Language of document : ECLI:EU:C:2024:374

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Direttiva 2009/119/KE – Provvista ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti taż-żejt – Artikolu 3 – Obbligu, għall-Istati Membri, li jżommu ħażniet ta’ emerġenza – Artikolu 8 – Operaturi ekonomiċi – Regolament (KE) Nru 1099/2008 – Statistika dwar l-enerġija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi impost fuq operatur ekonomiku l-obbligu li jikkostitwixxi u li jżomm stokk ta’ emerġenza ta’ prodott taż-żejt, inkluż meta dan il-prodott ma jaqax taħt l-attività ekonomika ta’ dan l-operatur – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Libertà ta’ intrapriża – Artikolu 17 – Dritt għall-proprjetà”

Fil-Kawżi magħquda C‑395/22 u C‑428/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 u tal‑14 ta’ Ġunju 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 u fit‑28 ta’ Ġunju 2022, rispettivament, fil-proċeduri

“Trade Express-L” OOD (C‑395/22),

“DEVNIA TSIMENT” AD (C‑428/22)

vs

Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia “Darzhaven rezerv i voennovremenni zapasi”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, N. Piçarra u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Lulju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “DEVNIA TSIMENT” AD, minn E. Evtimov, Y. Mateeva, S. Vasilev, V. Vidolov, advokati, u M. B. Lazarov,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn E. M. M. Besselink, K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn S. Ondrášiková, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bozhilova, B. De Meester u C. Georgieva, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal‑14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU 2009, L 265, p. 9), kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1581 tad‑19 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 263, p. 57) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/119”), tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU 2008, L 304, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kumissjoni (UE) 2019/2146, tas‑26 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 325, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1099/2008”) kif ukoll tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, “Trade Express-L” OOD (iktar ’il quddiem “Trade Express”) (C‑395/22) u “DEVNIA TSIMENT” AD (iktar ’il quddiem “Devnia Tsiment”) (C‑428/22) u, min-naħa l-oħra, iż-Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia “Darzhaven rezerv i voennovremenni zapasi” (il-Viċi President tal-Aġenzija Nazzjonali “Riżervi tal-Istat u Ħażniet Militari”, dwar il-legalità ta’ digrieti maħruġa minn dan tal-aħħar u li jimponu l-obbligu fuq dawn il-kumpanniji li jikkostitwixxu u li jżommu ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt tqil għal sena.

 Ilkuntest ġuridiku

 IlFtehim AIE

3        Il-Ftehim dwar Programm Internazzjonali tal-Enerġija, iffirmat f’Pariġi fit‑18 ta’ Novembru 1974 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim AIE”), stabbilixxa, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiċi, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE).

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettivi 68/414/KEE u 2006/67/KE

4        L-ewwel regoli li jirregolaw il-ħażniet ta’ emerġenza taż-żejt jew ta’ prodotti taż-żejt ġew stabbiliti permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 68/414/KEE tal‑20 ta’ Diċembru 1968 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri tal-KEE li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 1, p. 29).

5        Id-Direttiva 68/414, kif emendata l-aħħar, bid-Direttiva tal-Kunsill 98/93/KE tal‑14 ta’ Diċembru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12 Vol. 2, p. 68) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 68/414”), tħassret bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/67/KE tal‑24 ta’ Lulju 2006 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (ĠU 2007, L 76M, p. 209). Min-naħa tagħha, id-Direttiva 2006/67 tħassret bid-Direttiva 2009/119. Hija din id-direttiva tal-aħħar li hija applikabbli ratione temporis għall-kawżi prinċipali.

6        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 68/414 li essenzjalment jikkorrispondi għall-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/67, kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu xierqa sabiex iżommu ġewwa l-Komunità Ewropea f’kull żmien, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7, il-ħażniet tagħhom ta’ prodotti ta’ żejt, mhux raffinat f’livell li jikkorrispondi, għal kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti petroliferi imniżżla fl-Artikolu 2, għal ta’ l-anqas 90 ġurnata konsum intern medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja li tiġi qabel imsemmija fl-Artikolu 4.”

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 68/414, li essenzjalment jikkorrispondi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/67, kien ifformulat kif ġej:

“Il-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-konsum intern:

–        spirtu tal-vetturi u karburant ta’ l-avjazzjoni (spirtu ta’ l-avjazzjoni u karburant tal-ġettijiet tal-tip tal-petrol);

–        żejt tal-gass, żejt tad-dijżil, pitrolju u fuel tal-ġettijiet tat-tip tal-pitrolju;

–        żjut karburanti.”

 IdDirettiva 2009/119

8        Il-premessi 3, 5, 8, 11, 21 u 33 tad-Direttiva 2009/119 huma fformulati kif ġej:

“(3)      Il-Kunsill Ewropew, fil-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu (2007‑2009), intitolat ‘Politika tal-Enerġija għall-Ewropa’, issottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista għall-Unjoni Ewropea […] kollha kemm hi kif ukoll għal kull Stat Membru, fost l-oħrajn billi jiġu riveduti l-mekkaniżmi tal-ħażniet taż-żejt tal-Unjoni, b’referenza partikolari għad-disponibbiltà fil-każ ta’ kriżi.

[…]

(5)      Skont id-Direttiva [2006/67], il-ħażniet jiġu kkalkolati abbażi tal-konsum intern medju ta’ kuljum matul is-sena kalendarja preċedenti. Madankollu, l-obbligi tal-ħżin skont il-[Ftehim AIE] huma kkalkolati abbażi tal-importazzjoni netta ta’ żejt u ta’ prodotti petroliferi. Għal dik ir-raġuni, u minħabba differenzi oħra fil-metodoloġija, il-mod ta’ kif l-obbligi tal-ħżin u l-ħażniet ta’ emerġenza tal-Komunità jiġu kkalkolati għandu jkun aktar konformi mal-metodi ta’ kalkolu li jintuża taħt il-Ftehim AIE […]

[…]

(8)      Id-disponibbiltà tal-ħażniet taż-żejt u s-salvagwardja tal-provvista tal-enerġija huma elementi essenzjali tas-sigurtà pubblika għall-Istati Membri u għall-Kommunità. L-eżistenza ta’ entitajiet ċentrali ta’ ħżin (CSEs) fil-Komunità twassal dawn l-għanijiet aktar fil-qrib. Sabiex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu l-aqwa użu mill-liġi nazzjonali sabiex jiddefinixxu t-termini ta’ referenza għas-CSEs tagħhom filwaqt li jtaffu l-piż finanzjarju mpoġġi fuq il-konsumaturi finali b’riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ta’ ħżin huwa biżżejjed li jiġi projbit l-użu ta’ hażniet għal skopijiet kummerċjali, filwaqt li jiġi permezz illi l-ħażniet jinżammu fi kwalunkwe post fil-Komunità u minn kwalunkwe CSE stabbilit għal dak l-għan.

