Language of document : ECLI:EU:C:2024:373

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ April 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 259 TFUE – Direttiva 2014/49/UE – Skemi ta’ garanzija tad-depożiti (SGD) – Artikolu 14(3) – Trasferiment tal-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mis-SGD ta’ Stat Membru lis-SGD ta’ Stat Membru ieħor – Trasferiment lis-SGD tal-Istat Membru ospitanti tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lis-SGD tal-Istat Membru ta’ oriġini matul it-tnax-il xahar li ppreċedew it-trasferiment tal-attivitajiet – Obbligu – Nuqqas ta’ trasferiment tal-kontribuzzjonijiet – Effett utli – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑822/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 259 TFUE, ippreżentat fit‑30 ta’ Diċembru 2021,

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn J. Davidoviča, K. Pommere u I. Romanovska, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn M. Kriisa, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn K. Dieninis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Ljung Rasmussen, A. Nijenhuis, K. Simonsson u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn H. Shev u O. Simonsson, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, u rettifiki fil-ĠU 2014, L 309, p. 37 u fil-ĠU 2014, L 212, p. 47) u taħt l-Artikolu 4(3) TUE.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

2        Il-premessi 3 u 37 tad-Direttiva 2014/49 huma fformulati kif ġej:

“(3)      Din id-Direttiva tikkostitwixxi strument essenzjali għall-ksib tas-suq intern min-naħa ta’ kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji fil-qasam ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, filwaqt li tiżdied l-istabbiltà tas-sistema bankarja u tal-protezzjoni tad-depożitanti. Fid-dawl tal-ispejjeż tal-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fuq l-ekonomija in ġenerali u l-effetti negattivi tiegħu fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja tad-depożitanti, wieħed għandu jipprovdi billi mhux biss jaħseb għar-rimborż tad-depożitanti iżda wkoll biex tinħoloq biżżejjed flessibbiltà sabiex [l-iskema ta’ garanziji tad-depożiti (iktar ’il quddiem is-‘SGD’)] twettaq miżuri li jnaqqsu l-probabbiltà ta’ pretensjonijiet futuri kontra l-SGD. Dawk il-miżuri għandhom dejjem ikunu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

[…]

(37)      Il-protezzjoni ta’ depożiti hija element essenzjali sabiex jiġi kompjut is-suq intern u element komplementari indispensabbli għas-sistema ta’ superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu minħabba s-solidarjetà li toħloq fost l-istituzzjonijiet kollha f’suq finanzjarju partikolari fil-każ ta’ falliment ta’ xi wieħed minnhom. Għalhekk, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jippermettu lill-SGD li jsellfu flus lil xulxin fuq bażi volontarja.”

3        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/49, intitolat “Finanzjament ta’ SGD”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SGD jkollhom fis-seħħ sistemi adegwati biex jiġu ddeterminati l-obbligazzjonijiet potenzjali tagħhom. Il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-SGD għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawn l-obbligazzjonijiet.

L-SGD għandhom iżidu l-mezzi finanzjarji disponibbli b’kontribuzzjonijiet li għandhom isiru mill-membri tagħhom mill-inqas darba fis-sena. Dan ma għandux jipprevjeni finanzjament addizzjonali minn sorsi oħra.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat-3 ta’ Lulju 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ SGD għandhom tal-anqas jilħqu livell ta’ mira ta’ 0,8 % tal-ammont tad-depożiti koperti mill-membri tagħha.

Meta l-kapaċità finanzjarja ma tilħaqx il-livell ta’ mira, għandu jerġa’ jibda l-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-anqas sakemm jerġa’ jintlaħaq il-livell ta’ mira.

Jekk, wara li l-livell ta’ mira jkun intlaħaq għall-ewwel darba, il-mezzi finanzjarji disponibbli jkunu ġew imnaqqsa għal anqas minn żewġ terzi tal-livell ta’ mira, il-kontribuzzjoni regolari għandha tiġi stabbilita għal livell li jippermetti l-livell ta’ mira li jintlaħaq fi żmien sitt snin.

Il-kontribuzzjoni regolari għandha tieħu kont dovut tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju, u l-impatt li jista’ jkollhom il-kontribuzzjonijiet pro-ċikliċi fl-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-perijodu inizjali msemmi fl-ewwel subparagrafu b’mhux aktar minn erba’ snin jekk l-SGD tkun għamlet żborzi kumulattivi ta’ aktar minn 0,8 % tad-depożiti koperti.”

4        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kooperazzjoni fi ħdan l-Unjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.      Jekk istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru ta’ SGD u tissieħeb fi SGD oħra, il-kontribuzzjonijiet li jkunu tħallsu matul it-tnax-il xahar li ppreċedew it-tmiem tas-sħubija, bl-eċċezzjoni tal-kontribuzzjonijiet straordinarji konformi mal-Artikolu 10(8), għandhom jiġu ttrasferiti lill-Iskemi ta’ SGD l-oħra. Dan ma għandux japplika jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet eskluża minn Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti skont l-Artikolu 4(5).

Jekk x’uħud mill-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jiġu trasferiti għal Stat Membru ieħor u għalhekk jiġu soġġetti għal SGD oħra, il-kontribuzzjonijiet ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu mħallsa matul it-12-il xahar li ppreċedew it-trasferiment, bl-eċċezzjoni tal-kontribuzzjonijiet straordinarji f’konformità mal-Artikolu 10(8), għandhom jiġu ttrasferiti lill-SGD l-oħra [b’mod proporzjonali] għall-ammont ta’ depożiti koperti trasferiti.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SGD tal-Istat Membru tad-domiċilju jiskambjaw l-informazzjoni msemmija taħt l-Artikolu 4(7) jew 4(8) u (10) ma’ dawk fl-Istati Membri ospitanti. Għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu.

Jekk istituzzjoniji ta’ kreditu jkollha l-intenzjoni li tittrasferixxi minn SGD għal oħra f’konformità ma’ din id-Direttiva, għandha tagħti notifika ta’ mill-anqas sitt xhur mill-intenzjoni tagħha li tagħmel dan. Matul dak il-perijodu, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tibqa’ taħt l-obbligu li tikkontribwixxi għall-SGD oriġinali tagħha f’konformità mal-Artikolu 10 kemm f’termini ta’ finanzjament ex-ante kif ukoll ex-post.”

