Language of document : ECLI:EU:C:2024:395

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Programm nazzjonali kkonfinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Għajnuna mogħtija permezz ta’ kuntratt b’eżekuzzjoni ta’ dan il-programm – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Regolament (KE) Nru 2988/95 – Kamp ta’ applikazzjoni – Proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolaritajiet – Artikolu 3 – Terminu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri legali – Kunċett ta’ ‘att li jinterrompi l-preskrizzjoni’ – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Talba għal rimbors ta’ għajnuna mħallsa indebitament, ibbażata fuq id-dritt privat ta’ Stat Membru”

Fil-Kawża C‑734/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura

Republik Österreich

vs

GM,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal GM, minn L. Peissl u J. Reich‑Rohrwig, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u E. Samoilova, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, B. Hofstötter u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u GM, persuna fiżika, dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal talba għal rimbors ta’ għajnuna mħallsa indebitament lil din tal-aħħar.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        It-tielet u r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2988/95 jiddikjaraw:

“[…] atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità [Ewropea] għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha;

[…] l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Komunità”.

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.      ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.      Il-perjodu tal-limitazzjoni [preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skont Artikolu 6(1).

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

 Iddritt Awstrijak

6        L-Artikolu 1478 tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ABGB”), intitolat “Terminu ta’ preskrizzjoni – Ġenerali”, jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena għal “sempliċi nuqqas ta’ użu ta’ dritt li seta’, fih innifsu, jiġi eżerċitat”.

7        Skont l-Artikolu 1489 tal-ABGB:

“Kull azzjoni għad-danni tiġi preskritta wara tliet snin mid-data li fiha l-vittma ssir taf bid-dannu u bl-identità tal-awtur tagħha, irrispettivament minn jekk id-dannu kienx ikkawżat minħabba ksur ta’ obbligu kuntrattwali jew mhux kuntrattwali. Jekk il-vittma ma tkunx saret taf bid-dannu jew bl-identità tal-awtur tagħha jew jekk id-dannu jirriżulta minn reat kriminali wieħed jew iktar li jistgħu jitwettqu biss intenzjonalment u li huma punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena, id-dritt ta’ azzjoni jispiċċa biss wara tletin sena.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

8        B’eżekuzzjoni tal-Österreichischer Programm für umweltgerechte Landwirtschaft (il-programm Awstrijak għal agrikoltura ekoloġika), ikkofinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 298M, p. 26) u amministrat mill-Agrarmarkt Austria (l-Uffiċċju Awstrijak għas-Sorveljanza tas-Swieq Agrikoli, iktar ’il quddiem l-“AMA”), ir-Repubblika tal-Awstrija pproponiet għajnuna finanzjarja għall-perijodu bejn l‑2007 u l‑2013. Din l-għajnuna kienet titħallas permezz ta’ kuntratti rregolati mid-dritt privat konklużi bejn dan l-Istat Membru u l-applikanti tal-imsemmija għajnuna, abbażi ta’ impenji pluriannwali li daħlu għalihom dawn tal-aħħar.

9        Fl-okkażjoni ta’ kontroll imwettaq fl‑2013 fil-konfront ta’ GM, li kien ibbenefika minn tali għajnuna, l-AMA kkonstatat diverġenza bejn is-superfiċje li kien is-suġġett ta’ talba għal għajnuna u s-superfiċje effettivament eliġibbli. Konsegwentement, huwa talab lil GM iħallas lura l-primjums mogħtija matul is-snin 2008 sa 2010 u 2012 sa 2013.

10      Wara li kkomunika lil GM rapport ta’ awditu u żewġ avviżi ta’ rkupru ddatati s‑26 ta’ Marzu u s‑26 ta’ Ġunju 2014 kif ukoll tfakkiriet għal ħlas iddatati l‑11 ta’ Mejju u t‑12 ta’ Novembru 2015 rispettivament, l-AMA, fis‑16 ta’ Diċembru 2015, bagħatlu intimazzjoni taħt piena ta’ “proċeduri ġudizzjarji”.

