Language of document : ECLI:EU:T:2014:955

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

11 ta’ Novembru 2014 (*)

“Rikors għal annullament — Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni — Kundizzjonijiet inqas favorevoli fil-qasam ta’ ħlas b’rata fisssa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ żieda tal-leave annwali permezz ta’ ġranet ta’ leave supplimentari għal leave għal raġuni ta’ distanza — Nuqqas ta’ interess individwali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Rabta kawżali — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Fil-Kawża T‑20/14,

Huynh Duong Vi Nguyen, uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, residenti f’Woluwe-Saint-Lambert (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Velardo, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio u E. Taneva, bħala aġenti,

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u A. Bisch, bħala aġenti,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament, imressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, tal-Artikolu 1(65)(b) u (67)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1023/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, p. 15), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jorbtu d-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u l-leave għal raġunijiet ta’ distanza mal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barra mill-pajjiż, u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 340 TFUE, intiża għall-kumpens għad-danni materjali u morali allegatament subiti mir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolament Nru 31 (KEE)/11 (KEFA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u l-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385), fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013”), kien jipprovdi li:

“1. L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jitħallas, daqs 16 % ta’ l-ammont totali tas-salarju bażiku, bl-addizzjoni tal-allowance tal-familja u l-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal:

a)      lill-uffiċjali:

–        li m’humiex u qatt ma kienu ċittadini ta’ l-Istat li fih territorju tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati, u

–        li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel daħlu fis-servizz ma kienux jgħixu jew iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom ġewwa t-territorju Ewropej ta’ dak l-Istat. Għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni, iċ-ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar fi Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjoni ma jkunux ikkunsidrati;

b)      għall-uffiċjali li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit-territorju jinsab il-post fejn huma impjegati iżda li matul l-għaxar snin li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz jgħixu barra t-territorju Ewropew ta’ dak l-Istat għal raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

[…]

2. Uffiċjal li m’huwiex u qatt ma kien ċittadin ta’ l-Istat li huwa impjegat fitterritorju tiegħu u ma jħarisx il-kondizzjonijiet imniżżla fil-paagrafu 1 ikun intitolat għal benefiċċju ta’ residenza barranija daqs kwart ta’ l-allowance ta’ l-espatrijazzjoni.

[…]”

2        L-Artikolu 7 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 kien jipprovdi li:

“1. Uffiċjal ikun intitolat għar-Rimborsar ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar għalih għall-konsorti tiegħu u għad-dipendenti tiegħu li attwalment jgħixu f’daru:

a)      malli jieħu l-ħatra tiegħu, mill-post fejn kien reklutat għall-post fejn huwa impjegat;

b)      mat-tmiem mis-servizz fis-sens ta’ l-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-post fejn hu impjegat għall-post ta’ l-oriġini kif definit fil-paragrafu 3 hawn taħt;

ċ)      ma’ kwalunkwe trasferiment li jinvolvi bidla fil-post fejn huwa impjegat.

Fil-każ tal-mewt ta’ uffiċjal, l-armla u d-dipendenti għandhom ikunu intitolati għar-Rimborsar ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar taħt l-istess kondizzjonijiet.

L-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar għandhom jinkludu l-ispiża għall-postijiet miżmuma, trasport ta’ bagalji u, fejn ikun il-każ, l-ispejjeż tal-lukandi li jkun hemm bżonn jintefqu.

2. Il-bażi tal-kalkolu tar-rimborżar għandu jkun il-biljett tal-prima klassi tal-ferrovija fuq l-iqsar rotta bil-ferrovija u l-aktar waħda ekonomikament abitwali bejn il-post ta’ l-impieg u l-post tar-reklutaġġ jew oriġini.

Meta r-rotta riferuta fl-ewwel paragrafu taqbeż il-500km, u fil-każijiet fejn r-rotta tas-soltu tinkludi li jinqasam il-baħar, l-uffiċjal ikkonċernat għandu jkun intitolat, mal-preżentazzjoni tal-biljetti, għar-rimborżar ta’ l-ispiża tal-vjaġġ bl-ajru fi klassi kummerċjali jew ekwivalenti. Fejn jintuża mezz tat-trasport barra dawk imsemmija hawn fuq, il-kalkolu tar-rimborżar għandu jkun ibbażat fuq l-ispiża bil-ferrovija, eskluż l-akkomodazzjoni ta’ alloġġ. Meta l-kalkolu fuq din il-bażi mhux possibbli, il-kondizzjonijiet tar-rimborżar għandhom ikunu stabbiliti b’deċiżjoni speċjali ta’ l-Awtorità tal-Ħatra.

