Language of document : ECLI:EU:T:2015:513

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*) 

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Ksur uniku, kumpless u kontinwu — Preskrizzjoni — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 — Imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpannija parent — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawżi T‑389/10 u T‑419/10,

Siderurgica Latina Martin SpA (SLM), stabbilita f’Ceprano (l-Italja), irrappreżentata minn G. Belotti u F. Covone, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑389/10,

Ori Martin SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn P. Ziotti, avukat,

rikorrenti fil-Kawża T‑419/10,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T‑389/10, inizjalment minn B. Gencarelli, V. Bottka u P. Rossi, sussegwentement minn V. Bottka, P. Rossi u G. Conte, bħala aġenti, u, fil-Kawża T‑419/10, inizjalment minn B. Gencarelli, V. Bottka u P. Rossi, sussegwentement minn V. Bottka, P. Rossi u G. Conte, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tat-30 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

44      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2010, SLM ippreżentat ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑389/10.

45      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2010, Ori Martin ippreżentat ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑419/10.

46      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) informat lir-rikorrenti li kellhom il-possibbiltà jadattaw il-motivi u t-talbiet tagħhom fid-dawl tal-emendi introdotti permezz tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda. SLM u Ori Martin ma użawx din il-possibbiltà.

47      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha t-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

48      Il-Kummissjoni kkomunikat it-tieni deċiżjoni ta’ emenda fit-22 ta’ Ġunju 2011.

49      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) informat lir-rikorrenti li kellhom il-possibbiltà jadattaw il-motivi u t-talbiet tagħhom fid-dawl tal-emendi introdotti permezz tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

50      SLM u Ori Martin ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tieni deċiżjoni ta’ emenda, li tagħha kienu destinatarji, fil-kuntest tar-repliki tagħhom ippreżentati fit-13 ta’ April 2011.

51      Fl-20 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat l-oriġinal tal-kontrorepliki tagħha bil-lingwa tal-kawża kif ukoll il-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati minn SLM u minn Ori Martin dwar it-tieni deċiżjoni ta’ emenda, u b’hekk ingħalqet il-proċedura bil-miktub.

52      Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, b’effett mit-23 ta’ Settembru 2013, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant ġew assenjati dawn il-kawżi.

53      Ir-rapporti preliminari, imsemmija fl-Artikolu 52(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 ġew ikkomunikati lis-Sitt Awla fit-8 ta’ Novembru 2013.

54      Fil-Kawża T‑389/10, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu għal serje ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

55      Permezz ta’ ittri tat-28 ta’ Jannar u tat-28 ta’ Frar 2014 rispettivament, SLM u l-Kummissjoni wieġbu għal dawn il-miżuri. Madankollu, fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx tonera kompletament ċerti talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti minħabba l-fatt li d-dokumenti mitluba kienu ġew ikkomunikati lilha fil-kuntest tat-trattament ta’ talbiet għal klemenza. SLM ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan il-kumment tal-Kummissjoni.

56      Fis-16 ta’ Mejju 2014, fil-kuntest ta’ miżuri istruttorji adottati skont l-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 tagħha, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti li din tal-aħħar kienet irrifjutat li tipproduċi bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fis-17 ta’ Diċembru 2013.

57      Fl-istess jum, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti dwar l-investigazzjoni jew it-tmexxija ta’ proċeduri fir-rigward tal-ksur fl-istadju tal-proċedura amministrattiva.

58      Fis-27 ta’ Mejju u fis-6 ta’ Ġunju 2014 rispettivament, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokumenti mitluba.

59      Fil-Kawża T‑419/10, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu għal serje ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

60      Permezz ta’ ittri tat-28 u tat-30 ta’ Jannar 2014 rispettivament, Ori Martin u l-Kummissjoni wieġbu għal dawn il-miżuri.

61      Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduti tat-30 ta’ Ġunju 2014. Barra minn hekk, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà li l-Kawżi T‑389/10 u T‑419/10 jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, konformement mal-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

62      Fil-Kawża T‑389/10, SLM titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddetermina mill-ġdid, fid-dawl tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha in solidum ma’ Ori Martin;

–        bħala miżuri istruttorji, tordna, konformement mal-Artikoli 65(c) u 68 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, l-eżami jew il-prova permezz tax-xhieda tar-rappreżentanti ta’ Redaelli u ITC dwar il-mistoqsija segwenti: “Huwa minnu li SLM ma pparteċipatx fil-laqgħat li kienu jikkonċernaw l-akkordju inkwistjoni qabel l-aħħar tal-1999?”, u titlob lill-Kummissjoni tipprovdi lista li tindika n-numru ta’ uffiċjali, inklużi d-diretturi u l-kapijiet ta’ unità, li kienu ħadmu wara xulxin fuq il-fajl bejn il-bidu tal-2002 u Ġunju 2010;

–        tordna lill-Kummissjoni tħallas lura l-interessi dovuti fuq is-somma diġà mħallsa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

63      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u t-talbiet għal miżuri istruttorji;

–        tikkundanna lil SLM għall-ispejjeż.

64      Fil-Kawża T‑419/10, Ori Martin titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din timputalha r-responsabbiltà għall-aġir issanzjonat;

–        tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

65      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Ori Martin għall-ispejjeż.

 Id-dritt

66      Wara li l-partijiet instemgħu f’dan ir-rigward (punt 61 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

67      Insostenn tar-rikors tagħha, SLM tressaq diversi motivi.

68      L-ewwel żewġ motivi huma ppreżentati bħala motivi ta’ natura li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lil SLM u jirrigwardaw, minn naħa, ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

69      Il-motivi mressqa l-oħra huma ppreżentati bħala motivi ta’ natura li jwasslu għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa kontenzjuża. Dawn il-motivi jikkonċernaw, l-ewwel nett, l-applikazzjoni żbaljata tal-Linji gwida tal-2006 minflok il-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u skont l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-1998”); it-tieni nett, ksur tal-limitu legali ta’ 10 % u tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward; it-tielet nett, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-gravità u taż-żieda għal finijiet dissważivi; ir-raba’ nett, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; il-ħames nett, l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fl-akkordju; is-sitt nett, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti fir-rigward ta’ SLM; is-seba’ nett, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ SLM; it-tmien nett, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-inkapaċità ta’ SLM li tħallas u, id-disa’ nett, il-preskrizzjoni tal-ksur.

70      Wara t-tieni deċiżjoni ta’ emenda, SLM adattat il-motivi tagħha sabiex tqajjem aspett ġdid tat-tilwima, dwar l-iżbalji ta’ kalkolu li allegatament twettqu mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-parti tal-multa li għaliha SLM hija responsabbli waħedha u tal-parti li għaliha SLM u Ori Martin huma responsabbli in solidum.

71      Mit-tweġiba ta’ SLM għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi ppreżentati inizjalment fir-rigward, minn naħa, tal-ksur tal-limitu legali ta’ 10 % u tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward — jekk mhux sabiex jiġu ddeterminati l-konsegwenzi li l-argumenti ppreżentati f’dan ir-rigward jista’ jkollhom dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż favur SLM — u, min-naħa l-oħra, tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-inkapaċità ta’ SLM li tħallas. Ittieħdet nota ta’ dan matul is-seduta.

72      Min-naħa tagħha, Ori Martin tressaq tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-preskrizzjoni tal-ksur. It-tieni motiv jirrigwarda l-ksur ta’ diversi regoli applikabbli għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur lil Ori Martin bħala detentur kważi esklużiv ta’ SLM. It-tielet motiv jikkritika ċerti aspetti tal-kalkolu tal-ammont tal-multa u jqajjem numru ta’ dubji dwar il-possibbiltà li jiġu applikati l-Linji gwida tal-2006 minflok il-Linji gwida tal-1998.

73      L-argumenti ta’ SLM u ta’ Ori Martin jikkoinċidu fir-rigward tal-preskrizzjoni, tal-possibbiltà li jiġu applikati l-Linji gwida tal-2006 minflok il-Linji gwida tal-1998 kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. Dawn l-argumenti ser jiġu eżaminati flimkien.

 A – Fuq il-preskrizzjoni tal-ksur

 1. L-argumenti tal-partijiet

74      SLM u Ori Martin isostnu li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi hija preskritta f’dan il-każ. It-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fid-19 ta’ Settembru 2002, fid-data meta waqaf il-ksur, u ntemm fid-19 ta’ Settembru 2007. Ebda attività mwettqa mill-Kummissjoni wara din id-data u qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri t-talbiet tagħha dwar id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi, il-pożizzjonijiet meħuda minnha fir-rigward tat-talbiet għal klemenza kif ukoll spezzjoni mwettqa fis-7 u fit-8 ta’ Ġunju 2006 fl-uffiċċji ta’ espert fil-kontabbiltà, ma kienet neċessarja għall-investigazzjoni tal-każ u għat-tmexxija ta’ proċeduri fir-rigward tal-ksur. Għaldaqstant, peress li ntbagħtet fit-30 ta’ Settembru 2008, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet intbagħtet wara t-tmiem tat-terminu ta’ ħames snin li jiddekorri mill-jum li fih jintemm il-ksur previst fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

76      Mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin fir-rigward tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE. Dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jiddekorri mill-jum li fih jintemm il-ksur.

77      Madankollu, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott permezz ta’ kull att tal-Kummissjoni li jirrigwarda l-investigazzjoni jew it-tmexxija ta’ proċeduri fir-rigward tal-ksur. It-talbiet għal informazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni kif ukoll il-mandati bil-miktub ta’ spezzjoni mogħtija lill-membri tal-persunal tagħha mill-Kummissjoni huma elenkati, bħala eżempji, fost l-atti li jinterrompu l-preskrizzjoni.

78      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jindika b’mod ċar li l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni jkollha effett fil-jum li fih l-att jiġi nnotifikat lil minn tal-inqas impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriża waħda li tkun ipparteċipat fil-ksur u li din l-interruzzjoni tapplika fir-rigward tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kollha li jkunu pparteċipaw fil-ksur.

79      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fit-terminu ta’ ħames snin li jiddekorri mid-19 ta’ Settembru 2002, id-data li fiha ntemm il-ksur, il-Kummissjoni nnotifikat lil diversi impriżi li pparteċipaw fil-ksur diversi talbiet għal informazzjoni li jirrigwardaw l-investigazzjoni jew it-tmexxija ta’ proċeduri fir-rigward tal-ksur.

80      Bħala eżempji msemmija mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, mill-proċess jirriżulta li, fid-19 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtet lil ITC talba għal informazzjoni b’mod partikolari dwar ir-rwol li kellu fi ħdan l-akkordju espert tal-kontabbiltà Taljan. Bl-istess mod, ma huwiex ikkontestat li, fis-7 u fit-8 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni wettqet spezzjoni li fil-kuntest tagħha ssekwestrat diversi dokumenti, elenkati fl-Anness 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li ppermettewlha tikkorrobora elementi importanti dwar il-club Italia.

81      Meta aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni interrompiet b’mod validu t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur qabel id-19 ta’ Settembru 2007. Għaldaqstant, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi ma kinitx preskritta meta adottat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-30 ta’ Settembru 2008, jew meta adottat id-deċiżjoni inizjali, fit-30 ta’ Ġunju 2010.

82      Għaldaqstant, il-motivi dwar il-preskrizzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 B – Fuq l-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006 minflok il-Linji gwida tal-1998

 1. L-argumenti tal-partijiet

83      SLM u Ori Martin jikkritikaw lill-Kummissjoni talli applikat il-Linji gwida tal-2006 sabiex tissanzjona fatti mwettqa qabel id-data tal-pubblikazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, SLM issostni li l-applikazzjoni retroattiva ta’ liġi kriminali iktar severa tikser il-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u ta’ nonretroattività tal-liġi kriminali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tapplika fil-konfront ta’ terzi r-regola ta’ applikazzjoni ratione temporis iddefinita fil-punt 38 tal-Linji gwida tal-2006 peress li dawn il-Linji gwida ġodda ma kinux ġew adottati bl-approvazzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra jew tal-Istati Membri. L-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006 għas-sitwazzjoni ta’ SLM tikkostitwixxi wkoll inugwaljanza fit-trattament peress li l-parti l-kbira tal-impriżi ssanzjonati għal fatti paragunabbli għal dawk li bihom hija akkużata SLM skont il-Linji gwida tal-2006 kienu suġġetti għal multi li l-ammont tagħhom kien iktar limitat, b’1 sa 5 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom. L-ammont tal-multa għandu jiġi rrivedut mill-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-Linji gwida tal-1998 li kienu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti u meta nbdiet il-proċedura amministrattiva.

84      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

85      L-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, intitolat “L-ebda piena mingħajr liġi”, jipprovdi:

“Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skont liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkunu saru. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar.”

86      Dispożizzjoni simili teżisti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 49(1) tagħha jipprovdi li:

“L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.”

87      Dwar dan il-punt, l-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jispeċifika li d-dispożizzjoni ċċitata ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tillimita jew tippreġudika d-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom huma partijiet l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha, fosthom il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

88      Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi osservat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kien jipprovdi li:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn [EUR] 1000 sa [EUR] 1000000 [...], jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [101(1) TFUE] jew l-Artikolu [102 TFUE] [...].

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”

89      Din id-dispożizzjoni tħassret mill-1 ta’ Mejju 2004, skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tiġi ssostitwita permezz tal-Artikolu 23(2) u (3) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu [101 TFUE] jew l-Artikolu [102 TFUE] [...]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti.