[…]

(11)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibbiltà sħiħa tal-ħażniet kollha miżmuma skont il-leġislazzjoni Komunitarja. Sabiex tiġi ggarantita dik id-disponibbiltà, m’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni jew limitazzjoni tad-dritt ta’ appartenenza ta’ dawk il-ħażniet li tkun tista’ tostakola l-użu tagħhom f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista taż-żejt. Il-prodotti petroliferi li jappartjenu lil kumpanniji li jkunu qed jiffaċċjaw riskju sostanzjali ta’ proċedimenti ta’ infurzar kontra l-assi tagħhom m’għandhomx jiġu kkunsidrati. Meta obbligu tal-ħżin ikun ġie impost fuq l-operaturi, il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ ħlas jista’ jiġi kkunsidrat li juri l-eżistenza ta’ tali riskju.

[…]

(21)      Sabiex jiġi evitat rappurtar doppju fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn Stati Membri dwar il-kategoriji differenti ta’ prodotti, ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 […] għandu jservi bħala punt ta’ referenza għall-kategoriji differenti ta’ prodotti petroliferi msemmija f’din id-Direttiva.

[…]

(33)      Billi l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà tal-provvisti taż-żejt fil-Komunità permezz ta’ mekkaniżmi affidabbli u trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, filwaqt li jkun hemm konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq intern, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba d-daqs u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE]. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.”

9        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/119, intitolat “Objettiv” jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt fil-Komunità permezz ta’ mekkaniżmi affidabbli u trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, li jżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi kif ukoll li jistabbilixxu l-mezzi ta’ proċedura meħtieġa biex jiġi ttrattat nuqqas serju.”

10      Il-punti (f), (i), (j) u (l) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jinkludu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(f)      ‘entità ċentrali ta’ ħżin’ (CSE) tfisser il-korp jew is-servizz li lilu jistgħu jingħataw is-setgħat biex jaġixxi biex jakkwista, iżomm jew ibigħ ħażniet taż-żejt inklużi ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi;

[…]

(i)      ‘ħażniet ta’ żejt’ tfisser il-prodotti tal-enerġija elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008[, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2010 tad‑9 ta’ Novembru 2017 (ĠU 2017, L 292, p. 3)];

(j)      ‘ħażniet ta’ emerġenza’ tfisser ħażniet ta’ żejt li kull Stat Membru huwa meħtieġ iżomm skont l-Artikolu 3;

[…]

(l)      ‘ħażniet speċifiċi’ tfisser ħażniet ta’ żejt li jissodisfaw il-kriterji mniżżla fl-Artikolu 9”.

11      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħażniet ta’ emerġenza – Kalkolu tal-obbligi tal-ħżin”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat, sal‑31 ta’ Diċembru 2012, li l-ħażniet totali ta’ żejt li jinżammu f’kull ħin fil-Komunità għall-benefiċċju tagħhom, jikkorrispondu, ta’ mill-inqas, għal 90 jum tal-importazzjoni netta medja ta’ kuljum jew 61 jum tal-konsum intern medju ta’ kuljum, skont liema miż-żewġ kwantitajiet ikun l-ikbar.”

12      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, dwar il-“[k]alkolu tal-livell tal-ħażniet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-livelli tal-ħażniet miżuma għandhom jiġu kkalkolati bl-użu tal-metodi mniżżla fl-Anness III. […]”

13      Għal dak li jirrigwarda ċ-CSEs, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2009/119 jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu CSEs.

L-ebda Stat Membru ma jista’ jistabbilixxi aktar minn CSE waħda jew kwalunkwe korp simili ieħor. Stat Membru jista’ jistabbilixxi s-CSE tiegħu fi kwalunkwe post ġewwa l-Komunità.

Fejn Stat Membru jistabbilixxi CSE, din għandha tieħu l-forma ta’ korp jew servizz mingħajr l-objettiv ta’ profitt u taġixxi fl-interess ġenerali u m’għandhiex tkun ikkunsidrata bħala operatur ekonomiku fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

14      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Operaturi ekonomiċi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe operatur ekonomiku li fuqu jimponi obbligi tal-ħżin sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 jingħata d-dritt li jiddelega dawk l-obbligi mill-inqas parzjament u fuq l-għażla tal-operatur ekonomiku, imma unikament:

(a)      lis-CSE tal-Istat Membru, li għal kont tiegħu jinżammu dawn il-ħażniet; u/jew

(b)      lil CSE waħda oħra jew aktar li jkunu ddikjaraw ruħhom minn qabel li jkunu lesti li jżommu tali ħażniet, dment li tali delegi jkunu ġew awtorizzati minn qabel kemm mill-Istat Membru li għal kont tiegħu jinżammu tali ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom dawn il-ħażniet ikunu ser jinżammu;

(c)      lil operaturi ekonomiċi oħra li jkollhom ħażniet żejda jew kapaċità ta’ ħżin disponibbli ‘l barra mit-territorju tal-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu l-ħażniet fil-Komunità, dment li tali delega tkun ġiet awtorizzata minn qabel kemm mill-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu tali ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom dawn il-ħażniet ikunu ser jinżammu; u/jew

(d)      lil operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom ħażniet żejda jew kapaċità ta’ ħżin disponibbli fit-territorju tal-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu l-ħażniet, dment li tali delega tkun ġiet ikkomunikata minn qabel lill-Istat Membru. L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti jew kondizzjonijiet fuq tali delega.

[…]

2.      Kull Stat Membru jista’ jirrestrinġi d-drittijiet ta’ delega tal-operaturi ekonomiċi li fuqhom jimponi jew ikun impona obbligi ta’ ħżin.

Madankollu, fejn tali restrizzjonijiet jillimitaw id-drittijiet ta’ delega tal-operatur ekonomiku għal ammonti li jikkorrispondu għal inqas minn 10 % tal-obbligu ta’ ħżin impost fuqu, l-Istat Membru għandu jiżgura li jkun stabbilixxa CSE li tkun meħtieġa li taċċetta d-delegi fir-rigward tal-ammont meħtieġ biex jiġi salvagwardjat id-dritt ta’ operatur ekonomiku li jiddelega mill-inqas 10 % tal-obbligu ta’ ħżin impost fuqu.

Il-persentaġġ minimu msemmi f’dan il-paragrafu għandu jiżdied minn 10 % għal 30 % sal‑31 ta’ Diċembru 2017.