3. Il-post ta’ l-oriġini ta’ l-uffiċjal għandu jkun stabbilit meta jieħu l-ħatra tiegħu, wara li jkunu kkunsidrati fejn kien reklutat jew iċ-ċentru ta’ l-interessi tiegħu. Il-post ta’ l-oriġini li jkun stabbilit hekk jista’ b’deċiżjoni speċjali ta’ l-awtorità tal-ħatra jitbiddel sakemm l-uffiċjal qiegħed fis-servizz jew meta jitlaq mis-servizz. Madankollu, waqt li huwa qiegħed fis-servizz, it-tali deċiżjoni għandha tittieħed biss bħala eċċezzjoni, u mal-preżentazzjoni mill-uffiċjal ta’ l-evidenza xierqa ta’ appoġġ.”

3        L-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolament tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 kien jipprovdi li:

“1. L-uffiċjali għandhom ikunu intitolati li jitħallsu f’kull sena kalendarja ssomma ekwivalenti għall-ispiża tal-vjaġġ mill-post ta’ l-impieg għall-post ta’ l-oriġini, kif definit fl-Artikolu 7 għalihom stess u, jekk huma intitolati għall-benefiċċju tal-familja, għall-mara u d-dipendenti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2.

[…]

2. Il-pagament bir-rata fissa għandu jkun ibbażat fuq benefiċċju għal kull kilometru ta’ distanza bejn il-post ta’ l-impieg ta’ l-uffiċjal u l-post tar-reklutaġġ jew oriġini, it-tali distanza għandha tinħadem skont il-metodu mniżżel fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2).

Il-benefiċċju għal kull kilometr għanu jkun ta’:

0 EUR għal kull kilometru bejn :

0 u 200 km 

0.3790 EUR għal kull kilometru bejn:

201 u 1000 km

0.6316 EUR għal kull kilometru bejn:

1 001 u 2 000 km

0.3790 EUR għal kull kilometru bejn:

2 001 u 3 000 km

0.1262 EUR għal kull kilometru bejn:

3 001 u 4 000 km

0.0609 EUR għal kull kilometru bejn:

4 001 u 10 000 km

0 EUR għal kull kilometru aktar minn: 

10 000 km.


Ma’ din l-allowance għal kull kilometru għandu jingħadd suppliment b’rata fissa, li jammonta għal:

[…]

–        378.93 EUR jekk id-distanza bil-ferrovija bejn il-post tax-xogħol u l-post minn fejn wieħed ikun ġej hija ta’ 1 450 km jew aktar,

[…]

4. Id-disposizzjonijiet ta’ qabel għandhom japplikaw għall-uffiċjali li l-post ta’ l-impieg tagħhom qiegħed fit-territorji ta’ l-Istati Membri. […]

Dawn l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar għandhom kunu rimborżati f’forma ta’ pagament ta’ rata fissa, ibbażat fuq il-prezz tas-safar bl-ajru fi klassi waħda ta’ fuq il-klassi ekonomika.”

4        L-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolament tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 kien jipprovdi li:

“Mal-perjodu tal-[leave annwali] pprovdut fit-Taqsima 1 t’hawn fuq għandu jkun miżjud il-ħin ibbażat fuq id-distanza bil-linja tal-ferrovija bejn il-post tal-leave u l-post ta’ l-impieg, ikkalkolat kif ġej:

50 sa 250 km : ġurnata għall-vjaġġ tat-tluq u lura,

251 sa 600 km : jumejn għall-vjaġġ tat-tluq u lura,

601 sa 900 km : tliet ijiem għall-vjaġġ tat-tluq u lura,

901 sa 1 400 km : erbat ijiem għall-vjaġġ tat-tluq u lura,

1 401 sa 2 000 km : ħamest ijiem għall-vjaġġ tat-tluq u lura,

aktar minn 2 000 km : sitt ijiem għall-vjaġġ tat-tluq u lura.

Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, il-post tal-leave fir-rigward tal-leave annwali huwa il-post ta’ oriġini tal-membru tal-personal.

Id-disposizzjonijiet ta’ qabel għandhom japplikaw għall-uffiċjali li l-post ta’ l-impieg tagħhom qiegħed fit-territorji ta’ l-Istati Membri. […]

[…]”

5        L-Artikolu 1(67) tar-Regolament (UE) Nru 1023/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, p. 15), jipprovdi s-segwenti:

“L-Anness VII huwa emendat kif ġej:

[…]

d)      L-Artikolu 8 jinbidel b’dan li ġej:

‘Artikolu 8

L-uffiċjali intitolati għal allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija jkunu intitolati, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2, għal ħlas b’rata fissa kull sena kalendarja li jkun jikkorrispondi għall-kost tal-ivvjaġġar mill-post tax-xogħol sal-post tal-oriġini kif inhu definit fl-Artikolu 7 għalihom infushom u, jekk ikunu intitolati għal allowance ta’ entità domestika, għall-konjuġi u d-dipendenti fit-tifsira tal-Artikolu 2.

[…]

2. Il-ħlas b’rata fissa jkun ibbażat fuq allowance għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika bejn il-post tax-xogħol tal-uffiċjal u l-post tal-oriġini.

Fejn il-post tal-oriġini kif definit fl-Artikolu 7 jkun ’il barra mit-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll ’il barra mill-pajjiżi u t-territorji mniżżla fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-territorji tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, il-ħlas b’rata fissa jkun ibbażat fuq allowance għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika bejn il-post tax-xogħol tal-uffiċjal u l-belt kapitali tal-Istat Membri li jkun ċittadin tiegħu. L-uffiċjali li l-post tal-oriġini tagħhom ikun ’il barra mit-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll ’il barra mill-pajjiżi u territorji elenkati fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-territorji tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, u li ma jkunux ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri, ma jkunux intitolati għall-ħlas b’rata fissa.

L-allowance kilometrika għandha tkun ta’:

0 EUR għal kull kilometru bejn :

0 u 200 km

0.3790 EUR għal kull kilometru bejn :

201 u 1000 km

0.6316 EUR għal kull kilometru bejn :

1 001 u 2 000 km

0.3790 EUR għal kull kilometru bejn :

2 001 u 3 000 km

0.1262 EUR għal kull kilometru bejn :

3 001 u 4 000 km

0.0609 EUR għal kull kilometru bejn :

4 001 u 10 000 km

0 EUR għal kull kilometru aktar minn :

10 000 km


Ma’ din l-allowance kilometrika jiżdied suppliment b’rata fissa, li jammonta għal:

–        EUR 189.48 jekk id-distanza ġeografika bejn il-post tax-xogħol u l-post tal-oriġini tkun bejn 600 km u 1200 km;

–        EUR 378.93 jekk id-distanza ġeografika bejn il-post tax-xogħol u l-post tal-oriġini tkun aktar minn 1200 km.

L-allowances kilometriċi msemmija hawn fuq u s-supplimenti b’rata fissa jiġu aġġornati kull sena bl-istess proporzjon bħar-remunerazzjoni.

[…]

4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-uffiċjali li l-post tal-impjieg tagħhom ikun fit-territorju tal-Istati Membri. L-uffiċjali li l-post tal-impjieg tagħhom ikun barra mit-territorju tal-Istati Membri. […]

Il-ħlas b’rata fissa għandu jkun ibbażat fuq il-prezz tal-vjaġġ bl-ajru bil-klassi ekonomika.”

6        L-Artikolu 1(65) tar-Regolament Nru 1023/2013 jipprovdi li:

“L-Anness V huwa emendat kif ġej:

[…]

b)      L-Artikolu 7 huwa mibdul b’dan li ġej:

‘L-uffiċjali li huma intitolati għall-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barranija jkunu intitolati għal leave supplimentari ta’ jumejn u nofs kull sena, għall-fini li jżuru l-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

L-ewwel paragrafu japplika għall-uffiċjali li l-post tax-xogħol tagħhom ikun qiegħed fit-territorji tal-Istati Membri. Jekk il-post tal-impjieg qiegħed barra minn dawn it-territorji, it-tul tal-leave fil-pajjiż tal-oriġini jkun stabbilit b’deċiżjoni speċjali, li tikkunsidra l-ħtiġijiet partikolari.’”

7        Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1023/2013, dawn id-dispożizzjonijiet kienu japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2014.

8        Waqt ir-reklutaġġ tar-rikorrenti, il-post ta’ oriġini ta’ Huynh Duong Vi Nguyen kien iffissat għal New York (l-Istati Uniti). Fid-dawl tan-nazzjonalità Belġjana tagħha u tal-post ta’ assenjazzjoni tagħha, jiġifieri Brussell (il-Belġju), hija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni previsti mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolamenti applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013. Hija lanqas issodisfatt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 4(1)(b) ta’ dawn l-istess Regolament tal-Persunal sabiex tibbenefika minn din l-allowance. Fid-dawl tan-nazzjonalità tagħha u tal-post ta’ assenjazzjoni tagħha, hija lanqas kienet eliġibbli għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni previst mill-Artikolu 4(2) tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013. Min-naħa l-oħra, hija kienet eliġibbli għall-benefiċċju tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar bejn il-post ta’ assenjazzjoni tagħha u l-post ta’ oriġini tagħha previst mill-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 kif ukoll tal-leave għal raġuni ta’ distanza prevista mill-Artikolu 7 tal-Anness V tal-istess Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant hija bbenefikat, kull sena, mid-dħul fis-servizz tagħha, fl-1 ta’ Ġunju 2009, minn ammont ta’ EUR 4 835.53, għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħha, tal-konjuġi tagħha u tal-wild tagħhom, kif ukoll minn sitt ijiem ta’ leave supplimentari bħala leave għal raġuni ta’ distanza.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

10      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-26 u fis-27 ta’ Marzu 2014, rispettivament, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew qajmu, kull wieħed, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

11      Fit-12 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjonijiet imqajma mill-Kunsill u mill-Parlament.

12      F’dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 li jemendaw l-Artikolu 7 tal-Anness V u l-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea li jorbtu d-dritt għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għal-leave għal raġuni ta’ distanza mal-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barra mill-pajjiż;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Parlament iħallsuha ammont ta’ EUR 169 051.96 għad-dannu materjali kif ukoll ammont ta’ EUR 40 000 għad-dannu morali, flimkien mal-interessi moratorji u kumpensatorji bir-rata ta’ 6.75 %;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Parlament għall-ispejjeż.

13      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–         tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

 Id-dritt

16      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti Ġenerali tkun manifestament inkompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli jew manifestament nieqes minn kull bażi legali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

17      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha biżżejjed informazzjoni, u li ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

18      Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti, uffiċjal AST II assenjata fid-diviżjoni “Mezzi tal-komunikazzjoni/Servizz tal-Istampa” tad-direttorat “Komunikazzjoni u trasparenza” tal-Kunsill, tixtieq tikseb, minn naħa, essenzjalment, l-annullament tal-Artikolu 1(65(b) tar-Regolament Nru 1023/2013 u tal-Artikolu 1(67)(d) ta’ dawn l-istess Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jorbtu d-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u l-leave għal raġuni ta’ distanza mal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barra mill-pajjiż, u min-naħa l-oħra, id-danni bħala kumpens għad-danni materjali u morali li hija kienet sostniet minħabba l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

19      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet kweżiti, tal-prinċipji dwar id-“dritt inter ratione temporis” u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u l-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

20      Insostenn tat-talba tagħha għad-danni, ir-rikorrenti ssostni li teżisti rabta’ kawżali bejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati u d-dannu materjali li hija sostniet taħt il-forma tat-telf tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-leave għal raġuni ta’ distanza għas-snin fis-servizz li jibqgħalha twettaq sakemm tirtira. Hija ssostni wkoll li t-telf tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-leave għal raġuni ta’ distanza jikkawżalha dannu morali inkwantu dan it-telf jagħmel iż-żamma tar-rabta emozzjonali mal-post ta’ oriġini tagħha diffiċli.

21      Il-Parlament u l-Kunsill iqajmu, kull wieħed, l-inammissibbiltà tat-talba għal annullament u tat-talba għad-danni.

