Language of document : ECLI:EU:T:2014:887

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Ottubru 2014

Kawża T‑26/14 P

Peter Schönberger

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2011 – Rati ta’ multiplikazzjoni ta’ riferiment – Kontradittorju”

Suġġett:      Appell ippreżentat mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Novembru 2013, Schönberger vs Il‑Qorti tal-Awdituri (F‑14/12, ĠabraSP, EU:F:2013:167), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Novembru 2013, Schönberger vs Il‑Qorti tal-Awdituri (F‑14/12), hija annullata. Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ kontradittorju – Osservanza fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja – Portata – Sostituzzjoni tal-motivi mingħajr dibattitu kontradittorju – Ksur tal-imsemmi prinċipju

L-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju timplika li l-partijiet fi proċess kienu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqhom ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja kif ukoll li jiddiskutu l-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u l-motivi ta’ dritt imqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom, din tal-aħħar, ikollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt ta’ smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom dibattitu kontradittorju kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura.

Għalhekk, meta motiv jiġi miċħud abbażi ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti li ma tikkorrispondix għall-interpretazzjoni użata mill-amministrazzjoni sabiex timmotiva d-deċiżjoni kkontestata, il-qorti tal-Unjoni mhux biss tissostitwixxi l-motivi, iżda, meta tibbaża din iċ-ċaħda fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li ma kinux ittrattati quddiemha, hija tkun qed tikser il-prinċipju ta’ kontradittorju.

F’dan il-kuntest, għandha wkoll tiġi eżaminata l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-proċess adottat mill-qorti tal-Unjoni jistax ikun leġittimu billi jiġi sostnut li, anki fl-assenza tal-irregolarità inkwistjoni, il-proċedura ma setgħetx twassal għal riżultat differenti b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju ma setax jaffettwa l-kontenut tas-sentenza kkontestata u ma setax jippreġudika l-interessi tal-appellant.

F’dan ir-rigward it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa, skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, f’tilwim differenti minn dak ta’ natura pekunjarja, kompetenti sabiex iwettaq stħarriġ dwar il-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju. L-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, jekk ir-rikors huwa fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Il-qorti tal-Unjoni għalhekk ma tistax, fi kwalunkwe każ, tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-awtur tal-att kontenzjuż.

(ara l-punti 23 sa 26, 32 u 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni, C‑164/98 P, Ġabra, EU:C:2000:48, punt 38; tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra EU:C:2008:757, punt 141; tas-17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX-II, Ġabra EU:C:2009:804, punti 39‑41 u 52, u l-ġurisprudenza ċċitata ; u tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑246/11 P, EU:C:2013:118, punt 85

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kunsill vs Stols, T‑175/09 P, Ġabra SP, EU:T:2010:534, punt 22; u tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, ĠabraS,P EU:T:2013:624, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata