Language of document : ECLI:EU:C:2024:389

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Direttiva (UE) 2019/1023 – Proċeduri fil-qasam ta’ ristrutturar, ta’ insolvenza u ta’ ħelsien mid-djun – Artikolu 20 – Possibbiltà ta’ ħelsien mid-djun – Artikolu 23 – Derogi – Artikolu 23(4) – Esklużjoni ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti mill-ħelsien mid-djun – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali mill-ħelsien mid-djun – Natura debitament iġġustifikata ta’ tali esklużjoni”

Fil-Kawża C‑20/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

SF

vs

MV,

Instituto da Segurança Social IP,

Autoridade Tributária e Aduaneira,

Cofidis SA – Sucursal em Portugal,

fil-preżenza ta’:

José da Costa Araújo, bħala amministratur tal-insolvenza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SF, minn U. Freitas, advogado,

–        għal Instituto da Segurança Social, IP A. Serrano, advogada,

–        għall-Gvern Portugiż, minn M. Afonso Brigas, P. Barros da Costa, A. de Almeida Morgado, I. Inverno u A. Rodrigues, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, J. L. Buendía Sierra u I. Melo Sampaio, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) (ĠU 2019, L 172, p. 18), kif ukoll tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SF, persuna fiżika li saret insolventi (iktar ’il quddiem id-“debitur”), u, MV, l-Instituto da Segurança Social IP (l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali, il-Portugall) u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) u Codifis SA – Sucursal em Portugal dwar talba għal ħelsien mid-djun imressqa mid-debitur matul il-proċedura ta’ insolvenza li tikkonċernah.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Skont il-premessi 78 u 81 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza:

“(78)      Il-ħelsien sħiħ mid-dejn jew it-tmiem tal-iskwalifiki wara (perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin mhuwiex xieraq fiċ-ċirkostanzi kollha, u għalhekk jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti derogi minn din ir-regola, li huma debitament ġustifikati minħabba raġunijiet stipulati fil-liġi nazzjonali. Pereżempju, jenħtieġ li tali derogi jiġu introdotti f'każijiet fejn id-debitur ikun diżonest jew ikun aġixxa in mala fede. Fejn l-imprendituri ma jibbenefikawx minn preżunzjoni ta’ onestà u bona fide skont il-liġi nazzjonali, l-oneru ta’ prova rigward l-onestà u l-bona fide tagħhom ma għandux jagħmilha wisq diffiċli jew oneruż għalihom biex jidħlu fil-proċedura.

[…]

(81)      Fejn hemm raġuni debitament ġustifikata skont il-liġi nazzjonali, jista’ jkun xieraq li tiġi limitata l-possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn għal ċerti kategoriji ta’ dejn. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jeskludu djun garantiti milli jkunu eliġibbli għall-ħelsien mid-dejn biss sal-valur tal-kollateral kif determinat mil-liġi nazzjonali, filwaqt li l-bqija tad-dejn jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala dejn mhux garantit. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi oħra ta’ dejn meta jkun debitament ġustifikat. ”

4        Il-punt 10 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

10)      ‘ħelsien sħiħ mid-dejn’ tfisser li jkun prekluż l-infurzar kontra imprendituri tad-djun pendenti li jistgħu jinħelsu minnhom, jew li jiġu kanċellati d-djun pendenti li jistgħu jinħelsu minnhom bħala tali, bħala parti minn proċedura li tista’ tinkludi realizzazzjoni tal-assi jew pjan ta’ ħlas lura, jew it-tnejn”.

5        L-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Aċċess għall-ħelsien mid-dejn”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li imprendituri insolventi jkollhom aċċess għal mill-inqas proċedura waħda li tista’ twassal għal ħelsien sħiħ mid-dejn f’konformità ma’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li jkun twaqqaf il-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni li magħha jkunu relatati d-djun ta’ imprenditur insolventi.