 Fuq it-talba għal annullament

22      Il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw il-locus standi tar-rikorrenti. Il-Parlament isostni, barra minn hekk, li din tal-aħħar ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, interess ġuridiku kontra l-Artikolu 8(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

23      Rigward il-locus standi, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma kinitx direttament affettwata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, sa fejn id-deċiżjonijiet individwali biss adottati mill-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“AIPN”), taħt il-forma, pereżempju, ta’ dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni li fiha l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tneħħew jew ta’ deċiżjoni individwali fuq in-numru ta’ ġranet ta’ leave mogħtija għal leave għal raġuni ta’ distanza, li jemendaw b’mod serju s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u li jiffissaw definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fir-rigward tagħha.

24      Barra minn hekk, skont il-Parlament u l-Kunsill, id-dispożizzjonijiet ikkontestati lanqas jaffettwaw ir-rikorrenti b’mod individwali. Huma jsostnu, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom natura ġenerali u għaldaqstant japplikaw għall-uffiċjali kollha li fil-futur ser isibu ruħhom, oġġettivament, fl-istess sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt bħar-rikorrenti.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1023/2013 ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 336 TFUE, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jaqgħu taħt il-kategorija ta’ atti li għandhom portata ġenerali u natura leġiżlattiva, li fir-rigward tagħhom ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament, ippreżentati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għall-osservazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ interess dirett u individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, Ġabra, EU:C:2013:625, punti 56 sa 60).

26      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ interess dirett u individwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jissodisfawx il-kundizzjoni dwar l-interess individwali ħlief jekk l-att ikkontestat jippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ liġi li fiha huma jistgħu jiġu identifikati fost persuni oħrajn u, b’hekk, jiġu identifikati individwalment bħal fil-każ ta’ persuna li lilha hija indirizzata deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra, EU:C:1963:17; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra, EU:C:2004:240, punt 36; tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra, EU:C:2011:368, punt 52, u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2013:625, punt 72).

28      Ir-rikorrenti ssostni li f’dan il-każ il-kundizzjoni tal-interess individwali hija ssodisfatta doppjament. Fil-fatt hija setgħet tibbaża l-individwalizzazzjoni tagħha fuq id-dritt għal kull uffiċjal li jipparteċipa għall-proċeduri intiżi li jemendaw ir-Regolamenti tal-Persunal fuq il-bażi tal-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fuq l-effetti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fir-rigward tagħha, jiġifieri t-telf immedjat u ċert tal-benefiċċju tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-leave għal raġuni ta’ distanza.

29      Barra minn hekk, hija ssostni li r-rifjut li jiġi rrikonoxxut l-interess individwali tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors iwassalha sabiex tkun obbligata tirrikorri għall-proċedura prekontenzjuża prevista mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod li tkun tista’ tippreżenta r-rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni individwali tal-AIPN fuq il-bażi tal-Artikolu 270 TFUE. Skont ir-rikorrenti dan il-fatt jikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħha għal rimedju effettiv.

30      Madankollu, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

31      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-dritt ta’ kull uffiċjal li jirriżulta mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sabiex jipparteċipa għall-proċeduri, għandu jitfakkar li l-fatt li persuna tintervjeni, b’mod jew ieħor, fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni Ewropea huwa ta’ natura li jindividwalizza lil din il-persuna fir-rigward tal-att inkwistjoni, fil-każ biss li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli tagħtiha ċerti garanziji proċedurali. Salv dispożizzjoni espressa li tipprovdi l-kuntrarju, la l-proċess ta’ tfassil tal-atti ta’ portata ġenerali u lanqas dawn l-atti stess ma jirrikjedu, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħad-dritt għal smigħ xieraq, il-parteċipazzjoni tal-persuni affettwati peress li l-interess tagħhom huwa rrappreżentat mill-istanzi politiċi li jadottaw dawn l-atti (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑16/04, Ġabra, EU:T:2010:54, punt 119).

