Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Novembru 2008 - Unity OSG FZE vs Il-Kunsill u EUPOL Afganistan

(Kawża T-511/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Unity OSG FZE (Dubai, Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentanti: C. Bryant u J. McEwen, avukati)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan ("EUPOL Afganistan")

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan ("EUPOL Afganistan") (i) li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti rigward il-kuntratt għall-provvista ta' servizzi ta' sigurtà u protezzjoni mill-qrib fl-Afganistan, (ii) li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor kif ikkomunikat lir-rikorrenti b'ittra tat-23 ta' Novembru 2008;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Fid-19 ta' Diċembru 2007, ir-rikorrenti kkonkludiet kuntratt mal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan1 ("EUPOL Afganistan") għall-provvista ta' servizzi tas-sigurtà. F'Settembru 2008, EUPOL Afganistan ħarġet avviż ta' sejħa għal offerti dwar il-provvista ta' servizzi ta' sigurtà u protezzjoni mill-qrib li ġie ppubblikat2 fil-websajt tal-Kummissjoni Ewropea b'relazzjoni mal-programm "EuropeAid" u skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-Kapitolu 1 tar-Regolament Finanzjarju 1605/20023 ("ir-Regolament Finanzjarju") u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju li jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni 2342/20024.

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-EUPOL Afganistan tat-23 ta' Novembru 2008, li biha r-rikorrenti ġiet informata li l-offerta tagħha ma kinitx intlaqgħet u li l-kuntratt kien se jingħata lil Armor Group, fuq il-bażi tar-raġunijiet segwenti:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenut kiser il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni previsti fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tissottometti li nkisru l-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratti bejn l-awtorità kontraenti u l-offerenti matul il-proċedura għall-għoti tal-kuntratti kif stabbiliti fl-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikoli 120(2)(d) u 148 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li nkiser ir-rekwiżit li jiġi ppubblikat avviż ta' kuntratt l-ewwel fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, qabel ma jiġi ppubblikat xi mkien ieħor, kif stabbilit fl-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni. Skont ir-rikorrenti, dan ir-rekwiżit inkiser minħabba li l-kuntratt ġie ppubblikat l-ewwel fuq il-websajt EuropeAid, minflok fil-Ġurnal Uffiċjali.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li nkiser ir-rekwiżit li jiġu rrispettati t-termini minimi taħt il-proċedura limitata aċċellerata prevista fl-Artikolu 142(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenut naqas milli jirrispetta r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 158(a) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni, għal perijodu ta' waqfien bejn id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt u l-firma tal-kuntratt. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenut naqas milli jipprovdi raġunijiet xierqa, skont l-Artikolu 253 KE.

____________

1 - Imwaqqfa fit-30 ta' Mejju 2007, skont l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/PESK (ĠU 2007 L 139, p. 33)

2 - L-avviż ġie ppubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tas-7 ta' Ottubru 2008, 2008/S 194-255613

3 - ĠU 2002 L 248, p. 1

4 - ĠU 2002 L 357, p. 1