 Iddritt Svediż

5        L-Artikolu 13 tal-lag om insättningsgaranti (il-Liġi dwar il-Garanzija tad-Depożiti, SFS 1995, Nru 1571) jipprevedi li l-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża għandha tiddeċiedi annwalment dwar l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet dovuti u li dawn għandhom jitħallsu f’terminu ta’ xahar mid-data ta’ din id-deċiżjoni.

6        Skont l-Artikolu 14 ta’ din il-liġi, meta istituzzjoni ta’ kreditu tiġi ttrasferita, kompletament jew parzjalment, u b’hekk taqa’ taħt SGD oħra, il-kontribuzzjonijiet li hija tkun ħallset matul it-tnax-il xahar li ppreċedew it-trasferiment għandhom jiġu ttrasferiti lis-SGD l-oħra.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

7        Nordea Bank AB huwa grupp Ewropew ta’ servizzi finanzjarji li għandu s-sede tiegħu fl-Iżvezja u huwa membru tas-SGD Żvediża. Sat‑30 ta’ Settembru 2017, dan il-grupp kien jopera fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja permezz ta’ fergħat.

8        Fl‑1 ta’ Ottubru 2017, Nordea Bank ittrasferixxa l-attivitajiet tal-fergħat tiegħu li kienu jinsabu f’dawn it-tliet Stati Membri lis-sussidjarji ta’ DNB Banka AS, stabbiliti fl-imsemmija Stati Membri. Fl-istess jum, l-attivitajiet ta’ dawn il-fergħat għaddew mis-SGD Svediża għas-SGD Estonjana, Latvjana u Litwana.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ottubru 2017, l-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża ddeċidiet li ma tittrasferixxix lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet li kienu tħallsu lis-SGD Svediża minn Nordea Bank, fir-rigward tad-depożiti marbuta mal-attivitajiet tal-fergħa Latvjana tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża tat‑3 ta’ Ottubru 2017”). F’din id-deċiżjoni, din l-awtorità qieset li, matul it-tnax-il xahar li ppreċedew id-data tat-trasferiment tal-attivitajiet tal-fergħa tagħha lis-SGD Latvjana, jiġifieri matul il-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2016 sat‑30 ta’ Settembru 2017, Nordea Bank ma kien ħallas ebda kontribuzzjoni lis-SGD Svediża, b’tali mod li l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet, previsti fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, ma kinux issodisfatti.

10      Skont id-dritt Svediż, Nordea Bank kellu terminu ta’ xahar sabiex iħallas il-kontribuzzjoni annwali tiegħu b’effett minn kull deċiżjoni tal-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża. Għas-sena 2016, id-deċiżjoni annwali ta’ din l-awtorità nħarġet fit‑2 ta’ Settembru 2016 u Nordea Bank ħallas il-kontribuzzjoni tiegħu lis-SGD Svediża fit‑30 ta’ Settembru 2016. Fir-rigward tas-sena 2017, Nordea Bank ħallas il-kontribuzzjoni tiegħu fit‑13 ta’ Ottubru 2017, konformement mad-deċiżjoni annwali tal-imsemmija awtorità tal‑14 ta’ Settembru 2017. Is-SGD Svediża għalhekk ma rċevietx kontribuzzjoni bejn l‑1 ta’ Ottubru 2016 u t‑30 ta’ Settembru 2017, jiġifieri l-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment ikkonċernat.

11      Permezz ta’ deċiżjonijiet analogi għal dik imsemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, l-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża ddeċidiet ukoll li ma tittrasferixxix lis-SGD Estonjana u Litwana l-kontribuzzjonijiet imħallsa minn Nordea Bank lis-SGD Svediża fir-rigward tad-depożiti marbuta mal-attivitajiet tal-fergħat Estonjani u Litwani tiegħu.

12      Ir-Repubblika tal-Latvja ma kkontestatx id-deċiżjoni tal-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża tat‑3 ta’ Ottubru 2017 quddiem il-qrati Svediżi.

13      Madankollu, permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Marzu 2019, l-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Latvjana stiednet lill-Kummissjoni Ewropea tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49.

14      Fit-tweġiba tagħha kkomunikata permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni rrilevat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet inkompleta u li hija ma kinitx tipprevedi xenarji ta’ intervent speċifiċi fil-każijiet fejn awtorità ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali tieħu d-deċiżjoni li testendi t-terminu għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, u b’hekk ħalliet il-bieb miftuħ għal interpretazzjonijiet diverġenti tal-imsemmija dispożizzjoni.

15      L-awtoritajiet ta’ garanzija tad-depożiti tat-tliet Stati Baltiċi bdew proċedura ta’ medjazzjoni mal-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża quddiem l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), li għalqet il-każ matul l‑2019 mingħajr ma ntlaħaq ftehim bejn il-partijiet.

 Ilproċedura prekontenzjuża

16      Fl‑10 ta’ Mejju 2021, ir-Repubblika tal-Latvja, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, fejn talbitha toħroġ opinjoni motivata għar-raġuni li, billi rrifjuta li jittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa, ir-Renju tal-Isvezja kien kiser id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49.

17      Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju tal-Isvezja jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan l-ilment.

18      Fit‑22 ta’ Ġunju 2021, ir-Renju tal-Isvezja bagħat l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu lill-Kummissjoni.

19      Fl‑1 ta’ Lulju 2021, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Renju tal-Isvezja nstemgħu mill-Kummissjoni. Ir-Renju tal-Isvezja indika li, li kieku l-kontribuzzjonijiet kienu tħallsu matul it-tnax-il xahar li ppreċedew il-bidla fl-affiljazzjoni mas-SGD, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li kien ikollhom jiġu ttrasferiti lis-SGD Latvjana kien jammonta għal madwar EUR 500 000.

20      Fit‑30 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha kkonkludiet, minn naħa, li r-Renju tal-Isvezja kien kiser l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, moqri flimkien mal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, li ma kienx kiser l-Artikolu 4(3) TUE.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Diċembru 2021, ir-Repubblika tal-Latvja ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 259 TFUE.

