fuq il-parti l-kbira taż-żona inkwistjoni ta’ tlajja’ u inżul wisq inklinati għall-użu ta’ makkinarju jew fejn ikun hemm bżonn, li jirrikjedu l-użu ta’ tagħmir speċjali li jiswa ħafna flus, jew kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ fatturi, fejn ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mit-tnejn li huma separatament ikunu inqas gravi iżda l-kombinazzjoni tagħhom it-tnejn twassal għal restrizzjonijiet ekwivalenti.

[…]

3.      Sabiex ikunu eliġibbli għal pagamenti skont l-Artikolu 31, żoni, minbarra żoni muntanjużi, għandhom jitqiesu li huma affettwati minn restrizzjonijiet naturali sinifikanti jekk, tal-anqas 60 % taż-żona agrikola tissodisfa tal-anqas wieħed mill-kriterji elenkati fl-Anness III fil-valur limitu indikat.

Il-konformità ma’ dawk il-kondizzjonijiet għandha tiġi żgurata fil-livell tal-unitajiet amministrattivi lokali (livell ‘LAU 2’) jew fil-livell ta’ unità lokali delinjata b’mod ċar li tkopri żona ġeografika kontigwa ċara u unika b’identità ekonomika u amministrattiva li tista’ tiġi definita.

[…]”

2.      IrRegolament Nru 1307/2013

11.      L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistabbilixxi:

“Ma għandu jingħata l-ebda pagament dirett lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew lil gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li ż-żoni agrikoli tagħhom huma fil-biċċa l-kbira żoni miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni u li ma jwettqux l-attività minima definita mill-Istati Membri skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(2) f’dawk iż-żoni.”

B.      Iddritt Ġermaniż

1.      Iddritt federali

12.      L-Artikolu 2 tal-Verordnung über die Durchführung von Stützungsregelungen und des Integrierten Verwaltungs- und Kontrollsystems (ir-Regolament tal-Ministeru Federali għall-Ikel u għall-Agrikoltura, adottat bi qbil mal-Ministeri Federali għall-Finanzi kif ukoll għall-Ekonomija u għall-Enerġija, dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet fil-Qasam tal-Għajnuna u tas-Sistema Integrata ta’ Ġestjoni u ta’ Kontroll), tal‑24 ta’ Frar 2015 (5), jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja prevista f’dan ir-regolament jew fil-punti 4 sa 6 tal-Artikolu 1(1), il-korpi kompetenti tal-Land skont id-dritt ta’ dan tal-aħħar (il-korpi kompetenti tal-Land), li fih il-bidwi għandu s-sede tal-azjenda agrikola tiegħu, huma territorjalment kompetenti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament u tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(1).

2.      Is-sede tal-azjenda agrikola rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-korp tal-Land kompetenti hija, bla ħsara għat-teħid lura tal-kompetenza konformement mal-paragrafu 3, il-post li jaqa’ taħt l-awtorità tal-uffiċċju tat-taxxa kompetenti sabiex jistabbilixxi t-taxxa fuq id-dħul tal-bidwi. Għall-persuni ġuridiċi, l-assoċjazzjonijiet ta’ persuni u l-mases partimonjali, il-korp kompetenti huwa l-korp tal-Land li fih jinsab il-korp ta’ tmexxija ta’ dawn tal-aħħar.

3.      Jekk il-bidwi għandu stabbiliment wieħed biss u dan l-istabbiliment jinsab f’Land differenti minn dak li fih tinsab is-sede tal-azjenda agrikola, il-korp tal-Land li fih jinsab l-istabbiliment jista’, bi qbil mal-korp tal-Land territorjalment kompetenti skont il-paragrafu 2 u bil-kunsens tal-bidwi, jieħu lura l-kompetenza fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament; is-sede tal-azjenda agrikola hija f’dak il-każ il-post tal-istabbiliment.

[…]”

2.      Iddritt talLand ta’ BadeWurtemberg

13.      Il-punt 1.1 tal-Verwaltungsvorschrift des Ministeriums Ländlicher Raum zur Förderung landwirtschaftlicher Betriebe in Berggebieten und in bestimmten benachteiligten Gebieten (VwV Ausgleichszulage Landwirtschaft) (ir-Regolament Amministtrativ tal-Ministeru għall-Ispazju Rurali Marbut mal-Promozzjoni tal-Azjendi Agrikoli fiż-Żoni Muntanjużi u f’Ċerti Żoni Żvantaġġati) tas‑6 ta’ Novembru 2019 (6), kif emendat bil-Verwaltungsvorschrift (ir-Regolament Amministrattiv) tal‑15 ta’ Novembru 2021 (iktar ’il quddiem il-“VwV AZL”) (7) jipprovdi:

“L-għan ta’ dan l-appoġġ huwa li jiġi żgurat, fiż-żoni żvantaġġati iddelimitati [żoni muntanjużi, żoni żvantaġġati minħabba raġunijiet naturali sinjifikattivi, żoni żvantaġġati minħabba raġunijiet speċifiċi oħrajn, minbarra żoni muntanjużi skont il-lista ta’ żoni fis-seħħ (ara l-punt 4 [tal-VwV AZL])], l-użu sostenibbli ta’ superfiċji agrikoli mill-azjenda agrikola u b’hekk li ssir kontribuzzjoni għall-konservazzjoni tal-pajsaġġ kif ukoll għaż-żamma u għall-promozzjoni ta’ miżuri għal attività agrikola sostenibbli.”

14.      Il-punt 2.1 tal‑VwV AZL jipprovdi:

“Huma biss il-bdiewa attivi fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament [Nru 1307/2013] li jagħmlu użu agrikolu huma stess mis-superfiċji li jinsabu fiż-żoni suġġetti għal restrizzjonijiet, iddelimitati reċentement, tal-Bade‑Wurtemberg, li jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ. L-għajnuna tista’ tingħata biss lill-bdiewa li s-sede tal-azjenda agrikola tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-InVeKoSV, tinsab f’Bade‑Wurtemberg u li s-sede ta’ impriża tagħhom tinsab fi Stat Membru tal-Unjoni.”

15.      Skont il-punt 3.2.1 tal-VwV AZL:

“Jista’ jingħata kumpens biss għas-superfiċji li jinsabu fiż-żoni eliġibbli tal-Bade‑Wurtemberg iddelimitati reċentement (ara l-punt 4.2).”

16.      Il-punt 4.2 tal-VwV AZL jipprovdi:

“Il-kategoriji li ġejjin ta’ żoni (żoni suġġetti għal restrizzjonijiet) huma elenkati fir-reġistru taż-żoni […] u huma rilevanti:

iż-żoni muntanjużi,

iż-żoni, minbarra ż-żoni muntanjużi, li huma affettwati minn restrizzjonijiet naturali sinjifikattivi,

iż-żoni l-oħrajn affettwati minn restrizzjonijiet speċifiċi.”

3.      Iddritt talLand ta’ Bayern

17.      Ir-Richtlinie des Bayerischen Staatsministeriums für Ernährung, Landwirtschaft und Forsten zur Gewährung der Ausgleichszulage in benachteiligten Gebieten (AGZ) gemäß Verordnung (EU) Nr. 1305/2013 (il-Linji Gwida tal-Ministeru ta’ Bayern għall-Ikel, għall-Agrikoltura u għall-Foresti Marbuta mal-Għoti tal-Allowance Kumpensatorja fiż-Żoni Suġġetti għal Restrizzjonijiet Konformement mar-Regolament Nru 1305/2013) tal‑1 ta’ Marzu 2019 (iktar ’il quddiem l-“AGZ”) (8) jipprovdu li tista’ tiġi allokata allowance kumpensatorja għas-superfiċji agrikoli li jinsabu fiż-żoni ta’ Bayern li huma suġġetti għal restrizzjonijiet. Sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-għajnuna, il-bidwi għandu jaħdem art agrikola affettwata minn restrizzjonijiet f’Bayern ta’ superfiċji ta’ mhux inqas minn 3 ettari u jkollu s-sede tal-azjenda agrikola tiegħu f’Bayern.