32      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ebda dritt proċedurali ma huwa previst b’mod individwali għall-benefiċċju tal-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, la mill-Artikolu 336 TFUE, li fuq il-bażi tiegħu ġew adottati d-dispożizzjonijiet ikkontestati, lanqas mill-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni u d-dritt ta’ negozjar u ta’ azzjoni kollettiva, stabbiliti fl-Artikolu 27 u fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali rispettivament, jistgħu japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-persunal tagħhom, kif jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013 Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, Ġabra EU:C:2013:570), l-eżerċizzju tagħhom huwa limitat għall-każijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni, skont it-termini stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

34      Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali tal-Unjoni, ir-Regolamenti tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 kienu jipprovdu fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 10 tagħhom, għall-konsultazzjoni tal-uffiċjali, permezz ta’ korp konġunt, il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonsisti f’numru ndaqs ta’ rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ta’ rappreżentanti tal-Kumitati tal-Persunal tagħhom, fuq kull proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10b ta’ dawn l-istess Regolamenti tal-Persunal kienu jipprovdu li l-proposti tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 10 tagħhom setgħu jkunu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali li jirrappreżentaw lill-persunal.

35      Ir-Regolamenti tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 ma kinux jipprovdu, min-naħa l-oħra, ebda dritt għal parteċipazzjoni fir-reviżjoni tagħhom għall-benefiċċju tal-uffiċjali b’mod individwali.

36      L-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, f’dan il-każ, il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet sindakali ma ġietx osservata, apparti l-fatt li huwa sempliċi affermazzjoni li insostenn tiegħu r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova, jirriżulta irrilevanti, sa fejn l-allegat ksur ta’ dritt proċedurali tal-organizzazzjonijiet sindakali fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkollux, fi kwalunkwe każ, effett fuq l-eżistenza ta’ dritt proċedurali min-naħa tar-rikorrent.

37      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tislet argument mill-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sabiex tallega li hija kkonċernata individwalment mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

38      Rigward l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li hija kkonċernata individwalment mid-dispożizzjonijiet ikkontestata minħabba l-effett ċert u immedjat tagħhom fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, għandu jiġi rrilevat li, kif ġustament osservaw il-Parlament u l-Kunsill, tali argument ma jirrigwardax id-dimostrazzjoni tal-interess individwali tar-rikorrenti, iżda dik tal-interess dirett tagħha.

39      Ir-rikorrenti tispeċifika madankollu, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, li l-interess individwali tagħha kien jirriżulta mill-fatt li hija tagħmel parti minn grupp żgħir ta’ persuni, 30 uffiċjal, li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet ikkontestati jkollhom l-effett ċert u immedjat li jċaħħadhom mill-benefiċċju ta’ dritt kweżit, jiġifieri r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-leave għal raġuni ta’ distanza. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dawn l-uffiċjali huma l-uniċi li bbenefikaw sar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-leave għal raġuni ta’ distanza mingħajr ma jibbenefikaw, fl-istess waqt, mill-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barra mill-pajjiż. Peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jorbtu minn issa dawn id-drittijiet mal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni jew ta’ residenza barra mill-pajjiż, huma jkollhom l-effett li jneħħu dritt kweżit għal grupp żgħir ta’ persuni. Skont ir-rikorrenti, ebda persuna oħra ħlief dawk li jagħmlu parti minn dan il-grupp ma tista’, fil-futur, issib ruħha f’sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt analoga, peress li l-uffiċjali rreklutati mill-1 ta’ Jannar 2014 ma jkunux jistgħu jibbenefikaw iktar minn dawn id-drittijiet mingħajr ma jkunu eliġibbli għall-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barra mill-pajjiż.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp żgħir ta’ operaturi ekonomiċi (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni, C‑362/06 P, Ġabra, EU:C:2009:243, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tippermetti li persuna titqies li hija kkonċernata individwalment minn att peress li hija tagħmel parti minn ċirku żgħir ta’ operaturi ekonomiċi meta dan l-att ibiddel id-drittijiet kweżiti minn din il-persuna qabel l-adozzjoni tiegħu (ara d-digriet tas-17 ta’ Frar 2009, Galileo Lebensmittel vs Il-Kummissjoni, C‑483/07 P, Ġabra, EU:C:2009:95, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pprovdietx informazzjoni rigward is-sitwazzjoni legali u fattwali u lanqas rigward l-identità tal-uffiċjali li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni analoga għal tagħha. Hija sempliċement ippreċiżat li hija kienet ippreparata tipprovdi iktar informazzjoni jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jkun neċessarju u tistieden lill-Qorti Ġenerali tistaqsi lill-Parlament u lill-Kunsill f’dan ir-rigward.