22      Permezz ta’ dan ir-rikors, hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 sa fejn, billi rrifjuta li jittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank lis-SGD Svediża, għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, ir-Renju tal-Isvezja aġixxa f’kontradizzjoni mal-għan ta’ din id-direttiva u ma żgurax l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tagħha;

–        tikkonstata li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE sa fejn, billi rrifjuta li jittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank lis-SGD Svediża, għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa konformement mal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, ir-Renju tal-Isvezja eżerċita influwenza negattiva fuq l-integrazzjoni tas-suq uniku u b’hekk ippreġudika l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li hija prerekwiżit għall-integrazzjoni transkonfinali;

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 u taħt l-Artikolu 4(3) TUE, ir-Repubblika tal-Latvja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tordna lir-Renju tal-Isvezja jtemm il-ksur ikkonstatat billi jittrasferixxi mis-SGD Svediża lis-SGD Latvjana l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank, li għandhom jiġu kkalkolati għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa, konformement mal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49;

–        fil-każ li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 jista’ jingħata interpretazzjoni ristretta, tindika l-kompatibbiltà tiegħu mal-għan ta’ din id-direttiva u l-obbligu tas-SGD Svediża li tittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank, u

–        tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

23      Permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑19, tal‑25 u tat‑30 ta’ Mejju 2022, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Litwanja u l-Kummissjoni ġew ammessi jintervjenu insostenn tar-Repubblika tal-Latvja.

24      Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni l-ewwel, it-tielet u l-ħames kap tat-talbiet tar-rikors.

25      Ir-Repubblika tal-Litwanja ssostni l-kapijiet kollha tat-talbiet tar-rikors.

26      Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors.

27      Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad ir-rikors tar-Repubblika tal-Latvja u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.

 Fuq irrikors

 Fuq lammissibbiltà

 Largumenti talpartijiet

28      Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors kollu kemm hu. Dan l-Istat Membru jqis, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 ma tistax tiddaħħal inkwistjoni fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat skont l-Artikolu 259 TFUE. Minn naħa, din id-direttiva tipprevedi biss armonizzazzjoni minima. Min-naħa l-oħra, filwaqt li jirrikonoxxi li l-Artikolu 259 TFUE ma jeżiġix l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali, ir-Renju tal-Isvezja jenfasizza li d-deċiżjoni tal-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża tat-3 ta’ Ottubru 2017 ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika tal-Latvja quddiem qorti Svediża.

29      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja jfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu l-għan li jikkonstata ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru u li jtemm dan il-ksur, u li rikors ikun inammissibbli jekk sempliċement jitlob interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika tal-Latvja huwa intiż qabel kollox sabiex jikkjarifika l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49.

30      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet dwar il-ksur tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, ir-Renju tal-Isvezja jirrileva li, għalkemm, matul is-smigħ tal‑1 ta’ Lulju 2021, organizzat mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Latvja kienet invokat l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 u l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, fit-talbiet tar-rikors tiegħu dan l-Istat Membru ma allegax li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din l-aħħar dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina jekk ir-Renju tal-Isvezja naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

31      Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE u fir-rigward tal-argumenti invokati insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet, ir-Renju tal-Isvezja jirrileva li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-Repubblika tal-Latvja invokat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li r-Repubblika tal-Finlandja kienet sabet ruħha f’sitwazzjoni analoga għal dik tar-Repubblika tal-Latvja. Din is-sitwazzjoni allegatament irriżultat mill-fatt li, fl‑1 ta’ Ottubru 2018, Nordea Bank ittrasferixxa s-sede tiegħu fil-Finlandja u mill-fatt li l-kontribuzzjonijiet imħallsa lis-SGD Svediża matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda dan it-trasferiment ġew ittrasferiti lis-SGD Finlandiża permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża. Issa, fir-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet, li r-Renju tal-Isvezja, billi interpreta b’mod żbaljat id-Direttiva 2014/49, kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Ir-Renju tal-Isvezja jqis, konsegwentement, li r-Repubblika tal-Latvja bidlet l-argumenti tagħha meta mqabbla ma’ dawk li hija kienet sostniet matul il-proċedura amministrattiva u li l-imsemmi kap tat-talbiet, kif ifformulat, għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

32      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kap tat-talbiet li permezz tiegħu r-Repubblika tal-Latvja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Renju tal-Isvezja sabiex il-kontribuzzjonijiet inkwistjoni jitħallsu mis-SGD Svediża lis-SGD Latvjana, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li dan it-tielet kap tat-talbiet jammonta għal talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja jħallas kumpens. Issa, peress li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax ikollu bħala suġġett tali talba, din it-talba għandha tiġi miċħuda.

33      L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Latvja twieġeb li l-argument tar-Renju tal-Isvezja, ibbażat fuq il-fatt li d-Direttiva 2014/49 tipprevedi biss armonizzazzjoni minima, ma jikkonċernax l-ammissibbiltà, iżda l-mertu tal-kawża.

34      It-tieni nett, hija ssostni li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali qabel il-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

35      It-tielet nett, hija tindika li t-talba tagħha għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, moqri flimkien mal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, u ssostni li, fl-ilment tagħha tal‑10 ta’ Mejju 2021, hija kienet talbet lill-Kummissjoni toħroġ opinjoni motivata, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE, fir-rigward tal-obbligu tas-SGD Svediża li tittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank ikkalkolati għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa, konformement mal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49. Għaldaqstant, fir-rikors tagħha, hija la estendiet u lanqas biddlet is-suġġett tat-tilwima.

36      Ir-raba’ nett, hija ssostni li, permezz tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, hija ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja jħallas kumpens, iżda qiegħda titlob li tordnalu jtemm il-ksur ikkonstatat. Fil-fatt, skont ir-Repubblika tal-Latvja, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih huwa kkritikat ir-Renju tal-Isvezja ma għandux jiġi kkonstatat biss, iżda għandu wkoll jieqaf. Issa, dan il-waqfien jista’ biss, f’dan il-każ, jieħu l-forma ta’ ħlas lis-SGD Latvjana tal-kontribuzzjonijiet irrifjutati, li ma għandux jitqies li huwa kumpens.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

37      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors kollu kemm hu, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument tar-Renju tal-Isvezja, ibbażat fuq il-fatt li d-Direttiva 2014/49 tipprevedi biss armonizzazzjoni minima, li dan l-argument, li jirrigwarda l-kwistjoni tal-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, jaqa’ taħt il-fondatezza tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant, l-imsemmi argument ma jikkonċernax l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

38      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-fatt li r-Repubblika tal-Latvja ma kkontestatx id-deċiżjoni tal-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża tat‑3 ta’ Ottubru 2017 quddiem qorti Svediża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat abbażi tal-Artikolu 259 TFUE ma hijiex suġġetta għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali.