2.      L-Istati Membri li fihom il-ħelsien sħiħ mid-dejn ikun soġġett għall-kondizzjoni li d-dejn jitħallas parzjalment mill-imprenditur għandhom jiżguraw li l-obbligu ta’ ħlas lura relatat ikun ibbażat fuq is-sitwazzjoni individwali tal-imprenditur u, b’mod partikolari, huwa proporzjonat għad-dħul u l-assi li jistgħu jiġu sekwestrati jew dawk disponibbli tal-imprenditur waqt il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn, u jqis l-interess ekwitabbli tal-kredituri.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imprendituri li nħelsu mid-djun tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn oqfsa nazzjonali eżistenti li jipprevedu appoġġ intraprenditorjali għall-imprendituri, inkluż l-aċċess għal informazzjoni rilevanti u aġġornata dwar tali oqfsa.”

6        L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Derogi”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn, mill-ħelsien mid-dejn, jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal tal-ħelsien mid-dejn jekk tali esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati, bħal fil-każ ta’:

a)      dejn garantit;

b)      dejn li jirriżulta minn jew b’rabta ma’ pieni kriminali;

c)      dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni;

d)      dejn rigward obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ filjazzjoni, ta’ żwieġ jew ta’ affinità;

e)      dejn imġarrab mill-applikazzjoni għal jew il-ftuħ ta’ proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn; u

f)      dejn li jirriżulta mill-obbligu li titħallas l-ispiża tal-proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn.”

7        L-Artikolu 34(1) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas‑17 ta’ Lulju 2021 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 28, li għandhom jiġu adottati u ppubblikati sas‑17 ta’ Lulju 2024 u d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 28, li għandhom jiġu adottati u ppubblikati sas‑17 ta’ Lulju 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni [Ewropea].

Huma għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f'konformità ma’ din id-Direttiva mis‑17 ta’ Lulju 2021, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 28, li għandhom japplikaw mis‑17 ta’ Lulju 2024 u tad-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 28, li għandhom japplikaw mis‑17 ta’ Lulju 2026.”

8        Skont l-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li din għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-imsemmija direttiva daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Lulju 2019.

 Iddritt Portugiż

 CIRE

9        L-Artikolu 235 tal-Código da Insolvência e da Recuperação de Empresas (il-Kodiċi tal-Insolvenza u tal-Irkupru tal-Impri), approvat mid-Decreto-Lei n. 53/2004 (id-Digriet-Liġi Nru 53/2004), tat‑18 ta’ Marzu 2004 (Diário da República I, serje I-A, no 66, tat‑18 ta’ Marzu 2004), u kif emendat bil-Lei Nru. 9/2022 (il-Liġi Nru 9/2022), tal‑11 ta’ Jannar 2022 (Diário da República, l-ewwel serje, Nru 7, tal‑11 ta’ Jannar 2022) (iktar ’il quddiem iċ-“CIRE”), intitolat “Prinċipju ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“Jekk id-debitur ikun persuna fiżika, huwa jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mill-krediti li jifformaw il-passiv tal-insolvenza li ma tħallsux matul il-proċedura ta’ insolvenza jew fi żmien tliet snin mill-għeluq tagħha, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu.”

10      L-Artikolu 242(2) taċ-ĊIRE jiddisponi:

“L-għoti ta’ vantaġġi partikolari lil kreditur tal-insolvenza mid-debitur jew minn terz huwa null.”

11      L-Artikolu 245(2)(d) taċ-CIRE jipprevedi li l-ħelsien mid-djun ma jkoprix, b’mod partikolari, “il-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali”.

12      Matul is-sena 2022, ir-Repubblika Portugiża ttrasponiet id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza permezz tal-Liġi Nru 9/2022, tal‑11 ta’ Jannar 2022, li ma biddlitx il-lista tad-djun esklużi mill-ħelsien mid-djun li tinsab fl-Artikolu 245(2) taċ-CIRE, b’mod partikolari l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali. Din il-liġi ma introduċiet l-ebda ġustifikazzjoni fir-rigward tal-esklużjoni ta’ dawn l-aħħar krediti.

 IlLGT

13      Il-lei Geral Tributária (il-Liġi Fiskali Ġenerali), approvata permezz tad-Decreto-Lei n.o 398/98 (id-Digriet-Liġi Nru 398/98), tas‑17 ta’ Diċembru 1998 (Diário da República I, serje I-A, Nru 290, tas‑17 ta’ Diċembru 1998) (iktar ’il quddiem il-“LGT”), tistabbilixxi u tiddefinixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt fiskali Portugiż, is-setgħat tal-amministrazzjoni fiskali u l-garanziji rrikonoxxuti lill-persuni taxxabbli.

14      L-Artikolu 5 tal-LGT jipprevedi:

“1.      It-tassazzjoni għandha l-għan li tissodisfa l-ħtiġijiet finanzjarji tal-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħra u li tippromwovi l-ġustizzja soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-korrezzjonijiet meħtieġa tal-inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tal-ġid u tal-introjtu.

2.      It-tassazzjoni tosserva l-prinċipji ta’ ġeneralità, ta’ ugwaljanza, ta’ legalità u ta’ ġustizzja materjali.”

15      Skont l-Artikolu 30(2) u (3) tal-LGT:

“2.      Id-dejn fiskali ma huwiex disponibbli u l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis jew għat-tmiem tiegħu jistgħu jiġu stabbiliti biss b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ legalità fiskali.

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti jipprevalu fuq kull leġiżlazzjoni speċjali.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

16      Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2018, li saret res judicata, id-debitur ġie ddikjarat insolventi.

17      Fit‑23 ta’ Jannar 2019, il-qorti tal-ewwel istanza ddikjarat ammissibbli, preliminarjament, it-talba għall-ħelsien mid-djun imressqa mid-debitur.

18      Fid‑29 ta’ Lulju 2022, l-istralċjarju tad-debitur ippreżenta rapport finali, li fih qies li d-debitur kellu jkun jista’ jibbenefika mill-ħelsien mid-djun.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ottubru 2022, id-debitur ingħata ħelsien mid-djun, li minnu ġew esklużi l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, skont l-Artikolu 245(2)(d) taċ-CIRE.

20      Id-debitur appella minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall), il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tiegħu, huwa sostna li l-Artikolu 245(2) taċ-CIRE ma huwiex konformi mal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza, peress li l-esklużjoni tal-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali mill-ħelsien mid-djun ma hijiex, kuntrarjament għal dak li huwa previst f’din l-aħħar dispożizzjoni, “debitament iġġustifikat[a]”. Barra minn hekk, din l-esklużjoni tostakola t-twettiq tal-għanijiet segwiti minn din id-direttiva.

21      Din il-qorti tikkonstata li l-Liġi Nru 9/2022, tal‑11 ta’ Jannar 2022, li permezz tagħha l-imsemmija direttiva ġiet trasposta fid-dritt Portugiż, ma tinkludi ebda ġustifikazzjoni dwar l-imsemmija esklużjoni u li tali ġustifikazzjoni lanqas ma kienet prevista fl-abbozz ta’ liġi. L-imsemmija qorti tindika li, minbarra d-dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 245(2) taċ-CIRE mal-istess direttiva, hija għandha wkoll dubji dwar jekk l-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxix ostakolu, b’mod partikolari, għat-twettiq tal-għanijiet segwiti mit-Trattat FUE u għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 23(4) tad-[Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza] għandu jiġi interpretat fis-sens li hija permessa biss l-esklużjoni ta’ dejn ieħor (minbarra dawk elenkati fis-subparagrafi) meta din tkun ‘debitament iġġustifikat[a]’?

2.      Il-possibbiltà li l-Istati Membri jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn minn ħelsien mid-dejn (sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata, hekk kif previst fl-Artikolu 23(4) tad-[Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza]) għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li l-Istati Membri jeskludu l-krediti ta’ taxxa (mhux indikati fl-Artikolu rispettiv), b’tali mod li joħolqu sitwazzjoni pprivileġġata għalihom infushom?

