Language of document : ECLI:EU:C:2024:388

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-ġudikatura – Artikolu 19(1) TUE – Mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika – Punti ta’ riferiment sottoskritti mir-Rumanija – Ġlieda kontra l-korruzzjoni – Investigazzjonijiet dwar il-ksur imwettaq fi ħdan is-sistema ġudizzjarja – Azzjoni kontra l-ħatra ta’ prosekuturi kompetenti biex imexxu dawn l-investigazzjonijiet – Locus standi tal-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura”

Fil-Kawża C‑53/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Pitești, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

Asociația “Forumul Judecătorilor din România”,

Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”

vs

Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, T. von Danwitz, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, minn D. Călin u L. Zaharia,

–        għall-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României, minn A.‑F. Florenţa, bħala aġent,

–        għall-Gvern Rumen, minn L.‑E. Baţagoi, E. Gane, u L. Ghiţă, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, I. V. Rogalski u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑1 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 19 TUE, tal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Anness IX tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” u l-Asociația “Mișcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”, minn naħa, u l-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României (l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni anness mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja – Prosekutur Ġenerali tar-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-legalità ta’ digriet li jaħtar numru ta’ prosekuturi mal-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur anness mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“PÎCCJ”).

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 8(11) tal-Legea contenciosului administrativ nr. 554/2004 (il-Liġi dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv Nru 554/2004) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1154 tas‑7 ta’ Diċembru 2004), jipprovdi:

“Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi tad-dritt privat ma jistgħux jifformulaw talbiet li bihom jinvokaw id-difiża ta’ interess pubbliku leġittimu b’mod sussidjarju biss, inkwantu l-ħsara lill-interess pubbliku leġittimu toħroġ loġikament minn ksur ta’ dritt suġġettiv jew ta’ interess privat leġittimu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4        Fil‑5 ta’ Awwissu 2022, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew, fil-kapaċità tagħhom ta’ assoċjazzjoni professjonali ta’ membri tal-ġudikatura, lill-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti ta’ Appell ta’ Pitești, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament parzjali ta’ digriet li jaħtar lil prosekuturi fi ħdan il-PÎCCJ, biex jeżerċitaw proċeduri kriminali fil-kawżi ta’ korruzzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tad-Direcția Națională Anticorupție (id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, ir-Rumanija) u li jirrigwardaw kemm imħallfin kif ukoll prosekuturi.

5        Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li fuqha huwa bbażat dan id-digriet tmur kontra diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fejn għalhekk din il-leġiżlazzjoni jmissha ġiet eskluża mill-Prosekutur Ġenerali. L-imsemmija leġiżlazzjoni neħħiet is-Secția pentru investigarea infracțiunilor din justiție (is-Sezzjoni għall-Investigazzjoni ta’ Reati Mwettqa mill-Ġudikatura) tal-PÎCCJ u attribwixxiet il-kompetenza esklużiva għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ ksur imwettaq mill-imħallfin u l-prosekuturi lil prosekuturi speċifikament maħtura mill-Prosekutur Ġenerali, fuq proposta tal-assemblea plenarja tal-Consiliul Superior al Magistraturii (il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, ir-Rumanija), għal perijodu ta’ erba’ snin.

6        Il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li, skont ir-regoli proċedurali Rumeni, kif interpretati mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), hija għandha tiddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament fil-kawża prinċipali.

7        F’dan ir-rigward, hija tesponi li, għalkemm il-leġiżlazzjoni Rumena tirrikonoxxi lil kull persuna li l-interess leġittimu tagħha jiġi leż id-dritt li att amministrattiv jiġi kkontestat, minn din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li persuni rregolati mid-dritt privat jistgħu jinvokaw interess pubbliku biss sa fejn il-preġudizzju fuq dan l-interess jirriżulta loġikament minn ksur ta’ dritt suġġettiv jew minn interess leġittimu privat. Fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-att amministrattiv suġġett għall-istħarriġ ta’ legalità u l-għan dirett kif ukoll l-għanijiet imfittxija mill-assoċjazzjoni rikorrenti. Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) qieset, f’numru ta’ sentenzi, li assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura ma kinux jiġġustifikaw interess ġuridiku kontra deċiżjonijiet relatati mal-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura.