11      Fis‑26 ta’ April 2019, fl-assenza ta’ ħlas minn GM, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat, quddiem il-qorti ċivili tal-ewwel istanza, azzjoni intiża għall-kundanna ta’ GM għar-rimbors tal-għajnuna mħallsa indebitament, flimkien mal-interessi, liema azzjoni GM eċċepixxa l-preskrizzjoni tagħha.

12      Dik il-qorti llimitat is-suġġett tal-proċeduri ċivili li kienet adita bihom għall-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni inkwistjoni kinitx preskritta. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95, hija kkonstatat li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri legali ta’ erba’ snin, previst minn dan ir-regolament, kien beda jiddekorri fl‑1 ta’ Jannar 2014, iżda kien ġie interrott, fost oħrajn, bit-tfakkiriet għal ħlas u l-intimazzjoni tal‑11 ta’ Mejju, tat‑12 ta’ Novembru u tas‑16 ta’ Diċembru 2015 u li, għaldaqstant, din l-azzjoni ma kinitx preskritta.

13      Il-qorti li quddiemha appella GM iddeċidiet li r-Regolament Nru 2988/95 ma kienx japplika u li, skont l-Artikolu 1489 tal-ABGB, l-azzjoni kienet preskritta.

14      Għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza tal-aħħar quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostniet li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jiġi applikat għat-talbiet għal rimbors inkwistjoni u li t-tfakkiriet għal ħlas imsemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu kklassifikati bħala “atti adottati mill-awtorità kompetenti u li jirrigwardaw l-investigazzjoni tal-irregolarità jew il-proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolarità”, bil-konsegwenza li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, jinterrompu dan it-terminu ta’ preskrizzjoni. Għalhekk, l-azzjoni għall-ħlas lura ma hijiex preskritta. Jekk l-imsemmi regolament ma kienx japplika, ikollu japplika minflok it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena previst fl-Artikolu 1478 tal-ABGB.

15      GM isostni li r-Regolament Nru 2988/95 ma japplikax inkwantu jkopri biss id-drittijiet li għandhom jiġu ggarantiti “permezz tad-dritt pubbliku”. Issa, l-għajnuna inkwistjoni ngħatat b’applikazzjoni ta’ kuntratt tad-dritt privat irregolat mid-dritt nazzjonali. Peress li t-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 1489 tal-ABGB kien diġà skada fil-mument tal-preżentata tal-azzjoni fl-ewwel istanza, din tal-aħħar hija preskritta. Anki jekk jitqies li japplika dan ir-regolament, l-azzjoni hija preskritta xorta waħda. Fil-fatt, it-talbiet u t-tfakkiriet għal ħlas ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala atti li jirrigwardaw l-investigazzjoni tal-irregolarità jew il-proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolarità kkonstatata, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament.

16      Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95, japplikax f’sitwazzjoni fejn għajnuna kkofinanzjata mill-Unjoni Ewropea ma tingħatax permezz ta’ “att amministrattiv tal-awtorità pubblika” u tqis ukoll li l-proċedura ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna taqa’ għalhekk taħt id-dritt privat. Hija tqis li, kieku kienet tapplika din id-dispożizzjoni, GM ma kienx ikun jista’ jibbaża ruħu fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, previst fl-Artikolu 1489 tal-ABGB, bħalma r-Repubblika tal-Awstrija ma kinitx tkun tista’ tibbaża ruħha fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, previst fl-Artikolu 1478 tal-ABGB, peress li dan it-terminu tal-aħħar ma josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 2988/95] huwa direttament applikabbli għall-pretensjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija li permezz tagħhom hija titlob, tramite d-dritt privat, ir-rimbors tal-għajnuna li hija allokat kuntrattwalment lil applikanti fil-kuntest ta’ programm li jikkostitwixxi miżura agroambjentali fis-sens tar-Regolament [Nru 1698/2005], minħabba li l-benefiċjarju tal-għajnuna naqas milli jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-[Regolament Nru 2988/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm investigazzjoni jew proċeduri legali li jinterrompu l-perijodu ta’ preskrizzjoni anki meta, wara li tkun għamlet l-ewwel talba ekstraġudizzjarja għal rimbors, il-parti li tkun allokat l-għajnuna titlob mill-ġdid lill-benefiċjarju tal-għajnuna, skont il-każ anki diversi drabi, iwettaq ir-rimbors, u tintimah ekstraġudizzjarjament minflok ma tinvoka l-pretensjoni tagħha ġudizzjarjament?