III. Ilfatti li wasslu għallkawża, ilproċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

18.      Karl und Georg Anwander Güterverwaltung, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija azjenda tal-ħalib fir-reġjun fil-fruntiera bejn il-Land ta’ Bade‑Wurtemberg u l-Land ta’ Bayern fil-Ġermanja. Is-sede tagħha tinsab fil-Land ta’ Bade‑Wurtemberg. Hija għandha madwar 100 ettaru f’dan il-land filwaqt li madwar 27 ettaru mill-azjenda tagħha jinsabu f’Bayern. Dawn is-superfiċji kollha jinsabu f’żona muntanjuża.

19.      L-awtoritajiet tal-Land ta’ Bade-Wurtemberg ikklassifikaw il‑100 ettaru mill-azjenda agrikola tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jinsabu fit-territorju ta’ dan il-land bħala superfiċji eliġibbli għall-ħlas ta’ allowance kumpensatorja minħabba restrizzjonijiet naturali li huma suġġetti għalihom dawn l-artijiet. L-awtoritajiet tal-Land ta’ Bayern għamlu l-istess ħaġa fir-rigward tas‑27 ettaru ta’ din l-azjenda agrikola li jinsabu fit-territorju ta’ Bayern.

20.      Sal‑2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisbet mingħand l-awtorità kompetenti tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg il-ħlas tal-allowance kumpensatorja għas-superfiċji kollha li hija għandha, inklużi għaldaqstant, dawk li jinsabu f’Bayern.

21.      Fit‑8 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ippreżentat, quddiem din l-istess awtorità, applikazzjoni għall-allowance kumpensatorja abbażi tas-sena 2019 għas-superfiċji eliġibbli kollha tagħha.

22.      Fil‑5 ta’ Diċembru 2019, id-dipartimenti amministrattivi tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg taw lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-allowance kumpensatorja ta’ EUR 4 095.66 għas-superfiċji eliġibbli li jinsabu f’dan il-land u ċaħdu l-applikazzjoni fir-rigward tas-superfiċji li jinsabu f’Bayern għar-raġuni li dawn ma kinux jinsabu f’Bade‑Wurtemberg.

23.      B’deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2021, ir-Regierungspräsidium Tübingen (il-Gvern tar-Reġjun ta’ Tübingen, il-Ġermanja) ċaħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2019.

24.      Fis‑17 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2019, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2021 u, min-naħa l-oħra, għall-għoti tal-allowance kumpensatorja ekwivalenti għal EUR 1 371.26 għas-superfiċji eliġibbli li jinsabu f’Bayern. Sussidjarjament, hija titlob li jiġi kkonstatat li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha li tirrigwarda dawn is-superfiċji u l-bażijiet legali li kienet ibbażata fuqhom (9) kienu jiksru l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013.

25.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli u dwar il-portata tal-marġni diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowances kumpensatorji kif mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

26.      Il-qorti tar-rinviju tindika qabelxejn li jingħata numru kbir ta’ sussidji minn subdiviżjonijiet differenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew detenturi oħrajn tal-awtorità pubblika fil-Ġermanja permezz ta’ “dispożizzjonijiet amministrattivi”, li d-destinatarji tagħhom huma l-uffiċjali u l-kollaboraturi tal-entità amministrattiva kkonċernata, li jistabbilixxu l-modalitajiet tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni ta’ din l-entità. Iċ-ċittadini ma jistgħux, skont id-dritt nazzjonali, jinvokaw direttament kontra l-Istat ir-regoli inklużi f’dawn id-dispożizzjonijiet amministrattivi peress li dawn tal-aħħar ma humiex meqjusa bħala li jipproduċu effett estern fir-rigward taċ-ċittadini (10).

27.      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li r-rekwiżiti sostantivi u proċedurali li jirregolaw l-għoti tal-ħlasijiet għaż-żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali previsti fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013 huma rregolati mid-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Ministeru għall-Ispazju Rurali u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg. Minn dan jirriżulta li, sabiex applikant ikun jista’ jibbenefika minn tali ħlasijiet, dan għandu jkollu s-sede tal-azjenda agrikola tiegħu (11) f’Bade‑Wurtemberg u s-superfiċji li għaliha tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-allowance kumpensatorja għandha tkun f’Bade‑Wurtemberg u tkun indikata minn dan il-land bħala żona affettwata minn restrizzjonijiet. L-applikazzjoni għall-appoġġ tista’ tiġi ppreżentata biss fil-Land li fih tinsab is-sede tal-azjenda agrikola tal-applikant. Ġaladarba l-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi jipparagunaw id-data fl-applikazzjonijiet differenti użata mil-Länder sabiex jivverifikaw li l-applikant ma jkunx diġà ppreżenta xi mkien ieħor applikazzjoni għall-allowance kumpensatorja, ma huwiex possibbli li jiġu ppreżentati diversi applikazzjonijiet għal appoġġ f’diversi Länder. Tali applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata biss fil-Land li fih tinsab is-sede tal-azjenda agrikola.

28.      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li mill-prassi amministrattiva tal-Land ta’ Bayern jirriżulta, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-għoti ta’ allowance kumpensatorja, li, sabiex jibbenefika minn tali allowance, l-applikant għandu jkollu s-sede tal-azjenda agrikola tiegħu f’dan il-land u s-superfiċji li għaliha tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-allowance, li għandha tkun ġiet irrikonoxxuta mill-imsemmi Land bħala suġġetta għal restrizzjonijiet naturali, għandha tkun tinsab wkoll f’Bayern. Konsegwentement, applikant li l-artijiet tiegħu jinsabu fit-territorju ta’ żewġ Länder jista’ jippreżenta applikazzjoni biss quddiem il-Land li fih huwa għandu s-sede tal-azjenda agrikola tiegħu. Il-qrati amministrattivi ta’ Bayern diġà ddeċidew li tali sitwazzjoni ma kinitx tmur kontra d-dritt tal-Unjoni peress li mir-Regolament Nru 1305/2013 ma jirriżulta l-ebda dritt dirett għall-għoti ta’ allowance kumpensatorja mill-korp kompetenti tal-Land u li għaldaqstant, dan il-korp seta’ jiddetermina l-modalitajiet tal-għoti ta’ din l-allowance u jeskludi mill-appoġġ is-superfiċji li ma jinsabux f’Bayern (12).

29.      Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinsab fis-sitwazzjoni li ġejja. Minkejja li għandha artijiet li jinsabu fiż-żewġ Länder u li kull wieħed minn dawn il-Länder indika dawn l-artijiet bħala żoni eliġibbli għall-għoti ta’ allowance kumpensatorja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ titlob l-għoti ta’ tali allowance (1) biss fil-Land li fih tinsab is-sede tal-azjenda agrikola tagħha u (2) unikament għas-superfiċji li jinsabu f’dan l-aħħar imsemmi Land. Fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni u tal-prassijiet amministrattivi, ir-rikorrenti ma tistax tirċievi allowances kumpensatorji mil-Land ta’ Bade‑Wurtemberg għas-superfiċji tagħha li jinsabu f’Bayern u ma tistax tippreżenta applikazzjoni għal dawn is-superfiċji f’Bayern.

30.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-portata tal-marġni ta’ manuvra rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni favur l-Istati Membri għad-determinazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ miżuri ta’ appoġġ lill-bdiewa, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li hija kkaratterizzata minn superfiċji eliġibbli li jinsabu f’żewġ żoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtoritajiet amministrattivi lokali separati. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubju fuq il-punt dwar jekk, ġaladarba Stat Membru jew ir-reġjun tiegħu jipprovdi għall-possibbiltà tal-għoti ta’ allowance kumpensatorja, minn dan jirriżultax, abbażi tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1305/2013, dritt għall-ħlas li jista’ jipprevalixxi ruħu minnu ċ-ċittadin ikkonċernat. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dispożizzjonijiet amministrattivi li fuqhom hija bbażata l-politika ta’ appoġġ ta’ kull Land ma jistgħux jiġu invokati direttament miċ-ċittadini u li hija biss il-prassi tal-awtoritajiet amministrattivi li hija vinkolanti fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. Il-kontestazzjoni ta’ tali prassi hija madankollu limitata għas-sempliċi invokazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li huwa ggarantit mill-Kostituzzjoni. F’każ li r-Regolament Nru 1305/2013 ma jistabbilixxix dritt għall-ħlas, dik il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-regolament jiddeterminax, fi kliemha, il-“kwalità ġuridika” li għandu jkollhom l-atti adottati mill-Istat Membru jew mir-reġjun li ddeċieda li jagħti allowance kumpensatorja, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà.