8        Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, madankollu, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jixtiequ jiksbu protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni. Hija tqis, għalhekk, li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali magħmula mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) hijiex kuntrarja għall-Artikolu 2 u għall-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta.

9        B’mod partikolari, hija tosserva f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet locus standi lill-assoċjazzjonijiet ta’ ħarsien tal-ambjent u li hija ddeċidiet fuq talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-kawża prinċipali u introdotti minn assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura.

10      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mal-impenji tar-Rumanija fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tal-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata minn dan l-Istat Membru fir-rigward tal-eżerċizzju tal-proċeduri kriminali għal ksur imwettaq mill-imħallfin u l-prosekuturi.

11      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Pitești) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 12 u mal-Artikolu 47 tal- [Karta] jipprekludu t-tqegħid ta’ limiti fuq it-tressiq ta’ azzjonijiet ġudizzjarji mill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-membri tal-ġudikatura, intiżi sabiex jippromwovu u jiddefendu l-indipendenza tal-ġudikatura u l-Istat tad-dritt, kif ukoll sabiex jissalvagwardjaw l-istatus tal-professjoni, bl-introduzzjoni tal-kundizzjoni eċċessivament restrittiva tal-eżistenza ta’ interess privat leġittimu, abbażi ta’ deċiżjoni vinkolanti tal-Înalta Curțe de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), segwita minn prassi ġurisprudenzjali nazzjonali, f’kawżi simili għal dik fil-kawża prinċipali li fiha tressqet din it-talba, li timponi rabta diretta bejn l-att amministrattiv suġġett għall-istħarriġ tal-legalità mill-qrati u l-iskop dirett u l-għanijiet tal-assoċjazzjonijiet professjonali tal-membri tal-ġudikatura, previsti fl-istatuti tagħhom, f’sitwazzjonijiet fejn l-assoċjazzjonijiet ifittxu li jiksbu protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’oqsma rregolati mid-dritt tal-Unjoni konformement mal-iskop u mal-għanijiet ġenerali tal-istatut tal-assoċjazzjonijiet?

2)      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Anness IX tal-Att [dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea] u d-Deċiżjoni 2006/928 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-kompetenza tad-[Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni] billi tassenja l-kompetenza esklużiva ta’ investigazzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni (lato sensu) imwettqa minn membri tal-ġudikatura u minn prosekuturi lil prosekuturi maħtura speċifikament [mill-Prosekutur Ġenerali], fuq proposta tal-assemblea plenarja tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura [tal-PÎCCJ] jew [tal]-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku anness mal-qrati tal-appell, fejn dawn tal-aħħar għandhom ukoll ġurisdizzjoni fuq il-kategoriji l-oħra ta’ reati mwettqa mill-membri tal-ġudikatura u mill-prosekuturi?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

12      Il-Prosekutur Ġenerali jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Huwa jsostni, qabel kollox, li d-domandi preliminari huma ta’ natura ipotetika u jirrigwardaw esklużivament id-dritt nazzjonali. Huwa jgħid ukoll li peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jinvokaw ebda dritt personali protett mid-dritt tal-Unjoni, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Karta msemmija f’dawn id-domandi. Fl-aħħar nett, it-talba għal deċiżjoni preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ miżuri ta’ dritt nazzjonali – liema fatt ukoll imur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha.

13      Il-Gvern Rumen iqis li l-ewwel domanda hija inammissibbli. Huwa jsostni li l-qorti tar-rinviju ma tispjegax b’mod ċar is-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u ma tesponiex kif, jew fuq liema bażi, qed jiġi miċħud id-dritt għal qorti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fid-dritt Rumen u li għalhekk l-ewwel domanda ma fihiex skop. B’hekk, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha, l-iktar, kwistjoni ta’ diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali

14      F’dan is-sens, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ proċedura mressqa bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u din tal-aħħar ma għandhiex obbligu li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli ta’ dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi interpretattivi kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Assigurazzjoni tas-saħħa kompleta), C‑247/20, EU:C:2022:177, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      F’dan il-każ, minn naħa, mill-kliem tad-domandi preliminari jirriżulta li dawn għandhom direttament bħala għan l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn id-domandi huma relatati mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

16      Min-naħa l-oħra, għalkemm l-imsemmija domandi huma intiżi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu li tiġi evalwata l-kompatibbiltà ma’ dan id-dritt ta’ ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ma jistednux lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess dwar din il-kompatibbiltà.