[…]”

15      Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħażniet speċifiċi”:

“(1)      Kull Stat Membru jista’ jimpenja ruħu li jżomm livell minimu ta’ ħażniet taż-żejt, ikkalkolat f’numru ta’ jiem ta’ konsum, skont il-kondizzjonijiet imniżżlin f’dan l-Artikolu.

Ħażniet speċifiċi għandhom jappartjenu għall-Istat Membru jew is-CSE stabbilita minnu u għandhom jiżammu fit-territorju tal-Komunità.

2.      Il-ħażniet speċifiċi jistgħu jkunu magħmulin biss minn wieħed jew aktar mill-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin, kif definiti fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008[, kif emendat bir-Regolament 2017/2010]:

–        Etan

–        LPG

–        Gażolina għall-muturi [magni]

–        Gażolina għall-avjazzjoni

–        Karburant għall-ġettijiet tat-tip gażolina (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4)

–        Karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin

–        Kerosin ieħor

–        Gażolju/żejt tad-diżil (fuel oil distillat)

–        Fuel oil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit)

–        Spirtu abjad u SPB

–        Lubrikanti

–        Bitum

–        Xama’ tal-paraffini

–        Kokk tal-petroleum

[…]

5.      Kull Stat Membru li ma jkunx għamel impenn għat-tul kollu ta’ sena kalendarja partikolari li jżomm ħażniet speċifiċi ta’ mill-inqas 30 jum għandu jiżgura li mill-inqas terz tal-obbligu tal-ħżin tiegħu jinżamm fil-forma ta’ prodotti magħmula skont il-paragrafi 2 u 3.”

[…]”

16      L-Anness III tal-istess direttiva, intitolat “Metodi għall-Kalkolu tal-Livell ta’ Ħażniet Miżmuma”, jipprevedi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu:

(a)      jinkludu l-ħażniet l-oħra kollha tal-prodotti petroliferi identifikati […] tal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008[, kif emendat bir-Regolament 2017/2010] u jikkalkolaw l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,065; jew

(b)      jinkludu l-ħażniet tal-prodotti li ġejjin biss: gażolina għall-muturi [magni], gażolina għall-avjazzjoni, karburant għall-ġettijiet tat-tip gażolina (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4), karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin, kerosin ieħor, gażolju/żejt tad-diżil (fuel oil distillat) u fuel oil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit) u jikkalkolaw l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,2.”

 IrRegolament Nru 1099/2008

17      L-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 1099/2008 jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-kunċett ta’ “prodotti ta’ l-enerġija”, bħala “il-kombustibbli, is-sħana, l-enerġija rinnovabbli, l-elettriku, jew kwalunkwe forma oħra ta’ enerġija”.

18      L-Anness A tal-imsemmi regolament huwa intitolat “Kjarifiki tat-Terminoloġija”. Il-Kapitolu 3.4 ta’ dan l-anness jikkonċerna l-kunċett ta’ “[ż]ejt (żejt mhux raffinat u prodotti taż-żejt […])”, li taħtu jaqgħu, b’mod partikolari, iż-żejt tal-fjuwil (żejt tal-fjuwil tqil), il-lubrikanti u l-kokk taż-żejt […], fis-sens, rispettivament, tal-punti 3.4.18, 3.4.20 u 3.4.23 tal-imsemmi anness.

 Iddritt Bulgaru

19      Skont l-Artikolu 2(1) taż-Zakon za zapasite ot neft i neftoprodukti (il-Liġi dwar il-Ħażniet taż-Żejt u tal-Prodotti taż-Żejt, DV Nru 15, tal‑15 ta’ Frar 2013), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZZNN”):

“Permezz ta’ din il-liġi, għandhom jiġu kkostitwiti, miżmuma, aġġornati, użati, kkostitwiti mill-ġdid u kkontrollati ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt u tal-kategoriji ta’ prodotti taż-żejt elenkati hawn taħt:

1.      gażolina għal vetturi bil-mutur;

2.      gażolju, karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin u karburant għal magni diżil;

3.      Żejt tqil;

4.      gass tal-propan u tal-butan.”

20      L-Artikolu 3(4) taż-ZZNN jipprovdi:

“Il-persuni obbligati għandhom jorganizzaw u jiffinanzjaw huma stess, f’isimhom u bil-mezzi tagħhom stess, il-kostituzzjoni, iż-żamma, it-tiġdid u l-kostituzzjoni mill-ġdid tal-livelli ta’ ħażniet ta’ emerġenza ordnati mingħandhom.”

21      L-Artikolu 12 taż-ZZNN jipprovdi li:

“(1)      […] Il-President tal-[Aġenzija Nazzjonali ‘Riżervi tal-Istat u Ħażniet Militari’] jistabbilixxi kull sena, sa mhux iktar tard mill‑20 ta’ April, il-ħażniet ta’ emerġenza li għandhom jiġu kkostitwiti u li għandhom jinżammu mill-persuni obbligati u mill-impriża tal-Istat ‘Darzhavna petrolna compania’ [(Kumpanija nazzjonali taż-Żejt)], permezz ta’ digrieti li jiffissaw il-livelli tal-ħażna globali u individwali […]

[…]

(4)      Il-livelli ta’ ħażniet ta’ emerġenza ta’ kull persuna obbligata għandhom jiġu ddeterminati proporzjonalment għas-sehem tagħha tal-importazzjonijiet netti totali u l-wasliet intra-Komunitarji jew il-konsum domestiku totali fis-sena kalendarja preċedenti meta mqabbel mas-sehem totali tal-entitajiet obbligati kollha.

[…]

(11)      Kull persuna fiżika jew ġuridika Bulgara jew barranija rreġistrata bħala negozjant, kif ukoll il-fergħat tagħha li, matul is-sena kalendarja preċedenti, importat u/jew ikkunsinnat, minn wasliet intra-Komunitarji, fit-territorju tal-pajjiż taż-żjut tal-lubrikazzjoni (inkluż iż-żjut bażiċi), tal-bitum, tax-xema’ tal-paraffin, tal-kokk taż-żejt, tal-qatran u tal-kubrit, tingħata livelli ta’ ħażniet ta’ emerġenza fil-forma ta’ żejt tqil.”

22      L-Artikolu 21 taż-ZZNN huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Ħażniet ta’ emerġenza jistgħu jinżammu fil-forma ta’ żejt u/jew ta’ prodotti taż-żejt previsti fl-Artikolu 2(1).