31.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sigmaringen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, b’deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ April 2023, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Dispożizzjoni amministrattiva jew prassi nazzjonali fil-qasam tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali li teskludi l-ħlas ta’ allowance kumpensatorja għal superfiċji li jinsabu f’żoni muntanjużi u f’żoni oħra li jaffaċċjaw restrizzjonijiet biss minħabba li s-superfiċji eliġibbli għall-allowance kumpensatorja jinsabu barra mir-reġjun, fis-sens tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament [Nru 1305/2013], tal-Istat Membru li jagħti l-allowance kumpensatorja hija konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) u mal-Artikolu 31(2), kif ukoll mal-Artikolu 32(1)(a), mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(2) u mat-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(3) [ta’ dan ir]-Regolament? Il-post tax-xogħol tal-bidwi li jaħdem is-superfiċji jikkostitwixxi kriterju ta’ differenzjazzjoni permissibbli f’dan ir-rigward?

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament [Nru 1305/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru jew ta’ reġjun tal-Istat Membru li ddeċieda li jagħti pagamenti lill-bdiewa li joperaw f’żoni muntanjużi u f’żoni oħra li jaffaċċjaw restrizzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 31(1) [ta’ dan ir]-Regolament, għandhom ikunu redatti b’tali mod li l-pagament għandu jingħata wkoll għal superfiċji li tkun ġiet ikklassifikata bħala żona muntanjuża jew żona oħra li taffaċċja restrizzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 31(1) [tal-imsemmi] Regolament, minn Stat Membru ieħor jew minn reġjun ieħor tal-istess Stat Membru li wkoll iddeċieda li jagħti pagamenti lill-bdiewa li joperaw f’żoni muntanjużi u f’żoni oħra li jaffaċċjaw restrizzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 31(1) [tal-istess] Regolament?

3)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 31(2) tar-Regolament [Nru 1305/2013] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta direttament dritt, taħt id-dritt tal-Unjoni, favur il-bidwi għall-għoti tal-pagament (allowance kumpensatorja) mill-Istat Membru jew mir-reġjun tal-Istat Membru, meta l-bidwi jkun bidwi attiv li jaħdem superfiċji li jkunu ġew ikklassifikati mill-Istat Membru jew mir-reġjun tal-Istat Membru bħala żona muntanjuża jew żona oħra li taffaċċja restrizzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 32(1) [ta’ dan ir]-Regolament u meta l-Istat Membru kkonċernat jew ir-reġjun tiegħu jkun iddeċieda li jagħti pagamenti (allowances kumpensatorji) fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) [tal-imsemmi] Regolament?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda:

a)      Kontra min huwa dirett id-dritt li jirriżulta, taħt id-dritt tal-Unjoni, mill-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1305/2013? Dan huwa dejjem dirett kontra l-Istat Membru nnifsu jew, fi kwalunkwe każ, kontra r-reġjun [il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) [ta’ dan ir-regolament] tal-Istat Membru, jekk ir-reġjun ikun iddeċieda, indipendentement mill-Istat Membru, li jagħti allowance kumpensatorja lill-bdiewa skont l-Artikolu 31 [tal-imsemmi] Regolament?

b)      Id-dritt għall-allowance kumpensatorja taħt id-dritt tal-Unjoni jippreżupponi, bħala prinċipju, li l-bidwi jissodisfa kundizzjonijiet oħra li jmorru lil hinn minn dawk previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) u fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament [Nru 1305/2013], li huma stipulati mill-Istat Membru jew mir-reġjun tiegħu li jagħti l-allowance kumpensatorja fl-ambitu tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda:

4)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament [Nru 1305/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru jew ta’ wieħed mir-reġjuni tiegħu li jinkludu l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-pagament (allowance kumpensatorja) fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) [ta’ dan ir-regolament] għandhom ikunu ta’ kwalità ġuridika li jippermettu li l-bdiewa jkollhom dritt għall-għoti tal-pagament (allowance kumpensatorja) jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal pagament stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat jew mir-reġjuni tiegħu, indipendentement mill-prassi fil-fatt applikata mill-Istat Membru jew mir-reġjun tiegħu fil-qasam tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali?”

32.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mil-Land ta’ Bade‑Wurtemberg, mil-Land ta’ Bayern kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

33.      Qabel ma nagħti risposta għad-domandi preliminari, għal mument sejjer immur lura għall-iskema stabbilita mir-Regolament Nru 1305/2013 favur żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali bħaż-żoni muntanjużi (A). Sussegwentement sejjer nagħti risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari li sejjer nittratta b’mod konġunt (B). Sejjer intemm l-analiżi tiegħi bil-proposta tiegħi ta’ risposta għat-tielet domanda (C), qabel ma nesponi r-raġunijiet li abbażi tagħhom inqis li r-raba’ domanda ma għandhiex għalfejn tingħata risposta (D).

A.      Fuq liskema stabbilita birRegolament Nru 1305/2013 favur żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali

34.      Ir-Regolament Nru 1305/2013 jistabbilixxi regoli ġenerali li jirregolaw l-appoġġ tal-Unjoni favur l-iżvilupp rurali ffinanzjat mill-FAEŻR u jistabbilixxi l-għanijiet li għalihom għandha tikkontribwixxi l-politika ta’ żvilupp rurali kif ukoll il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali (13).

35.      Dan ir-regolament jistabbilixxi wkoll ir-regoli fil-qasam tal-ipprogrammar (14) “abbażi tar-responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni” (15). L-appoġġ mill-FAEŻR huwa mitlub għat-twettiq tal-għanijiet ta’ żvilupp rurali segwiti fil-kuntest ta’ dawn il-prijoritajiet (16) permezz ta’ programmi ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali iddefiniti mill-Istati Membri (17), li jimplimentaw strateġija intiża li tissodisfa l-prijoritajiet tal-Unjoni kif iddefiniti fir-Regolament Nru 1305/2013 bis-saħħa ta’ sensiela ta’ miżuri iddefiniti skont it-Titolu III ta’ dan ir-regolament.

36.      Bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri, jistgħu jingħataw ħlasijiet favur żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali jew għal restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn (18). Dawn il-ħlasijiet jikkontribwixxu għat-twettiq tal-prijorità tal-Unjoni għall-iżvilupp sostenibbli li tikkonsisti fir-“restawr, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità” (19). Ir-Regolament Nru 1305/2013 jipprovdi li dawn il-ħlasijiet għandhom jingħataw lill-bdiewa li jinsabu f’żoni bħal dawn kull sena għal kull ettaru ta’ art agrikola bil-għan li “jikkumpensaw lill-bdiewa għall-ispejjeż addizzjonali kollha jew parti minnhom u d-dħul mitluf b’rabta mar-restrizzjonijiet għal produzzjoni agrikola fiż-żona kkonċernata” (20). Il-ħlasijiet għandhom jingħataw lill-bdiewa li huma “attivi” (21) u li jimpenjaw ruħhom sabiex jeżerċitaw l-attività agrikola tagħhom fiż-żoni indikati skont l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament (22). Sussegwentement, l-imsemmi regolament jistabbilixxi ammont minimu u ammont massimu ta’ ħlasijiet (23) u jipprovdi għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jżiduhom f’ċerti każijiet (24) jew li jipprovdu għad-digressjoni tagħhom (25). Bħala prinċipju, l-eliġibbiltà ta’ spiża tiġi ddeterminata fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali (26).