17      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ifformulat mill-Prosekutur Ġenerali li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li stabbilixxiet u rregolat l-organizzazzjoni ta’ sezzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Rumen inkarigat mit-twettiq ta’ investigazzjonijiet dwar il-ksur imwettaq fi ħdan is-sistema ġudizzjarja u li għandha kompetenza biex teżerċita proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 u li, konsegwentement, għandha tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Għalkemm ma jirriżultax direttament minn din il-konstatazzjoni li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE jagħtu drittijiet individwali lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-pożizzjoni tal-Prosekutur Ġenerali li dan ma huwiex il-każ jikkonċerna, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, aspetti dwar il-mertu tal-kawża li ma humiex tali li jaffettwaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi d-domandi magħmula.

19      Fil-fatt, l-ewwel domanda hija preċiżament intiża biex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 kif ukoll l-Artikolu 19(1) TUE, jimponux lill-qrati nazzjonali jiddikjaraw l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni professjonali ta’ membri tal-ġudikatura, li permezz tiegħu din l-assoċjazzjoni tikkontesta il-kompatibbiltà ma’ dan id-dritt ta’ ħatriet ta’ membri tal-ġudikatura għal sezzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Rumen li għandu ġurisdizzjoni biex jeżerċita proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura.

20      Għaldaqstant, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi evalwata l-applikabbiltà, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni ċċitati fid-domandi preliminari, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi eskluża minħabba li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

21      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi osservat li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss, b’mod partikolari, jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Odbor azylové a migrační politiky MV (Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn), C‑257/22, EU:C:2023:852, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti nazzjonali tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħhom il-qorti tar-rinviju hija meqjusa li għandha għarfien. Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fir-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), maħruġa mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Azienda Ospedale‑Università di Padova, C‑756/21, EU:C:2023:566, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      B’hekk, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma msejsa dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis li huwa neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2023, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Warszawie (VAT–Akkwist fittizju), C‑114/22, EU:C:2023:430, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi l-elementi kollha neċessarji li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula.

25      B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel domanda, minn qari flimkien ta’ din it-talba u tal-kliem innifsu ta’ din id-domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-imsemmija domanda, hija jkollha tagħti interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) u, għalhekk, ikollha tiċħad ir-rikors inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala inammissibbli.

26      Għalhekk din il-qorti esponiet, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, kemm il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih tidħol l-ewwel domanda kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li huwa neċessarju li tagħmel din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja – raġunijiet li barra minn hekk jippermettu li jiġi stabbilit li din id-domanda hija utli biex tiġi deċiża t-tilwima fil-kawża prinċipali.

27      Barra minn hekk, minn din it-talba jirriżulta li, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju tintalab, sabiex tevalwa l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, teżamina l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mat-tieni domanda.

28      Għaldaqstant, id-domandi preliminari ma jistgħux jitqiesu li huma ipotetiċi.

29      Fid-dawl tal-punti preċedenti, hemm lok biex jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari u li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tissuġġetta għall-eżistenza ta’ interess leġittimu privat l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra l-ħatra ta’ prosekuturi li għandhom kompetenza biex jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura, teskludi, fil-prattika, li tali rikors ikun jista’ jiġi ppreżentat minn assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura bil-għan li jiġi mħares il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin.