43      Madankollu, hija r-rikorrenti li għandha turi, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra att ta’ portata ġenerali u ta’ natura leġiżlattiva, bħal f’dan il-każ, li hija tissodisfa l-kundizzjoni ta’ interess individwali stabbilit mill-Artikolu 263 TFUE.

44      F’dan is-sens, peress li hija ssostni li tagħmel parti minn ċirku żgħir ta’ uffiċjali li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt analoga għal tagħha, huwa l-kompitu tagħha li tipproduċi l-prova f’dan ir-rigward.

45      Barra minn hekk, anki jekk stess jirriżulta li r-rikorrenti tagħmel parti effettivament minn ċirku żgħir ta’ uffiċjali li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet ikkonċernati jkollhom l-effett li jċaħħadhom mill-benefiċċju tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-leave għal raġuni ta’ distanza, kif jidher li l-Kunsill qed jirrikonoxxi b’mod impliċitu, għandu jiġi kkonstatat li din iċ-ċirkustanza ma tirriżultax mit-tneħħija ta’ dritt kweżit lil dawn l-uffiċjali biss.

46      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma hemmx dritt kweżit għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għal-leave għal raġuni ta’ distanza speċifikament għall-uffiċjali li ma jibbenefikawx mill-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barra mill-pajjiż. Kif jirriżulta mill-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 u mill-Artikolu 8 tal-Anness VII ta’ dawn l-istess Regolamenti tal-Persunal, id-dritt għall-benefiċċju tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għal-leave għal raġuni ta’ distanza, irrispettivament mill-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barra mill-pajjiż, kien, fil-fatt, dritt għall-uffiċjali kollha tal-Unjoni.

47      L-għażla tal-Parlament u tal-Kunsill li jorbtu, bid-dispożizzjonijiet ikkontestata, il-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet ma’ dak tal-allowance tal-espatrijazzjoni u tar-residenza barra mill-pajjiż, għandu l-effett li jċaħħad ir-rikorrenti mill-imsemmija drittijiet, minħabba s-sitwazzjoni legali u fattwali li, bħal uffiċjali oħrajn, hija tinsab fiha attwalment. Barra minn hekk, ma huwiex eskluż, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li fil-futur uffiċjali oħrajn isibu ruħhom f’sitwazzjoni analoga għal tagħha. B’ipoteżi, dan jista’ jikkonċerna uffiċjal li jitlef l-allowance tal-espatrijazzjoni tiegħu wara assenjazzjoni ġdida fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa għandu n-nazzjonalità tiegħu u ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 4(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni. Għalhekk huwa jiċċaħħad mir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-leave għal raġuni ta’ distanza.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, fil-mument meta tiġi adottata l-miżura kkontestata, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika l-miżura msemmija b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura, peress li huwa paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara s-sentenza Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2010:54, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex affettwata individwalment mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

50      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti, li jirriżulta mill-fatt, meta rrifjutat li tammetti li hija affettwata individwalment mid-dispożizzjonijiet ikkontestati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija tkun obbligata tirrikorri għall-proċedura prekontenzjuża prevista mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal rimedju effettiv.

51      L-argument tar-rikorrenti jibbaża fuq il-premessa, ikkontestata mill-Parlament u mill-Kunsill, li jipprovdi li la d-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni tax-xahar ta’ Lulju 2014 u lanqas ir-reġistru tal-ġranet tal-leave attribwiti għal-leave għal raġuni ta’ distanza fis-sistema informatika ta’ ġestjoni ta’ leave tal-Kunsill ma jikkostitwixxux att li jikkawża preġudizzju, b’tali mod li, skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija setgħet tippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni biss fit-tmien tal-proċedura prekontenzjuża prevista mill-Artikolu 90 ta’ dawn l-istess Regolamenti tal-Persunal.

52      Minn naħa, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma ġiex adita b’rikors għal annullament tal-eventwali deċiżjonijiet tal-Kunsill, impliċiti jew espliċiti, li jimplementaw l-Artikolu 7 tal-Anness V u tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolament tal-Persunal fir-rigward tar-rikorrenti, iżda hija ġiet adita b’rikors għal annullament kontra d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal. Il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex affettwata individwalment mid-dispożizzjonijiet ikkontestati u, għaldaqstant, jekk dan ir-rikors huwiex ammissibbli ma għandhiex tiddependi fuq l-ammissibbiltà ta’ rikors ipotetiku kontra deċiżjonijiet individwali tal-AIPN fir-rigward tar-rikorrenti li, fid-data tal-preżentata tar-rikors, ma kinux, fi kwalunkwe, għadhom ġew adottati.