37.      Fir-rigward tal-indikazzjoni mill-Istati Membri tal-artijiet bħala li jinsabu f’żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali u għal restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn, din għandha ssegwi l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1305/2013. Minn dan jirriżulta, essenzjalment, li ż-żoni muntanjużi indikati huma kkaratterizzati minn “limitazzjoni konsiderevoli tal-possibbiltajiet għall-użu tal-art u b’żieda apprezzabbli fl-ispejjeż tal-produzzjoni” (27). Sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti tal-fondi tal-Unjoni li jipprovdu appoġġ għall-azzjoni tal-Istati Membri kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament, dawn iż-żoni għandhom ikunu ddefiniti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura bijofiżika sostnuti minn provi xjentifiċi qawwija (28).

38.      Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1305/2013 indubjament jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fuq il-kwistjoni dwar jekk huma jixtiqux jinkludu fil-programmi tagħhom mekkaniżmu ta’ kumpens għall-bdiewa (29) li l-artijiet tagħhom jinsabu f’żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali u dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna pprovduta minnhom (30) – kemm fir-rigward, pereżempju, tal-implimentazzjoni konkreta tal-preskrizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (bħad-daqs tal-azjendi eliġibbli jew il-post fejn jinsabu), tal-ammont tal-għajnuna jew anki tar-rekwiżiti dokumentali (31).

39.      Madankollu, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ huwa ddelimitat, kif sejjer nispjega fit-taqsimiet li ġejjin.

B.      Fuq lewwel u ttieni domanda preliminari

40.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013 ta’ sitwazzjoni li fiha awtorità reġjonali tista’ tillimita d-dritt għall-ħlas ta’ allowance kumpensatorja biss għal dawk is-superfiċji eliġibbli tal-azjenda ta’ bidwi li jinsabu fit-territorju tar-reġjun li fih tinsab is-sede ta’ din l-azjenda (l-ewwel domanda). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-regolament jobbligawx lill-awtoritajiet ta’ reġjun jagħtu l-ħlas għas-superfiċji ta’ din l-istess azjenda li ġew indikati bħala eliġibbli għall-ħlas ta’ allowance kumpensatorja mill-awtoritajiet ta’ reġjun ieħor li fit-territorju tiegħu jinsabu dawn is-superfiċji (it-tieni domanda).

41.      Għaldaqstant, l-ewwel żewġ domandi preliminari, li jiena nipproponi li għandhom jiġu ttrattati b’mod konġunt, iqajmu, b’mod impliċitu, il-kwistjoni dwar jekk il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li għadni kif iddeskrivejt, jistax jiġġustifika sitwazzjoni li fiha, minkejja li Stat Membru u r-reġjuni tiegħu ipprovdew, fil-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali, il-possibbiltà li jingħataw ħlasijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013 u minkejja li l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan hija, tal-inqas parzjalment, iddelegata lil-livell reġjonali taħt l-awtorità tal-Länder, bidwi attiv jista’ jitlob kumpens biss għall-artijiet eliġibbli li jinsabu fit-territorju tal-Land li fih hija stabbilita s-sede tal-azjenda tiegħu, liema sitwazzjoni b’hekk teskludi kull possibbiltà ta’ kumpens għall-artijiet ta’ dan il-bidwi li jinsabu fit-territorju ta’ Land ieħor, minkejja li dawn huma meqjusa minn dan tal-aħħar bħala eliġibbli għal dawn il-ħlasijiet.

42.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Land ta’ Bade‑Wurtemberg (32) iddeskriva fid-dettall il-programmi ta’ appoġġ li huwa kellu l-intenzjoni li jadotta, b’mod partikolari fir-rigward tal-allowances kumpensatorji, fi pjan ta’ miżuri u ta’ żvilupp tal-ispazju rurali ta’ Bade‑Wurtemberg għas-snin 2014 sa 2020 li ġie approvat mill-Kummissjoni (33). Il-Land ta’ Bade‑Wurtemberg jispjega li l-ammont tal-ħlas huwa speċifiku għal-Land u ma jistax jiġi ttrasferit mingħajr ebda tibdil ieħor lis-superfiċji ta’ Länder oħrajn li għandhom l-istess klassifikazzjoni. Tali approċċ huwa impost ukoll fil-kuntest tal-istruttura federali tal-Ġermanja, sa fejn il-Länder responsabbli għat-tfassil tal-pjan-qafas nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu li l-proċedura ta’ għajnuna tiżvolġi ruħha fil-forma korretta u dovuta fil-kuntest tal-kamp ta’ kompetenza rispettiva tagħhom. Għaldaqstant, il-kompetenzi tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg huma limitati għat-territorju ta’ dan il-land. L-organizzazzjoni prattika tal-appoġġ permezz tal-għoti ta’ allowances kumpensatorji taqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri.

43.      Fl-ewwel lok, sejjer neżamina l-kwistjoni tal-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg sabiex jagħtu l-allowance kumpensatorja għas-superfiċji agrikoli tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jinsabu f’Bayern.

44.      Qabelxejn, nikkonstata li l-fatt li Stat Membru, permezz tal-organizzazzjoni u l-istruttura interna tiegħu, jiddelega lil entitajiet reġjonali, il-kompetenza li jiddeċiedu li jagħtu allowance kumpensatorja skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament Nru 1305/2013, evidentement ma huwiex kritikabbli peress li l-istruttura federali tal-Istat Membru kkonċernat hija komponent tal-identità nazzjonali tiegħu li l-Unjoni hija obbligata tosserva skont l-Artikolu 4(2) TUE (34). Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1305/2013 jattribwixxi espliċitament il-kompitu tal-iżgurar tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament, jew lil “unitajiet amministrattivi lokali” (35), jew inkella lil unitajiet lokali iddelinjati b’mod ċar li jkopru żona ġeografika kontigwa ċara u unika b’identità ekonomika u amministrattiva li tista’ tiġi ddefinita (36). Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni jinkoraġixxi li l-livell ta’ implimentazzjoni tal-pjan u ta’ teħid ta’ deċiżjoni dwar l-għoti ta’ pagamenti previsti fl-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament ikun l-eqreb possibbli tal-bdiewa kkonċernati.

45.      Inżid li l-indikazzjoni taż-żoni eliġibbli għall-ħlasijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 31 ma hijiex ibbażata biss fuq klassifikazzjoni purament ġeografika jew topografika iżda tista’ tirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi reġjonali speċifiċi.

46.      Fil-fatt, l-Istati Membri huma obbligati li jirfinaw din il-klassifikazzjoni billi jeskludu, pereżempju, iż-żoni li, ġeografikament, huma suġġetti għal restrizzjonijiet naturali sinjifikattivi iżda li għalihom dawn ir-restrizzjonijiet setgħu jingħelbu “b’investimenti jew b’attività ekonomika, jew b’evidenza ta’ produttività normali tal-art, jew fejn il-metodi tal-produzzjoni jew is-sistemi ta’ biedja jpattu għad-dħul mitluf jew spejjeż addizzjonali msemmija fl-Artikolu 31(1)” (37). Għaldaqstant huwa għal kollox konċepibbli li tali evalwazzjoni tista’ titmexxa b’mod iktar effikaċi fil-livell regolamentari u amministrattiv l-iktar qrib taż-żona kkonċernata.

47.      Kif jispjega l-Land ta’ Bade‑Wurtemberg fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ awtonomija regolamentari rrikonoxxut favur l-entitajiet federali għandu bħala konsegwenza l-fatt li l-kriterji ta’ klassifikazzjoni tas-superfiċji f’żoni eliġibbli għall-pagamenti previsti fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013 jistgħu jiġu evalwati b’mod differenti skont il-Land ikkonċernat u li superfiċji kklassifikata bħala “żona muntanjuża” mil-Land ta’ Bayern tista’ ma tkunx tissodisfa l-kriterji stabbiliti mil-Land ta’ Bade‑Wurtemberg (38).