[…]

(11)      Il-livelli tal-ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt tqil, iddeterminati abbażi tal-importazzjonijiet netti u tal-wasliet intra-Komunitarji jew tal-konsum medju ta’ kuljum jistgħu jiġu kkostitwiti u miżmuma, sa 100 %, fil-forma ta’ żejt tal-gass, ta’ gażolina għal vetturi bil-mutur u/jew ta’ karburant għal magni diżil, u l-kwantità tagħhom għandha tkun ekwivalenti għall-kwantità ta’ ħażna ta’ żejt tqil li għaliha tintalab is-sostituzzjoni.

[…]”

 Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

23      Trade Express, ir-rikorrenti fit-tilwima prinċipali li wasslet għall-Kawża C‑395/22, iddikjarat fil-Bulgarija akkwisti intra-Komunitarji li jirrigwardaw 89.6 tunnellata żjut tal-lubrikazzjoni matul is-sena 2020. Dawn iż-żjut tal-lubrikazzjoni, li jikkorrispondu għall-punt 3.4.20 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, kienu intiżi għall-bejgħ.

24      Devnia Tsiment, ir-rikorrenti fil-tilwima prinċipali li wasslet għall-Kawża C‑428/22, importat fil-Bulgarija 34 657.39 tunnellata ta’ kokk taż-żejt matul is-sena 2020. Dan il-kokk taż-żejt, li jaqa’ taħt il-punt 3.4.23 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, jintuża fi proċess mineraloġiku għall-produzzjoni ta’ siment mhux mitħun imsejjaħ “clinkers”.

25      B’riżultat ta’ dawn l-attivitajiet, permezz ta’ żewġ digrieti, wieħed tat‑28 ta’ April 2021 u l-ieħor tad‑29 ta’ April 2021, il-Viċi President tal-Aġenzija Nazzjonali “Riżervi tal-Istat u Ħażniet Militari”, ordna lil Devnia Tsiment u lil Trade Express, rispettivament, jikkostitwixxu u jżommu, f’isimhom u bil-mezzi tagħhom stess, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2021 u t‑30 ta’ Ġunju 2022, livelli ta’ ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt tqil. Devnia Tsiment kellha tikkostitwixxi tali ħażna ta’ emerġenza fi kwantità ta’ 7 806.058 tunnellata, u Trade Express fi kwantità ta’ 15.947 tunnellata.

26      Kull waħda minn dawn il-kumpanniji ressqet kawża quddiem l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju fil-kawżi preżenti, għall-annullament tad-digriet li hija kienet is-suġġett tiegħu. Essenzjalment, huma jikkontestaw l-obbligu li jikkostitwixxu, bil-mezzi tagħhom stess, ħażniet ta’ emerġenza taż-żejt tqil, filwaqt li dan il-prodott taż-żejt ma jagħmilx parti mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

27      Din il-qorti tikkonstata li, matul is-sena 2020, Trade Express u Devnia Tsiment ma kienu jeżerċitaw ebda attività ekonomika bit-tipi ta’ prodotti elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008 minbarra ż-żjut tal-lubrikazzjoni u l-kokk taż-żejt, rispettivament. Hija tenfasizza li dawn il-kumpanniji la għandhom kwantitajiet ta’ ħażniet ta’ emerġenza taż-żejt tqil mitluba permezz tad-digrieti msemmija fil-punt 25 tas-sentenza preżenti u lanqas maħżen sabiex iżommu tali ħażniet. Minħabba f’hekk, il-kostituzzjoni u l-ħażna tal-livelli ta’ ħażniet ta’ emerġenza stabbiliti minn dawn id-digrieti kienu jwasslu għal piż finanzjarju sinjifikattiv għalihom.

28      F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tesprimi dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà taż-ZZNN mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/119, moqrija fid-dawl tal-Karta, sa fejn din il-liġi tippermetti li kumpanniji, bħal Trade Express u Devnia Tsiment, jiġu obbligati jikkostitwixxu u jżommu ħażniet ta’ emerġenza ta’ prodotti taż-żejt li ma jagħmlux parti mill-attivitajiet tagħhom.

29      Fil-fatt, mill-premessa 33, mill-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, kif ukoll mill-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2009/119 jirriżulta, essenzjalment, li din hija intiża li tistabbilixxi ħażniet ta’ emerġenza tal-prodotti kollha msemmija fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008.

30      Madankollu, iż-ZZNN tipprevedi l-kostituzzjoni ta’ tali ħażniet biss għaż-żejt u għal erba’ prodotti taż-żejt oħra, fosthom iż-żejt tqil. Din il-liġi tobbliga għaldaqstant lil kull operatur ekonomiku li importa prodotti msemmija f’dan il-kapitolu jikkostitwixxi u jżomm ħażniet ta’ emerġenza ta’ wieħed minn dawn il-prodotti tal-aħħar.

31      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, l-obbligu għal operatur ekonomiku li jaħżen prodott taż-żejt li ma jużax fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu jġiegħel lil dan l-operatur jixtri jew jissellef, billi jiddelega parti minn dan l-obbligu tiegħu, il-kwantità neċessarja ta’ dan il-prodott u jaħżnu skont ir-rekwiżiti leġiżlattivi. Dan iwassal għal piż finanzjarju sinjifikattiv għalih u jista’ jaffettwa r-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni. L-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2009/119 kif ukoll rekwiżit ta’ koerenza pjuttost jimmilitaw favur interpretazzjoni li tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq tali operatur obbligi in natura, jiġifieri obbligu li jaħżen prodott tal-enerġija li jaqa’ taħt l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, u dan sabiex jiġi żgurat bilanċ raġonevoli bejn l-interessi pubbliċi tal-Unjoni u l-interessi privati.

32      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin fil-Kawża C‑395/22:

“1)      Fid-dawl tal-għan tad-[Direttiva 2009/119], kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 2(d) tar-[Regolament Nru 1099/2008] u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, irrikonoxxut fl-[Artikolu 52(1) tal-Karta moqri flimkien mal-Artikolu 17 tagħha], il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u [l-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-persuni li jkunu wettqu wasliet intra-Komunitarji ta’ żjut tal-lubrifikazzjoni, fis-sens tal-punt 3.4.20 tal-Anness [A] tar-Regolament Nru 1099/2008 (jew, jekk ikun il-każ, l-importaturi ta’ dawn iż-żjut) bħala l-persuni obbligati jistabbilixxu ħażniet ta’ emerġenza?

2)      Fid-dawl tal-għan tad-[Direttiva 2009/119] kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) tal-[Karta,], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u [l-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita t-tipi ta’ prodotti li l-ħażniet ta’ emerġenza tagħhom għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma għal parti biss mit-tipi ta’ prodotti msemmija [fil-punti (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2] ta’ din id-direttiva, ikkunsidrat flimkien mal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008?