3.      Fl-eventwalità li r-risposta għal dawn id-domandi tkun fl-affermattiv, liema kriterji jissodisfaw dan ir-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu osservati (tali ġustifikazzjonijiet) il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li għalihom huma suġġetti l-leġiżlatur Ewropew u [l-leġiżlatur] nazzjonali [‘nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità’ (Artikolu 18 TFUE) u ‘libertà ta’ intrapriża’(Artikolu 16 tal-[Karta]), minbarra l-libertajiet ekonomiċi fundamentali tas-suq intern]?

4.      Fl-eventwalità li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv, id-definizzjoni (skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u għal skopijiet ta’ interpretazzjoni tad-[Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza]) ta’ ‘dejn li jirriżulta minn jew b’rabta ma’ pieni kriminali’, kif ukoll ta’ ‘dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni’ jinkludi wkoll id-dejn ta’ taxxa, hekk kif previst mill-att leġiżlattiv intern ta’ traspożizzjoni tad-[Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza] (Lei n.°9/2022, de 11 de janeiro [il-Liġi Nru 9/2022 tal‑11 ta’ Jannar])?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

23      Il-Gvern Spanjol isostni, essenzjalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li d-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza ma kinitx applikabbli għall-proċedura li wasslet għall-kawża prinċipali peress li t-talba għal eżenzjoni inkwistjoni kienet tippreċedi d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid et, C‑59/22, C‑110/22 u C‑159/22, EU:C:2024:149, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Għaldaqstant id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun evidenti li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli d-domandi li sarulha (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid et, C‑59/22, C‑110/22 u C‑159/22, EU:C:2024:149, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Barra minn hekk, mill-Artikolu 35 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza jirriżulta li din tidħol fis-seħħ fis‑16 ta’ Lulju 2019. Barra minn hekk, l-Artikolu 34(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u japplikaw sa mhux iktar tard mis‑17 ta’ Lulju 2021 id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom, b’mod partikolari, mal-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva. Minn dan isegwi li, minn din l-aħħar data, l-Istati Membri kienu obbligati, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dan l-Artikolu 23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73), C‑718/18, EU:C:2021:662, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ħelsien mid-djun li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali ġiet adottata fit‑3 ta’ Ottubru 2022. Konsegwentement, f’din id-data, il-qorti li adottat din id-deċiżjoni kienet obbligata li tagħmel dan b’osservanza sħiħa tal-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza sabiex tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE.

28      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li t-talba għal ħelsien mid-djun li tat lok għall-imsemmija deċiżjoni tressqet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza jissuġġetta l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jeskludu mill-ħelsien mid-djun klassijiet speċifiċi ta’ krediti, li jillimitaw il-possibbiltà ta’ ħelsien mid-djun jew li jipprevedu terminu ta’ ħelsien itwal għall-kundizzjoni li dawn id-derogi għall-ħelsien mid-djun ikunu debitament iġġustifikati. Sa fejn dan ir-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni jirregola l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-adozzjoni tal-imsemmija derogi, dan ir-rekwiżit huwa intiż li japplika wkoll meta t-talbiet għall-ħelsien mid-djun ikunu tressqu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, iżda d-deċiżjoni dwar dawn it-talbiet tittieħed wara t-tmiem tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

29      Għaldaqstant, id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza tapplika għall-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li esklużjoni ta’ klassi speċifika ta’ krediti barra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni tal-ħelsien mid-djun hija possibbli biss jekk tkun “debitament iġġustifikata”.

31      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-lista tal-klassijiet speċifiċi ta’ krediti li tinsab f’din id-dispożizzjoni tibda’ bil-kliem “bħal fil-każ ta’” u li kliem bl-istess tifsira ntużaw fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, inkluż fil-verżjoni Portugiża tagħha. Minn dan isegwi li mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-klassijiet speċifiċi ta’ krediti elenkati fiha ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 37).