48.      Kull Land għandu, minn naħa, jevalwa l-opportunità li jipprovdi, jew le, għall-allowances kumpensatorji skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013, minn naħa oħra, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà applikabbli fit-territorju tiegħu kif ukoll l-ammont tal-pagamenti għal ettaru ta’ żona muntanjuża, li b’hekk jistgħu jvarjaw minn Land għal ieħor, u, finalment, jindika ż-żoni kkonċernati. Għaldaqstant, kull Land jeżerċita, fil-limiti tas-sovranità territorjali tiegħu u tal-awtonomija finanzjarja tiegħu, is-setgħa ta’ evalwazzjoni rrikonoxxuta mill-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-regolament għall-implimentazzjoni tiegħu.

49.      F’konfigurazzjoni bħal din, il-fatt li l-awtoritajiet ta’ Bade‑Wurtemberg jiġu obbligati jħallsu l-allowance kumpensatorja lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għas-superfiċji agrikoli li hija għandha f’Bayern iqajjem, fost affarijiet oħrajn, il-problema tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din l-allowance u jkun imur kontra l-prinċipju tat-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan l-ordinament ġuridiku Ġermaniż.

50.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, mill-interpretazzjoni tiegħi tar-Regolament Nru 1305/2013 u, b’mod partikolari, tar-rwol mogħti minn dan tal-aħħar lill-awtoritajiet reġjonali fl-ippjanar għall-iżvilupp rurali u għall-implimentazzjoni u s-segwitu tal-miżuri deċiżi fil-pjanijiet, ikun xi jkun il-livell li fih isir dan, jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1), l-Artikolu 31(2), kif ukoll l-Artikolu 32(1)(a), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(2) u t-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tillimita l-kompetenza tal-awtorità reġjonali maħtura fil-livell nazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar l-għoti tal-pagamenti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet għas-superfiċji agrikoli biss li jaqgħu taħt il-kompetenza leġiżlattiva tagħha.

51.      Fit-tieni lok, jeħtieġ li tiġi analizzata l-kwistjoni tal-kriterju tal-post tas-sede tal-azjenda bħala fattur li jillimita l-portata territorjali tad-dritt għall-ħlas ta’ allowance kumpensatorja.

52.      Għalkemm, kif fakkart iktar ’il fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni wera li huwa disponibbli li josserva l-kompetenza sħiħa tal-Istati Membri sabiex jaħtru l-entitajiet kompetenti għall-finijiet tal-għoti tal-pagamenti previsti mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013, daqshekk ieħor ippreskriva b’mod ċar li bidwi attiv għandu jkun jista’ jitlob l-allowance kumpensatorja prevista għal kull żona indikata bħala eliġibbli.

53.      Fil-fatt, minn naħa, mill-kliem tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013 jirriżulta li “l-pagamenti lill-bdiewa […] għandhom jingħataw kull sena għal kull ettaru ta’ żona agrikola” (39) (paragrafu 1) u li “l-pagamenti għandhom jingħataw lil bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jwettqu l-attività agrikola […] u huma bdiewa attivi” (paragrafu 2) (40). Għaldaqstant, ma hemm xejn li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li ċerti superfiċji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti minn dan ir-regolament jistgħu ma jirċevux il-ħlas korrispondenti, meta dan ikun previst. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ħlas jiġi limitat biss għas-superfiċji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Land li fi ħdanu tinsab is-sede tal-azjenda jippreġudika l-għan segwit mir-Regolament Nru 1305/2013 peress li l-għajnuna pprovduta liż-żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali tissodisfa prijorità identifikata mill-Unjoni għall-iżvilupp rurali (41). Fl-aħħar, il-fatt li l-użu agrikolu ta’ superfiċji eliġibbli ma jistax jagħti lok għall-allowance kumpensatorja f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali jista’ wkoll ipoġġi f’dubju l-koerenza bejn l-istrateġiji previsti mill-programm nazzjonali u l-programmi reġjonali, li jsir riferiment għalihom fir-Regolament Nru 1305/2013 (42).

54.      Konsegwentement, ikun kuntrarju għar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni u għall-għan segwit mir-Regolament Nru 1305/2013 li jitqies li dan tal-aħħar ma jipprekludix organizzazzjoni nazzjonali tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowances kumpensatorji previsti fl-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament li effettivament teskludi parti mill-artijiet, li minn kull angolu ieħor huma perfettament eliġibbli għal dawn l-allowances, għas-sempliċi raġuni li dawn ma jinsabux esklużivament f’żona ġeografika kontingwa li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ awtorità amministrattiva reġjonali waħda. Madankollu, kif tindika l-qorti tar-rinviju, huwa impossibbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tippreżenta applikazzjoni għal għajnuna għas-superfiċji tagħha li jinsabu f’Bayern (43) peress li tali applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata biss quddiem l-awtoritajiet tal-Land tas-sede tal-azjenda, u li dawn l-awtoritajiet ma humiex kompetenti għall-artijiet li jinsabu barra minn dan il-land. Id-dritt għal ħlas parzjali biss huwa ggarantit. Dan kollu la jirrifletti l-kliem u lanqas l-intenzjoni wara r-Regolament Nru 1305/2013.

55.      Għaldaqstant, ikun xenarju wieħed jekk jitqies li l-awtoritajiet tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg jistgħu jiġu obbligati li jagħtu ħlas abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013, dejjem bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti għal dan l-għan minn dan ir-regolament, biss għall-artijiet li jinsabu fit-territorju ta’ dan il-land, u għaldaqstant li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.

56.      Ikun xenarju ieħor jekk jiġi deċiżi li hija kompatibbli mar-Regolament Nru 1305/2013 sitwazzjoni li fiha l-post tas-sede tal-azjenda jiddetermina, waħdu, il-portata territorjali tad-dritt għall-ħlas u li fiha tali dritt huwa eskluż għall-artijiet ta’ din l-istess azjenda li ma jinsabux fit-territorju tal-istess awtorità amministrattiva reġjonali kif ukoll f’dak tas-sede, u dan minkejja li dawk l-artijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha rikjesti minn dan ir-regolament sabiex ikunu eliġibbli għal tali ħlas.

57.      Fil-fatt, ġaladarba Stat Membru, fejn applikabbli permezz tar-reġjunijiet tiegħu, jadotta l-għażla, fil-programm tiegħu għall-iżvilupp rurali, li jappoġġja lil dan tal-aħħar b’mod partikolari bil-provvista ta’ ħlasijiet favur żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali, ma jistax iwarrab, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li barra minn hekk, ġie rrikonoxxut (44) biha, il-kundizzjonijiet elenkati b’mod restrittiv fir-Regolament Nru 1305/2013 li jikkonsistu, minn naħa, fl-indikazzjoni taż-żona kkonċernata bħala li hija eliġibbli minħabba l-konfigurazzjoni naturali tagħha u r-restrizzjonijiet għall-produzzjoni agrikola li tiġġenera tali konfigurazzjoni (Artikolu 31(1) ta’ dan ir-regolament, kif speċifikat fl-Artikolu 32) u, min-naħa l-oħra, fl-istatus attiv tal-bidwi (45) (Artikolu 31(2) tal-imsemmi regolament). Għaldaqstant, il-fatt li d-dritt għall-ħlas jiġi limitat biss għas-superfiċji agrikoli li jinsabu fit-territorju tal-Land tas-sede tal-azjenda iżid kundizzjoni li ma hijiex prevista mir-Regolament Nru 1305/2013. Din il-kundizzjoni l-ġdida, li ma hija bl-ebda mod marbuta mal-kriterji bijofiżiċi sostnuti b’evidenza xjentifika rrakkomandata mil-leġiżlatur tal-Unjoni (46), tippreġudika b’mod dirett, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-effettività tal-allowances kumpensatorji previsti mir-regolament favur żoni suġġetti għal restrizzjonijiet (47), liema allowances – għandi nfakkar – jissodisfaw għan identifikat favur l-iżvilupp rurali u waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni (48). L-applikazzjoni ta’ tali kundizzjoni twassal, bħalma ġara fil-każ tal-kawża prinċipali, għall-esklużjoni pura u sempliċi mid-dritt għall-ħlas għas-superfiċji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti mir-Regolament Nru 1305/2013 – li għaldaqstant fir-rigward tagħhom awtorità reġjonali stabbilixxiet li dawn jippreżentaw il-karatteristiċi kollha rikjesti sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ kumpens.