39      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-argument tar-Renju tal-Isvezja li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli peress li huwa intiż qabel kollox sabiex jikkjarifika l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 259 TFUE hija intiża sabiex jiġi kkonstatat u sabiex jitwaqqaf l-aġir ta’ Stat Membru li jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2012, L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja, C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Huma minnu li rikors ippreżentat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonċerna nuqqasijiet futuri jew eventwali jew li jitlob biss interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2012, L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja, C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 68).

41      Madankollu, permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja ma hijiex qiegħda titlob biss interpretazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49. Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija qiegħda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrifjuta li jittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet li kienu tħallsu mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank lis-SGD Svediża, għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni, sabiex dan itemm l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u huwa biss għal dan il-għan li r-Repubblika tal-Latvja ssostni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li s-SGD Svediża interpretat b’mod żbaljat l-istess dispożizzjoni.

42      Dan it-tielet argument imqajjem mir-Renju tal-Isvezja, intiż sabiex jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kollu kemm hu, għandu għalhekk jiġi miċħud.

43      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-ammissibbiltà tal-kapijiet tat-talbiet jew tal-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Latvja, għandu jitfakkar, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument tar-Renju tal-Isvezja li r-Repubblika tal-Latvja ma tistax tibbaża ruħha, fir-rikors tagħha, fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/49, li rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 259 TFUE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’dan l-artikolu u għandu jkun ibbażat fuq l-istess motivi u argumenti bħal dawk imressqa matul din il-proċedura, b’tali mod li oġġezzjoni li ma tkunx ġiet ifformulata fl-ilment imressaq quddiem il-Kummissjoni tkun inammissibbli fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 78, u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn il-formulazzjoni tal-oġġezzjonijiet fl-ilment imressaq quddiem il-Kummissjoni u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tat-tilwima, kif iddefinit f’dan l-ilment, ma jkunx ġie estiż jew mibdul (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, kif indika essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, matul il-proċedura amministrattiva mibdija quddiem il-Kummissjoni, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/49 ġie invokat mir-Repubblika tal-Latvja insostenn biss tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, sabiex turi l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, kif jirriżulta mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Bl-istess mod, fir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva, bħala element tal-kuntest tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/49, element li jikkonferma l-interpretazzjoni tagħha ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, dispożizzjoni li tagħha, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, hija qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-ksur.

46      Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Latvja, billi invokat l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva fil-motivi tar-rikors tagħha, sabiex tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, ma estendietx is-suġġett tat-tilwima kif iddefinita matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

47      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Isvezja li t-tieni kap tat-talbiet, kif ifformulat fir-rikors, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li r-Repubblika tal-Latvja, fir-rikors tagħha, emendat l-argumenti tagħha insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet meta mqabbla ma’ dawk li hija kienet sostniet quddiem il-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, permezz ta’ dan il-kap tat-talbiet, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, essenzjalment, li r-rifjut tas-SGD Svediża li tittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni mħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank lis-SGD Svediża jmur kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza peress li, f’sitwazzjoni legali paragunabbli, is-SGD Svediża ttrasferixxiet il-kontribuzzjonijiet li hija kienet irċeviet lis-SGD Finlandiża, konformement mal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49.

48      Issa, fl-ilment tagħha tal-10 ta’ Mejju 2021, ir-Repubblika tal-Latvja kienet allegat ukoll li, bir-rifjut tiegħu li jittrasferixxi l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni, ir-Renju tal-Isvezja kien kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TFUE u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-SGD tal-Istati Membri.

49      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika tal-Latvja, fir-rikors tagħha, ma emendatx l-argumenti tagħha insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet meta mqabbla ma’ dawk li hija kienet sostniet matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

50      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Isvezja li t-tielet kap tat-talbiet intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja jħallas kumpens huwa inammissibbli, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan il-kap tat-talbiet, ir-Repubblika tal-Latvja qiegħda essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Renju tal-Isvezja jtemm il-ksur ikkonstatat permezz tat-trasferiment mis-SGD Svediża lis-SGD Latvjana tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank lis-SGD Svediża, għall-perijodu ta’ tnax-il xahar imsemmi fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49.

51      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tista’ tintalab biss il-konstatazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqas allegat bil-għan li dan jitwaqqaf. Għalhekk, pereżempju, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tintalab tordna lil Stat Membru jadotta aġir partikolari sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, L‑Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokalizzazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għaldaqstant, peress li, permezz tat-tielet kap tat-talbiet, ir-Repubblika tal-Latvja qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Renju tal-Isvezja jħallasha l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni, dan il-kap tat-talbiet imur lil hinn minn dak li jista’ jintalab fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, u għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

53      Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti hija bla ħsara għall-obbligu, li jirriżulta għall-Istat Membru mill-Artikolu 260(1) TFUE, li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li din tal-aħħar tirrikonoxxi li l-imsemmi Stat Membru naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati.

54      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-raba’ kap tat-talbiet, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan il-kap, ir-Repubblika tal-Latvja qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, “fil-każ li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 jista’ jingħata interpretazzjoni ristretta, tindika l-kompatibbiltà tiegħu mal-għan ta’ din id-direttiva u l-obbligu tas-SGD Svediża li tittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank”.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li peress li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors u tal-oġġezzjonijiet imressqa fih huma kwistjoni ta’ ordni pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżaminahom ex officio, konformement mal-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑160/08, EU:C:2010:230, punt 40).

56      Issa, it-talba li tinsab fir-raba’ kap tat-talbiet tar-rikors tmur lil hinn minn dak li jista’ jintalab fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza.

57      Għaldaqstant, ir-raba’ kap tat-talbiet għandu wkoll jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

 Fuq ilmertu

58      Ir-Repubblika tal-Latvja tinvoka żewġ oġġezzjonijiet insostenn tar-rikors tagħha. Permezz tal-ewwel oġġezzjoni tagħha, hija tikkritika lir-Renju tal-Isvezja b’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE. Permezz tat-tieni oġġezzjoni tagħha, hija tikkritikah bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49

–       L-argumenti tal-partijiet

59      Ir-Repubblika tal-Latvja tippreċiża, preliminarjament, li hija ma tikkontestax it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/49 fid-dritt Svediż, iżda hija tqis li r-Renju tal-Isvezja ma applikax b’mod korrett ir-rekwiżiti tal-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva billi rrifjuta li jittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank lis-SGD Svediża, ikkalkolati għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa lejn is-SGD Latvjana.