32      L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza li abbażi tagħha l-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura eżawrjenti, iżda illustrattiva, hija kkorroborata mill-premessa 81 ta’ din id-direttiva, li minnha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-Istati Membri għandhom“[i]kunu jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi oħra ta’ dejn meta jkun debitament ġustifikat” (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 38).

33      Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 23(4) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti li tinsab fih ma hijiex eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu klassijiet speċifiċi ta’ krediti barra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni mill-ħelsien mid-djun, f’każijiet debitament iġġustifikati (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 39).

34      Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta espressament l-eżerċizzju tal-possibbiltà hekk mogħtija lill-Istati Membri fl-imsemmi Artikolu 23(4) għall-kundizzjoni li tali esklużjonijiet ikunu “debitament iġġustifikati”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-leġiżlatur nazzjonali jadotta tali derogi, ir-raġunijiet għal dawn id-derogi għandhom jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-proċedura li tkun wasslet għalihom u li dawn ir-raġunijiet għandhom isegwu interess pubbliku leġittimu (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 42).

35      Sussegwentement, kemm il-premessa 78 tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza, li tirreferi għad-derogi “debitament ġustifikati minħabba raġunijiet stipulati fil-liġi nazzjonali”, kif ukoll il-premessa 81 ta’ din id-direttiva, li tirreferi għal raġuni “debitament ġustifikata skont il-liġi nazzjonali”, jippermettu li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien suffiċjenti li l-modalitajiet previsti għal dan l-għan fid-drittijiet nazzjonali differenti jkunu osservati (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 43).

36      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza ma teżiġix li l-ġustifikazzjoni tal-esklużjoni ta’ klassi speċifika ta’ krediti mill-ħelsien mid-djun tiġi pprovduta fl-att stess intiż li jittrasponi din id-direttiva.

37      Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, mill-imsemmija direttiva jirriżulta li l-ġustifikazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn Stat Membru insostenn ta’ esklużjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tirriżulta jew mill-proċedura li wasslet għaliha, jew mid-dritt nazzjonali. Għalhekk, fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, meta, skont id-dritt nazzjonali, ix-xogħlijiet preparatorji, il-preamboli u l-espożizzjonijiet tar-raġunijiet tal-atti leġiżlattivi jew regolamentari jkunu jagħmlu parti integrali minnhom jew ikunu rilevanti għall-interpretazzjoni tagħhom u jkunu jinkludu ġustifikazzjoni tal-esklużjoni ta’ klassi speċifika ta’ krediti mill-ħelsien mid-djun, għandu jitqies li din il-ġustifikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 23(4) tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 54). Barra minn hekk, mit-tieni ipoteżi, jirriżulta li l-imsemmija ġustifikazzjoni tista’ tinsab ukoll f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali minbarra dik li tkun tinkludi din l-esklużjoni bħal dispożizzjoni kostituzzjonali, leġiżlattiva jew regolatorja nazzjonali.

38      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-Artikolu 103(1) tal-Constituição da República Portuguesa (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża) jipprevedi li s-sistema fiskali hija intiża sabiex tissodisfa l-bżonnijiet finanzjarji tal-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħra u sabiex tqassam b’mod ġust id-dħul u l-ġid kif ukoll, min-naħa l-oħra, li l-Artikoli 5 u 30 tal-LGT jistabbilixxu regoli u prinċipji li jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali mill-ħelsien mid-djun, bħala s-sodisfazzjon tal-bżonnijiet finanzjarji tal-Istat, il-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet ugwali kif ukoll il-korrezzjonijiet neċessarji tal-inugwaljanzi fit-tqassim tal-ġid u tad-dħul, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ġeneralità, ta’ ugwaljanza, ta’ legalità, ta’ ġustizzja materjali u ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tad-dejn fiskali. Għaldaqstant, jidher, a priori, li fid-dritt Portugiż teżisti ġustifikazzjoni għal din l-esklużjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, li għandha tevalwa jekk l-imsemmija esklużjoni hijiex debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li esklużjoni ta’ klassi speċifika ta’ krediti barra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni mill-ħelsien mid-djun hija possibbli biss jekk tkun debitament iġġustifikata fid-dritt nazzjonali.