3)      Fid-dawl tal-għan tad-[Direttiva 2009/119] kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-[punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li t-twettiq ta’ wasliet intra-Komunitarji, jew ta’ importazzjonijiet, ta’ tip ta’ prodott kopert mill-[punti (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2] ta’ din id-direttiva, ikkunsidrat flimkien mal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008 minn persuna partikolari jagħti lok għall-obbligu għal din il-persuna li tistabbilixxi u li żżomm ħażniet ta’ emerġenza ta’ tip ieħor ta’ prodott differenti?

4)      Fid-dawl tal-għan tad-[Direttiva 2009/119] kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-[punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq persuna partikolari l-obbligu li tistabbilixxi u li żżomm ħażna ta’ prodott li hija ma tużax fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha u li ma għandu ebda rabta magħha, obbligu dan li barra minn hekk jissuġġettaha għal piż finanzjarju sinjifikattiv (li jagħmel l-osservanza ta’ dan l-obbligu impossibbli fil-prattika) minħabba li hija ma għandhiex il-prodott inkwistjoni u minħabba li hija ma hijiex importatur u/jew depożitant [tiegħu]?

5)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiva għal xi waħda minn dawn id-domandi, fid-dawl tal-għan tad-[Direttiva 2009/119] kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-[punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li wettqet wasliet intra-Komunitarji jew importazzjonijiet ta’ tip ta’ prodott partikolari tista’ tkun suġġetta għall-obbligu li tistabbilixxi u li żżomm ħażniet ta’ emerġenza biss tal-istess tip ta’ prodott li kien is-suġġett tal-imsemmija wasliet/importazzjonijiet intra-Komunitarji?”

33      Fil-Kawża C‑428/22, il-qorti tar-rinviju għamlet ħames domandi preliminari li huma, essenzjalment, identiċi għal dawk iċċitati fil-punt preċedenti, ħlief li l-ewwel domanda tirrigwarda l-każ ta’ persuni li jkunu wettqu wasliet intra‑Komunitarji ta’ kokk ta’ żejt, fis-sens tal-punt 3.4.23 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, għal finijiet ta’ produzzjoni.

34      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Awwissu 2022, il-Kawżi C‑395/22 u C‑428/22 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq ittalba għal ftuħ millġdid talfażi orali talproċedura

35      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Jannar 2024, Devnia Tsiment talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36      Insostenn tat-talba tagħha, Devnia Tsiment tinvoka l-eżistenza ta’ fatt ġdid, jiġifieri emenda leġiżlattiva li saret wara s-seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont Devnia Tsiment, din l-emenda leġiżlattiva għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-risposti għad-domandi preliminari, u dan anki jekk ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawżi prinċipali. F’din it-talba, Devnia Tsiment tressaq, barra minn hekk, argumenti fuq il-mertu b’risposta għal dawn id-domandi.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara għeluq din il-fażi, fatt ġdid tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

38      Fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 83 ma humiex issodisfatti. Fil-fatt, minbarra l-fatt li, meta tagħti deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba tiddeċiedi dwar id-dritt nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li l-emenda leġiżlattiva invokata minn Devnia Tsiment ma hijiex, skont l-istess kliem ta’ din tal-aħħar, applikabbli għall-kawżi prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-emenda leġiżlattiva ma tistax titqies bħala “fatt ġdid tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 83.

39      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari u li dawn il-kawżi magħquda ma għandhomx jiġu deċiżi fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

40      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq ittieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha f’kull waħda minn dawn il-kawżi magħquda, li għandha tiġi ttrattata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119, moqri flimkien mal-Artikolu 1 kif ukoll mal-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jżommu ħażniet ta’ emerġenza għall-kategoriji kollha ta’ prodotti tal-enerġija msemmija fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, jew jekk l-Istati Membri jistgħux jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jżommu ħażniet ta’ emerġenza skont dan l-Artikolu 3 billi jżommu ħażniet ta’ emerġenza komposti biss minn uħud minn dawn il-kategoriji.

42      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/119, moqri fid-dawl tal-premessi 3, 8 u 33 tagħha, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt fl-Unjoni permezz ta’ mekkaniżmi trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, filwaqt li tosserva r-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni, li żżomm livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti taż-żejt, kif ukoll li tistabbilixxi l-mezzi ta’ proċedura meħtieġa biex jiġi rrimedjat nuqqas serju. B’dan il-mod, l-imsemmija direttiva hija intiża li tiżgura s-sigurtà pubblika tal-Istati Membri u tal-Unjoni, fejn id-disponibbiltà tal-ħażniet taż-żejt u s-salvagwardja tal-provvista tal-enerġija jikkostitwixxu elementi essenzjali.

43      Il-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/119 jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “ħażniet taż-żejt” u ta’ “ħażniet ta’ emerġenza” għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

44      Il-“ħażniet taż-żejt”, fis-sens tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 huma l-ħażniet ta’ prodotti tal-enerġija elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008. Dan il-kapitolu jinkludi lista ta’ 24 kategorija ta’ prodotti miġbura taħt it-titolu “[ż]ejt (żejt mhux raffinat u prodotti taż-żejt mhux maħdum)”, li fosthom hemm iż-żejt tal-fjuwil tqil (żejt tqil), lubrikanti u kokk taż-żejt.

45      Fir-rigward tal-“ħażniet ta’ emerġenza”, fis-sens tal-punt (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/119, dawn huma ddefiniti bħala l-ħażniet taż-żejt li l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jimponi ż-żamma tagħhom fuq kull Stat Membru.

46      Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/119 jobbliga lill-Istati Membri jadottaw kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-ħażniet totali ta’ żejt li jinżammu f’kull ħin fl-Unjoni għall-benefiċċju tagħhom, jikkorrispondu, ta’ mill-inqas, għal 90 jum tal-importazzjoni netta medja ta’ kuljum jew 61 jum tal-konsum intern medju ta’ kuljum, skont liema miż-żewġ kwantitajiet tkun l-ikbar. L-Artikolu 3(2) u (3) ta’ din id-direttiva jiddetermina l-metodi u l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni ta’ dan il-livell.

47      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijet tad-dritt tal-Unjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119 jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw iż-żamma ta’ “ħażniet totali ta’ żejt”, ikkalkolat skont il-metodi u l-modalitajiet iddefiniti f’dan l-artikolu. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi artikolu jiddetermina għalhekk il-volum meħtieġ ta’ dawn il-ħażniet. Min-naħa l-oħra, din il-formulazzjoni bl-ebda mod ma tiddefinixxi l-kompożizzjoni konkreta ta’ dawn tal-aħħar f’dak li jirrigwarda l-kategoriji ta’ prodotti li għandhom jiġu inklużi fl-imsemmija ħażniet.