[…]

3. Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

90      Sussegwentement, fl-1 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali l-Linji gwida tal-2006. Dan id-dokument jesponi l-metodu li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni ssegwi meta tiffissa l-ammont ta’ multa imposta fuq l-impriżi li jkunu wettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE). Il-punt 38 tal-Linji gwida tal-2006 huwa fformulat hekk:

“Il-[Linji gwida tal-2006] għandhom japplikaw għall-każijiet kollha li fir-rigward tagħhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tkun ġiet innotifikata wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk il-multa tkunx qiegħda tiġi imposta skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament [...] Nru 1/2003 jew skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

91      B’hekk, il-Linji gwida tal-2006 ħadu post il-Linji gwida tal-1998.

92      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-regoli ta’ kondotta interna adottati mill-amministrazzjoni li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali fuq terzi, bħalma huma l-operaturi ekonomiċi li jistgħu jwettqu ksur tal-Artikolu 101 TUFE, għalkemm madankollu ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjonijiet legali vinkolanti minħabba n-natura intrinsika tagħhom, jistabbilixxu xorta waħda regoli ta’ kondotta indikattivi li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora hija stess f’każ partikolari, sakemm ma tipprovdix ġustifikazzjonijiet kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punti 209 u 210).

93      Minn dan jirriżulta li l-Linji gwida tal-2006, li jikkostitwixxu tali regoli ta’ kondotta, huma inklużi fil-kunċett ta’ “liġi” fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 216, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra, EU:C:2006:328, punt 20).

94      Għalkemm ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jipprekludu l-kjarifikazzjoni gradwali tar-regoli dwar ir-responsabbiltà kriminali, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu madankollu jipprekludu l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ norma li tistabbilixxi ksur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 217, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċitata fil-punt 215 tal-imsemmija sentenza).

95      Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li l-Linji gwida tal-2006 josservaw il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi ssanzjonati previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, applikabbli fir-rigward tal-fatti li taw lok għal din it-tilwima, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-applikazzjoni tal-imsemmija Linji gwida tal-2006 ma tiksirx il-prinċipju ta’ nonretroattività tal-liġi kriminali.

96      Fil-fatt, dan il-prinċipju jista’ jinkiser fil-każ li tiġi applikata interpretazzjoni li ma kinitx raġonevolment prevedibbli fil-mument li twettaq il-ksur issanzjonat (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 218).

97      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Linji gwida għandhom jitqiesu li huma interpretazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, dwar il-kondotta li din timpenja ruħha li tadotta meta jkollha l-intenzjoni timponi multi u mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-emendi introdotti mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ tali interpretazzjonijiet huma kompatibbli mal-prinċipji ta’ nonretroattività tal-liġi kriminali u ta’ ċertezza legali sakemm dawn l-emendi jkunu jistgħu jitqiesu li huma raġonevolment prevedibbli.

98      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi b’mod kunsiderevoli mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam kopert mit-test kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tieħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tiegħu parir iddettaljat sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan jgħodd b’mod speċjali fil-każ ta’ professjonisti li jkunu mdorrija jaġixxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom u li wieħed jista’ jistenna li jagħtu attenzjoni partikolari għall-evalwazzjoni tar-riskji li jġorru magħhom l-atti tagħhom li jikkostitwixxu ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Madankollu, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadatta, f’kull mument, il-livell tal-multi għall-ħtiġijiet ta’ din il-politika. Minn dan jirriżulta li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa ma jistgħux jiksbu aspettattiva leġittima fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex ser taqbeż il-livell tal-multi applikati preċedentement u lanqas fir-rigward ta’ metodu tal-kalkolu ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq, EU:C:2006:328, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-impriżi kkonċernati kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f’kull mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-ammont tal-multi meta mqabbla mal-prassi preċedenti tagħha. Dan ma japplikax biss meta l-Kummissjoni tgħolli l-ammont tal-multi f’każijiet partikolari iżda wkoll meta din iż-żieda titwettaq permezz tal-applikazzjoni, għal każijiet partikolari, ta’ regoli ta’ kondotta ta’ portata ġenerali bħalma huma l-Linji gwida (ara s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq, EU:C:2006:328, punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għaldaqstant, tali impriżi ma għandhomx raġun meta jqisu li, wara li adottat il-Linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni fl-ebda każ ma setgħet tapplika, għal proċeduri pendenti, indikazzjonijiet ġodda mingħajr ma tikser l-aspettattivi leġittimi tal-impriżi. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006 f’dan il-każ jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà stabbiliti mill-ġurisprudenza.

102    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 38 tagħhom, il-Linji gwida tal-2006 japplikaw għall-każijiet kollha li fir-rigward tagħhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tkun ġiet innotifikata wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Peress li din il-pubblikazzjoni saret fl-1 ta’ Settembru 2006 u peress li kien biss fit-30 ta’ Settembru 2008 li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-każ ineżami ġiet innotifikata, l-ammont tal-multa imposta kien għalhekk ġie kkalkolat skont il-metodoloġija prevista fil-Linji gwida tal-2006.

103    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument ippreżentat minn SLM u bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta u tinvoka fil-konfront ta’ terzi r-regola ta’ applikazzjoni ratione temporis iddefinita fil-punt 38 tal-Linji gwida. Fil-fatt, il-possibbiltà li tiġi invokata din ir-regola, li tikkontribwixxi għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali billi tispeċifika b’mod ċar u oġġettiv il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Linji gwida tal-2006, tirriżulta mill-possibbiltà, li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-Kummissjoni, li tirregola lilha nnifisha billi tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom ikollha l-intenzjoni teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha mir-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punti 211 u 213, u tat-2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑83/08, EU:T:2012:48, punt 108).

104    It-tieni nett, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-adozzjoni tal-Linji gwida tal-2006 kellhiex natura suffiċjentement prevedibbli fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 96 sa 100 iktar ’il fuq.

105    F’dan ir-rigward, l-innovazzjoni prinċipali tal-Linji gwida tal-2006, kif jirriżulta mill-punti 5 sa 7 tagħhom, tikkonsisti fil-fatt li bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont tal-multa jittieħed ammont bażiku, iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi inkonnessjoni mal-ksur, skont it-tul u skont il-gravità tal-ksur, filwaqt li jiġi inkluż ammont speċifiku sabiex l-impriżi jiġu dissważi milli jwettqu aġir illegali. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Linji gwida tal-2006 huma bbażati fuq il-kriterji ta’ gravità u ta’ tul iddefiniti fir-Regolament Nru 17 u riprodotti fir-Regolament Nru 1/2003, li kienu diġà meħuda inkunsiderazzjoni fil-Linji gwida tal-1998 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq, EU:T:2012:48, punt 114).

106    Barra minn hekk, l-eventwalità li operatur informat jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jiddetermina bil-quddiem u bi preċiżjoni l-livell tal-multi li l-Kummissjoni ser timponi f’kull każ partikolari ma hijiex, fiha nnifisha, kuntrarja għar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà inerenti għall-prinċipju ta’ nonretroattività tal-liġi kriminali. Fil-fatt, l-għanijiet ta’ ripressjoni u ta’ dissważjoni segwiti mill-politika tal-kompetizzjoni jistgħu jiġġustifikaw li jiġi evitat li l-impriżi jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw b’mod preċiż il-vantaġġi u l-inkonvenjenzi li jistgħu jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur. Huwa biżżejjed li l-impriżi, jekk ikun meħtieġ billi jużaw konsulent legali, ikunu jistgħu jipprevedu b’mod suffiċjentement preċiż il-kriterji u l-portata tal-multi li jkunu qegħdin jesponu ruħhom għalihom. Issa, kif għadu kemm ġie kkonstatat, il-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni fil-Linji gwida tal-2006 jirriżultaw minn dawk imsemmija fir-Regolament Nru 17, li kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-Linji gwida tal-1998 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C‑266/06 P, EU:C:2008:295, punt 55, u Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq, EU:T:2012:48, punt 118).

107    Minn dan għandu jiġi konkluż li l-Linji gwida tal-2006 u l-metodu ta’ kalkolu ġdid li jinsab f’dawn il-linji gwida, anki jekk jitqies li dan il-metodu kellu effett aggravanti fir-rigward tal-livell tal-multi imposti, kienu raġonevolment prevedibbli għal impriżi bħal SLM fiż-żmien meta twettaq il-ksur ikkonċernat. Għaldaqstant, meta applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Linji gwida tal-2006 sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta għal ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ nonretroattività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq, EU:T:2012:48, punti 117 u 124).

108    Minn dan isegwi li l-motiv dwar l-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006 minflok il-Linji gwida tal-1998 għandu jiġi miċħud, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk SLM għandhiex raġun meta ssostni li tali applikazzjoni wasslet għal multa iktar oneruża minn dik li kienet tiġi imposta fuqha li kieku kienet ikkalkolata skont il-Linji gwida tal-1998.

109    Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 99 u 100 iktar ’il fuq, il-prinċipji invokati minn SLM ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ Linji gwida li jista’ jkollhom effett aggravanti fir-rigward tal-livell tal-multi imposti għal ksur imwettaq, bil-kundizzjoni li l-politika implementata minnhom tkun raġonevolment prevedibbli fiż-żmien meta jkun twettaq il-ksur ikkonċernat (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra, EU:T:2007:380, punti 233 u 234 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq, EU:T:2012:48, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, peress li kull ma tagħmel huwa li tippreżenta punt punt l-elementi ta’ kalkolu kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, SLM ma tistabbilixxix li l-ammont tal-multa li setgħet tiġi imposta fuqha skont il-metodoloġija ddefinita fil-Linji gwida tal-1998 kien ser ikun neċessarjament inqas. Fil-fatt, f’dan il-każ, SLM sempliċement tosserva li hemm ċerti differenzi bejn il-Linji gwida tal-2006 u l-Linji gwida tal-1998 (l-ammont addizzjonali, il-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur, il-kontenut taċ-ċirkustanzi attenwanti), mingħajr ma tindika r-riżultat li l-Kummissjoni setgħet tasal għalih li kieku applikat il-Linji gwida tal-1998, li l-punt tat-tluq tagħhom fir-rigward tal-kalkolu huwa wkoll differenti minn dak użat fil-Linji gwida tal-2006.

111    Bl-istess mod, sabiex tingħata risposta lil SLM, li tikkontesta s-severità tal-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006 li tqis li kienet inġustament is-suġġett tagħha billi tallega li din l-applikazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa biżżejjed li jiġi osservat li tali kwistjoni ma hijiex marbuta ma’ dik tal-konformità tal-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006 mal-prinċipju ta’ nonretroattività. L-argumenti mressqa f’dan ir-rigward minn SLM ser jiġu eżaminati sussegwentement fil-kuntest tal-argumenti identiċi li hija ppreżentat fir-rigward tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta użat dawn il-linji gwida sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa kontenzjuża.

112    Għaldaqstant, il-motiv dwar l-applikazzjoni żbaljata tal-Linji gwida tal-2006 minflok il-Linji gwida tal-1998 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 C – Fuq l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa kif ukoll fuq it-trattament tal-provi prodotti quddiem il-Kummissjoni

113    Diversi motivi esposti minn SLM jikkonċernaw l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa. Dawn il-motivi jikkonċernaw in-“nuqqas ta’ motivazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tas-sanzjoni”; l-użu, wara l-2000, tad-dħul mill-bejgħ Ewropew ta’ SLM sabiex jiġi ffissat l-ammont bażiku tal-multa; in-“nuqqas ta’ motivazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità komuni għall-impriżi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku” u n-“nuqqas ta’ motivazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont addizzjonali previst fil-punt 25 tal-Linji gwida” kif ukoll ksur f’dan ir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem; ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li s-sanzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-“gravità allegata tal-ksur”, l-“effetti tiegħu”, il-“kuntest ekonomiku tas-settur”, il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni, jew “fatti invokati kontra SLM u l-impriżi kkonċernati l-oħra”; evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur; l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti marbuta mal-portata limitata tal-ishma tas-suq tagħha, mal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mar-“rwol żgħir ħafna” ta’ SLM fil-ksur u l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-talba għal klemenza.

114    Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżami ta’ dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali pproponiet, liema proposta ġiet aċċettata minn SLM, li tiġborhom fid-dawl tad-diversi stadji segwiti mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, jiġifieri, minn naħa, l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddefinit l-ammont bażiku (valur tal-bejgħ, gravità, tul, ammont addizzjonali) u, min-naħa l-oħra, l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex dan l-ammont jiġi aġġustat (ċirkustanzi attenwanti u Avviż dwar il-klemenza, kapaċità ta’ ħlas). Ser jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-ilmenti invokati minn SLM b’mod transversali fir-rigward tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

115    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, SLM tirreferi għal erba’ aspetti tal-proċess li minnhom jirriżulta, skontha, li l-Kummissjoni, b’mod parzjali u inġust, injorat il-provi ppreżentati minn SLM sabiex tiffavorixxi provi oħra li kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Dawn l-aspetti jikkonċernaw it-trattament mogħti lill-fatturi prodotti minn SLM fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, l-importanza mogħtija lil-laqgħat tal-club Italia li fir-rigward tagħhom ma kinitx irreġistrata l-preżenza ta’ SLM, l-impatt li seta’ kellhom id-dati li fihom inkisbu l-approvazzjonijiet tekniċi neċessarji sabiex l-APS jiġi kkummerċjalizzat f’diversi Stat Membri tal-Unjoni u d-data li fiha bdew il-kontrolli mill-persuna li ngħatat din il-funzjoni mill-membri tal-club Italia.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-erba’ aspetti msemmija iktar ’il fuq minn SLM jissemmew ukoll fir-rigward tad-diversi motivi dwar l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, u għalhekk ser jiġu eżaminati flimkien.