31      Sa fejn il-gvern Rumen isostni, insostenn tar-risposta li jipproponi li tingħata għall-ewwel domanda, li, kuntrarjament għal dak li tindika l-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twassalx neċessarjament għall-konstatazzjoni tal-inammissibbiltà tar-rikors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-ambitu tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi preliminari hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju. Għalhekk, l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax isir fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali invokat mill-Gvern ta’ Stat Membru (sentenza tal-15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-qorti tar-rinviju indikat li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Rumena mogħtija mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) twassal neċessarjament biex jiġi miċħud bħala inammissibbli rikors bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fin-nuqqas, għal assoċjazzjoni professjonali ta’ membri tal-ġudikatura, ta’ possibbiltà li din tistrieħ fuq interess leġittimu privat li jista’ jiġġustifika l-locus standi tagħha għall-finijiet ta’ tali rikors – raġuni għalfejn l-ewwel domanda tirrigwarda tali interpretazzjoni ta’ din ir-regolamentazzjoni.

33      L-interpretazzjoni tar-regoli proċedurali tad-dritt Rumen iġġustifikata mill-Gvern Rumen ma tistax, konsegwentement, tiġi aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

34      Ladarba saru l-preċiżazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jafda lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompitu li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenzi ta‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 188, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 39).

35      L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti fi Stat tad-dritt. F’dan is-sens, kif jiddikjara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li għalihom jikkorrispondi l-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 219 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-kuntest, bħala prinċipju, huma l-Istati Membri, b’mod partikolari, li għandhom jiddeterminaw il-locus standi u l-interess ġuridiku ta’ parti f’kawża għat-tressiq ta’ azzjoni ġudizzjarja, mingħajr madankollu ma jippreġudikaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 22).

38      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, skont l-indikazzjonijiet fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li tapplika bl-istess mod għar-rikorsi previsti għall-protezzjoni tad-drittijiet misluta mid-dritt tal-Unjoni u għar-rikorsi simili ta’ natura interna. B’mod partikolari, ma jidhirx, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-interess ġuridiku tal-persuni rregolati mid-dritt privat u, b’mod partikolari, tal-assoċjazzjonijiet, jiġi eżaminat b’mod differenti skont jekk dawn jippruvawx jinvokaw interess pubbliku bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni bħall-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja jew interess pubbliku mislut mid-dritt nazzjonali.

39      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, minn din it-talba jirriżulta li, kif inhu indikat fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti lil kull persuna li turi interess leġittimu privat tikkontesta att amministrattiv bħad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluż billi tinvoka preġudizzju għal interess pubbliku li jirriżulta minn dan l-att. F’dawn iċ-ċirkustanzi, protezzjoni ġudizzjarja effettiva tidher li hija żgurata mid-dritt tal-partijiet ikkonċernati u, b’mod partikolari, tal-imħallfin u tal-prosekuturi affettwati minn miżura nazzjonali li tikkonċernahom, li jinvokaw l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) TUE – liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

40      Huwa minnu li, kif tenfasizza dik il-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-Istati Membri għandhom, f’ċerti każijiet, jawtorizzaw assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja sabiex jipproteġu l-ambjent jew jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 58, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 60).

41      Madankollu, minn naħa, dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultaw minn drittijiet proċedurali speċifikament mogħtija lil assoċjazzjonijiet rappreżentattivi permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1), jew permezz ta’ atti ta’ dritt idderivat bħad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

42      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki fl-oqsma msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri jibqgħu liberi, meta din il-konvenzjoni jew dawn l-atti ma jimponux speċifikament li jiġi rrikonoxxut il-locus standi għat-tressiq ta’ azzjonijiet ġudizzjarji lil assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, fl-għażla tagħhom jekk jagħtux jew le dan il-locus standi lil tali assoċjazzjonijiet. Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn l-Istati Membri għandhom l-intenzjoni, f’dan il-kuntest, jirrikonoxxu l-imsemmi locus stanndi lil assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, huma għandhom jiddefinixxu kemm il-portata tal-azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli kif ukoll il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett it-tressiq ta’ dawn l-azzjonijiet b’rispett għad-dritt għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 27; tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C‑507/18, EU:C:2020:289, punti 62 sa 64, u tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur), C‑873/19, EU:C:2022:857, punti 63 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Kif osserva l-Avukat Ġenerali: fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi lill-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu lill-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura drittijiet proċedurali li jippermettulhom jikkontestaw kull allegata inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni jew ta’ miżura nazzjonali marbuta mal-istatus tal-imħallfin.