60      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta mill-intervenjenti, issostni, qabelxejn, li l-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex tingħata interpretazzjoni stretta u għandha tiġi interpretata fis-sens li SGD, li istituzzjoni ta’ kreditu ssir membru ġdid tagħha, għandha tirċievi l-kontribuzzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu li jkunu ġew ikkalkolati u mħallsa għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment lejn din is-SGD, indipendentement mill-mument li fih dawn ikunu effettivament tħallsu. L-element determinanti huwa għalhekk il-fatt li l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu mħallsa lis-SGD ta’ oriġini kienu ġew ikkalkolati u ntalbu għall-perijodu inkwistjoni u mhux il-mument li fih il-kontribuzzjonijiet mitluba tħallsu jew ġew irreġistrati fil-kontabbiltà ta’ din is-SGD.

61      Sussegwentement, hija ssostni, għal darba oħra sostnuta mill-intervenjenti, li, billi pprivileġġa interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 u billi rrifjuta li jittrasferixxi l-kontribuzzjonijiet ikkonċernati lis-SGD Latvjana, ir-Renju tal-Isvezja ma żgurax l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni u kkomprometta t-twettiq tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, li hija intiża, skont il-premessa 3 tagħha, li tiffaċilita l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji, kif ukoll li tikkontribwixxi għall-istabbiltà tas-sistema bankarja u għall-protezzjoni tad-depożitanti.

62      Barra minn hekk, l-approċċ tar-Renju tal-Isvezja jippreġudika l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri peress li s-SGD ta’ Stat Membru, li magħha membru ta’ SGD ta’ Stat Membru ieħor ikollu l-intenzjoni li jingħaqad, ma tkunx tista’ tistrieħ iktar fuq trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet mis-SGD ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

63      Ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, fl-aħħar nett, li obbligu ġenerali li jitħallsu kontribuzzjonijiet annwali jirriżulta wkoll mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/49, li jobbliga lis-SGD tal-Istati Membri jikkostitwixxu l-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom permezz ta’ kontribuzzjonijiet li l-membri tagħhom iħallsuhom mill-inqas darba fis-sena. Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-opinjoni motivata, l-interpretazzjoni magħmula mir-Renju tal-Isvezja tal-Artikolu 14(3) u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/49 tippreġudika d-drittijiet tas-SGD tal-Istat Membru ospitanti (iktar ’il quddiem is-“SGD riċevitriċi”) li, mid-data tat-trasferiment, ikollha tassumi r-responsabbiltà tad-depożiti ggarantiti tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

64      Ir-Repubblika tal-Estonja tippreċiża, l-ewwel nett, li, għalkemm mill-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu b’liema frekwenza u f’liema mument għandhom jitħallsu l-kontribuzzjonijiet, huwa ċar li l-impożizzjoni u l-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom isiru minn tal-inqas darba fis-sena. B’hekk, jekk Stat Membru ma jiżgurax li l-kontribuzzjonijiet jiġu imposti u mħallsa minn tal-inqas kull sena, huwa ma jkunx jista’ josserva l-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 14(3) tal-imsemmija direttiva, li jiżgura li, jekk istituzzjoni ta’ kreditu titlaq mis-SGD tiegħu biex tingħaqad ma’ dak ta’ Stat Membru ieħor, il-kontribuzzjonijiet mħallsa minn din l-istituzzjoni ta’ kreditu matul it-tnax-il xahar li ppreċedew it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħha fis-SGD ta’ oriġini jiġu ttrasferiti lis-SGD riċevitriċi.

65      Issa, f’dan il-każ, jidher li l-kontribuzzjonijiet tħallsu lis-SGD Svediża b’mod irregolari peress li ebda kontribuzzjoni ma jidher li tħallset lilha matul it-tnax-il xahar li ppreċedew it-trasferiment tal-attivitajiet tal-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank lis-SGD Latvjana. Għaldaqstant, sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, ir-Renju tal-Isvezja kellu jqis li kienu tħallsu kontribuzzjonijiet matul dan il-perijodu ta’ tnax-il xahar.

66      Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li, fid-dawl tal-Artikolu 14(4) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li, jekk istituzzjoni ta’ kreditu tipprevedi li tgħaddi minn SGD għal oħra, konformement mal-imsemmija direttiva, hija għandha tindika l-intenzjoni tagħha tal-inqas sitt xhur bil-quddiem, l-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża kellu jkollha, ferm qabel it-trasferiment, l-informazzjoni li l-attivitajiet tal-fergħa ta’ Nordea Bank kienu ser jiġu ttrasferiti mis-SGD Svediża lis-SGD Latvjana. Għalhekk hija setgħet tiżgura l-impożizzjoni tal-kontribuzzjonijiet b’mod li jkun jista’ jiġi ssodisfatt l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49.

67      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Estonja tfakkar li l-EBA enfasizzat, fl-opinjoni tagħha, tat-8 ta’ Awwissu 2019, dwar l-eliġibbiltà tad-depożiti, il-livell ta’ garanzija u l-kooperazzjoni bejn l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, li hija disponibbli fuq is-sit internet ta’ din l-awtorità, li d-data li fiha istituzzjoni ta’ kreditu tiddeċiedi li tħallas il-kontribuzzjonijiet tagħha toħloq problemi fil-prattika. L-EBA għalhekk ipproponiet, f’dan l-avviż, li jiġi emendat l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, proposta li r-Repubblika tal-Estonja ssostni, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċarezza legali u sabiex jiġu evitati problemi analogi għal dawk li mmaterjalizzaw f’din il-kawża.

68      Il-Kummissjoni żżid li l-kontribuzzjonijiet dovuti kull sena lil SGD mill-membri tagħha, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/49, jistgħu jitqiesu bħala l-korrispettiv tal-garanzija tad-depożiti matul ċertu perijodu. L-obbligu, previst fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, li l-kontribuzzjonijiet jiġu ttrasferiti meta parti mill-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tgħaddi lil SGD oħra huwa għalhekk ibbażat fuq ir-regola bażika dwar il-finanzjament tas-sistema, stabbilita fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva. L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt kienet li, fil-każ ta’ ristrutturazzjoni ta’ bank, ikunu dejjem disponibbli fondi sabiex ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti lis-SGD riċevitriċi, sabiex din tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha taħt din is-sistema.