117    Meħuda flimkien, dawn l-argumenti huma essenzjalment intiżi sabiex jikkritikaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ SLM f’sensiela ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-APS mill-10 ta’ Frar 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kontenut u t-tul tal-parteċipazzjoni msemmija jew rikonoxxuti minn SLM li ssostni, minn naħa, li hija ma pparteċipatx fil-ksur qabel l-aħħar tas-sena 1999 u, min-naħa l-oħra, li l-parteċipazzjoni tagħha kienet għalhekk limitata għall-Italja, filwaqt li tikkunsidra biss sussegwentement il-parteċipazzjoni tagħha fir-rigward ta’ territorji oħra.

118    Min-naħa tagħha, fil-kuntest tal-motiv tagħha dwar ċerti aspetti tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, Ori Martin tinvoka diversi żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006, kif ukoll ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, ksur tal-prinċipji ta’ personalità tal-pieni u ta’ legalità, u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Essenzjalment, Ori Martin tinvoka tliet ilmenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv: l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur li bih hija akkużata SLM; it-tieni wieħed huwa bbażat fuq l-applikazzjoni illegali tal-ammont addizzjonali previst fil-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006 u, it-tielet wieħed, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti.

119    Dawn l-ilmenti ser jiġu eżaminati fl-istess ħin bħal dawk ippreżentati minn SLM dwar l-istess kwistjonijiet.

120    Essenzjalment, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ kritika tar-riżultat tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fid-dawl tal-metodoloġija ddefinita fil-Linji gwida tal-2006 sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, ir-rikorrenti jsostnu li l-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur, li kienet kemm tardiva u kif ukoll limitata, ma kinux ittieħdu debitament inkunsiderazzjoni.

 1. Osservazzjonijiet preliminari

 a) Kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

121    Mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li SLM u Ori Martin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, mill-10 ta’ Frar 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 fil-każ ta’ SLM u mill-1 ta’ Jannar 1999 sad-19 ta’ Settembru 2002 fil-każ ta’ Ori Martin, għal “sensiela sħiħa ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-APS fis-suq intern u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, fi ħdan iż-ŻEE” (iktar ’il quddiem l-“akkordju” jew il-“ksur uniku”; dan il-ksur kien ukoll kumpless u kontinwu skont it-terminoloġija normalment użata).

 Komponenti tal-akkordju u karatterizzazzjoni tal-ksur uniku

122    Fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, l-akkordju huwa deskritt bħala “arranġament pan-Ewropew li jikkonsisti f’fażi msejħa ta’ Zurich u f’fażi msejħa Ewropea u/jew f’arranġamenti nazzjonali/reġjonali skont il-każ”. Il-premessi 123 sa 135 ta’ din id-deċiżjoni jippreżentaw fil-qosor dawn id-diversi ftehimiet u prattiki miftiehma, li mbagħad huma esposti fid-dettall u evalwati fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

123    Għal finijiet ta’ preżentazzjoni skematika, l-akkordju huwa kkostitwit mill-arranġamenti segwenti:

–        Il-club Zurich, jiġifieri l-ewwel fażi tal-ftehim pan-Ewropew. Dan il-ftehim dam mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-9 ta’ Jannar 1996 u kien jirrigwarda l-iffissar ta’ kwoti skont il-pajjiż (il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Benelux, Franza, l-Italja u Spanja), it-tqassim ta’ klijenti, il-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Il-membri ta’ dan il-club kienu Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK u Redaelli, li kienet tirrappreżenta diversi impriżi Taljani oħra minn tal-inqas fl-1993 u fl-1995, li magħhom imbagħad ingħaqdu Emesa, fl-1992, u Tycsa, fl-1993.

–        Il-club Italia, arranġament nazzjonali li dam mill-5 ta’ Diċembru 1995 sad-19 ta’ Settembru 2002. Dan il-ftehim kien jirrigwarda l-iffissar ta’ kwoti għall-Italja kif ukoll l-esportazzjonijiet minn dan il-pajjiż lejn il-bqija tal-Ewropa. Il-membri tiegħu kienu l-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas, li magħhom imbagħad ingħaqdu Tréfileurope u Tréfileurope Italia (fit-3 ta’ April 1995), SLM (fl-10 ta’ Frar 1997), Trame (fl-4 ta’ Marzu 1997), Tycsa (fis-17 ta’ Diċembru 1996), DWK (fl-24 ta’ Frar 1997) u Austria Draht (fil-15 ta’ April 1997).

–        Il-ftehim tan-Nofsinhar, arranġament reġjonali nnegozjat u konkluż fl-1996 mill-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas, ma’ Tycsa u Tréfileurope sabiex tiġi ddeterminata r-rata ta’ penetrazzjoni ta’ kull wieħed mill-parteċipanti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar (Spanja, l-Italja, Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu) u sabiex jibdew jinnegozjaw flimkien il-kwoti mal-produtturi l-oħra tal-Ewropa tat-Tramuntana.

–        Il-club Europe, jiġifieri t-tieni fażi tal-ftehim pan-Ewropew. Dan il-ftehim kien ġie konkluż f’Mejju 1997 minn Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK, Tycsa u Emesa (imsejħa l-“membri permanenti” jew is-“sitt produtturi”) u ntemm f’Settembru 2002. Dan il-ftehim kien maħsub sabiex tingħeleb il-kriżi tal-club Zurich, sabiex jitqassmu mill-ġdid il-kwoti (ikkalkolati fuq il-perijodu mir-raba’ trimestru tal-1995 sal-ewwel trimestru tal-1997), sabiex titqassam il-klijentela u sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet. Is-sitt produtturi qablu dwar regoli ta’ koordinazzjoni li kienu jinkludu l-ħatra ta’ koordinaturi responsabbli għall-implementazzjoni tal-arranġamenti fil-pajjiżi individwali u għall-koordinazzjoni ma’ impriżi interessati oħra, li huma attivi fl-istess pajjiżi jew li jikkonċernaw l-istess klijenti. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tagħhom iltaqgħu regolarment fuq livelli differenti sabiex jissorveljaw l-implementazzjoni tal-arranġamenti. Huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-aġir kummerċjali miftiehem, kienet tiġi applikata sistema ta’ kumpens adegwat.

–        Il-koordinazzjoni fir-rigward tal-klijent Addtek. Fil-kuntest ta’ dan l-arranġament pan-Ewropew, is-“sitt produtturi”, li okkażjonalment kienu jingħaqdu magħhom il-produtturi Taljani u Fundia, kienu jżommu wkoll kuntatti bilaterali (jew multilaterali) u kienu jipparteċipaw fl-iffissar tal-prezzijiet u fl-attribuzzjoni ta’ klijentela fuq bażi ad hoc, meta kien ikun hemm interess li jsir dan. Pereżempju, Tréfileurope, Nedri, WDI, Tycsa, Emesa, CB u Fundia kkoordinaw flimkien il-prezzijiet u l-volumi fir-rigward tal-klijent Addtek. Dawn il-proġetti kienu jirrigwardaw prinċipalment il-Finlandja, l-Isvezja u n-Norveġja, iżda kienu jirrigwardaw ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, l-Istati Baltiċi u l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Il-koordinazzjoni fir-rigward ta’ Addtek kienet diġà seħħet matul il-fażi tal-club Zurich tal-arranġament pan-Ewropew u kompliet minn tal-inqas sal-aħħar tas-sena 2001.

–        Id-diskussjonijiet bejn il-club Europe u l-club Italia. Matul il-perijodu bejn, minn tal-inqas, Settembru 2000 u Settembru 2002, is-sitt produtturi, ITC, CB, Redaelli, Itas u SLM iltaqgħu regolarment bil-għan li l-impriżi Taljani jiġu integrati bħala membri permanenti fil-club Europe. L-impriżi Taljani xtaqu jżidu l-kwota Taljana fl-Ewropa filwaqt li l-club Europe kien qiegħed jinsisti li jinżamm l-istatus quo. F’dan id-dawl, inżammu numru ta’ laqgħat fi ħdan il-club Italia sabiex tiġi ddefinita pożizzjoni uniformi, laqgħat fi ħdan il-club Europe sabiex tiġi eżaminata din il-pożizzjoni u/jew sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni ta’ dan il-club, u laqgħat bejn il-parteċipanti tal-club Europe u r-rappreżentanti Taljani sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-tqassim tal-kwota Taljana fuq suq speċifiku. L-impriżi involuti kienu jiskambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Għall-finijiet tad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kwota Ewropea bil-ħsieb li jiġu inklużi l-produtturi Taljani, dawn l-impriżi qablu li jużaw perijodu ta’ referenza ġdid (mit-30 ta’ Ġunju 2000 sat-30 ta’ Ġunju 2001). Dawn l-impriżi laħqu wkoll ftehim dwar il-volum ta’ esportazzjoni globali tal-impriżi Taljani fl-Ewropa li kien jinqasam skont il-pajjiż. Fl-istess ħin, huma ddiskutew ukoll il-prezzijiet, fejn il-membri tal-club Europe xtaqu li jiġi adottat, fil-livell tal-Ewropa, il-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet applikat fi ħdan il-club Italia.

–        Il-club España. Fl-istess żmien bħall-arranġament pan-Ewropew u bħall-club Italia, ħames impriżi Spanjoli (Trefilerías Quijano, Tycsa, Emesa, Galycas u Proderac, din tal-aħħar b’effett minn Mejju 1994) u żewġ impriżi Portugiżi (Socitrel b’effett minn April 1994, u Fapricela b’effett minn Diċembru 1998) ftiehmu, fir-rigward ta’ Spanja u tal-Portugall, u għal perijodu bejn, minn tal-inqas, Diċembru 1992 u Settembru 2002, li jżommu s-sehem tas-suq tagħhom stabbli u li jiffissaw kwoti, li jqassmu bejniethom il-klijenti, inklużi l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, u li jiffissaw il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet għall-ħlas. Barra minn hekk, huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva.

124    Skont il-Kummissjoni, l-arranġamenti kollha deskritti iktar ’il fuq għandhom il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (premessi 135 u 609 kif ukoll taqsima 12.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li l-arranġamenti ċċitati iktar ’il fuq kienu jagħmlu parti minn pjan globali li jiffissa l-linji ta’ azzjoni tal-membri tal-akkordju fiż-żoni ġeografiċi kollha u li “dawn l-impriżi llimitaw l-aġir kummerċjali individwali tagħhom sabiex jintlaħaq objettiv antikompetittiv uniku u għan kummerċjali antikompetittiv uniku, jiġifieri li jiġu distorti jew eliminati l-kundizzjonijiet kompetittivi normali fis-suq tal-APS fiż-ŻEE, u sabiex jiġi stabbilit ekwilibriju globali, b’mod partikolari bl-iffissar ta’ prezzijiet u ta’ kwoti, bit-tqassim tal-klijenti bejniethom u bl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva” (premessa 610 u taqsima 9.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    F’dan ir-rigward il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“Il-pjan, li kien segwit minn DWK, WDI, Tréfileurope, Tycsa, Emesa, Fundia, Austria Draht, Redaelli, CB, ITC, Itas, SLM, Trame, Proderac, Fapricela, Socitrel, Galycas u Trefilerías Quijano (mhux kollha fl-istess ħin), kien ġie żviluppat u implementat fuq perijodu ta’ minn tal-inqas tmintax-il sena, permezz ta’ sett ta’ arranġamenti kollużivi, ta’ ftehimiet speċifiċi u/jew ta’ prattiċi miftiehma. L-għan uniku u komuni tiegħu kien li tiġi limitata l-kompetizzjoni bejn il-parteċipanti bl-użu ta’ mekkaniżmi simili sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan (ara t-taqsima 9.3.1). Anki meta arranġament wieħed ikkawża problema, arranġamenti oħra baqgħu jiffunzjonaw b’mod normali.” (premessa 612 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Elementi meħuda inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ SLM

127    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li SLM kienet ipparteċipat direttament fl-akkordju u b’mod partikolari fil-club Italia u fl-integrazzjoni tal-produtturi Taljani fi ħdan il-club Europe mill-10 ta’ Frar 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 (premessa 862 tad-deċiżjoni kkontestata).