(3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 30 sena previst fid-dritt ċivili nazzjonali fir-rigward ta’ pretensjonijiet ta’ rimbors li hemm riferiment għalihom fl-ewwel domanda hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda preliminari

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fih japplikax direttament għal talba għal rimbors ta’ għajnuna, ikkofinanzjata mill-Unjoni, li hija rregolata minn dispożizzjonijiet tad-dritt privat ta’ Stat Membru.

19      Għandu jitfakkar li, minħabba n-natura tagħhom stess, kif ukoll minħabba l-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament għandhom, ġeneralment, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ April 2022, IFAP, C‑447/20 u C‑448/20, EU:C:2022:265, punt 88).

20      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin fil-qasam ta’ proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolaritajiet, liema terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha titwettaq l-irregolarità. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, il-kunċett ta’ irregolarità jkopri “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-[Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni]”.

21      Dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jippreċiża wkoll li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin japplika fl-assenza ta’ “regoli settorjali”, jiġifieri dawk adottati fil-livell tal-Unjoni u mhux fil-livell nazzjonali, li jipprevedu “perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punt 44, kif ukoll tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C‑131/10, EU:C:2010:825, punt 41).

22      Ma hemm xejn fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li jindika li l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fiha tiddependi min-natura ġuridika tal-istrumenti li l-awtoritajiet nazzjonali jużaw sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u sabiex jirrimedjaw l-irregolaritajiet misjuba minnhom.

23      Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li tagħmel l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 tiddependi min-natura ġuridika, pubblika jew privata, tal-istrumenti li l-awtoritajiet nazzjonali jużaw sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tillimita l-effett utli ta’ dan ir-regolament li l-għan tiegħu huwa, kif essenzjalment jiddikjaraw it-tielet u r-raba’ premessa tiegħu, li jiġġieled, f’kull qasam, dak kollu li jista’ jkun ta’ ħsara għal dawn l-interessi finanzjarji billi jistabbilixxi qafas komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Unjoni.

24      Dan ifisser li, fl-assenza ta’ “regoli settorjali”, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fih japplika għat-talbiet għal rimbors ta’ għajnuna li jitressqu minħabba nuqqas min-naħa tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna minn xi obbligu kuntrattwali tiegħu li jwassal għal ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha jew li jista’ jkollha l-effett li tippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni.

25      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, dan l-Artikolu 3 jinsab taħt l-ewwel titolu ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-“Prinċipji ġenerali”, u mhux taħt it-Titolu II tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda speċifikament il-“Il-miżuri amministrattivi u l-penali”.

26      Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fih japplika direttament għal talba għal rimbors ta’ għajnuna, ikkofinanzjata mill-Unjoni, li hija rregolata minn dispożizzjonijiet tad-dritt privat ta’ Stat Membru.

 Fuq ittielet domanda preliminari

27      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt privat ta’ Stat Membru, għal talbiet għal rimbors ta’ għajnuna kkofinanzjata mill-Unjoni.

28      Skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri tibqgħalhom il-possibbiltà li jipprevedu termini ta’ preskrizzjoni itwal mit-terminu minimu ta’ erba’ snin previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jagħmel uniformi t-termini li japplikaw fil-qasam u, konsegwentement, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 ma setax, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni eżistenti qabel f’dan il-qasam, applikati fl-imgħoddi, ikollu bħala konsegwenza li l-Istati Membri jiġu mġiegħla jnaqqsu għal erba’ snin it-termini ta’ preskrizzjoni tagħhom. Għalkemm l-Istati Membri jgawdu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tal-iffissar ta’ termini ta’ preskrizzjoni itwal li japplikaw f’każ ta’ irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punti 54 u 55), tali termini għandhom, madankollu, josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales France, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 72).