58.      Ġaladarba, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-artijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jinsabu f’Bayern jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan il-land sabiex ikunu eliġibbli għall-allowance kumpensatorja skont l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li dan il-kriterju tas-sede tal-azjenda jintuża bħala fattur li jillimita d-dritt għall-ħlas tal-allowance kumpensatorja għal dawn is-superfiċji biss li jinsabu fil-Land tas-sede tal-azjenda.

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għall-ewwel żewġ domandi preliminari għandha tkun li l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li (1) dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tillimita l-kompetenza tal-awtorità reġjonali maħtura fil-livell nazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar l-għoti tal-ħlasijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet biss għas-superfiċji agrikoli li jaqgħu taħt il-kompetenza leġiżlattiva tagħha, u (2) dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tipprovdi li huma biss is-superfiċji indikati bħala eliġibbli mil-Land tas-sede tal-azjenda tal-bidwi attiv ikkonċernat li jistgħu jagħtu lok għall-ħlas ta’ allowance kumpensatorja, teskludi kull possibbiltà ta’ ħlas għas-superfiċji ta’ din l-istess azjenda li ġew iddikjarati eliġibbli minn Land ieħor.

C.      Fuq ittielet domanda preliminari

60.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013 jistabbilixxux dritt għall-ħlas għall-benefiċċju tal-bidwi attiv li jagħmel użu agrikolu mill-artijiet li jinsabu fiż-żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ġaladarba l-Istat Membru jew ir-reġjun ikkonċernat għażel li jimplimenta tali ħlas fil-pjan ta’ żvilupp rurali tiegħu u indika dawn l-artijiet bħala eliġibbli għal tali ħlas. Jekk tali dritt jeżisti, il-qorti tar-rinviju sussegwentement tistaqsi, fl-ewwel lok, quddiem liema forum il-bidwi jista’ jinvoka d-dritt tiegħu u, fit-tieni lok, jekk dan id-dritt jistax jiġi ssuġġettat għal kundizzjonijiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk diġà previsti fir-Regolament Nru 1305/2013.

61.      Ir-risposta għal din id-domanda tista’ diġà, tal-inqas parzjalment, tiġi dedotta mill-iżviluppi li saru fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel żewġ domandi preliminari. Hemm lok li dawn l-elementi ta’ risposta jiġu kkompletati b’riferiment mill-ġdid għan-natura tar-Regolament Nru 1305/2013.

62.      Infakkar li mill-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li regolament huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha u huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu. Minkejja li, minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fl-iskema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti għandhom, ġeneralment, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jeħtieġu, madankollu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (49). L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni, dejjem b’osservanza ta’ tliet kundizzjonijiet: (1) ma għandhomx jostakolaw l-applikabbiltà diretta tar-regolament – li għalhekk tissussisti –, (2) ma għandhomx jaħbu n-natura tiegħu ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni u (3) għandhom sempliċiment jispeċifikaw l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ evalwazzjoni mogħti mir-regolament inkwistjoni filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (50).

63.      Jeħtieġ li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament inkwistjoni, kif interpetati fid-dawl tal-għanijiet segwiti minnu, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux, jobbligawx jew jippermettux lill-Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, jekk dan huwa l-każ, jekk il-miżura kkonċernata taqax fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni rrikonoxxut favur kull Stat Membru (51). Barra minn hekk, għalkemm huma permessi ċerti miżuri ta’ applikazzjoni deċiżi mill-Istati Membri, din l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija suġġetta, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta. Bl-istess mod, l-Istati Membri huma obbligati wkoll josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (52).

64.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex meħtieġ li jsir daqstant enfasi fuq l-eżami tal-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-marġni ta’ evalwazzjoni rrikonoxxut favur l-awtoritajiet federali Ġermaniżi, peress li l-iskema applikabbli għall-ħlasijiet favur żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali ma tippermettix lill-Istati Membri li jadottaw miżura ta’ applikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li r-riżultat tagħha jwassal sabiex id-dritt għall-ħlas jiġi limitat biss għas-superfiċji eliġibbli ta’ bidwi attiv li jinsabu fit-territorju tal-Land tas-sede tal-azjenda.

65.      Fir-rigward tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013, diġà kkonstatajt, b’rabta mal-ewwel wieħed minnhom, li l-ħlasijiet intiżi għall-bdiewa “għandhom jingħataw” lill-bdiewa attivi, li jimpenjaw ruħhom li jwettqu l-attività agrikola fiż-żoni indikati, bil-għan li dawn jiġu kkumpensati totalment jew parzjalment għall-ispejjeż addizzjonali u għat-telf ta’ dħul li jirriżulta minn dawn ir-restrizzjonijiet għall-produzzjoni. Il-fatt li l-ħlasijiet għandhom jingħataw lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jeżerċitaw l-attività agrikola fiż-żoni indikati skont l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament u li huma attivi jirriżulta b’mod inekwivoku mill-Artikolu 31(2) tal-imsemmi regolament.

66.      Il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri jista’ jiġi eżerċitat, qabel kollox, fl-għażla dwar jekk jinkludux, jew le, fil-programmi nazzjonali tagħhom assistenza speċifika intiża għaż-żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali. Sussegwentement, ġaladarba jkunu għamlu din l-għażla, l-Istati Membri jistgħu jerġgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ evalwazzjoni tagħhom, u b’hekk jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 62 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fir-rigward tal-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali u tat-telf ta’ dħul (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1305/2013), li l-Istati Membri jistgħu barra minn hekk jaġġustaw (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-regolament). Bl-istess mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ippreveda li l-ammont tal-ħlasijiet għandu jitħalla għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri li hija limitata biss minn livell minimu u ieħor massimu li huwa stabbilixxa u li huma jistgħu japplikaw digressività (l-Artikolu 31(3) u (4) tal-imsemmi regolament). Fir-rigward tal-indikazzjoni taż-żoni, l-Istati Membri huma msejħa li jevalwaw ir-restrizzjoni kunsiderevoli tal-possibbiltajiet għall-użu tal-artijiet u ż-żieda apprezzabbli fl-ispejjeż tal-produzzjoni, u li jiddeterminaw li din ir-restrizzjoni u din iż-żieda jirriżultaw jew minn kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli marbuta mal-altitudni li l-effett tagħhom iqassar sostanzjalment l-istaġun tal-kultivazzjoni, jew inkella minn pendil qawwi li jirrendi l-użu ta’ tagħmir mekkaniku impossibbli jew finanzjarjament oneruż (l-Artikolu 32(2) tal-istess regolament).

67.      B’hekk, għalkemm l-għażla tal-opzjoni tal-ħlasijiet favur iż-żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-Istati Membri, ġaladarba jagħmlu din l-għażla, jirriżulta b’mod ċar, fl-opinjoni tiegħi, li d-dritt għall-ħlas jitnissel mill-mument li fih jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1305/2013.

68.      Madankollu, miżura ta’ applikazzjoni bħal dik adottata fil-livell federali (53) u fil-livelli reġjonali tmur lil hinn mill-marġni ta’ evalwazzjoni rrikonoxxut favur l-Istati Membri mir-Regolament Nru 1305/2013 sa fejn ma tiżgurax dritt għall-ħlas għall-artijiet kollha eliġibbli (54) ta’ bidwi attiv u jidhirli li tmur direttament kontra r-rieda espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz ta’ din id-dispożizzjoni (55).

69.      Fl-aħħar nett, ma naħsibx, kif tenfasizza l-Kummissjoni u ġaladabra ma jiġix ammess li ma ġiex osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li s-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri jew ir-reġjuni tagħhom fl-iżvilupp ta’ programm tista’ tagħtihom ukoll il-poter li ma jagħtux ħlas lill-bdiewa attivi li jitolbuh, meta tali ħlas huwa previst fil-programm ta’ żvilupp rurali tagħhom favur iż-żoni li dawn l-Istati jew dawn ir-reġjuni huma stess indikaw bħala superfiċji eliġibbli.