128    F’dan ir-rigward il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-elementi segwenti, esposti fil-premessi 474 sa 478 tad-deċiżjoni kkontestata f’parti dwar il-parteċipazzjoni individwali ta’ SLM fil-club Italia:

“(474)      Fir-rigward ta’ SLM, diversi indikazzjonijiet juru li kienet ilha taf dwar il-ftehim Taljan mit-18 ta’ Diċembru 1995, meta ġie deċiż li SLM, fost oħrajn, kellha tiġi informata dwar il-prezzijiet ġodda li kellhom jiġu applikati fl-1996 [...]. Bl-istess mod, matul il-laqgħa tas-17 ta’ Diċembru 1996 [...], tqassmet tabella bl-attribuzzjoni ta’ tunnellati għal kull klijent u l-għażla tal-fornituri prinċipali għal ċertu numru ta’ klijenti fis-suq Taljan fl-1997. Minkejja li l-kolonni dwar SLM tħallew vojta, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-impriża fit-tabella huwa indikazzjoni li kienu twettqu diskussjonijiet bejn il-partijiet, jew li kienu minn tal-inqas maħsuba li jitwettqu. Il-każ tagħha reġa’ kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet fil-kuntest tal-laqgħat tas-17 ta’ Jannar 1997 u tas-27 ta’ Jannar 1997. L-ewwel attribuzzjoni stabbilita ta’ kwota lil SLM twettqet matul il-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997, li l-Kummissjoni għalhekk tqis li hija d-data li minnha beda l-involviment ta’ SLM fl-arranġament Taljan. Fil-fatt, in-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC [...] meħuda matul din il-laqgħa juru lista ta’ volumi kkunsinnati (li kellhom jiġu kkunsinnati) lil ċerti klijenti, bejn SLM, minn naħa, u Redaelli, CB, Tycsa, ITC [...], min-naħa l-oħra. In-noti ta’ ITC jindikaw espliċitament li CB u ITC kienu kisbu l-informazzjoni dwar il-bejgħ li tikkonċerna lil SLM mingħand [rappreżentant ta’ SLM]. Il-każ ta’ SLM kien diskuss ukoll fis-7 ta’ April 1997. Barra minn hekk, jeżistu provi preċiżi tal-parteċipazzjoni ta’ SLM f’iktar minn mitt laqgħa marbuta mas-suq Taljan bejn il-15 ta’ April 1997 u Settembru 2002. Meta SLM ma kinitx preżenti, il-każ tagħha kien diskuss bejn il-membri l-oħra tal-club Italia, u dan juri l-kontribuzzjoni u l-parteċipazzjoni kontinwi tagħha fil-club Italia.

(475)      SLM tikkonferma hija stess il-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia mill-aħħar tal-1999 sal-2002 permezz ta’ [żewġ rappreżentanti ta’ SLM] u tirrikonoxxi li fl-2001 id-diretturi tal-impriża kienu wkoll ħadu sehem f’numru ta’ laqgħat bejn produtturi Ewropew fil-lukanda Villa Malpensa. Fl-aħħar nett, SLM tiddikjara wkoll li matul laqgħa fl-uffiċċju ta’ Redaelli, lejn l-aħħar tal-1998 jew il-bidu tal-1999, hija kienet mistiedna sabiex produzzjoni. Hija kienet allegatament irrifjutat inizjalment iżda sussegwentement kienet iddeċidiet li tipparteċipa.

(476)      Madankollu, SLM tikkontesta l-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni fir-rigward tad-data li minnha bdiet il-parteċipazzjoni fl-akkordju, filwaqt li tallega li kien biss mill-aħħar tas-sena 1999 li hija bdiet tipparteċipa fil-club Italia. L-ewwel nett, SLM issostni li hija ma kinitx preżenti għal-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997. Il-Kummissjoni tosserva madankollu li l-provi dokumentarji għad-dispożizzjoni tagħha li jikkonċernaw il-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997 (noti miktubin bl-idejn ta’ ITC) juru attribuzzjoni ddettaljata ta’ kwoti għal ċerti klijenti, b’mod partikolari lil SLM. Kif spjegat iktar ’il fuq, l-informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata minn [...], ir-rappreżentant ta’ SLM [...], stess, punt dan li juri li SLM kienet ikkomunikat l-informazzjoni tagħha qabel il-laqgħa. Għaldaqstant, l-allegata assenza tagħha għal din il-laqgħa ma tistax tiġi aċċettata.

(477)      Minkejja li fl-4 ta’ Marzu 1997 SLM espremiet dubji fir-rigward tal-pożizzjoni futura tagħha fl-akkordju, hija kompliet tipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju sa mix-xahar ta’ wara, jiġifieri sa mil-laqgħa tal-15 ta’ April 1997, li matulha ġew iffissati l-prezzijiet tal-materja prima u l-prezz tal-bejgħ fir-rigward ta’ Franza, ta’ Spanja u tal-Ġermanja u ġew diskussi l-bejgħ magħmul minn Redaelli lil numru ta’ klijenti kif ukoll l-offerti magħmula lill-klijenti minn SLM u minn CB. Fil-fatt, SLM kompliet tipparteċipa b’mod regolari fil-laqgħat tal-club Italia u tiddiskuti flimkien mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sad-data li fiha l-Kummissjoni wettqet l-ispezzjonijiet tagħha. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni SLM, id-‘dubji’ tagħha b’ebda mod ma jistgħu jiġu interpretati bħala interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

(478)      Minkejja li, skont Redaelli, SLM ma kinitx aderixxiet mal-ftehim dwar it-tqassim tas-suq Taljan mill-bidu, ITC, Tréfileurope u CB jikkonfermaw il-parteċipazjoni ta’ SLM fil-laqgħat tal-club Italia. Filwaqt li kienet informata dwar il-ftehim Taljan sa mill-bidu (deċiżjoni tal-membri li jinformaw lil SLM), il-Kummissjoni tqis, fuq il-bażi tal-provi dokumentarji [...], li l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ SLM bdiet fl-10 ta’ Frar 1997 u ntemmet fid-19 ta’ Settembru 2002.”

129    Fil-premessi 649 u 650 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-parti dwar in-natura unika, kumplessa u kontinwa tal-ksur, il-Kummissjoni enfasizzat dan li ġej:

“(649)      Fir-rigward ta’ SLM, minbarra li pparteċipat fil-club Italia sa mill-10 ta’ Frar 1997 [...], hija ħadet sehem ukoll fid-diskussjonijiet dwar l-espansjoni tal-club Europe sa mill-11 ta’ Settembru 2000 [...]. SLM ma tikkontestax il-preżenza tagħha fl-imsemmija laqgħa tal-11 ta’ Settembru 2000. Madankollu, sa minn qabel din id-data, SLM kienet taf jew kien imissha kienet taf li l-club Italia, li fih kienet tipparteċipa, kien jagħmel parti integrali minn sistema ikbar li kienet tinkludi wkoll aspett pan-Ewropew. L-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha prova li SLM, fi stadju bikri tal-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, iltaqgħat mal-impriżi li kienu jipparteċipaw fi clubs oħra, bħal DWK, Tréfileurope (attiva fl-arranġament pan-Ewropew) u Tycsa (attiva fl-arranġament pan-Ewropew u fil-club España), u li kellha magħhom diskussjonijiet dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għas-suq Ewropew. Pereżempju, matul il-laqgħa tagħhom tal-15 ta’ April 1997, huma indirizzaw il-kwistjoni tal-prezzijiet f’diversi pajjiżi Ewropej (Franza, Spanja u l-Ġermanja), kif ukoll l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet [...]. It-tieni nett, fid-29 ta’ Novembru 1999 [...], SLM kellha laqgħa ma’ Redaelli, Austria Draht, Tréfileurope, Tycsa u DWK, li matulha ma ġewx diskussi biss il-prezzijiet applikati fi Spanja u fil-Portugall minn żewġ impriżi li kienu jipparteċipaw fil-club España, jiġifieri Emesa u Fapricela, iżda ġiet diskussa wkoll Addtek, l-ikbar klijent fis-suq Skandinavu li fuqu kien jikkonċentra l-‘club Skandinavu’ [...]. SLM ipparteċipat ukoll f’diskussjoni dwar is-sitwazzjoni u l-problemi inerenti tas-suq Ewropew, fit-18 ta’ Jannar 2000 (ma’ Redaelli, ITC, Itas, AFT/Tréfileurope Italia, CB, Nedri, Tycsa u Tréfileurope). Fil-21 ta’ Frar 2000, SLM iltaqgħat ma’ Redaelli, ITC, Itas, Tréfileurope Italia, CB, Tréfileurope, DWK u Tycsa (din tal-aħħar bit-telefon) u ddiskutiet, b’mod partikolari, il-volum fi Spanja u żieda fil-prezz fil-Ġermanja [...]. Matul laqgħa li nżammet fit-13 ta’ Marzu 2000 bejn SLM, Redaelli, ITC, Itas, CB, Tréfileurope Italia, DWK, Tycsa u Trame kienet indirizzata s-sitwazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Isvizzera. Fil-15 ta’ Mejju 2000, fil-preżenza ta’ SLM, ITC, Itas, Tréfileurope Italia, CB, SLM, Trame u DWK, Tréfileurope ddikjarat li l-club Europe u l-club Italia kienu jinsabu, it-tnejn li huma, fi kriżi. Fl-aħħar nett, fit-12 ta’ Ġunju 2000, SLM attendiet għal laqgħa ma’ Redaelli, ITC, ITAS, Tréfileurope Italia CB, Trame, Tycsa u DWK, fejn ġie indikat li l-club Europe ma kienx kuntent b’Tycsa [...].

(650)      Għaldaqstant, huwa stabbilit b’mod suffiċjenti li minn tal-inqas mid-29 ta’ Novembru 1999 SLM kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, hija kienet qiegħda tieħu sehem f’sistema iktar globali li kienet tinkludi diversi livelli u li l-għan tagħha kien li jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet.”

130    Barra minn hekk, bi tweġiba għall-osservazzjonijiet ta’ SLM fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia qabel l-aħħar tal-1999, il-Kummissjoni osservat dan li ġej:

“(863)      SLM tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u b’mod partikolari fil-club Italia sal-aħħar tal-1999. Madankollu, il-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia b’effett mill-10 ta’ Frar 1997 hija stabbilita b’mod ċar fuq il-bażi ta’ provi dokumentarji u ta’ diversi dikjarazzjonijiet fil-kuntest tat-talbiet għal klemenza ta’ ITC, ta’ Tréfileurope u ta’ CB […]. SLM issostni wkoll li, minkejja l-parteċipazzjoni tagħha f’ċerti laqgħat tal-club Italia, hija kienet adottat politika kummerċjali aggressiva, li hija ma kinitx approvat ftehim illegali u li meta hija kienet tikkomunika informazzjoni lill-kompetituri tagħha, din l-informazzjoni, għalkemm kredibbli, qatt ma kienet reali u veritabbli. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jerġa’ jingħad li huwa pprojbit kull kuntatt dirett jew indirett bejn kompetituri li l-għan jew l-effett tiegħu jkunu jew li jiġi influwenzat l-aġir fis-suq ta’ kompetitur reali jew potenzjali, jew li jiġi żvelat, lil dan il-kompetitur, l-aġir li dawn il-kompetituri jkunu ddeċidew li jadottaw jew li jkunu qegħdin jikkunsidraw li jadottaw fis-suq [...]. Għaldaqstant, is-sempliċi parteċipazzjoni f’laqgħat b’kontenut antikompetittiv hija biżżejjed sabiex tiskatta r-responsabbiltà. Il-fatt li SLM ma tkunx osservat l-arranġamenti tal-akkordju ftit huwa rilevanti. Fil-fatt, il-qerq huwa element inerenti f’kull akkordju [...]. Barra minn hekk, SLM stess tammetti li l-għan tagħha li tipparteċipa fil-laqgħat kien li tkabbar il-klijentela tagħha u minn tal-inqas li żżommha.”

131    Bi tweġiba għall-osservazzjonijiet ta’ SLM fir-rigward tal-club Europe, il-Kummissjoni osservat dan li ġej:

“(864)      Barra minn hekk, SLM tikkontesta li pparteċipat fl-integrazzjoni ta’ produtturi Taljani fi ħdan il-club Europe mill-11 ta’ Settembru 2000 sad-19 ta’ Settembru 2002. F’dan ir-rigward, SLM issostni li hija kienet ipparteċipat biss f’disgħa minn wieħed u ħamsin laqgħa tal-club Europe fi stadju tardiv ħafna u dan biss fuq insistenza mill-produtturi Taljani l-oħra. SLM issostni wkoll li hija ma kellha ebda interess li tipparteċipa fil-club Europe peress li ma kellhiex iċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-parti l-kbira tal-pajjiżi involuti. Fl-aħħar nett, skont SLM, il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-club Europe kienet ir-riżultat ta’ negliġenza.

(865)      Il-Kummissjoni tikkonstata li fuq perijodu ta’ sentejn biss (bejn il-11 ta’ Settembru 2000 u d-19 ta’ Settembru 2002), SLM ipparteċipat, f’intervalli regolari, f’disa’ laqgħat tal-club Europe [...]. Għandu jiġi osservat li l-preżenza ta’ SLM kienet, barra minn hekk, mistennija f’żewġ laqgħat oħra (tat-23 ta’ Lulju 2001 u tal-25 ta’ Lulju 2001). Għalhekk, huwa stabbilit li SLM hija parteċipanti regolari fil-club Europe b’effett mill-fażi ta’ espansjoni tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet jew l-interessi li minħabba fihom SLM aderixxiet għal-laqgħat tal-akkordju jew il-fatt li hija ma kellhiex ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ wħud mill-pajjiżi, jekk mhux ukoll fir-rigward tal-parti l-kbira tagħhom, ma huma ta’ ebda interess. Anki jekk SLM ma kellhiex ċertifikazzjoni fir-rigward tal-pajjiżi kollha koperti mill-akkordju, il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat setgħet effettivament influwenzat l-aġir tagħha, b’mod partikolari d-deċiżjonijiet tagħha li titlob ċertifikazzjoni [...]. Fi kwalunkwe każ, il-club Europe kien ikopri l-Italja u diversi pajjiżi oħra li fihom SLM kienet tbiegħ, b’tali mod li SLM kellha ċertament interess fid-diskussjonijiet. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ttenni li allegata negliġenza ma tippermettix lil impriża taħrab mir-responsabbiltà tagħha għall-parteċipazzjoni f’akkordju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li SLM għandha tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-club Europe mill-11 ta’ Settembru 2000 sad-19 ta’ Settembru 2002.

(866) Fi kwalunkwe każ, huwa stabbilit ukoll li b’effett mill-10 ta’ Frar 1997, SLM ipparteċipat fil-club Italia [...]. Għaldaqstant, SLM hija miżmuma responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mill-10 ta’ Frar 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002.”