49      Fid-dawl tal-imsemmija formulazzjoni, ma jidhirx għalhekk li l-Istati Membri huma obbligati jżommu ħażniet ta’ emerġenza għall-prodotti tal-enerġija kollha elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008. Għall-kuntrarju, l-istess formulazzjoni tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni konkreta tal-ħażniet ta’ emerġenza.

50      Il-fatt li, fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/119, il-“ħażniet taż-żejt”, fis-sens ta’ din id-direttiva, huma ddefiniti b’riferiment għall-prodotti tal-enerġija elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, ma jistax iwassal għal interpretazzjoni differenti. Fil-fatt, dan ir-regolament jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva, att legali ta’ riferiment fir-rigward tagħha. L-imsemmi regolament la jista’ għalhekk ibiddel il-portata tal-obbligu u lanqas il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, kif jirriżultaw mill-Artikolu 3 tal-istess direttiva, moqri flimkien mad-definizzjoni tal-“ħażniet ta’ emerġenza” li tinsab fil-punt (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha.

51      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni letterali esposta fil-punt 49 tas-sentenza preżenti hija kkorroborata mill-kuntest u mill-oriġini tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119 kif ukoll mill-għanijiet ta’ din tal-aħħar.

52      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntest ta’ dan l-Artikolu 3, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(1) u l-Anness III tad-Direttiva 2009/119, il-livelli tal-ħażniet miżmuma, minbarra l-ħażniet ta’ żejt mhux maħdum, huma kkalkolati bħala ekwivalenti għal żejt mhux maħdum. F’dan ir-rigward, il-punti (a) u (b) tas-sitt paragrafu tal-Anness III ta’ din id-direttiva jipprevedu żewġ metodi alternattivi ta’ kalkolu. B’hekk, fil-kalkolu tal-livell tal-ħażniet miżmuma, l-Istati Membri jistgħu jinkludu, “l-ħażniet l-oħra kollha tal-prodotti petroliferi identifikati fl-ewwel paragrafu tal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-[Regolament Nru 1099/2008]” jew sempliċement il-ħażniet ta’ xi wħud minn dawn il-prodotti (petrol għall-magni, petrol għall-avjazzjoni, fjuwil għall-ġettijiet tat-tip petrol (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4), fjuwil għall-ġettijiet tat-tip pitrolju, pitrolju ieħor, żejt tal-gass/tad-diżil (żejt tal-fjuwil distillat) u żejt tal-fjuwil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit)).

53      Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti ta’ tali għażla lill-Istati Membri jippreżupponi li dawn igawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-kompożizzjoni konkreta tal-ħażniet ta’ emerġenza tagħhom.

54      Min-naħa l-oħra, minn qari sħiħ tad-Direttiva 2009/119 jirriżulta li huwa biss l-Artikolu 9(5) tagħha li jinkludi elementi ta’ definizzjoni tal-kompożizzjoni tal-ħażniet ta’ emerġenza tal-Istati Membri. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri li ma jkunx għamel impenn għat-tul kollu ta’ sena kalendarja partikolari li jżomm ħażniet speċifiċi għal mill-inqas 30 jum, fis-sens tal-punt (l) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiżgura li mill-inqas terz tal-obbligu tal-ħażna tiegħu jinżamm fil-forma ta’ prodotti li l-kompożizzjoni tagħhom hija konformi mal-Artikolu 9(2) u (3) tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 9(2) jinkludi lista ta’ erbatax-il kategorija ta’ prodotti taż-żejt, kif iddefiniti fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008.

55      Minn paragun tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 2009/119 jista’ jiġi dedott li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu l-intenzjoni li jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-ħażniet ta’ emerġenza, huwa jipprevedi dan b’mod espliċitu.

56      It-tieni nett, din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mill-oriġini tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2 tagħhom, id-Direttivi 68/414 u 2006/67 kienu jimponu fuq l-Istati Membri obbligu li jżommu ħażniet ta’ emerġenza għal tliet kategoriji ta’ prodotti taż-żejt speċifiċi msemmija b’mod espliċitu f’dan l-Artikolu 2, jiġifieri, l-ewwel nett, il-gażolina għall-vetturi u l-karburanti għall-ajruplani (gażolina għall-ajruplan (karburant tat-tip gażolina, it-tieni nett, id-diżil, iż-żejt tad-dijżil, il-pitrolju u l-karburant tat-tip pitrolju kif ukoll, it-tielet nett, żjut karburanti.

58      Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie espost fil-punt 48 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119 ma jidentifikax iktar il-kategoriji ta’ prodotti li għandhom jiġu inklużi fil-ħażniet ta’ emerġenza. Billi ma ddefinixxiex dawn il-kategoriji, il-leġiżlatur tal-Unjoni esprima r-rieda tiegħu li issa jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 ta’ din id-direttiva, din il-bidla fl-approċċ hija spjegata min-neċessità li jiġi adattat il-metodu ta’ kalkolu tal-obbligi ta’ ħażna, sabiex jiġu approssimati metodi użati fil-kuntest tal-Ftehim AIE.

59      It-tielet nett, fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2009/119, imfakkra fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, għandu jitqies, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà tal-provvisti taż-żejt fl-Unjoni jiġġustifika li l-Istati Membri jingħataw tali marġni ta’ diskrezzjoni. Fil-fatt, meta dawn jeżerċitaw dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, huma jistgħu fost oħrajn jiddeċiedu li jżommu l-ħażniet ta’ emerġenza tal-prodotti l-iktar indispensabbli u strateġiċi b’teħid inkunsiderazzjoni tal-metodi ta’ konsum nazzjonali kif ukoll tal-produzzjoni jew tal-importazzjonijiet nazzjonali ta’ dawn il-prodotti.

60      Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda f’kull waħda minn dawn il-kawżi magħquda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119, moqri flimkien mal-Artikolu 1 kif ukoll mal-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati jżommu ħażniet ta’ emerġenza għall-kategoriji kollha ta’ prodotti tal-enerġija msemmija fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008. Għall-kuntrarju, huma jistgħu jissodisfaw l-obbligu ta’ żamma ta’ ħażniet ta’ emerġenza impost fuqhom skont dan l-Artikolu 3 billi jżommu ħażniet ta’ emerġenza komposti biss minn uħud minn dawn il-kategoriji.

 Fuq lewwel domanda

61      Permezz tal-ewwel domanda tagħha f’kull waħda minn dawn il-kawżi magħquda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2009/119 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li obbligu ta’ kostituzzjoni u ta’ żamma ta’ ħażniet ta’ emerġenza jista’ jiġi impost fuq operatur ekonomiku li jkun wettaq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119, l-Istati Membri għandhom iżommu ċertu livell ta’ ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza.