53      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti li jieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tal-kawżi bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha skont l-Artikolu 270 TFUE. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi minn qabel fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn uffiċjal kontra dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn dan l-istess uffiċjal kontra dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni jew ta’ rekord tal-ġranet ta’ leave, peress li dan ir-rikors tal-aħħar jaqa’ taħt il-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

54      Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors li r-rikorrenti ppreżentat kontra deċiżjonijiet individwali tal-AIPN li jimplementaw id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma irrilevanti sabiex tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors u ma jistgħux, konsegwentement, jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ interess individwali tar-rikorrenti f’dan il-każ.

55      Peress li l-kundizzjonijiet tal-interess dirett u tal-interess individwali permezz tal-att li għalih intalab l-annullament kienu kumulattivi, minn dan isegwi li, bla ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti hijiex, f’dan il-każ, affettwata direttament mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti ma wrietx il-locus standi tagħha kontra dawn tal-aħħar.

56      Għalhekk, it-talba għal annullament tar-rikorrenti kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandha tiġi miċħuda li hija manifestament inammissibbli mingħajr ma jkun hemm lok li tiġi eżaminata l-eżistenza tal-locus standi tar-rikorrenti kontra l-Artikolu 1(65)(b) u (67)(d) tar-Regolament Nru 1023/2013.

 Fuq it-talba għad-danni

57      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li r-rikorrenti hija uffiċjal tal-Kunsill, it-talbiet għad-danni tagħha ma jinkludux lil dan tal-aħħar, bħala l-istituzzjoni li hija tiddependi minnha, iżda l-Parlament u l-Kunsill, bħala koawturi tar-Regolament Nru 1023/2013, li jikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, l-oriġini tal-preġudizzju li hija tallega li sostniet.

58      Għandu wkoll jiġi rrilevat li r-rikorrenti tinvoka, bħala bażi tat-talbiet għad-danni tagħha, l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE u mhux l-Artikolu 270 TFUE.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet għad-danni tar-rikorrenti.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, huwa suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra, EU:C:1982:318, punt 16, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il‑Parlament et, T‑383/00, Ġabra, EU:T:2005:45, punt 95).

61      Peress li waħda mit-tliet kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta, it-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra EU:C:1994:329, punt 81, u tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra, EU:T:2002:34, punt 37). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra, EU:C:1999:402, punt 13).

62      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat, il-ġurisprudenza teżiġi rabta ċerta u diretta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat, rabta li huwa r-rikorrenti li għandu jipprova. Barra minn hekk, l-allegat dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ilmentat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu (ara d-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2012, Azienda Agricola Bracesco vs Il-Kummissjoni, T‑440/09, Ġabra, EU:T:2012:269, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-każ, mill-argument tar-rikorrenti jirriżulta li hija tqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1023/2013, li hija ssostni l-illegalità tagħhom fil-kuntest tat-talba tagħha għal annullament, taw lok kemm għad-dannu patrimonjali kif ukoll għad-dannu extrapatrimonjali li hija tallega li sostniet.

64      Għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix rabta diretta u ċerta bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-allegati danni, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jirriżultaw biss, skont il-każ, minn deċiżjoni tal-istituzzjoni li taqa’ taħtha r-rikorrenti, jiġifieri l-Kunsill, li tagħtiha numru ta’ ġranet ta’ leave, bħala leave għal raġuni ta’ distanza, inqas minn dak li kien ingħatalha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 u li tirrifjutalha r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet.

65      Għalhekk, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir tal-Parlament u tal-Kunsill bħala koawturi tal-att ikkontestat u d-danni invokati ma hijiex issodisfatta.

66      Minn dan isegwi li t-talbiet għad-danni tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

67      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħuda bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent imressqa mill-Kummissjoni, fis-16 ta’ April 2014, insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din ta’ l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Huynh Duong Vi Nguyen għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent tal-Kummissjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Novembru 2014.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       D. Gratsias


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.