Language of document : ECLI:EU:T:2015:695

Kawża T‑360/13

Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-Verbindungen in der Oberflächentechnik eV (VECCO) et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“REACH – Inklużjoni tat-triossidu tal-kromju fil-lista ta’ sustanzi sottomessi għal awtorizzazzjoni – Użi jew kategoriji ta’ użi eżenti mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni – Kunċett ta’ ‘leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ l-ambjent għall-użu ta’ sustanza’ – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Settembru 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Rikors li ma għandux l-għan li jsostni talbiet ta’ waħda mill-partijiet – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (2015), Artikolu 142(1))

2.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Użi jew kategoriji ta’ użi eżenti mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni – Kundizzjonijiet – Eżistenza ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika li timponi rekwiżiti minimi rigward il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent fil-każ ta’ użu tas-sustanza kkonċernata – Kunċett

(Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57 u 58(2), u Anness XIV; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/37, 2010/75 u 2012/18; Direttiva tal-Kunsill 98/24)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Motivi ta’ dritt li ma ġewx ippreżentati fir-rikors – Riferiment ġenerali għal dokumenti oħra annessi mar-rikors – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (2015), Artikolu 76(d))

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Użi jew kategoriji ta’ użi eżenti mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni – Kundizzjonijiet – Natura kumulattiva

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikolu 58(2))

5.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Użi jew kategoriji ta’ użi eżenti mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni – Kundizzjonijiet – Ċaħda tat-talba għal eżenzjoni fil-każ li waħda mill-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikolu 58(2))

6.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Rikors li ma għandux l-għan li jsostni jew li jiċħad talbiet ta’ waħda mill-partijiet – Rikors li jinkludi argumenti addizzjonali li jbiddlu s-suġġett tat-tilwima – Inammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (2015), Artikolu 142(1))

7.      Proċedura ġudizzjarja – Prova – Provi mhux prodotti mill-partijiet – Obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tikseb il-provi – Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (2015), Artikoli 76(f), u 81(e))

8.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ inklużjoni fl-Anness XIV – Konsultazzjoni pubblika – Dritt ta’ aċċess tal-partijiet ikkonċernati għad-dokumenti sottomessi lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi jew lill-Kummissjoni – Assenza

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001 u Nru 1907/2006, Artikolu 58(4), u Anness XIV)

9.      Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (2015), Artikolu 113(2)(c))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 21)

2.      Fil-kuntest tal-ewwel kundizzjoni stabbilita mill-Artikolu 58(2), tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (“REACH”), għall-għoti ta’ eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ta’ użu jew kategoriji ta’ użu, jiġifieri l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika li timponi rekwiżiti minimi f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent fil-każ ta’ użu tas-sustanza kkonċernata, leġiżlazzjoni Komunitarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hija regola tad-dritt adottata minn entità fi ħdan l-Unjoni bl-intenzjoni li tipproduċi effetti vinkolanti. Isegwi li regoli li jagħmlu parti minn diversi sistemi legali nazzjonali kif ukoll prattiki volontarji ma jistgħux jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ sustanza u tal-istrateġiji għat-tnaqqis tagħhom, sa fejn il-kontenut tagħha ma huwiex vinkolanti u ma għandhiex natura normattiva, din il-komunikazzjoni ma tistax titqies li hija leġiżlazzjoni Komunitarja.

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ rekwiżit minimu, dan għandu jinftiehem fis-sens, minn naħa, li huwa jikkostitwixxi standard minimu fl-interess tal-ħaddiema jew ta’ persuni kkonċernati oħra u, min-naħa l-oħra, li huwa jippermetti li jiġu adottati jew imposti miżuri saħansitra iktar stretti fil-livell nazzjonali fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni iktar severa minn dik li, fil-livell tal-Unjoni, jimponi r-rekwiżit minimu. Is-sempliċi fatt li jiġu imposti valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol ma jimplikax, għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ rekwiżit massimu, iżda jikkostitwixxi rekwiżit minimu possibbli fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn id-Direttiva 98/24, dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol, ma tirreferix għal sustanza partikolari, bħalma huwa l-każ għas-sustanzi msemmija li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva, hija ma tistax titqies li hija speċifika, peress li tapplika b’mod ġenerali għas-sustanzi kimiċi kollha u lanqas bħala li timponi rekwiżiti minimi, peress li hija tistabbilixxi biss qafas ġenerali għall-obbligi li għandhom il-persuni li jimpjegaw li jesponu lill-ħaddiema tagħhom għal riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ sustanzi kimiċi. Bl-istess mod, sa fejn id-Direttiva 2004/37, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, ma tirreferi għal ebda sustanza oħra ħlief il-benżin, il-monomeru tal-vinil klorur u t-trabijiet tal-injam iebes, hija la tista’ titqies li hija “speċifika” u lanqas li timponi rekwiżiti minimi għal dak li jikkonċerna t-triossidu tal-kromju.