69      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 huwa intiż li jikkumpensa ż-żieda tar-riskju finanzjarju għas-SGD riċevitriċi fil-każ ta’ trasferiment, minn SGD għal oħra, tar-responsabbiltà finanzjarja għal parti mid-depożiti ggarantiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, pereżempju permezz tar-ristrutturazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Kwalunkwe interpretazzjoni differenti jkollha konsegwenzi serji għat-tlestija tas-suq intern u ddgħajjef il-fiduċja fir-rigward tal-SGD kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

70      Ir-Renju tal-Isvezja jwieġeb, l-ewwel nett, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 hija ċara u mingħajr ambigwità. Dan l-artikolu jipprevedi li l-kontribuzzjonijiet imħallsa matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment lejn is-SGD riċevitriċi għandhom jiġu ttrasferiti lil din is-SGD. Din id-dispożizzjoni għalhekk tkopri l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul dan il-perijodu, ikun xi jkun il-perijodu relatat magħhom.

71      It-tieni nett, il-kuntest tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 lanqas ma jikkorrobora l-interpretazzjoni sostnuta mir-Repubblika tal-Latvja u mill-intervenjenti.

72      Il-fatt li l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu mill-inqas darba fis-sena ma jfissirx li kontribuzzjoni, li tħallset, tista’ titqies li tirreferi għal perijodu speċifiku ta’ tnax-il xahar. Lanqas ma huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/49 jimponi data ta’ ħlas speċifika fir-rigward ta’ perijodu ta’ tnax-il xahar.

73      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Lulju 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ SGD għandhom minn tal-inqas jilħqu livell ta’ mira ta’ 0.8 % tal-ammont tad-depożiti ggarantiti tal-membri tagħha. Għalhekk, din id-direttiva tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra wiesa’ sabiex jiddeterminaw l-ammont tal-kontribuzzjonijiet u, barra minn hekk, il-possibbiltà li ma jinġabrux kontribuzzjonijiet ladarba jintlaħaq il-livell fil-mira. L-applikazzjoni tal-possibbiltà li ma jinġabrux iktar kontribuzzjonijiet wara li jintlaħaq il-livell fil-mira tista’ fil-fatt twassal għal każijiet fejn ma jkunx hemm lok li l-kontribuzzjonijiet jiġu ttrasferiti fil-każ ta’ trasferiment ta’ attività. L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/49 għalhekk ma jiggarantixxix li dejjem ser ikunu disponibbli fondi sabiex jiġu ttrasferiti lis-SGD riċevitriċi, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni.

74      It-tielet nett, jeżistu raġunijiet ġenerali u sistemiċi sabiex l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 jiġi applikat kif ifformulat. Fil-fatt, tali applikazzjoni tipprovdi ċarezza fir-rigward tal-fondi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ trasferiment. Għall-kuntrarju, interpretazzjoni fis-sens li din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tkopri pagamenti li ma twettqux matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment twassal għal ċertu numru ta’ ambigwitajiet u tkun diffiċli li tiġi applikata.

75      Ir-raba’ nett, ir-Renju tal-Isvezja jindika li mill-opinjoni tal-EBA tat‑8 ta’ Awwissu 2019, iċċitata fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tal-membri ta’ SGD, skont id-Direttiva 2014/49, ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ ir-responsabbiltà li tista’ tiġi ttrasferita bejn SGD differenti. Minn din l-opinjoni jirriżulta wkoll li l-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva ma jipprevedix soluzzjoni eżawrjenti f’dak li jirrigwarda t-trasferiment ta’ fondi u li l-EBA rrakkomandat, f’dan il-kuntest, li din id-dispożizzjoni tiġi emendata. B’hekk, il-lakuni tal-imsemmija dispożizzjoni ma jistgħux jiġu rrimedjati permezz ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti.

76      Il-ħames nett, ir-Renju tal-Isvezja jirrileva li, kif jirriżulta mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, matul skambji li seħħew fix-xahar ta’ Ottubru 2020 bejn l-awtoritajiet ta’ garanzija tad-depożiti tat-tliet Stati Baltiċi u l-Kummissjoni, din tal-aħħar enfasizzat li l-imsemmija direttiva kienet tipprevedi armonizzazzjoni minima fir-rigward tat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet. Għaldaqstant, ma hemmx lok li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata b’mod ieħor ħlief abbażi tal-formulazzjoni tagħha.

77      Is-sitt nett, minn naħa, huwa jsostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 ma għandhiex konsegwenzi serji għat-tlestija tas-suq intern. Fil-fatt, il-kontribuzzjonijiet li jistgħu jiġu ttrasferiti skont din id-direttiva għandhom rarament ikunu ta’ tali daqs li jista’ jitqies li huma essenzjali sabiex il-SGD riċevitriċi tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha. Għalhekk, il-fatt li l-SGD Svediża ma ttrasferietx kontribuzzjonijiet lis-SGD Latvjana ma wassalx għal żieda korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet miġbura minn din l-aħħar SGD.

78      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li huwa jirrakkomanda ma timplikax vantaġġ indebitu għas-SGD Svediża. Huwa jfakkar, f’dan ir-rigward, li t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ Nordea Bank, mis-SGD Svediża lejn is-SGD Finlandiża, wassal għal ħlas ta’ kontribuzzjonijiet mis-SGD Svediża lis-SGD Finlandiża, peress li s-SGD Svediża kienet irċeviet kontribuzzjonijiet matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda dan it-trasferiment. L-applikazzjoni koerenti tal-Artikolu 14(3) tal-imsemmija direttiva sempliċement ipproduċiet riżultati differenti skont ċirkustanzi fattwali differenti.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

79      Permezz tal-ewwel oġġezzjoni tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta mill-intervenjenti, tikkritika lir-Renju tal-Isvezja talli naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, billi rrifjuta, abbażi ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni żbaljati ta’ din id-dispożizzjoni, li jittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet li Nordea Bank kien ħallas lis-SGD Svediża, fir-rigward tad-depożiti marbuta mal-attivitajiet tal-fergħa Latvjana, għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa lejn is-SGD Latvjana.