 Fuq ittieni domanda

40      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu ċerti klassijiet speċifiċi ta’ krediti mill-ħelsien mid-djun, bħall-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, b’tali mod li jagħtuhom status ipprivileġġat.

41      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, minn naħa, jitfakkar li, mill-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-lista ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti li tinsab fiha ma hijiex eżawrjenti u li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu klassijiet speċifiċi ta’ krediti barra dawk elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni tal-ħelsien mid-djun, f’każijiet debitament iġġustifikati.

42      Min-naħa l-oħra, fir-rigward, tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, la d-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza u lanqas ix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tagħha ma jinkludu elementi li jistgħu jikkorroboraw l-argument li, fid-dawl tal-koerenza interna tal-klassijiet ta’ krediti espressament imsemmija fl-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-esklużjoni ta’ klassijiet ta’ krediti barra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni, bħall-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, mill-ħelsien mid-djun. Għall-kuntrarju, minn dan ix-xogħol preparatorju jirriżulta b’mod iktar partikolari li dan il-leġiżlatur kellu r-rieda ddikjarata li jħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu, waqt it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom, jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u l-istrutturi legali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 40).

43      Barra minn hekk, esklużjoni ta’ krediti, bħal krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, mill-ħelsien mid-djun tista’ tkun debitament iġġustifikata. Fil-fatt, il-krediti ma humiex kollha tal-istess natura, il-kredituri ma għandhomx l-istess kwalità u l-irkupru ta’ dawn il-krediti jista’ jissodisfa għanijiet partikolari. Għalhekk, fid-dawl tan-natura tal-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali kif ukoll tal-għan tal-ġbir tat-taxxa u tal-piżijiet soċjali, l-Istati Membri jistgħu b’mod leġittimu jqisu li l-kredituri istituzzjonali pubbliċi ma humiex, mill-perspettiva tal-irkupru tal-krediti kkonċernati, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-kredituri tas-settur kummerċjali jew privat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà li l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali jiġu esklużi mill-ħelsien mid-djun ma twassalx għal sitwazzjoni pprivileġġata indebita tal-kredituri istituzzjonali pubbliċi fil-konfront tal-kredituri l-oħra li ma jibbenefikawx minn tali esklużjoni.

44      Għaldaqstant, l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jillimitax il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-klassijiet ta’ krediti barra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni li huma għandhom l-intenzjoni li jeskludu mill-ħelsien mid-djun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun), C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 41).

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu ċerti klassijiet speċifiċi ta’ krediti mill-ħelsien mid-djun, bħall-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, b’tali mod li jagħtuhom status ipprivileġġat, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali.

 Fuq ittielet domanda

46      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-eżami tan-natura debitament iġġustifikata ta’ esklużjoni ta’ klassi speċifika ta’ krediti mill-ħelsien mid-djun introdotta minn Stat Membru fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu għandux jitwettaq fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità previst fl-Artikolu 18 TFUE, tal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta kif ukoll tal-libertajiet ekonomiċi fundamentali tas-suq intern.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għaliex hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2023, Commune d’Ans, C‑148/22, EU:C:2023:924, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2023, Commune d’Ans, C‑148/22, EU:C:2023:924, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għalhekk, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa indispensabbli li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2023, Commune d’Ans, C‑148/22, EU:C:2023:924, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjonijiet li jippermettu li tinftiehem ir-rabta li l-qorti tar-rinviju tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet domanda hija inammissibbli.

 Fuq irraba’ domanda

52      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Fuq lispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-djun u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza),

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

esklużjoni ta’ klassi speċifika ta’ krediti barra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni mill-ħelsien mid-djun hija possibbli biss jekk tkun debitament iġġustifikata fid-dritt nazzjonali.

2)      L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu ċerti klassijiet speċifiċi ta’ krediti mill-ħelsien mid-djun, bħall-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, b’tali mod li jagħtuhom status ipprivileġġat, sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.