44      Għaldaqstant minn dan l-obbligu, imsemmi fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ta’ previżjoni ta’ sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw lill-partijiet f’kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri għandhom obbligu, b’mod ġenerali, li jiggarantixxu lil dawn l-assoċjazzjonijiet id-dritt li jippreżentaw rikors ibbażat fuq tali inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni.

45      Iċ-ċirkustanza li l-Qorti tar-rinviju rrispondiet domandi minn talbiet għal deċiżjoni preliminari li kienu ġew indirizzati lilha f’kawżi fejn il-qorti tar-rinviju kienet ġiet adita minn assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni ġaladarba ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ kawża għal deċiżjoni preliminari, dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauwieler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Karta, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, ma tistax tiġġustifika soluzzjoni differenti, peress li dan jieħu l-ħsieb jistabbilixxi l-libertà ta’ assoċjazzjoni mingħajr ma jirrikjedi b’danakollu li l-assoċjazzjonijiet jiġu neċessarjament awtorizzati jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja biex jiddefendu għan ta’ interess ġenerali.

47      L-istess jgħodd għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin. F’dan is-sens, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjonijiet relatati mal-ħatra ta’ prosekuturi li għandhom kompetenza jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura, għandu jitfakkar li, sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li jirriżultaw, inkwantu “qorti”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, mis-sistema ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 191, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 40).

48      Issa, sabiex jiġi żgurat li istanzi li jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu f’pożizzjoni li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, iż-żamma tal-indipendenza tagħhom hija essenzjali, bħalma jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 194 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-ġudikatura, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeżiġi li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ta’ ġerarkija jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna u mingħajr ma jirċievi xi tip ta’ ordnijiet jew struzzjonijiet, u li għalhekk ikun protett kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw il-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha u li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jfittex id-distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aħħar aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kwalunkwe interess fis-soluzzjoni tat-tilwima minbarra l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għandu jiġi osservat li regoli li jeskludu l-possibbiltà, għall-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura, li jippreżentaw rikors kontra deċiżjonijiet relatati mal-ħatra ta’ prosekuturi kompetenti biex imexxu proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura ma jidhrux li jistgħu jippreġudikaw direttament dawn ir-rekwiżiti peress li ma jidhirx li dawn ir-regoli, bħala tali, jistgħu jipprekludu l-kapaċità tal-imħallfin li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod awtonomu u imparzjali.

51      Dan premess, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-istanza inkwistjoni fir-rigward ta’ elementi esterni u n-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi f’kunflitt (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 196, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 82).

52      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom, sabiex jiggarantixxu l-osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin, jipprevedu ċerti rimedji legali li jippermettu li tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ miżuri nazzjonali li jkollhom konsegwenzi fuq il-karriera tal-imħallfin jew fuq il-kompożizzjoni tal-qrati nazzjonali.

53      B’hekk, qabel kollox, dan ir-rekwiżit jimponi, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, li s-sistema dixxiplinari jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tali sistema tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, il-ħolqien ta’ regoli li jipprevedu l-intervent ta’ istanza indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li jiġu kkontestati quddiem qorti deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari, jikkostitwixxu sett ta’ garanziji li huma essenzjali għall-finijiet tas-salvagwardjata tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 198, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      Bl-istess mod, miżuri ta’ trasferiment mingħajr kunsens, adottati barra mill-qafas regolatorju, għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati quddiem qorti, konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż.(Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema–Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 118).

55      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u, b’mod partikolari, il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi li jikkaratterizzaw dan id-dritt fundamentali jimplikaw b’mod partikolari li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, bil-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jitnissel dubju serju fuq dan il-punt, liema verifika hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom obbligu li jispiraw fil-parti f’kawża (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 129).