80      Ir-Renju tal-Isvezja jqis li dan ir-rifjut ma jikkostitwixxix nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 jeżiġi li l-kontribuzzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti jkunu tħallsu matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment. Issa, peress li ebda kontribuzzjoni ma tħallset minn Nordea Bank għall-attivitajiet tal-fergħa Latvjana tiegħu matul dan il-perijodu, il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni ma ġewx issodisfatti skont dan l-Istat Membru.

81      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, G. K. et (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew), C‑281/22, EU:C:2023:1018, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82      Fir-rigward tal-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, għandu jitfakkar li, skont dan it-tieni subparagrafu, jekk uħud mill-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jiġu trasferiti fi Stat Membru ieħor u għalhekk jaqgħu taħt SGD oħra, il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn din l-istituzzjoni ta’ kreditu matul it-tnax-il xahar li ppreċedew it-trasferiment, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti kontribuzzjonijiet straordinarji, għandhom jiġu ttrasferiti lis-SGD l-oħra b’mod proporzjonali għall-ammont tad-depożiti ggarantiti ttrasferiti.

83      Mill-espressjoni “il-kontribuzzjonijiet imħallsa” jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-premessa li bħala prinċipju tħallsu kontribuzzjonijiet matul dan il-perijodu ta’ tnax-il xahar u għalhekk għandhom jiġu ttrasferiti lis-SGD riċevitriċi fil-każ ta’ trasferiment ta’ attivitajiet lejn Stat Membru ieħor. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-espressjoni “b’mod proporzjonali” li tistabbilixxi rabta ċara ħafna bejn it-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet u dak tal-garanzija tad-depożiti.

84      Għalhekk, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi eskluż li kontribuzzjonijiet relatati mal-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment, iżda miġbura mis-SGD Svediża lil hinn minn dan il-perijodu, għandhom jiġu ttrasferiti lis-SGD riċevitriċi.

85      Fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ finanzjament tas-SGD.

86      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva, is-SGD għandhom jikkostitwixxu l-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom permezz ta’ kontribuzzjonijiet li l-membri tagħhom iħallsuhom minn tal-inqas darba fis-sena. Kif tirrileva l-Kummissjoni, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri lis-SGD jistgħu jitqiesu li huma l-korrispettiv għall-garanzija tad-depożiti matul ċertu perijodu.

87      Għalhekk, ikun konformi mal-istruttura tas-SGD li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ ċerti attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fi Stat Membru ieħor, u, għaldaqstant, tat-trasferiment tar-responsabbiltà għad-depożiti ggarantiti lis-SGD ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, il-korrispettiv tal-garanzija tad-depożiti jiġi ttrasferit ukoll lis-SGD riċevitriċi.

88      Għalhekk, l-effett utli tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 jeżiġi li, sabiex jiġi osservat l-obbligu li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, l-awtorità ta’ garanziji tad-depożiti Svediża għandha tittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet li tħallsu lilha minn Nordea Bank u li jirrigwardaw it-tnax-il xahar li ppreċedew it-trasferiment tal-attivitajiet ta’ Nordea Bank lis-SGD Latvjana, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi li magħhom huma marbuta l-kontribuzzjonijiet ta’ Nordea Bank, u mhux id-data preċiża li fiha l-imsemmija kontribuzzjonijiet kienu tħallsu lil din l-awtorità.

89      Huwa minnu li, skont l-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, invokat mir-Renju tal-Isvezja fl-atti tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux iktar tard mit‑3 ta’ Lulju 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ SGD jilħqu livell fil-mira ta’ 0.8 % tal-ammont tad-depożiti ggarantiti tal-membri tagħha. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jibqgħux jiġbru kontribuzzjonijiet ladarba u sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira. Issa, jekk Stat Membru jieħu tali deċiżjoni, jista’ jkun li s-SGD ta’ dan l-Istat Membru, fil-każ ta’ trasferiment ta’ attività ta’ wieħed mill-membri tagħha lejn is-SGD ta’ Stat Membru ieħor, ma jkollha ebda kontribuzzjoni x’tittrasferixxi lis-SGD riċevitriċi għaliex hija stess ma kienet irċeviet ebda kontribuzzjoni.

90      Madankollu, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/49 sostnuta mir-Renju tal-Isvezja hija bbażata fuq il-premessa, minn naħa, li l-livell fil-mira jintlaħaq u, min-naħa l-oħra, li, b’eċċezzjoni għall-prinċipju li istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas mill-inqas darba fis-sena kontribuzzjoni lis-SGD li tagħha hija membru, Stat Membru jiddeċiedi li ma jiġborx kontribuzzjonijiet. Il-fatt li, f’tali sitwazzjoni, ebda kontribuzzjoni ma tħallset fit-tnax-il xahar li jkunu ppreċedew it-trasferiment u li ebda kontribuzzjoni ma tkun tista’ tiġi ttrasferita huwa konsegwenza loġika ta’ tali deċiżjoni li ma jintalabx il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, u huwa irrilevanti fis-sitwazzjonijiet fejn, għall-kuntrarju, Stat Membru ma jkunx ħa tali deċiżjoni u jkun talab il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-perijodu ta’ tnax-il xahar li jkun ippreċeda t-trasferiment.

91      Fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni hija intiża li tikkumpensa lis-SGD riċevitriċi għar-riskju finanzjarju marbut mat-trasferiment tad-depożiti ggarantiti tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Dan l-għan isostni l-interpretazzjoni fis-sens li r-Renju tal-Isvezja kien imissu ħa inkunsiderazzjoni l-perijodi li magħhom huma marbuta l-kontribuzzjonijiet imħallsa minn Nordea Bank, u mhux id-data preċiża li fiha saru l-ħlasijiet. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tista’ tiggarantixxi li SGD ta’ oriġini, li ma tibqax issostni r-riskju marbut mad-depożiti ggarantiti ttrasferiti lejn Stat Membru differenti minn dak tas-SGD ta’ oriġini, ma żżommx, bħalma huwa l-każ hawnhekk, kontribuzzjonijiet imħallsa li jirrigwardaw il-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment għas-sempliċi raġuni li dawn tħallsu lil din is-SGD wara dan il-perijodu.