 Is-sitwazzjoni ta’ Ori Martin

132    Wara li indikat, fil-premessa 866 tad-deċiżjoni kkontestata, li SLM kienet qiegħda tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mill-10 ta’ Frar 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni indirizzat is-sitwazzjoni ta’ Ori Martin kif ġej:

“(867)      B’effett mill-1 ta’ Jannar 1999, SLM kienet tinsab 100 % taħt il-kontroll ta’ Ori Martin SA (li ttrasferixxiet 2 % lil Ori Martin Lux SA fil-31 ta’ Ottubru 2001).

(868)      Fuq il-bażi tal-fatt li, bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-19 ta’ Settembru 2002, SLM kienet (kważi) 100 % l-proprjetà ta’ Ori Martin, il-Kummissjoni tqis li Ori Martin eżerċitat influwenza determinanti fuq SLM.

(869)      Fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Ori Martin ma tikkontestax il-fatti evalwati mill-Kummissjoni, iżda ssostni li hija ma tistax titqies li hija responsabbli in solidum flimkien ma’ SLM. B’mod partikolari, hija ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq SLM. Hija tallega li tali preżunzjoni hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-involviment dirett jew indirett ta’ Ori Martin fil-ksur.

(870)      Skont ġurisprudenza stabbilita [...] il-Kummissjoni tista’ tassumi li l-kumpanniji parent jeżerċitaw influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħhom miżmuma 100 % minnhom. Meta tapplika tali preżunzjoni, hija l-kumpannija parent li għandha tirribatti din il-preżunzjoni billi tippreżenta provi li jistabbilixxu li s-sussidjarja tagħha ddeċidiet b’mod indipendenti dwar l-aġir tagħha fis-suq. Jekk il-kumpannija parent ma tkunx kapaċi tipprovdi provi suffiċjenti, dan jikkonferma l-preżunzjoni u jipprovdi bażi suffiċjenti għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà.

(871)      Il-fatt li jiġi sostnut li ma kienx hemm involviment dirett mill-kumpannija parent fl-aġir antikompetittiv u li din allegatament ma kinitx taf b’dan l-aġir ma huwiex rilevanti. Għall-kuntrarju ta’ din l-affermazzjoni, l-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà lil kumpannija parent għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha tirriżulta mill-fatt li ż-żewġ entitajiet jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni u ma tirriżutlax mill-prova tal-parteċipazzjoni tal-kumpannija parent jew tal-fatt li kienet taf dwar il-ksur.

(872)      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, il-Kummissjoni tikkonstata li l-Artikolu 101 [TFUE] huwa indirizzat lil ‘impriżi’ li jistgħu jinkludu diversi entitajiet legali. F’dan il-kuntest, ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali sakemm entitajiet ġuridiċi differenti jinżammu responsabbli fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi li jirrigwardaw ir-rwol partikolari tagħhom u l-aġir tagħhom fi ħdan l-istess impriża. Fil-każ ta’ kumpanniji parent, ir-responsabbiltà tkun stabbilita fuq il-bażi tal-eżerċizzju min-naħa tagħhom ta’ kontroll effettiv fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji li jkunu materjalment ikkonċernati mill-fatti (ara t-taqsima 13).

(873)      Ori Martin issostni barra minn hekk li hija ma eżerċitatx influwenza determinanti fuq SLM, li kienet dejjem teżegwixxi l-attività tagħha b’mod awtonomu fis-settur tal-APS. Dan huwa stabbilit mill-fatt li hija ma kellha ebda obbligu li tirrapporta lil Ori Martin li, barra minn hekk, kienet kumpannija holding finanzjarja u għalhekk ma kinitx tiddeċiedi l-politika kummerċjali tagħha.

(874)      Il-Kummissjoni tosserva li s-sempliċi fatt li impriża tkun kumpannija holding finanzjarja ma jeskludix li din l-impriża teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha. Ori Martin kellha wkoll interess u rwol fir-rigward tas-sussidjarja SLM tagħha bħala azzjonist sabiex tipproteġi l-interess tagħha ta’ proprjetà finanzjarja. Fl-aħħar nett, filwaqt li Ori Martin issostni li ma kinitx attiva fil-qasam kopert mill-akkordju, il-Kummissjoni tikkonstata li s-sussidjarja tagħha, Ori Martin SpA, kienet attiva fis-settur tal-azzar stess u li l-attivitajiet kummerċjali ta’ SLM kienu għaldaqstant marbuta man-negozju tal-grupp. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Ori Martin ma tistax titqies li hija sempliċi kumpannija holding biss u fi kwalunkwe każ ma tistax taħrab mir-responsabbiltà tagħha.

(875)      Għaldaqstant, SLM u Ori Martin huma destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. SLM hija miżmuma responsabbli għall-perijodu mill-10 ta’ Frar 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002. Ori Martin hija miżmuma responsabbli in solidum għall-aġir ta’ SLM li jikkostitwixxi ksur fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1999 sad-19 ta’ Settembru 2002.”

 Kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq SLM u Ori Martin

133    L-ammont tal-multa imposta fuq SLM u Ori Martin ġie kkalkolat mill-Kummissjoni konformement mal-metodoloġija li tinsab fil-Linji gwida tal-2006 (premessi 920 sa 926 tad-deċiżjoni kkontestata).

134    L-elementi ta’ kalkolu kkunsidrati mill-Kummissjoni kienu s-segwenti:

–        il-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni kien iffissat bħala EUR 15.86 miljun (premessa 5 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda);

–        il-perċentwali tal-valur tal-bejgħ ta’ SLM meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku hija ta’ 19 % (premessa 953 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        it-tul tal-parteċipazzjoni fl-akkordju, ta’ 5 snin u 7 xhur fil-każ ta’ SLM u ta’ 3 snin u 8 xhur fil-każ ta’ Ori Martin, jimplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 5.58 għal SLM u ta’ 3.66 għal Ori Martin (premessa 7 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda);

–        il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni koeffiċjent ta’ 19 % sabiex tiddetermina l-ammont addizzjonali (premessa 962 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-ammont bażiku ġie stabbilit bħala EUR 19.8 miljun (premessa 9 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda);

–        ma ġiet irrikonoxxuta ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti;

–        l-ammont tal-multa qabel l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ kien iffissat bħala EUR 19.8 miljun (premessa 10 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda);

–        it-talba ta’ SLM sabiex tibbenefika mit-tnaqqis fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-klemenza ġiet miċħuda (premessi 1126 sa 1129 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-ammont tal-multa ffissat wara t-teħid inkunsiderazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tnaqqas għal EUR 15.956 miljun, b’tali mod li jiġi żgurat li l-multa li għaliha SLM hija responsabbli waħedha tosserva l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija (premessi 17 u 19 tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda);

–        it-talba għal tnaqqis sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità tagħha li tħallas imressqa minn SLM ġiet miċħuda fid-dawl tal-ammont inizjalment iffissat fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 1169 sa 1172 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-ammont finali tal-multa imposta fuq SLM huwa ta’ EUR 15.956 miljun fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-19 ta’ Settembru 2002, li fir-rigward tagħha Ori Martin hija ddikjarata responsabbli in solidum sal-ammont ta’ EUR 14-il miljun (Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, u premessa 2 u punt 2 tal-Artikolu 1 tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda), filwaqt li SLM hija responsabbli waħedha għall-ħlas ta’ EUR 1.956 miljun fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-perijodu bejn l-10 ta’ Frar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998 (Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 2 tal-Artikolu 1 tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda).

 b) Tfakkir tal-prinċipji

135    Mill-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirriżulta li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata fir-rigward tal-ksur.

136    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE jiddikjaraw espliċitament inkompatibbli mas-suq intern il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma li jikkonsistu fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-akkwist jew tal-bejgħ jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju jew li jikkonsistu fil-limitazzjoni jew fil-kontroll tal-produzzjoni jew tas-swieq. Il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jkunu involuti akkordji orizzontali, huwa kklassifikat mill-ġurisprudenza bħala ksur partikolarment gravi peress li jkollu impatt dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra, EU:T:1999:48, punt 675).

137    Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi multa fuq l-impriżi li jipparteċipaw f’tali ksur bil-kundizzjoni li, fir-rigward ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur, l-ammont tal-multa ma jaqbiżx l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali ġġenerat matul is-sena kummerċjali preċedenti. L-Artikolu 23(3) tal-imsemmi regolament jindika wkoll li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu.

138    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jkunu ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur iċċitat iktar ’il fuq, bħalma huma, b’mod partikolari, ir-rwol li kellha kull waħda mill-partijiet fil-ksur u r-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni. Meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra, EU:C:1999:357, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Bl-istess mod, il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta tiġi ddeterminata l-multa (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 90, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 86).

140    Meta jkun hemm b’mod partikolari ksur uniku, fis-sens ta’ ksur kumpless li jiġbor fih sett sħiħ ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fuq swieq distinti fejn il-partijiet li jipparteċipaw fil-ksur ma jkunux dejjem preżenti jew jista’ jkollhom biss għarfien parzjali tal-pjan ġenerali, is-sanzjonijiet għandhom ikunu individwalizzati, fis-sens li għandhom ikunu marbuta mal-aġir u mal-karatteristiċi speċifiċi tal-impriżi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra, EU:C:2007:326, punt 44).

141    F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-multa għandha tiġi ffissata proporzjonalment għall-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm sabiex tiġi evalwata l-gravità oġġettiva tal-ksur, bħala tali, u kemm sabiex tiġi evalwata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur min-naħa tal-impriża ssanzjonata (ara, f’dan is-sens u fid-dawl tad-distinzjoni magħmula minn dak iż-żmien bejn il-gravità oġġettiva tal-ksur, fis-sens tal-punti 22 u 23 tal-Linji gwida tal-2006, u l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur min-naħa tal-impriża ssanzjonata, evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din l-impriża fis-sens tal-punti 27 et seq ta’ dawn il-linji gwida, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra, EU:T:2006:270, punti 226 sa 228 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    B’hekk, fir-rigward ta’ sanzjoni imposta minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni dwar l-akkordji, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tindividwalizza l-pieni fil-konfront tal-ksur billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull parti li tkun wettqet il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2011, Lucite International u Lucite International UK vs Il-Kummissjoni, T‑216/06, EU:T:2011:475, punti 87 u 88; u tal-14 ta’ Mejju 2014, Donau Chemie vs Il-Kummissjoni, T‑406/09, Ġabra, EU:T:2014:254, punt 92). Għaldaqstant, parti li pparteċipat fil-ksur u li ma tkunx inżammet responsabbli għal ċerti aspetti ta’ ksur uniku ma setax kellha rwol fl-implementazzjoni tal-imsemmija aspetti. Minħabba l-portata limitata tal-ksur ikkonstatat fil-konfront tagħha, il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa neċessarjament inqas gravi minn dak imputat lill-partijiet l-oħra li jkunu pparteċipaw fl-aspetti kollha tal-ksur.

143    Fil-prattika, l-individwalizzazzjoni tal-piena fil-konfront tal-ksur tista’ titwettaq f’diversi stadji tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, kif sar fil-każ tad-deċiżjoni kkontestata.

144    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi n-natura partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-gravità oġġettiva tal-ksur uniku. F’dan il-każ, l-elementi li ħadet inkunsiderazzjoni f’dan l-istadju kienu, minn naħa, il-limitazzjoni materjali (il-każ ta’ Fundia, li kienet ipparteċipat biss fil-koordinazzjoni fir-rigward ta’ Addtek) jew ġeografika (il-każ ta’ Socitrel, Fapricela u Proderac li pparteċipaw biss fil-club España, li kien jikkonċerna biss lil Spanja u lill-Portugall) tal-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u, min-naħa l-oħra, l-għarfien tardiv tad-dimensjoni pan-Ewropew tal-ksur (Mejju 2001 għall-impriżi msemmija iktar ’il fuq).

145    It-tieni nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi n-natura partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur fl-istadju tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (ara l-punt 27 tal-Linji gwida tal-2006). Għalkemm ebda impriża ma rnexxielha tipprova li l-ksur twettaq b’negliġenza, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rwol ta’ Proderac u ta’ Trame (Emme) kien sostanzjalment iktar limitat minn dak tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li għalhekk kellu jingħatalhom tnaqqis tal-ammont tal-multa (f’dan il-każ ta’ 5 %).

146    It-tielet nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi n-natura partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur fi stadju ulterjuri għal dak tal-evalwazzjoni tal-gravità oġġettiva tal-ksur jew taċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mill-impriżi kkonċernati. F’dan is-sens, il-punt 36 tal-Linji gwida tal-2006 jindika li l-Kummissjoni tista’, f’ċerti każijiet, timponi multa simbolika u tista’ wkoll, kif jindika l-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida, ma timxix mal-metodoloġija ġenerali indikata għall-iffissar tal-ammont tal-multi, fid-dawl b’mod partikolari tal-karatteristiċi partikolari ta’ sitwazzjoni speċifika.

147    F’dan il-każ, meta ddeterminat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari allegata mir-rikorrenti, la fl-istadju inizjali tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, la fl-istadju ulterjuri tad-diskussjoni dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti u lanqas f’xi stadju ieħor.