29      Skont dan il-prinċipju, tali terminu ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 79; tal‑5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 38, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, IFAP, C‑447/20 u C‑448/20, EU:C:2022:265, punt 116).

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li jirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt privat nazzjonali ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, fid-dawl ta’ dan il-għan, li għalih ir-Regolament Nru 2988/95 stabbilixxa terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jinvestigaw irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom u li jista’ jwassal, b’mod partikolari, għall-irkupru ta’ vantaġġ miksub indebitament, jidher li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal amministrazzjoni diliġenti (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punti 60 u 61).

31      Fil-fatt, l-Istati Membri huma marbuta, skont l-Artikolu 4(3) TUE, b’obbligu ta’ diliġenza ġenerali, liema obbligu jimplika li għandhom jittieħdu l-miżuri intiżi sabiex jirrimedjaw l-irregolaritajiet minnufih u jorbot lill-amministrazzjoni nazzjonali tivverifika r-regolarità tal-ħlasijiet li hija twettaq u li huma ta’ piż fuq il-baġit tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kellu wieħed jaċċetta l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu lill-amministrazzjonijiet tagħhom terminu, li matulu jistgħu jressqu azzjoni, itwal minn dak previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, jissogra jħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipposponu l-proċeduri legali li jikkonċernaw l-“irregolaritajiet” fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li jesponi lill-operaturi, minn naħa, għal perijodu twil ta’ inċertezza legali u, min-naħa l-oħra, għar-riskju li ma jkunux iżjed f’pożizzjoni li jipproduċu l-prova tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fi tmiem tali perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 62).

32      Dan ifisser li, f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt komuni għar-rimbors tal-għajnuna rċevuta indebitament ikun jirriżulta li hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tali regola għandha titwarrab u t-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, huwa maħsub li japplika minflok (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 51).

33      Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt privat ta’ Stat Membru, għal talbiet għal rimbors ta’ għajnuna kkofinanzjata mill-Unjoni.

 Fuq ittieni domanda preliminari

34      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “att li jirrigwarda l-investigazzjoni tal-irregolarità jew il-proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolarità”, adottat mill-awtorità kompetenti u nnotifikat lill-persuna inkwistjoni, li jwassal sabiex tiġi interrotta l-“preskrizzjoni tal-proċeduri legali”, ikopri atti ekstraġudizzjarji bħal rapport ta’ awditu, avviż ta’ rkupru, tfakkira għal ħlas jew intimazzjoni.

35      Skont din id-dispożizzjoni, il-preskrizzjoni tal-proċeduri legali tista’ tiġi interrotta bi kwalunkwe att innotifikat lill-persuna inkwistjoni, adottat mill-awtorità kompetenti u li jirrigwarda l-investigazzjoni tal-irregolarità jew il-proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolarità.

36      Għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix qafas ġuridiku differenti skont jekk l-atti jiġux adottati mill-awtorità kompetenti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jew fil-kuntest ta’ proċedura ekstraġudizzjarja.

37      Barra minn hekk, bl-adozzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regola ġenerali ta’ preskrizzjoni li tapplika f’dan il-qasam u li permezz tagħha huwa ried, minn naħa, li jistabbilixxi terminu minimu li japplika fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà li jiġu rkuprati ammonti tal-baġit tal-Unjoni indebitament imħallsa wara li jkun skada l-perijodu ta’ erba’ snin minn meta tkun twettqet l-irregolarità li taffettwa l-ħlasijiet kontenzjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 49, kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Westphal, C‑378/18, EU:C:2019:832, punt 28).