92      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li din id-direttiva hija intiża, b’mod iktar ġenerali, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, minn naħa, li tipproteġi lid-depożitanti fil-każ ta’ indisponibbiltà tad-depożiti miżmuma minn istituzzjoni ta’ kreditu li tagħmel parti minn SGD u, min-naħa l-oħra, li tiżgura l-istabbiltà tas-sistema bankarja, billi tevita fenomeni ta’ rtirar massiv tad-depożiti mhux biss ta’ istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà, iżda wkoll ta’ istituzzjonijiet b’saħħithom wara telf ta’ fiduċja mill-pubbliku fis-solidità ta’ din is-sistema (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Issa, hija biss l-interpretazzjoni fis-sens li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu lejn Stat Membru ieħor, is-SGD ta’ oriġini, li ma tkunx għadha ssostni r-riskju marbut mad-depożiti ggarantiti ttrasferiti, għandha tittrasferixxi lis-SGD riċevitriċi l-kontribuzzjonijiet kollha li kienu tħallsu lilha minn din l-istituzzjoni ta’ kreditu u li jkunu marbuta mal-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda dan it-trasferiment li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan doppju peress li tippermetti lis-SGD riċevitriċi tirċievi korrispettiv għar-riskju marbut mad-depożiti ggarantiti ttrasferiti, li jikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja tagħha u għall-protezzjoni tad-depożitanti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati ma’ din is-SGD.

94      Din l-interpretazzjoni hija, fl-aħħar nett, sostnuta mill-premessa 37 tad-Direttiva 2014/49, li ssemmi s-solidarjetà bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-istess post finanzjarju. Għalhekk, meta istituzzjoni ta’ kreditu ġdida tiġi affiljata f’SGD, l-ammont totali ta’ depożiti ggarantiti jiżdied awtomatikament u dan jista’ jwassal għal sejħa għal kontribuzzjoni fi ħdan din is-SGD. Il-wasla ta’ din l-istituzzjoni l-ġdida għandha għalhekk tkun akkumpanjata mit-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet li hija ħallset lis-SGD ta’ oriġini u li jkunu marbuta mal-perjodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment, sabiex dan ikun jista’ jikkontribwixxi għas-solidarjetà fi ħdan is-SGD riċevitriċi.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel oġġezzjoni għandha tintlaqa’ u li għandu jiġi kkonstatat li, billi rrifjuta li jittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet li kienu tħallsu mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank lis-SGD Svediża u li kienu marbuta mal-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa lis-SGD Latvjana, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49.

 Fuq it-tieni oġġezzjoni, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

–       Largumenti talpartijiet

96      Ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja, issostni li r-rifjut tas-SGD Svediża li tittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49 imur kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li s-SGD Svediża ttrasferixxiet, f’sitwazzjoni legali paragunabbli, il-kontribuzzjonijiet li kienet irċeviet minn Nordea Bank lis-SGD Finlandiża, konformement mal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, wara t-trasferiment tas-sede ta’ Nordea Bank fil-Finlandja.

97      Ir-Renju tal-Isvezja jwieġeb li peress li t-trasferiment tas-sede ta’ Nordea Bank lejn il-Finlandja seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2018, u peress li l-kontribuzzjonijiet tħallsu lis-SGD Svediża fit‑13 ta’ Ottubru 2017 kif ukoll fit‑28 ta’ Settembru 2018, dawn tħallsu matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment, jiġifieri l-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2017 sat‑30 ta’ Settembru 2018. Għalhekk, is-SGD Svediża applikat ukoll, f’dan il-każ, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, konformement mal-formulazzjoni tiegħu, b’mod koerenti mal-applikazzjoni magħmula ta’ din id-dispożizzjoni fid-deċiżjoni tal-awtorità ta’ garanzija tad-depożiti Svediża tat‑3 ta’ Ottubru 2017. Id-differenza fir-riżultat ikkonstatata tirriżulta għalhekk esklużivament mill-mument li fih seħħew il-ħlasijiet. Ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta għalhekk l-affermazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja li huwa aġixxa b’mod żleali, meta fil-fatt huwa applika din id-dispożizzjoni b’mod uniformi.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

98      Għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE jista’ jiġi kkonstatat biss sa fejn dan jirrigwarda aġir distint minn dak li jikkostitwixxi l-ksur tal-obbligi speċifiċi li l-Istat Membru jkun akkużat bih (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (DOP Feta), C‑159/20, EU:C:2022:561, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Issa, kif indika essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-argumenti tar-Repubblika tal-Latvja, miġbura fil-qosor fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, permezz tat-tieni oġġezzjoni tagħha, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 4(3) TUE, dawn l-argumenti jirrigwardaw ir-rifjut tas-SGD Svediża li tittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49, jiġifieri l-istess aġir bħal dak li jikkostitwixxi ksur tal-obbligu speċifiku li jinsab f’din l-aħħar dispożizzjoni.

100    Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ġenerali previst fl-Artikolu 4(3) TUE distint min-nuqqas diġà kkonstatat li jitwettaq l-obbligu iktar speċifiku li kellu r-Renju tal-Isvezja taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49.

101    L-argument tar-Repubblika tal-Latvja, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jirrigwarda wkoll ir-rifjut tas-SGD Svediża li tittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni, b’tali mod li lanqas ma hemm lok li jiġi kkonstatat ksur distint ta’ dan il-prinċipju, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu.

102    Mill-premess jirriżulta li t-tieni oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi rrifjuta li jittrasferixxi lis-SGD Latvjana l-kontribuzzjonijiet li kienu tħallsu mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank lis-SGD Svediża u li kienu marbuta mal-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa lejn is-SGD Latvjana, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49.

 Fuq l-ispejjeż

104    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, ħlief sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix li jkun iġġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li waħda mill-partijiet ikollha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

105    F’dan il-każ, kemm ir-Repubblika tal-Latvja kif ukoll ir-Renju tal-Isvezja talbu li l-parti l-oħra tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja tilef fil-kuntest tal-ewwel oġġezzjoni invokata mir-Repubblika tal-Latvja, u din tal-aħħar tilfet fil-kuntest tat-tieni oġġezzjoni tagħha.

106    Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika tal-Latvja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

107    Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Litwanja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi rrifjuta li jittrasferixxi lill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti (SGD) Latvjana l-kontribuzzjonijiet li kienu tħallsu mill-fergħa Latvjana ta’ Nordea Bank AB lis-SGD Svediża u li kienu marbuta mal-perijodu ta’ tnax-il xahar li ppreċeda t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din il-fergħa lejn is-SGD Latvjana, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Litwanja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.