148    Għaldaqstant, fl-assenza tal-iċken ċirkustanza attenwanti jew ċirkustanza partikolari, il-Kummissjoni applikat għar-rikorrenti l-istess formula bħal dik użata sabiex jiġu ssanzjonati l-impriżi li kienu pparteċipaw fl-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju globali u mhux f’uħud minn dawn l-elementi biss. Din il-formula hija s-segwenti: 19 % tal-valur tal-bejgħ ta’ APS tal-impriża kkonċernata fiż-ŻEE (fir-rigward tal-gravità tal-ksur bħala tali) immultiplikat bin-numru ta’ snin u ta’ xhur ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (it-tul tal-parteċipazzjoni individwali ta’ SLM fil-ksur jew tal-perijodu li fir-rigward tiegħu Ori Martin hija preżunta li eżerċitat influwenza determinanti fuq SLM), li miegħu huwa miżjud 19 % tal-valur tal-bejgħ ta’ APS tal-impriża kkonċernata fiż-ŻEE bħala l-ammont addizzjonali (l-ammont addizzjonali).

149    Fil-każ tar-rikorrenti, ir-riżultat ta’ din il-formula, jiġifieri EUR 19.8 miljun, tnaqqas għal EUR 15.956 sabiex l-ammont tal-multa li għaliha SLM hija responsabbli waħedha josserva l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija.

150    Huwa fid-dawl tal-osservazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti ta’ SLM u ta’ Ori Martin fis-sens li l-Kummissjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur meta ddeterminat l-ammont tal-multa.

 2. Fuq in-nuqqas ġenerali ta’ motivazzjoni u l-ilment ġenerali ta’ parzjalità

151    Preliminarjament, SLM tosserva li mhux tifhem kif il-Kummissjoni wasslet sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, u lanqas kif wasslet sabiex taqsamha bejnha u Ori Martin. Skontha, tali ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għall-bidla tagħha.

152    Madankollu, jirriżulta li l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u deskritti fil-qosor fil-punti 133 u 134 iktar ’il fuq huma ta’ natura li jippermettu lil SLM tifhem id-diversi elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni, f’din id-deċiżjoni, tesponi r-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom qieset li SLM u Ori Martin huma responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ parti mill-multa, liema multa tissanzjona l-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-19 ta’ Settembru 2002 (premessi 867 sa 875 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 132 iktar ’il fuq).

153    Barra minn hekk, SLM issostni li l-Kummissjoni dejjem tiddeċiedi kontra tagħha meta l-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha ma humiex koerenti mat-teżi akkużatorja tagħha.

154    F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari fl-Annessi 2 u 3 tagħha li jesponu l-kontenut tad-diversi provi miġbura mill-Kummissjoni fir-rigward tal-clubs Zurich/Europe u tal-club Italia, ma jistax ikun biżżejjed li jiġi allegat aġir parzjali jew inġust min-naħa tal-Kummissjoni fuq il-bażi tas-sempliċi fatt li ppreferiet spjegazzjoni u mhux oħra, li kienet proposta minn SLM. Il-parzjalità ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li l-proċedura amministrattiva ntemmet b’eżitu sfavorevoli għal SLM.

155    Għaldaqstant, il-motivi ppreżentati minn SLM dwar in-nuqqas ġenerali ta’ motivazzjoni u l-ilment ġenerali ta’ parzjalità għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 3. Fuq l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddefinit l-ammont bażiku tal-multa (valur tal-bejgħ, gravità, tul, ammont addizzjonali)

156    Fir-rigward tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddefinit l-ammont bażiku tal-multa, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti segwenti: l-ilment ippreżentat minn SLM fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, li jirrigwarda l-valur tal-bejgħ inkonnessjoni mal-ksur; il-ħames motiv imqajjem minn SLM kif ukoll l-ewwel u t-tieni lmenti mqajma minn Ori Martin, dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u dwar id-determinazzjoni ta’ ammont addizzjonali; is-sitt motiv imqajjem minn SLM li, għalkemm moħbi wara l-invokazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jikkonċerna wkoll l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u s-seba’ motiv imqajjem minn SLM, dwar l-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur.

 a) Fuq il-valur tal-bejgħ inkonnessjoni mal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

157    SLM tosserva li mill-premessa 865 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kien biss minn Settembru 2000 li hija pparteċipat fil-club Europe. Għaldaqstant, fir-rigward tal-perijodu preċedenti, il-bejgħ imwettaq barra l-Italja ma kienx imissu ttieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Skontha, id-deċiżjoni kkontestata għandha tinbidel sabiex il-valur tal-bejgħ imwettaq barra mill-Italja jittieħed inkunsiderazzjoni biss għall-perijodu li fih SLM ipparteċipat fil-club Europe.

158    Il-Kummissjoni issostni li, minn tal-inqas mill-1995 u sa Settembru 2002, fl-istess ħin mal-arranġamenti pan-Ewropej, SLM ipparteċipat f’laqgħat antikompetittivi li jirrigwardaw kemm l-Italja u kemm l-esportazzjonijiet mill-Italja lejn il-bqija tal-Ewropa. Għaldaqstant, huwa oġġettivament iġġustifikat li l-ammont bażiku jiġi ddeterminat fid-dawl tal-valur tal-bejgħ Ewropew ta’ SLM.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

159    Mill-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 jirriżulta li, “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi, imwettaq mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE”. Fl-istess punt, il-Kummissjoni speċifikat li hija “ser tuża, normalment, il-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur”. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-37 tal-Linji gwida tal-2006, “[g]ħalkemm dawn il-linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar ta’ multa, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ speċifiku [...] jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

160    F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, sabiex tiddefinixxi ż-żona ġeografika rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, il-Kummissjoni essenzjalment irreferiet għaż-żona ġeografika koperta mill-club Zurich u mbagħad mill-club Europe.

161    B’hekk, fil-premessa 932 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, “[m]ill-1984 sal-1995 (perijodu tal-club Zurich), [din iż-żona] kienet tkopri l-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Lussemburgu, Spanja u l-Awstrija”, li, “[m]ill-1992 (taħt l-arranġamenti tal-club España), kienet tinkludi wkoll il-Portugall” u li, “[m]ill-1996 sal-2002 (perijodu ta’ kriżi tal-club Zurich, meta ġie ppreparat l-arranġament tal-club Europe fil-qasam tal-kwoti, perijodu tal-club Europe u perijodu ta’ espansjoni), iż-żona ġeografika kienet tkopri l-istess pajjiżi bħal fiż-żmien tal-club Zurich, inkluż il-Portugall, kif ukoll id-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja”.

162    Madankollu, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp ratione temporis taż-żona ġeografika kkonċernata, il-Kummissjoni speċifikat li kienet qiegħda teskludi, mill-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni, il-bejgħ imwettaq fil-Portugall qabel il-15 ta’ Diċembru 1992 kif ukoll il-bejgħ imwettaq fid-Danimarka, fil-Finlandja, fl-Isvezja u fin-Norveġja qabel id-9 ta’ Jannar 1996. Bl-istess mod, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-adeżjoni mal-Unjoni jew id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li ma kinitx qiegħda tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ imwettaq fi Spanja qabel l-1 ta’ Jannar 1986 u fl-Awstrija, fil-Finlandja, fl-Isvezja u fin-Norveġja qabel l-1 ta’ Jannar 1994. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ Fundia, li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kienet limitata għall-koordinazzjoni fir-rigward ta’ Addtek, il-Kummissjoni indikat li kienet qiegħda tieħu inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ imwettaq minn Fundia b’konnessjoni ma’ dan il-klijent (premessi 932, 933 u 935 tad-deċiżjoni kkontestata).

163    Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ċerti elementi marbuta mal-evoluzzjoni ratione temporis tal-akkordju, mal-bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli applikabbli u mal-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur sabiex tiddistingwi bejn żewġ sitwazzjonijiet jew iktar meta kien meħtieġ li tiddetermina l-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni. Tali eżerċizzju jkun iktar u iktar neċessarju meta jkun hemm ksur uniku, fil-verità kumpless, tat-tip bħall-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata, li jiġbor fih “sensiela sħiħa ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-APS fis-suq intern u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, fi ħdan iż-ŻEE” fuq perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1984 u d-19 ta’ Settembru 2002.

164    It-tieni nett, mill-proċess jirriżulta li l-valur tal-bejgħ li l-Kummissjoni użat bħala punt ta’ tluq għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, jiġifieri EUR 15.863 miljun, jikkorrispondi għall-valur tal-bejgħ ta’ APS imwettaq minn SLM fl-2001 fid-diversi Stati li fir-rigward tagħhom intalbitilha informazzjoni (jiġifieri l-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Lussemburgu, Spanja, il-Portugall, id-Danimarka, l-Awstrija, l-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja).

165    Mill-aspett ġeografiku, il-bejgħ kważi kollu ta’ SLM twettaq fl-Italja (madwar 96.5 % tat-total), filwaqt li l-bqija twettaq fl-Awstrija, fil-Ġermanja jew fi Franza (madwar 3.5 % tat-total).

166    Mill-proċess jirriżulta wkoll li SLM ma kisbitx iċ-ċertifikazzjonijiet tekniċi neċessarji sabiex tikkummerċjalizza l-APS fl-Ewropa, barra mill-Italja, qabel Awwissu 2000 fir-rigward tal-Ġermanja u ta’ Franza, qabel Lulju 2001 fil-rigward tal-Awstrija u qabel Jannar 2002 fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi. Kien biss wara t-tmiem tal-ksur, jiġifieri f’Lulju 2006 fir-rigward ta’ Spanja u f’April 2007 fir-rigward tal-Belġju, li SLM kisbet iċ-ċertifikazzjonijiet tekniċi neċessarji fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi.

167    Fit-tweġiba tagħha tad-9 ta’ Settembru 2009 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, SLM speċifikat ukoll li l-bejgħ imwettaq fl-Awstrija qabel l-approvazzjoni tal-prodotti tagħha li ngħatat f’Lulju 2001 kien intiż għal “klijenti negozjanti Awstrijaki li kienu jbiegħu dawn il-prodotti f’pajjiżi oħra barra l-Awstrija”. Mill-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni jirriżulta effettivament li SLM wettqet xi bejgħ fl-Awstrija fl-1999 u fl-2000.

168    It-tielet nett, kif issostni SLM, għandu jiġi osservat li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm SLM ipparteċipat fil-club Italia mill-10 ta’ Frar 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 u għalkemm, mid-29 ta’ Novembru 1999, hija kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, hija kienet qiegħda tieħu sehem f’sistema iktar global, il-parteċipazzjoni tagħha fil-club Europe ttieħdet inkunsiderazzjoni biss f’effett mill-11 ta’ Settembru 2000 (premessi 650, 865 u 866 tad-deċiżjoni kkontestata).

169    Għaldaqstant, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur għandha ssir distinzjoni bejn żewġ perijodi: l-ewwel perijodu bejn l-10 ta’ Frar 1997 u l-10 ta’ Settembru 2000, li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia biss, u t-tieni perijodu bejn il-11 ta’ Settembru 2000 u d-19 ta’ Settembru 2002 li fir-rigward tiegħu SLM ipparteċipat kemm fil-club Italia u kemm fil-club Europe.

170    Fir-rigward tat-tieni perijodu, fid-dawl taż-żona ġeografika kkonċernata mill-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia u fil-club Europe, huwa oġġettivament iġġustifikat li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ Ewropew ta’ SLM. B’hekk, jirriżulta li, matul dan il-perijodu, SLM effettivament wettqet bejgħ fl-Italja, iżda wkoll fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fi Franza.

171    Madankollu, fir-rigward tal-ewwel perijodu, għandu jiġi vverifikat jekk iż-żona ġeografika kkonċernata mill-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia tippermettix li jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat fid-dawl tal-valur tal-bejgħ Ewropew ta’ SLM.

172    Din il-kwistjoni ma tqumx fir-rigward tal-bejgħ imwettaq fl-Italja, li jirrappreżenta 96.5 % tal-valur tal-bejgħ ta’ SLM meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, peress li dan il-bejgħ kien b’mod ċar is-suġġett tal-club Italia matul l-ewwel perijodu.

173    Fir-rigward tal-Awstrija, li tirrappreżenta madwar 2 % tal-valur tal-bejgħ ta’ SLM meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandu jiġi osservat li ebda element invokat f’din il-kawża ma jippermetti li jiġi stabbilit li dan l-Istat kien is-suġġett tad-diskussjonijiet miżmuma fi ħdan il-club Italia fil-preżenza ta’ SLM mill-10 ta’ Frar 1997 sal-10 ta’ Settembru 2000. Matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tidentifika l-provi li jippermettu li jiġi stabbilit li, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur, il-kwoti għall-esportazzjonijiet mill-Italja lejn l-Awstrija jew informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-bejgħ ta’ APS fl-Awstrija ssemmew fil-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ SLM u l-Kummissjoni wieġbet li ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta tali provi.

174    F’dan il-kuntest, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq minn SLM, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, għat-tul kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, il-valur tal-bejgħ imwettaq fi Stat li ma kienx is-suġġett tad-diskussjonijiet li nżammu fil-preżenza tagħha fi ħdan il-club Italia. Għaldaqstant, il-valur tal-bejgħ ta’ SLM imwettaq fl-Awstrija jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss fir-rigward tat-tul li jikkorrispondi għall-perijodu li matulu SLM ipparteċipat fil-club Europe.

175     Fir-rigward tal-Ġermanja u ta’ Franza, li jirrappreżentaw madwar 1.5 % tal-valur tal-bejgħ ta’ SLM meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ġustament osservat li l-club Italia ma kellux biss dimensjoni domestika iżda wkoll dimensjoni esterna fis-sens li, f’diversi okkażjonijiet, inżammu diskussjonijiet, kemm fil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ SLM u kemm le, sabiex jiġu ffissati kwoti ta’ esportazzjonijiet mill-Italja jew sabiex tiġi skambjata informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar is-sitwazzjoni fil-Ġermanja jew fi Franza, jew fi Stati oħra.