56      Finalment, f’kuntest milqut minn riformi ġenerali tas-sistema ġudizzjarja li jillimitaw l-indipendenza tal-imħallfin, l-assenza ta’ garanziji suffiċjenti ta’ korp imsejjaħ biex jipproponi l-ħatra tal-imħallfin tista’ toħloq in-neċessità tal-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju miftuħ għall-kandidati mhux magħżula, anki jekk limitat, bħala kontribut għall-preżervazzjoni tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ikkonċernati minn influwenzi diretti jew indiretti biex jiġi evitat, in fine, li dubji leġittimi jistgħu jinħolqu, fil-ħsieb tal-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza tal-imħallfin innominati fi tmiem dan il-proċess (Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, AB et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema–Azzjonijiet), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 136).

57      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-ħatra ta’ prosekuturi kompetenti biex iressqu proċeduri kriminali kontra l-membri tal-ġudikatura, li l-Istati Membri għandhom obbligu, sabiex, b’mod partikolari, jiġu evitati tali dubji, li jiggarantixxu, b’mod ġenerali, li l-azzjoni ta’ dawn il-prosekuturi tiġi ddefinita permezz ta’ regoli effettivi li josservaw għalkollox ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin. Ir-regoli adottati għal dan il-għan għandhom b’mod partikolari, bħalma jagħmlu r-regoli dwar ir-responsabbiltà dixxiplinari ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura, jipprevedu l-garanziji neċessarji li jiżguraw li tali proċeduri kriminali ma jkunux jistgħu jintużaw bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-attività ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura u li jkunu jissalvagwardjaw bis-sħiħ ir-rispett tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 213).

58      Peress li, l-ewwel nett, l-Istati Membri għandhom obbligu jadottaw kif ukoll japplikaw tali regoli, it-tieni nett, l-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura ma humiex, bħala prinċipju, direttament ikkonċernati bil-ħatra ta’ prosekuturi, inkluż meta dawn tal-aħħar isiru kompetenti biex jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra l-membri tal-ġudikatura, u, it-tielet nett, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 43 sa 46 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix, b’mod ġenerali, li jiġu rikonoxxuti drittijiet proċedurali speċifiċi għal tali assoċjazzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sempliċi fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tawtorizzax lill-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura jippreżentaw rikors għal annullament kontra deċiżjonijiet relatati mal-ħatra ta’ prokuraturi kompetenti biex jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura huwa biżżejjed biex jiġġenera, fi ħsieb il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar l-indipendenza tal-imħallfin.

59      Mill-punti preċedenti jirriżulta li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin ma jistax, b’mod ġenerali, jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura jippreżentaw tali rikorsi.

60      Barra minn hekk, dritt tal-assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma jista’ jinsilet mill-Artikolu 47 tal-Karta.

61      Fil-fatt, ir-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv, f’każ ta’ natura speċifika, jissupponi li l-persuna li tinvokah tagħmel użu minn drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew li din il-persuna tkun suġġetta għal proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 34).

62      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qed jinvokaw dritt li bih huma vestiti fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas li huma s-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

63      Sa fejn dawn ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni jibbażaw ir-rikorsi tagħhom fuq l-Artikolu 19(1) TUE, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li assoċjazzjoni li kienet invokat, quddiem qorti nazzjonali, l-inkompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura ma tistax titqies, għal din is-sempliċi raġuni, li qed tinvoka ksur tad-dritt li bih hija vestita fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 43 u 44).

64      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tissuġġetta għall-eżistenza ta’ interess leġittimu privat l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra l-ħatra ta’ prosekuturi li għandhom kompetenza biex jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura, teskludi, fil-prattika, li tali rikors ikun jista’ jiġi ppreżentat minn assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura bil-għan li jiġi mħares il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin.

 Fuq it-tieni domanda

65      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tissuġġetta għall-eżistenza ta’ interess leġittimu privat l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra l-ħatra ta’ prosekuturi li għandhom kompetenza biex jeżerċitaw proċeduri kriminali kontra membri tal-ġudikatura, teskludi, fil-prattika, li tali rikors ikun jista’ jiġi ppreżentat minn assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura bil-għan li jiġi mħares il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.