70.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar kontra min għandu jiġi invokat id-dritt li jirriżulta mill-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013, il-qorti tar-rinviju, li hija responsabbli sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li ċaħdet l-applikazzjoni għal ħlas fir-rigward tal-artijiet eliġibbli tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jinsabu f’Bayern, jidhirli li tixtieq tikseb konferma li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-awtoritajiet kompetenti tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg sabiex jagħtu tali ħlas. Dan is-suġġett jirrikjedi ripetizzjoni parzjali ta’ dak eżaminat preċedentement u għaldaqstant nagħmel riferiment għall-punti 42 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

71.      Inżid li r-Regolament Nru 1305/2013 ma jipprevedix regoli li jiddeterminaw quddiem liema awtorità bidwi jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għall-ħlas. Madankollu, peress li l-proċedura li biha jingħata ħlas abbażi tal-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament ma hijiex irregolata mill-imsemmi regolament, huma l-Istati Membri li għandhom jorganizzawha, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li din ma tkunx inqas favorevoli minn dik li tirregola sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma tirrendix l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (56).

72.      Għaldaqstant huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-entità li quddiemha bidwi attiv jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għall-ħlas għal kull waħda mill-artijiet tiegħu li ġew indikati bħala eliġibbli għall-imsemmi ħlas.

73.      Il-prinċipju ta’ effettività ma jimponix li d-dritt għall-ħlas jista’ jiġi eżerċitat quddiem awtorità pubblika li ma inkludietx fil-programm tagħha tali assistenza favur żoni suġġetti għal restrizzjonijiet naturali jew li, minkejja li inkludiet tali assistenza, ma indikatx l-artijiet bħala eliġibbli għall-ħlas, minħabba, pereżempju, l-evalwazzjoni li hija wettqet fir-rigward tal-kriterji rikjesti mir-Regolament Nru 1305/2013 jew, bħal fil-każ ineżami, peress li hija ma għandhiex il-kompetenza territorjali.

74.      Madankollu, peress li d-dritt jitnissel, favur il-bdiewa attivi, mill-mument li fih l-awtorità lokalment kompetenti tkun iddeċidiet, fil-kuntest tal-programm favur l-iżvilupp rurali, li timplimenta l-miżuri previsti mill-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013 u tkun indikat bħala eliġibbli ż-żoni kkonċernati, ir-rimedji tad-dritt nazzjonali għandhom jiġu organizzati, b’osservanza tal-preskrizzjonijiet imfakkra fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’tali mod li l-imsemmija bdiewa jkunu jistgħu jinvokaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom għall-ħlas għas-superfiċji eliġibbli kollha (57). Barra minn hekk, jiena nikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-applikazzjoni għal ħlas tista’ tiġi ssuġġettata għal kundizzjonijiet oħrajn, ġaladarba dawn ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji u li ma jipperikolawx l-effettività tad-dritt għall-ħlas (58).

D.      Fuq irraba’ domanda preliminari

75.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali jew ta’ reġjun ta’ Stat Membru, li tinkludi fiha l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-ħlas, għandu jkollha “kwalità ġuridika” li tippermetti lill-bdiewa li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet li jiksbu l-ħlas ta’ allowance kumpensatorja, indipendentement mill-prassi effettiva tal-Istat Membru jew tar-reġjun tiegħu fil-qasam tal-appoġġ.

76.      Is-sens ta’ din id-domanda huwa parzjalment iċċarat mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li jindikaw li d-dispożizzjonijiet amministrattivi li fuqhom hija bbażata l-politika ta’ appoġġ ta’ kull Land ma jistgħux jiġu invokati direttament miċ-ċittadini u hija biss il-prassi tal-awtoritajiet amministrattivi li hija vinkolanti fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, il-kontestazzjoni ta’ tali prassi hija limitata biss mill-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li huwa ggarantit mill-Kostituzzjoni. Fil-każ li r-Regolament Nru 1305/2013 ma jistabbilixxix dritt għall-ħlas, dik il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-regolament jiddeterminax il-“kwalità ġuridika”, skont il-kliem tagħha, li għandu jkollhom l-atti adottati mill-Istat Membru jew ir-reġjun li ddeċieda li jagħti allowance kumpensatorja li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għaliha. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-domanda qiegħda ssir lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-każ li fih il-qorti tar-rinviju kellha tilqa’ t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-artijiet tagħha li jinsabu f’Bayern (59).

77.      Fid-dawl tar-risposta li jiena nipproponi li għandha tingħata lit-tielet domanda u ġaladarba din ir-raba’ domanda hija fformulata fil-każ ta’ assenza ta’ dritt għall-ħlas li jirriżulta mill-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tagħti risposta għal din ir-raba’ domanda.

78.      Anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti risposta negattiva għat-tielet domanda, ma jidhirlix li risposta għal din ir-raba’ domanda preliminari tkun utli għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, dwar dan il-punt, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-prinċipju li l-prassi attwali tal-awtoritajiet tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg fil-qasam tal-appoġġ hija illegali minħabba d-dispożizzjoni amministrattiva tal-ministeru u l-mod kif inhuma żviluppati fiha l-kriterji ta’ eliġibbiltà li jeskludu kull possibbiltà ta’ ħlas għall-artijiet li jinsabu f’Bayern. Madankollu, peress li mill-analiżi tiegħi tal-ewwel żewġ domandi preliminari jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jobbliga lill-awtoritajiet tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg jipproċedu bil-ħlas għall-artijiet li jinsabu f’Bayern u indikati bħala eliġibbli mill-awtoritajiet ta’ Bayern, ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ din ir-raba’ domanda ma hijiex utli għar-riżoluzzjoni tal-kawża pendenti quddiemha. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din ir-raba’ domanda (60).

V.      Konklużjoni

79.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta kif ġej għad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Verwaltungsgericht Sigmarigen (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sigmaringen, il-Ġermanja):

L-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487 u rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tillimita l-kompetenza tal-awtorità reġjonali maħtura fil-livell nazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar l-għoti tal-ħlasijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet għas-superfiċji agrikoli biss li jaqgħu taħt il-kompetenza leġiżlattiva tagħha;

–        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tipprovdi li huma biss is-superfiċji indikati bħala eliġibbli mil-Land tas-sede tal-azjenda tal-bidwi attiv ikkonċernat, li jistgħu jagħtu lok għall-ħlas ta’ allowance kumpensatorja, teskludi kull possibbiltà ta’ ħlas għas-superfiċji ta’ din l-istess azjenda li ġew iddikjarati eliġibbli minn Land ieħor;

–        id-dritt għall-ħlas jitnissel, favur il-bdiewa attivi, mill-mument li fih l-awtorità lokalment kompetenti tkun iddeċidiet, fil-kuntest tal-programm favur l-iżvilupp rurali, li timplimenta l-miżuri previsti mill-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013, kif emendat bir-Regolament 2017/2393, u tkun indikat bħala eliġibbli ż-żoni kkonċernati. Ir-rimedji tad-dritt nazzjonali għandhom jiġu organizzati, b’osservanza tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, b’tali mod li l-imsemmija bdiewa jkunu jistgħu jinvokaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom għall-ħlas għas-superfiċji eliġibbli kollha. L-applikazzjoni għal ħlas tista’ tiġi ssuġġettata għal kundizzjonijiet oħrajn, ġaladarba dawn ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji u li ma jipperikolawx l-effettività tad-dritt għall-ħlas għas-superfiċji eliġibbli kollha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Ara, pereżempju, https://cyprus-mail.com/2024/02/01/angry-farmers-take-protest-to-eu-summit-with-tractors-and-fires/.


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487 u rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1305/2013”).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608).