176    B’hekk, għall-perijodu mill-10 ta’ Frar 1997 sal-10 ta’ Settembru 2000, jirriżulta li, skont dak li huwa rrapportat dwar il-laqgħat tal-club Italia fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-15 ta’ April 1997, fil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ SLM, id-diskussjonijiet kellhom b’mod partikolari bħala s-suġġett l-“iffissar tal-prezzijiet ta’ materja prima u tal-prezzijiet tal-bejgħ fi Franza, fi Spanja u fil-Ġermanja (fil-Ġermanja minn Settembru 1997 sa Jannar 1998)”. Bl-istess mod, fl-assenza din id-darba ta’ rappreżentant ta’ SLM, il-parteċipanti fil-laqgħa tat-22 ta’ Ottubru 1997 “skambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet fil-Ġermanja, fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi”, u l-parteċipanti fil-laqgħa tad-29 ta’ Novembru 1999 “iddiskutew il-ħtiġijiet tagħhom[,] is-suq Spanjol [u l‑]prezzijiet applikati fi Spanja u fil-Portugall”. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-laqgħa tal-21 ta’ Frar 2000, li għaliha kien preżenti rappreżentant ta’ SLM, ġiet diskussa “żieda fil-prezz ta’ ‘+ 40 %’ fil-Ġermanja”.

177    Madankollu, għalkemm matul il-perijodu bejn l-10 ta’ Frar 1997 u l-10 ta’ Settembru 2000 issemmiet, b’mod sporadiku, is-sitwazzjoni fil-Ġermanja u fi Franza, jirriżulta wkoll li kien biss minn Awwissu 2000 li SLM setgħet twettaq bejgħ f’dawn l-Istati u li, fir-rigward tal-informazzjoni kkomunikata f’dan ir-rigward minn SLM lill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha tad-9 ta’ Settembru 2009 għal talba għal informazzjoni, tali bejgħ kien twettaq biss matul is-sena 2000 fil-każ tal-Ġermanja u matul is-sena 2001 fil-każ ta’ Franza.

178    F’dan il-kuntest, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq minn SLM, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, fir-rigward tat-tul kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, il-valur tal-bejgħ imwettaq fi Stati li fihom SLM ma kinitx inizjalment preżenti minħabba b’mod partikolari li ma kinitx awtorizzata sabiex tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fihom. Għaldaqstant, il-valur tal-bejgħ ta’ SLM imwettaq fil-Ġermanja u fi Franza ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni ħlief b’effett mid-data li fiha beda dan il-bejgħ, jiġifieri matul is-sena 2000 fil-każ tal-Ġermanja u, fi kwalunkwe każ, matul is-sena 2001 fil-każ ta’ Franza.

179    Bħala konklużjoni, fid-dawl tan-natura kumplessa tal-ksur inkwistjoni, li jiġbor fih diversi komponenti distinti, fosthom il-club Italia u l-club Europe, u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur li hija akkużata bih, ma huwiex oġġettivament iġġustifikat li l-bejgħ Ewropew kollu ta’ SLM jittieħed inkunsiderazzjoni bħala punt ta’ tluq sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq minn SLM.

180    Il-konsegwenzi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ser jiġu evalwati sussegwentement fil-kuntest tal-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

 b) Fuq il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-livell tal-gravità tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

181    SLM u Ori Martin isostnu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffissa bħala 19 % l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-livell tal-gravità tal-ksur ma hijiex immotivata suffiċjentement u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni. L-ewwel nett, il-fatt li SLM ma kinitx implikata fid-dimensjoni Ewropea tal-akkordju, minn tal-inqas sa Settembru 2000, kien imissu ttieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-livell. SLM allegatament la kienet ipparteċipat fil-club Zurich, la fil-club España, la fil-ftehim tan-Nofsinhar, la fil-ftehim tat-Tramuntana fis-suq Skandinavu, u lanqas fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti Addtek. SLM lanqas ma tinsab fost il-membri permanenti tal-club Europe u qatt ma kellha rwol ta’ koordinazzjoni fi ħdan l-akkordju. Livell ta’ 19 % kien imissu ġie ffissat biss għall-impriżi li taw bidu għall-akkordju u li kienu involuti mill-qrib fl-implementazzjoni tiegħu. It-tieni nett, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti konkreti tal-ksur sabiex tevalwa l-gravità tiegħu. It-tielet nett, minbarra l-fatt li l-ammont tal-multi imposti sabiex jiġi ssanzjonat il-ksur huwa ħafna iktar għoli minn dak tal-multi imposti fil-passat sabiex jiġu ssanzjonati akkordji u minbarra l-fatt li l-imsemmi ammont jirrappreżenta iktar mid-dħul mill-bejgħ tas-settur fl-2001, SLM ġiet issanzjonata tliet darbiet u nofs iktar minn Redaelli, li pparteċipat fl-akkordju sa mill-1984 fil-livell Ewropew u fil-livell Taljan; sitt darbiet iktar minn Emme, li l-kontenut u t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju huma simili għall-parteċipazzjoni ta’ SLM; seba’ darbiet iktar minn CB u erba’ darbiet iktar minn ITC, li kienu involuti iktar minn SLM. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-ammont tal-multa sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol reali ta’ SLM fil-ksur, kif ukoll sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ effetti konkreti tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fuq is-suq, u sabiex b’hekk jiġi żgurat trattament uniformi bejn SLM u impriżi ssanzjonati oħra.

182    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

183    Id-diversi lmenti esposti iktar ’il fuq jikkritikaw ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettqa mill-Kummissjoni fid-dawl tal-metodoloġija ġenerali esposta fil-Linji gwida tal-2006.

184    F’dan ir-rigward, il-punti 19 sa 23 tal-Linji gwida tal-2006 jipprovdu:

“(19) L-ammont bażiku tal-multa ser ikun marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-livell tal-gravità tal-ksur, u mmultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

(20)      L-evalwazzjoni tal-gravità ser issir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami.

(21)      Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni ser jiġi ffissat f’livell li jista’ jilħaq it-30 %.

(22)      Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fil-parti l-baxxa jew fil-parti għolja ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u jekk il-ksur kienx implementat jew le.

(23)      Il-ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti, huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi. Fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Għaldaqstant, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur ser ikun ġeneralment fil-parti għolja ta’ din l-iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

185    Fil-premessa 953 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fuq skala li setgħet tilħaq it-30 %, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ SLM meħud inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur kien ta’ 19 %.

186    Skont dak li huwa indikat fid-deċiżjoni kkontestata, id-determinazzjoni ta’ dan il-proporzjon saret fid-dawl tal-erba’ fatturi msemmija bħala eżempji fil-punt 22 tal-Linji gwida tal-2006.

187     L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni osservat li “l-impriżi kollha, ħlief għal Fundia, kienu involuti fil-qsim tas-suq (iffissar ta’ kwoti), fl-attribuzzjoni ta’ klijentela u fl-iffissar orizzontali ta’ prezz” u li “dawn l-arranġamenti huma fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni dannużi, li jfixklu l-parametri prinċipali tal-kompetizzjoni” (premessa 939 tad-deċiżjoni kkontestata).

188    It-tieni nett, fir-rigward tas-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi li fir-rigward tagħhom seta’ jiġi stabbilit il-ksur, il-Kummissjoni qieset li dan seta’ jiġi “stmat għal madwar 80 %” (premessa 946 tad-deċiżjoni kkontestata).

189    It-tielet nett, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ksur, il-Kummissjoni enfasizzat li din “evolviet fiż-żmien”, li “mill-1984 sa 1995, din il-portata kienet tinkludi l-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Lussemburgu, Spanja u l-Awstrija”, u li, “mill-1996 sal-2002, il-ksur kien ikopri l-istess pajjiżi kif ukoll il-Portugall, id-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja” (premessa 947 tad-deċiżjoni kkontestata).

190    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-implementazzjoni tal-ksur, il-Kummissjoni osservat li “minkejja li mhux dejjem irnexxew kompletament, l-arranġamenti kienu effettivament implementati” (premessa 950 tad-deċiżjoni kkontestata).

191    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

192    Fl-ewwel lok, SLM u Ori Martin isostnu li, sabiex tiddetermina l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà żgħira ta’ SLM fil-ksur meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi oħra, li kienu ħafna iktar jew li kienu ilhom ħafna iktar involuti fil-ksur. B’hekk, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma individwalizzatx b’mod suffiċjenti r-raġunament tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur.

193    Madankollu, fid-dawl tal-metodoloġija ġenerali esposta fil-Linji gwida tal-2006, jirriżulta li l-Kummissjoni ġeneralment ma twettaqx tali individwalizzazzjoni tas-sanzjoni fl-istadju inizjali tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku iżda fl-istadju sussegwenti tal-aġġustamenti tal-imsemmi ammont jekk mhux ukoll fi stadju iktar sussegwenti jekk dan ikun neċessarju.

194    Fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ttrattatx lill-impriżi li aġixxew bħala mexxejja jew koordinaturi tad-diversi aspetti tal-ksur uniku b’mod differenti mill-impriżi li kienu biss assoċjati fil-ksur. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma qisitx utli li tagħmel distinzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw, inizjalment, fil-club Italia biss, u dawk li pparteċipaw fl-istess ħin fil-club Italia u fil-club Zurich jew fil-club Europe, peress li, skont il-Kummissjoni, “il-portata ġeografika tal-club Italia tikkoinċidi fil-parti l-kbira tagħha ma’ dik tal-ftehimiet pan-Ewropej” (premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata).

195    F’dan il-każ, ebda waħda mill-erba’ konstatazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tiffissa bħala 19 % l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-livell tal-gravità tal-ksur ma hija kkontestata, bħala tali, mir-rikorrenti. Dawn il-konstatazzjonijiet huma kollha stabbiliti oġġettivament fir-rigward tal-elementi tal-proċess imsemmija f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata u huma validi għall-ksur b’mod ġenerali u mhux għal SLM b’mod partikolari.

196    Barra minn hekk, fir-rigward tal-iffissar tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-livell tal-gravità tal-ksur, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Zurich u f’aspetti oħra tal-ksur, peress li dan il-proporzjon intuża biss mill-mument li SLM ipparteċipat fil-ksur u japplika biss għall-bejgħ ta’ SLM marbut mal-ksur (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 159 sa 180 iktar ’il fuq).

197    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

198    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-impatt li jista’ jkollu l-argument fis-sens li l-akkordju ma kellux l-effetti mistennija fis-suq, għandu jiġi osservat li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni indikat li, fil-preżenza ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma li l-għan tagħhom ikun li tiġi limitata l-kompetizzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti tagħhom fis-suq huwa superfluwu. Madankollu, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni indikat li tali effetti setgħu jiġu preżunti peress li ġie stabbilit li l-arranġamenti ċċitati iktar ’il fuq kienu minn tal-inqas implementati parzjalment (premessi 676 sa 681 tad-deċiżjoni kkontestata).

199    Fi kwalunkwe każ, meta ddeterminat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-livell tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ma semmietx l-effetti tal-ksur fuq is-suq iżda sempliċement li l-ksur kien ġie implementat.

200    Għandu barra minn hekk jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni jinsab fil-parti baxxa tal-parti ta’ fuq tal-iskala (minn 15 sa 30 %), meta, fil-Linji gwida tal-2006, wara li indikat li akkordju tat-tip ta’ dak inkwistjoni fil-każ ineżami huwa fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi u għandu jiġi ssanzjonat b’mod sever, il-Kummissjoni speċifikat li, f’tali ipoteżi, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni ser ikun ġeneralment fil-parti għolja tal-iskala.

201    F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ jqis li, li kieku kienet effettivament ikkonstatat effetti konkreti, il-Kummissjoni kienet tieħu inkunsiderazzjoni proporzjon ta’ iktar minn 19 %.

202    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv fid-dawl tal-livell ta’ gravità magħżul mill-Kummissjoni f’dan il-każ u fid-dawl tar-raġunijiet indikati sabiex jiġi ġġustifikat dan il-livell.

203    Fit-tielet lok, għandu qabel kollox jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq in-natura globalment sproporzjonata tal-multi imposti sabiex jiġi ssanzjonat il-ksur fir-rigward tal-prassi tal-Kummissjoni fil-passat jew fir-rigward tal-valur tas-settur tal-APS fl-Ewropa. Tali kwistjoni, li tikkonċerna l-politika tal-kompetizzjoni mħaddna mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-kartelli, tmur lil hinn mill-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-każ, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammont totali tal-multi imposti mill-Kummissjoni matul iż-żmien jew li jitqies il-valur assolut tal-ammont totali tal-multi imposti fir-rigward tal-kartell tal-APS.