38      Tali terminu ta’ preskrizzjoni għandu għalhekk il-funzjoni li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali. Din il-funzjoni titqiegħed f’dubju jekk dan it-terminu jkun jista’ jiġi interrott minn kull att ta’ kontroll ta’ natura ġenerali min-naħa tal-amministrazzjoni nazzjonali mingħajr ma jkollu ebda rabta ma’ xi suspett dwar l-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw tranżazzjonijiet iddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 40, kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 41).

39      Dan ifisser li, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala att ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri legali li jista’ jinterrompi l-preskrizzjoni tal-proċeduri legali, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, tali att għandu jiddefinixxi bi preċiżjoni suffiċjenti t-tranżazzjonijiet li dwarhom hemm suspetti ta’ irregolarità. Madankollu, dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni ma jeħtieġx li dan l-att isemmi l-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni jew miżura amministrattiva speċjali fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 43).

40      B’hekk, rapport mibgħut mill-awtorità kompetenti, li jixħet dawl fuq irregolarità li għaliha jkun ikkontribwixxa l-benefiċjarju tal-għajnuna b’rabta ma’ xi tranżazzjoni partikolari u li jitolbu iktar informazzjoni dwar din it-tranżazzjoni jew jimponi fuqu sanzjoni b’rabta mal-imsemmija tranżazzjoni, jikkostitwixxi att suffiċjentement preċiż li jirrigwarda l-investigazzjoni tal-irregolarità jew il-proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolarità u jista’ għalhekk jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri legali, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre, C‑465/10, EU:C:2011:867, punt 61, kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 42).

41      Bl-istess mod, ittra li tinforma lill-benefiċjarju ta’ għajnuna, ikkofinanzjata mill-FAEŻR, dwar in-natura illegali ta’ din l-għajnuna tista’ wkoll tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri legali, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 24 u 127).

42      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-atti ekstraġudizzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiddefinixxux bi preċiżjoni suffiċjenti t-tranżazzjonijiet li dwarhom hemm suspetti ta’ irregolaritajiet, u għaldaqstant, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “att li jirrigwarda l-investigazzjoni tal-irregolarità jew il-proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolarità” msemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punti 46 u 47).

43      Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “att li jirrigwarda l-investigazzjoni tal-irregolarità jew il-proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolarità”, adottat mill-awtorità kompetenti u nnotifikat lill-persuna inkwistjoni, li jwassal sabiex tiġi interrotta l-“preskrizzjoni tal-proċeduri legali”, ikopri atti ekstraġudizzjarji bħal rapport ta’ awditu, avviż ta’ rkupru, tfakkira għal ħlas jew intimazzjoni, inkwantu dawn l-atti jippermettu lid-destinatarju tagħhom isir jaf, bi preċiżjoni suffiċjenti, bit-tranżazzjonijiet li dwarhom hemm suspetti ta’ irregolaritajiet.

 Fuq lispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fih japplika direttament għal talba għal rimbors ta’ għajnuna, ikkofinanzjata mill-Unjoni Ewropea, li hija rregolata minn dispożizzjonijiet tad-dritt privat ta’ Stat Membru.

2)      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi l-applikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt privat ta’ Stat Membru, għal talbiet għal rimbors ta’ għajnuna kkofinanzjata mill-Unjoni Ewropea.

3)      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “att li jirrigwarda l-investigazzjoni tal-irregolarità jew il-proċeduri legali li jikkonċernaw l-irregolarità”, adottat mill-awtorità kompetenti u nnotifikat lill-persuna inkwistjoni, li jwassal sabiex tiġi interrotta l-“preskrizzjoni tal-proċeduri legali”, ikopri atti ekstraġudizzjarji bħal rapport ta’ awditu, avviż ta’ rkupru, tfakkira għal ħlas jew intimazzjoni, inkwantu dawn l-atti jippermettu lid-destinatarju tagħhom isir jaf, bi preċiżjoni suffiċjenti, bit-tranżazzjonijiet li dwarhom hemm suspetti ta’ irregolaritajiet.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.