63      L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi b’mod partikolari li kull Stat Membru għandu jiżgura li jagħti lil kull operatur ekonomiku li fuqu jimponi obbligi ta’ ħażna sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, id-dritt li jiddelega mill-inqas parti mill-obbligi ta’ ħażna tiegħu lil CSE jew lil operaturi ekonomiċi oħra li jkollhom ħażniet żejda jew kapaċitajiet ta’ ħażna disponibbli fit-territorju tal-Unjoni.

64      Minn qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta mingħajr ekwivoku li, kif barra minn hekk jaqblu l-partijiet u l-persuni kkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri jistgħu jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ żamma ta’ ħażniet ta’ emerġenza billi jimponu obbligi ta’ ħażna fuq operaturi ekonomiċi.

65      Madankollu, la l-imsemmija dispożizzjonijiet u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2009/119 ma jiddefinixxu l-kelmiet “operatur ekonomiku”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dawn il-kelmiet għandha għalhekk tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita, konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin, C‑163/16, EU:C:2018:423, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-kelmiet “operatur ekonomiku” jirreferu komunement għal kull persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita attività ekonomika.

67      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jintużaw dawn il-kelmiet, għandu jiġi osservat li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2009/119 jiddistingwi, essenzjalment, l-operatur ekonomiku, fis-sens ta’ din id-direttiva, miċ-CSE, li, skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni “din għandha tieħu l-forma ta’ korp jew servizz mingħajr l-objettiv ta’ profitt u taġixxi fl-interess ġenerali”.

68      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2009/119, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli tal-provvista taż-żejt ta’ emerġenza fl-Unjoni, huwa ġġustifikat li jitqiesu bħala operaturi ekonomiċi, fis-sens ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-operaturi li l-attività tagħhom għandha rabta mal-prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008. Dawn huma, b’mod partikolari, produtturi, importaturi u kummerċjanti ta’ dawn il-prodotti kif ukoll manifatturi li jużawhom għal finijiet ta’ produzzjoni.

69      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għal kull waħda minn dawn il-kawżi magħquda għandha tkun li l-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2009/119 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li obbligu ta’ kostituzzjoni u ta’ żamma ta’ ħażniet ta’ emerġenza jista’ jiġi impost fuq operatur ekonomiku li jkun wettaq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008.

 Fuq ittielet salħames domanda

70      Permezz tat-tielet sal-ħames domanda tagħha f’kull waħda minn dawn il-kawżi magħquda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/119, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-importazzjoni, minn operatur ekonomiku, ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt kategorija ta’ prodotti msemmija fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, tagħti lok għall-obbligu, għal dan l-operatur, li jikkostitwixxi u li jżomm ħażna ta’ emerġenza ta’ prodott tal-enerġija li jaqa’ taħt kategorija oħra ta’ prodotti msemmija f’dan il-kapitolu, u dan anki meta l-imsemmi operatur ma jużax dan il-prodott fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu, li magħha dan il-prodott ma għandu l-ebda rabta, u meta dan l-obbligu jikkostitwixxi piż finanzjarju sinjifikattiv għalih.

71      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li mir-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda f’kull waħda minn dawn il-kawżi magħquda jirriżulta li, skont l-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2009/119, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tal-ħażniet ta’ emerġenza li huma għandhom iżommu skont dan l-Artikolu 3 u li huma jistgħu jimponu obbligi ta’ ħażna fuq l-operaturi ekonomiċi, bħal operatur li jkun wettaq importazzjonijiet ta’ żjut tal-lubrikazzjoni jew ta’ kokk taż-żejt, fis-sens tal-punti 3.4.20 u 3.4.23 tal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, rispettivament.

72      Fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni espliċita tad-Direttiva 2009/119 u fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, għandu jitqies li din id-direttiva ma tipprekludix, bħala tali, li Stat Membru, li jkun iddeċieda li l-ħażna ta’ emerġenza tiegħu tkun komposta biss minn erba’ kategoriji ta’ prodotti taż-żejt imsemmija f’dan il-Kapitolu 3.4, jimponi fuq operatur ekonomiku, obbligu li jikkostitwixxi u li jżomm ħażna ta’ emerġenza ta’ waħda minn dawn il-kategoriji, minkejja li din ma tkunx tagħmel parti mill-attività ekonomika ta’ dan l-operatur.

73      Madankollu, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu, fit-tieni lok, jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Karta jipprekludux leġiżlazzjoni li tipprevedi tali obbligu. Għalkemm din il-qorti llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt għall-proprjetà, u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-partijiet u l-persuni kkonċernati ddiskutew ukoll, b’mod partikolari waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-libertà ta’ intrapriża, fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta. Għaldaqstant, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta kompleta u utli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għalihom biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u tas‑27 ta’Jannar2022, Sātiņi-S, C‑234/20, EU:C:2022:56, punt 51).

75      Issa, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta Stat Membru jadotta miżuri fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu minn att tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2009/119, u jimponi fuq operaturi ekonomiċi, fis-sens ta’ din id-direttiva, obbligi ta’ ħażna sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, huwa għandu jitqies bħala li jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

76      Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u l-prassi nazzjonali. Il-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42; kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 82).

77      Konformement mal-Artikolu 17(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt, u l-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku f’każijiet u f’kundizzjonijiet previsti b’liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

78      Madankollu, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punti 83 u 85).

79      Għaldaqstant, mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta li jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha, bħalma huma l-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, kemm-il darba dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet u kemm-il darba, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

80      Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu, impost fuq operatur ekonomiku, li jikkostitwixxi u li jżomm, għal perijodu ta’ sena, f’ismu stess u bil-mezzi tiegħu stess, ħażna ta’ emerġenza ta’ prodott taż-żejt, jiġifieri ż-żejt tqil, li ma jagħmilx parti mill-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, jista’ jirrestrinġi l-libertà ta’ intrapriża tiegħu u d-dritt tiegħu għall-proprjetà.

81      F’dan ir-rigward, sa fejn din ir-restrizzjoni hija prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, f’dan il-każ iż-ZZNN, din għandha titqies li hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

82      Fir-rigward tal-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà ta’ intrapriża, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu li tiġi kkostitwita u miżmuma ħażna ta’ emerġenza, li barra minn hekk huwa limitat ratione temporis, ma jwassalx għal ċaħda ta’ proprjetà u għalhekk ma jikkostitwixxix intervent li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà. Bl-istess mod, peress li tali obbligu bl-ebda mod ma jipprekludi, bħala prinċipju, l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-operatur ekonomiku kkonċernat, huwa josserva wkoll il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 89).