Dan jgħodd ukoll għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 2012/18, dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi, li la ssemmi l-użi speċifiċi ta’ sustanzi perikolużi fil-kuntest tal-attivitajiet industrijali normali ta’ impriża bħala tali u lanqas il-protezzjoni tal-bnedmin kontra espożizzjoni għolja ħafna għas-sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2010/75, dwar l-emissjonijiet industrijali, għalkemm ma hemm ebda dubju li din tista’ tapplika, b’mod ġenerali, għall-emissjonijiet industrijali li jirriżultaw mill-użu ta’ triossidu tal-kromju, din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika dwar din is-sustanza.

(ara l-punti 31, 33, 34, 40, 44, 45, 47, 59, 62, 63)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 55)

4.      Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni prevista mill-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (“REACH”), għall-għoti ta’ eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ta’ użu jew kategoriji ta’ użu, jiġifieri riskju kkontrollat adegwatament abbażi tal-leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti, fid-dawl tal-fatt li eżenzjoni ma tistax tingħata ħlief jekk il-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti, meta l-ewwel kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika li timponi rekwiżiti minimi dwar il-protezzjoni tas-saħħa jew tal-ambjent għall-użu tas-sustanza kkonċernata tkun nieqsa, ma jkunx neċessarju li tiġi eżaminata t‑tieni kundizzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-espressjoni “compte tenu” li tinsab fil-verżjoni Franċiża tal-imsemmija dispożizzjoni u tal-espressjonijiet użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ta’ din id-dispożizzjoni, il-kontroll tar-riskju għandu jkun ibbażat fuq l-imsemmija leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja eżistenti. Issa, fl-assenza ta’ tali leġiżlazzjoni, huwa impossibbli li kwalunkwe kontroll tar-riskju, jekk jiġi preżunt bħala stabbilit, jista’ jirriżulta minn dik il-leġiżlazzjoni, motiv li fih innifsu huwa diġà suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li t-tieni kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.

(ara l-punt 64)

5.      Sa fejn il-Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jikkonċerna l-għoti ta’ eżenzjoni għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (“REACH”), minħabba li l-kundizzjonijiet kollha previsti mill-imsemmi artikolu ma humiex issodisfatti, hija ma tistax tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tapplika dan l-artikolu bħalma dan jimponilha. Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni hija marbuta tieħu d-deċiżjoni li ma tagħtix eżenzjoni, hija ma tistax, minħabba f’hekk, tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punt 73)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 75)

7.      Ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tikseb provi li l-partijiet ma pproduċewx.

(ara l-punt 75)

8.      Il-konsultazzjoni pubblika prevista mill-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (“REACH”), ma tagħtix lill-partijiet ikkonċernati drittijiet proċedurali speċifiċi, bħad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li għandha l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għad-dispożizzjoni tagħha jew il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ inklużjoni ta’ sustanzi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament. L-imsemmi artikolu jipprevedi biss id-dritt li jiġu sottomessi osservazzjonijiet. Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra persuna, peress li l-proċedura intiża għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tistax titqies li hija proċedura miftuħa kontra l-imsemmija partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament jipprevedi konsultazzjoni pubblika ma jimminax il-fatt li la l-ECHA u lanqas il-Kummissjoni ma huma obbligati, skont dan l-artikolu, li jisimgħu individwu li jista’ jkun ikkonċernat minn regolament li jemenda l-Anness XIV. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dan tal-aħħar ma jistax ibiddel il-portata tal-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 u ma jistax, għaldaqstant, joħloq drittijiet proċedurali li dan ir-regolament tal-aħħar ma jipprevedix.

(ara l-punti 81, 82)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 88)