5      BGBl. 2015 I, p. 166, iktar ’il quddiem l-“InVeKoSV”.


6      GABl. 2019, p. 389.


7      GABl. 2021, p. 532.


8      BayMBl. 2019, Nru 143.


9      Jiġifieri l-punti 2.1 u 3.2.1 tal-VwV AZL.


10      Skont il-qorti tar-rinviju, l-effett vinkolanti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jkun biss indirett peress li l-amministrazzjoni hija mistennija tittratta bl-istess mod sitwazzjonijiet fattwali identiċi. Fil-każ ta’ inugwaljanza fit-trattament ta’ sitwazzjoni identika, iċ-ċittadin ikkonċernat ikun jista’ jeżiġi li jingħata rimedju għas-sitwazzjoni billi jinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li huwa ggarantit mill-Kostituzzjoni. Hija biss il-prassi tal-awtorità amministrattiva li hija vinkolanti fir-rigward taċ-ċittadin, u mhux il-kontenut tad-dispożizzjoni amministrattiva li fuqu din tkun ibbażata. Prassi amministrattiva torbot biss lill-awtorità amministrattiva kkonċernata u prassi amministrattiva stabbilita tista’ tiġi mibdula fil-futur.


11      Fis-sens tal-Artikolu 2 tal-InVeKoSV. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li kull imprenditur agrikolu jiġi allokat numru ta’ impriża skont il-post ta’ tassazzjoni fiskali. Huwa dan il-post ta’ tassazzjoni fiskali li jiddetermina l-post, mill-perspettiva tal-amministrazzjoni, tas-sede tal-azjenda agrikola. Għaldaqstant, azjenda agrikola li l-artijiet tagħha jkunu jinsabu fuq żewġ Länder tirċievi biss numru ta’ impriża wieħed biss u jkollha s-sede tagħha f’Land wieħed biss. Il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll li azjendi agrikoli barranin (pereżempju Awstrijaċi) li wkoll għandhom superfiċji f’Bade‑Wurtemberg jistgħu jingħataw numru ta’ impriża f’dan il-land u b’hekk jidhru bħala li għandhom is-sede tal-azjenda agrikola tagħhom f’dan l-aħħar imsemmi Land.


12      Ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt III.2 tal-Parti B tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


13      Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1305/2013. Ara wkoll is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2021, Région wallonne (Għajnuna għal bdiewa żgħażagħ) (C‑830/19, EU:C:2021:552, punt 34). Għall-għanijiet u l-prijoritajiet segwiti, ara l-Artikoli 4 u 5 rispettivament ta’ dan ir-regolament.


14      Liema terminu huwa iddefinit bħala “il-proċess ta’ organizzazzjoni, ta’ teħid ta’ deċiżonijiet u ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji f’diversi stadji, bl-involviment tal-isħab, maħsub għall-implimentazzjoni, fuq bażi pluriennali, tal-azzjoni konġunta mill-Unjoni u l-Istati Membri biex jintlaħqu l-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali.” (Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013).


15      Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1305/2013.


16      Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1305/2013.


17      L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu b’mod liberu dwar il-livell li fih il-programm jiġi ddefinit u sussegwentement implimentat: ara l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1305/2013. Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DELID (C‑409/21, EU:C:2022:946, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1305/2013.


19      Ara l-punt 4(a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1305/2013.


20      Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1305/2013.


21      Fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1307/2013, ara l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1305/2013.


22      Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1305/2013.


23      Ara wkoll l-Anness II tar-Regolament Nru 1305/2013.


24      Ara l-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1305/2013.


25      Ara l-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1305/2013.


26      Kif jindika l-Artikolu 65(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2002, L 146, p. 155 u fil-ĠU 2016, L 66, p. 6).


27      Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1305/2013. Iż-żoni li ma humiex żoni muntanjużi jitqiesu bħala li huma suġġetti għal restrizzjonijiet naturali sinjifikattivi fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(3), u l-Anness III ta’ dan ir-regolament. Iż-żoni li ma humiex muntanjużi u dawk suġġetti għal restrizzjonijiet naturali sinjifikattivi (jiġifieri ż-żoni suġġetti għal restrizzjonijiet speċifiċi) jistgħu jibbenefikaw mill-pagamenti previsti fl-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament fil-kundizzjonijiet iddeterminati mill-Artikolu 32(4) tal-istess regolament.


28      Ara l-premessa 26 tar-Regolament Nru 1305/2013.


29      Minn qari tar-Regolament Nru 1305/2013, tali inklużjoni fil-programmi nazzjonali ta’ żvilupp rurali, ma tidhirx li hija obbligatorja, għall-kuntrarju ta’ miżuri agroambjentali u klimatiċi previsti fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament.


30      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DELID (C‑409/21, EU:C:2022:946, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” (Trobbija organika tan-naħal) (C‑329/22, EU:C:2023:968, punt 44).


31      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1  ta’ Diċembru 2022, DELID (C‑409/21, EU:C:2022:946, punti 28 sa 30).


32      Li huwa reġjun tat-tip “NUTS 1” (ara l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1305/2013. Ara wkoll ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 196, b’mod partikolari p. 6 et seq.).


33      Ara l-paġni 4 u 5 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


34      Infakkar li, skont dan l-artikolu, l-identità nazzjonali ta’ Stat Membru hija inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali “inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali”.


35      Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1305/2013.


36      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1305/2013.


37      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1305/2013.


38      Ara l-punt 1.5 tal-osservazzjonijiet tal-Land ta’ Bade‑Wurtemberg.


39      Korsiv miżjud minni.


40      Korsiv miżjud minni.


41      Ara l-punt 4(a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1305/2013. Ara wkoll l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Ara, fl-aħħar, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Lauku atbalsta dienests (Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa) (C‑119/20, EU:C:2021:817, punt 60).


42      Ara l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1305/2013.


43      Ara l-paġna 14 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


44      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, DELID (C‑409/21, EU:C:2022:946, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1307/2013.


46      Ara l-premessa 26 tar-Regolament Nru 1305/2013.


47      Li għandhom jiġu magħżula mill-Istati Membri kkonċernati.


48      Ara l-punti 34 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Občina Gorje (C‑111/15, EU:C:2016:532, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Občina Gorje (C‑111/15, EU:C:2016:532, punt 35).


51      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Občina Gorje (C‑111/15, EU:C:2016:532, punt 36).


52      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2014, Szatmári Malom (C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi, f’kuntest simili, li kienu possibbli kundizzjonijiet addizzjonali jew iktar restrittivi ġaladarba jkunu koerenti mal-għanijiet u mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regolament ikkonċernat f’dik il-kawża (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, JK Otsa Talu (C‑241/07, EU:C:2009:337, punt 39)), tali soluzzjoni kienet iddettata mill-kliem stess ta’ dak ir-regolament, li ma huwiex il-każ fil-kuntest tar-Regolament Nru 1305/2013.


56      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Vaselife International u Chrysal International (C‑445/18, EU:C:2019:968, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas (C‑531/16, EU:C:2018:324, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      F’ċirkustanzi bħal dawk preżenti fil-kawża prinċipali, jidhirli li huwa raġonevoli li jitqies li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tkun tista’ tippreżenta applikazzjoni għal ħlas, fir-rigward tal-artijiet tal-azjenda tagħha li jinsabu f’Bayern, quddiem l-awtoritajiet li indikaw dawn l-artijiet bħala eliġibbli għall-ħlas ta’ allowance kumpensatorja.


58      Peress li l-formulazzjoni tal-punt (b) tat-tielet domanda hija partikolarment vaga u ġaladarba l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma hijiex dik li tipprovdi opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Viagogo (C‑70/22, EU:C:2023:350, punt 44)), jidhirli li huwa diffiċli li l-analiżi jiġi estiż ulterjorment.


59      Ara, b’mod partikolari, il-punt II tal-parti D tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


60      Kif diġà indikajt, l-effettività tad-dritt għall-ħlas previst fl-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1305/2013 teżiġi, madankollu, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tkun tista’ tippreżenta applikazzjoni għal ħlas quddiem l-awtoritajiet kompententi għal dan l-għan fir-rigward tas-superfiċji eliġibbli tal-azjenda tagħha li jinsabu f’Bayern.