83      Għal dak li jirrigwarda l-għanijiet imfittxija miż-ZZNN u mill-obbligi ta’ ħażna imposti skont din il-liġi fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dawn huma intiżi li jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvisti taż-żejt.

84      Tali għan jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ż-żamma, fit-territorju nazzjonali, ta’ ħażna ta’ prodotti taż-żejt li tippermetti li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-provvista tikkostitwixxi għan ta’ sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et, 72/83, EU:C:1984:256, punt 35, kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑398/98, EU:C:2001:565, punt 29), li l-importanza tagħhom hija riflessa, fir-rigward taż-żejt, fid-Direttiva 2009/119 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑212/09, EU:C:2011:717, punt 82).

85      Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-possibbiltà li jiġu imposti fuq l-operaturi ekonomiċi obbligi ta’ ħażna sabiex jiġi ssodifatt l-obbligu li jinżammu ħażniet ta’ emerġenza impost, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119, fuq l-Istat Membru kkonċernat, u, għaldaqstant, l-impożizzjoni ta’ tali obbligi fuq dawn l-operaturi jidhru adatti sabiex jintlaħaq dan l-għan.

86      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-obbligi ta’ ħażna li jistgħu jiġu imposti fuq operaturi ekonomiċi, skont tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn dawn l-obbligi jirrigwardaw prodotti taż-żejt minbarra dawk użati minn dawn l-operaturi fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa din il-proporzjonalità billi twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawżi prinċipali.

87      F’dan ir-rigward, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmija operaturi jistgħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/119, jiddelegaw mill-inqas parti mill-obbligi ta’ ħażna tagħhom lil CSE jew lil operatur ekonomiku ieħor fi ħdan l-Unjoni. F’dan ir-rigward, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, possibbiltà reali li dawn l-obbligi ta’ ħażna jiġu ddelegati, bi spiża raġonevoli, lil CSE jew lil operatur ekonomiku ieħor għandha titqies li tikkostitwixxi garanzija li l-imsemmija obbligi huma proporzjonati.

88      Il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-portata tal-obbligi kkonċernati, fir-rigward tat-tul tal-ħażna meħtieġa u tal-kwantitajiet ta’ prodotti taż-żejt li għandhom jinħażnu, kif ukoll tal-possibbiltajiet ta’ kiri, jew ta’ akkwist u ta’ bejgħ mill-ġdid, tal-ħażniet fi tmiem il-perijodu ta’ ħażna obbligatorja. Il-fatt li l-obbligu ta’ ħażna impost huwa limitat ratione temporis għal kwantità predeterminata jista’ wkoll jimmilita favur konklużjoni li dawn l-obbligi huma proporzjonati.

89      Din il-qorti għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-effett finanzjarju tal-obbligi ta’ ħażna meta mqabbla mad-daqs tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati u mad-dħul mill-bejgħ iġġenerat minnhom fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom kif ukoll tqabbel dan l-effett mal-piż impost fuq l-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha suġġetti għal obbligi ta’ ħażna. F’dan ir-rigward, fid-dawl, barra minn hekk, tal-premessa 11 tad-Direttiva 2009/119, il-fatt li l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ ħażna tinvolvi riskju serju għas-sopravivenza ekonomika tal-operatur ekonomiku kkonċernat jew tista’ taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu jikkostitwixxi indizju tan-natura sproporzjonata ta’ dan l-obbligu, sakemm dan ma jkunx akkumpanjat minn kumpens xieraq.

90      Bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tiegħu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 16 u 17 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta ma jipprekludux l-impożizzjoni, fuq operatur ekonomiku, ta’ obbligu ta’ kostituzzjoni u ta’ żamma ta’ ħażniet ta’ emerġenza li jirrigwardaw prodotti li ma jagħmlux parti mill-attività ta’ dan l-operatur, u dan anki meta l-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu toħloq piż finanzjarju sinjifikattiv għall-imsemmi operatur.

91      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tielet sal-ħames domanda f’kull waħda minn dawn il-kawżi magħquda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/119, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-importazzjoni, minn operatur ekonomiku, ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt kategorija ta’ prodotti msemmija fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, tagħti lok għall-obbligu, għal dan l-operatur, li jikkostitwixxi u li jżomm ħażna ta’ emerġenza ta’ prodott tal-enerġija li jaqa’ taħt kategorija oħra ta’ prodotti msemmija f’dan il-kapitolu, u dan anki meta l-imsemmi operatur ma jużax dan il-prodott fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu, li magħha dan il-prodott ma għandu l-ebda rabta, u li dan l-obbligu jikkostitwixxi piż finanzjarju sinjifikattiv għalih, bil-kundizzjoni li l-imsemmi obbligu jkun proporzjonat.

 Fuq lispejjeż

92      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi, kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1581 tad19 ta’ Ottubru 2018, moqri flimkien mal-Artikolu 1 kif ukoll mal-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/119, kif emendata,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-Istati Membri ma humiex obbligati jżommu ħażniet ta’ emerġenza għall-kategoriji kollha tal-prodotti tal-enerġija msemmija fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija, kif emendat bir-Regolament tal-Kumissjoni (UE) 2019/2146 tas26 ta’ Novembru 2019. Għall-kuntrarju, huma jistgħu jissodisfaw l-obbligu ta’ żamma ta’ ħażniet ta’ emerġenza impost fuqhom skont dan l-Artikolu 3 billi jżommu ħażniet ta’ emerġenza komposti biss minn uħud minn dawn il-kategoriji.

2)      L-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2009/119, kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2018/1581,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li obbligu ta’ kostituzzjoni u ta’ żamma ta’ ħażniet ta’ emerġenza jista’ jiġi impost fuq operatur ekonomiku li jkun wettaq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, kif emendat bir-Regolament 2019/2146.

3)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/119, kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2018/1581, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li l-importazzjoni, minn operatur ekonomiku, ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt kategorija ta’ prodotti msemmija fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, kif emendat bir-Regolament 2019/2146, tagħti lok għall-obbligu, għal dan l-operatur, li jikkostitwixxi u li jżomm ħażna ta’ emerġenza ta’ prodott tal-enerġija li jaqa’ taħt kategorija oħra ta’ prodotti msemmija f’dan il-kapitolu, u dan anki meta l-imsemmi operatur ma jużax dan il-prodott fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu, li magħha dan il-prodott ma għandu l-ebda rabta, u li dan l-obbligu jikkostitwixxi piż finanzjarju sinjifikattiv għalih, bil-kundizzjoni li l-imsemmi obbligu jkun proporzjonat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.