204    Bl-istess mod, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq id-differenzi allegati bejn SLM u xi impriża waħda jew oħra ssanzjonata fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-istħarriġ ġudizzjarju, f’dan l-istadju, jirrigwarda l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata meta ffissat bħala 19 % l-proporzjon tal-valur mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-livell tal-gravità tal-ksur. Issa, din l-evalwazzjoni ma twettqitx fid-dawl tar-riżultat finali, jiġifieri l-ammont tal-multa finalment imposta wara li jkun ġie eventwalment aġġustat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi, iżda fi stadju preċedenti, jiġifieri fl-istadju tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa. Għaldaqstant, l-ammont finali tal-multa jiddependi minn fatturi speċifiċi għal kull waħda minn dawn l-impriżi, bħalma huma, pereżempju, il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-klemenza jew il-livell legali massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali. F’dan il-każ, fl-assenza ta’ argumenti li jippermettu li jitqies li s-sitwazzjoni ta’ Redaelli, ta’ CB jew ta’ ITC hija komparabbli ma’ dik ta’ SLM fir-rigward tal-fatturi kollha meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tevalwa s-sitwazzjoni ta’ dawn l-impriżi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

205    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tesponi b’mod suffiċjenti fid-dritt l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ SLM meħud inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (premessi 936 sa 953 tad-deċiżjoni kkontestata).

206    Barra minn hekk, l-Artikolu 296 TFUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Kummissjoni tispjega, fid-deċiżjonijiet tagħha, ir-raġunijiet li għalihom ma tkunx ħadet, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, approċċi differenti minn dak li tkun effettivament ħadet fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il-Kummissjoni, T‑18/05, Ġabra, EU:T:2010:202, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

207    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-livell tal-gravità tal-ksur għandhom jiġu miċħuda.

 c) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fl-akkordju

 L-argumenti tal-partijiet

208    SLM titlob li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn timputalha parteċipazzjoni fil-club Italia minn Frar 1997 minflok mill-aħħar tas-sena 1999. B’mod partikolari, il-Kummissjoni allegatament ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi fundamentali ta’ natura li jikkontradixxu d-data li minnha SLM bdiet tipparteċipa fil-club Italia. L-ewwel nett, ebda rappreżentant ta’ SLM ma kien preżenti għal-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997. It-tieni nett, matul il-laqgħa segwenti tal-4 ta’ Marzu 1997, ġie rrapportat li SLM kienet għadha ma ddeċidietx li taderixxi mal-club Italia u Redaelli barra minn hekk iddikjarat li SLM ma kinitx aderixxiet mal-ftehim dwar it-tqassim tas-suq Taljan. It-tielet nett, fil-kuntest ta’ laqgħa li nżammet f’April 1998, ġie indikat li SLM, li reġgħet kienet assenti, kellha politika aggressiva. Ir-raba’ nett, mit-talba għal klemenza ta’ Redaelli, tal-20 ta’ Marzu 2003, jirriżulta li kien biss fl-aħħar tal-1999 li SLM kienet bdiet tipparteċipa fil-laqgħat, kif ikkonfermat minn Tréfileurope. Il-ħames nett, l-uniċi fatturi maħruġa mill-persuna responsabbli għall-kontrolli li nstabu fir-rigward ta’ SLM jikkonċernaw kontrolli mwettqa b’effett minn Marzu 2000 u mhux fil-perijodu preċedenti.

209    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tfakkar il-kunċett u l-kontenut tal-ksur uniku, li kien ilu jeżisti mit-twaqqif tal-club Zurich fl-1984, u li fih SLM ipparteċipat b’effett mill-10 ta’ Frar 1997 bl-adeżjoni tagħha ma’ pjan diġà implementat. Fir-rigward tal-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997, din hija l-ewwel parteċipazzjoni diretta ta’ SLM fl-akkordju, kif jirriżulta mill-attribuzzjoni tal-kwoti u mill-komunikazzjoni tal-informazzjoni mogħtija minn rappreżentant ta’ SLM.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

210    SLM ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia b’effett mill-aħħar tas-sena 1999. Hija rrikonoxxiet dan ftit taż-żmien wara li twettqu l-verifiki magħmula mill-Kummissjoni f’Settembru 2002. Quddiem il-Qorti Ġenerali, SLM lanqas ma tikkontesta li kienet ipparteċipat fl-aħħar fażi tal-club Europe, jiġifieri fil-fażi tal-integrazzjoni ta’ dan il-club mal-club Italia, li żvolġiet bejn Settembru 2000 u d-19 ta’ Settembru 2002.

211    Għall-kuntrarju, SLM tikkontesta li kienet ipparteċipat fil-club Italia fil-perijodu bejn l-10 ta’ Frar 1997 u l-aħħar tas-sena 1999. Il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ma tistax titqies li hija stabbilita għal dan il-perijodu.

212    Kif diġà ġie indikat, mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ dan il-ksur.

213    F’dan ir-rigward, fil-punt 24 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni indikat li, “[s]abiex jittieħed kompletament inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur, l-ammont iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ [...] ser jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni”. Fl-istess punt, il-Kummissjoni speċifikat li “l-perijodi ta’ inqas minn semestru ser jitqiesu bħala nofs sena; il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur iżda ta’ inqas minn sena ser jitqiesu bħala sena sħiħa”.

214    Madankollu, fil-każ ineżami, kif indikat fil-premessa 956 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreferiet tieħu inkunsiderazzjoni t-tul reali tal-parteċipazzjoni fil-ksur, espress fi snin u f’xhur sħaħ, billi arrotondiet għax-xahar minflok l-arrotondament tal-perijodi bil-mod propost fil-Linji gwida.

215    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju iżda wkoll it-tul tiegħu. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-ksur ikkonstatat minnha u għandha tistabbilixxi l-provi li jkunu ta’ natura li juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, Ġabra, EU:T:2013:259, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

216    L-eżistenza ta’ dubju f’għajnejn il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża li tkun id-destinatarja tad-deċiżjoni li tikkontesta l-ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt jekk ikun għad għandha dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament jew għall-bidla ta’ deċiżjoni li timponi multa. Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni tal-aħħar, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li ġie rrikonoxxut fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta ma’ tali ksur, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità. B’hekk, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat twettaq (ara s-sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217    Ma huwiex neċessarju li kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, meta evalwata b’mod globali, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

218    Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet li jagħmlu parti mill-ftehimiet antikompetittivi jitwettqu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata tkun limitata kemm jista’ jkun. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħat, dawn normalment ikunu frammentati u sparsi, b’tali mod li ħafna drabi jkun meħtieġ li ċerti dettalji jinbnew permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi jew ta’ indizji li, meta meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

219    Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza teżiġi li, fl-assenza ta’ provi li jkunu jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi li jirrigwardaw fatti suffiċjentement qrib fiż-żmien, b’tali mod li jkun jista’ raġonevolment jiġi aċċettat li dan il-ksur kompla mingħajr waqfien bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

220    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li SLM kienet ipparteċipat fil-ksur mill-10 ta’ Frar 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 (Artikolu 1 u premessi 862 u 899 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-punti 127 sa 131 iktar ’il fuq).

221    Skont il-Kummissjoni, il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fl-akkordju kienu s-segwenti:

–        SLM ipparteċipat fil-club Italia mill-10 ta’ Frar 1997 sad-19 ta’ Settembru 2003 (premessa 866 tad-deċiżjoni kkontestata, u punti 127, 128 u 130 iktar ’il fuq);

–        SLM kienet taf jew kien imissha kienet taf, sa minn tal-inqas mid-29 ta’ Novembru 1999, li, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, hija kienet qiegħda tipparteċipa f’sistema iktar globali, li kienet tinkludi diversi livelli u li l-għan tagħha kien li jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS fil-livell pan-Ewropew sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet (premessi 649 u 650 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 129 iktar ’il fuq), għarfien dan li kien jikkonċerna d-diversi aspetti tal-ksur uniku u kontinwu, inkluż l-aspett Skandinavu diskuss fil-kuntest tal-laqgħa tad-29 ta’ Novembru 1999;

–        SLM għandha tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-club Europe mill-11 ta’ Settembru 2000 sad-19 ta’ Settembru 2002 (premessa 865 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 131 iktar ’il fuq).

 – Fuq l-elementi li jippreċedu l-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997

222    Saħansitra qabel ma rreferiet għal-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha diversi indikazzjonijiet li kienu jippermettulha tikkonkludi li SLM kienet taf bl-eżistenza tal-club Italia (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 128 iktar ’il fuq).

223    Madankollu, jirriżulta li ebda wieħed mill-elementi invokati f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni ma huwa konvinċenti, la meta kkunsidrati waħedhom u lanqas meta kkunsidrati flimkien.

224    L-ewwel element iċċitat mill-Kummissjoni fil-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għal żewġ indikazzjonijiet li jinsabu f’dokument bin-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC dwar il-laqgħa tal-club Italia tat-18 ta’ Diċembru 1997, li fiha Redaelli, CB, Itas u ITC iffissaw il-prezzijiet li kellhom jiġu applikati mill‑1996 għal kull trimestru. Skont dan id-dokument u skont kif tinterpretah il-Kummissjoni, impriżi terzi kellhom jiġu informati dwar dawn il-prezzijiet il-ġodda. Dawn huma “barranin/Trame/SLM” jew “[rappreżentanti ta’ Tréfileurope, Trame u DWK]/SLM” (premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm dan id-dokument jista’ jintuża sabiex tiġi stabbilita l-intenzjoni tal-erba’ membri prinċipali tal-club Italia (Redaelli, CB, Itas u ITC) li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim tagħhom, huma meħtieġa provi oħra sabiex jiġi stabbilit li din id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni kienet effettivament ingħatat effet u għalhekk li minn tal-inqas SLM kienet taf dwar il-prezzijiet il-ġodda ddefiniti minn Redaelli, Itas, CB u ITC. Fil-każ ineżami ma hemmx tali provi.

225    It-tieni element imsemmi mill-Kummissjoni jirreferi għat-tabelli li juru l-attribuzzjoni ta’ tunnellati għal kull klijent u li jindikaw il-fornituri prinċipali fis-suq Taljan fl-1997 li kienu tqassmu matul il-laqgħa tal-club Italia tas-17 ta’ Diċembru 1996. Skont dak li indikat il-Kummissjoni fil-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata, “l-impriżi Austria Draht, Trame, SLM u DWK kienu inklużi wkoll fit-tabelli Excel, iżda l-kolonni bl-identità tal-klijenti u tal-bejgħ awtorizzat tagħhom kienu tħallew vojta”. Fil-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat ukoll li “[m]inkejja li l-kolonni dwar SLM tħallew vojta, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-impriża fit-tabella huwa indikazzjoni li kienu twettqu diskussjonijiet bejn il-partijiet, jew li kienu minn tal-inqas maħsuba li jitwettqu”. F’dan il-każ ukoll, fl-assenza ta’ provi li jippermettu li jiġi stabbilit li, effettivament, SLM kienet involuta fid-diskussjonijiet li jirrigwardawha, id-dokument imsemmi iktar ’il fuq ma jistax jiġi interpretat fis-sens li dan kien effettivament il-każ.

226    It-tielet element iċċitat mill-Kummissjoni fil-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għar-referenzi li saru għall-każ ta’ SLM fin-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC dwar il-laqgħat tal-club Italia tas-17 (fil-fatt tad-19) u tas-27 ta’ Jannar 1997. Tali referenzi ma humiex probatorji sabiex jiġi stabbilit li SLM kienet taf bil-club Italia saħansitra qabel bdiet tipparteċipa fih. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-membri ta’ kartell isemmu impriża kompetitriċi fil-kuntest ta’ teħid ta’ noti jew ta’ laqgħa ma jistax ikun biżżejjed sabiex din l-impriża titqies li hija parteċipanti fil-kartell. Barra minn hekk, f’dan il-każ, huwa diffiċli li jinftiehem għal xiex jirreferu r-riferimenti magħmula għal SLM. Fir-rigward tan-noti dwar il-laqgħa tad-19 ta’ Jannar 1997 — li fir-rigward tagħhom ITC tirrikonoxxi li partijiet minnhom ma jistgħux jinqraw — jidher li l-indikazzjoni “SLM/Trame” saret b’riferiment għal tentattiv li jiġu identifikati l-fornituri ta’ klijent, għalkemm din l-indikazzjoni hija immedjatament segwita minn simbolu ta’ mistoqsija. Fir-rigward tan-noti dwar il-laqgħa tas-27 ta’ Jannar 1997, isiru diversi riferimenti għal SLM iżda dawn mhux kollha jinftiehmu. L-iktar riferiment ċar jidher li huwa li SLM ipproponiet “920” lil klijent u li offerta oħra kienet saret minn Trame. Fuq dan il-punt, għandu madankollu jingħad li, f’noti oħra miktubin bl-idejn ta’ ITC dwar ix-xahar ta’ Jannar 1997 (li jagħmlu wkoll riferiment għad-“920” imsemmija iktar ’il fuq), wieħed jista’ jaqra li l-klijent San Michele indika li “SLM kienet bagħtitlu offerta bil-miktub ta’ 940”. Din l-indikazzjoni tista’ titqies li hija eżempju tal-affermazzjoni magħmula minn SLM fl-atti tagħha fis-sens li l-kompetituri tagħha kienu f’pożizzjoni li jiksbu, permezz ta’ klijenti komuni, diversi elementi ta’ informazzjoni dwar il-kwantitajiet mibjugħa u l-prezzijiet applikati minn SLM. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-prezz propost jidher li huwa ferm inqas mill-prezz mixtieq mill-membri tal-club Italia (matul il-laqgħa tat-18 ta’ Diċembru 1995, il-prezzijiet ikkunsidrati kienu bejn 1300 u 1400, filwaqt li n-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC tas-27 ta’ Jannar 1997 jirreferu għal offerti ta’ Redaelli ta’ 1090).

227    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-diversi elementi li jippreċedu l-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997 u li jissemmew fil-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi stabbilit li “diversi indikazzjonijiet juru li [SLM] kienet ilha taf dwar il-ftehim Taljan mit-18 ta’ Diċembru 1995”. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma żammitx lil SLM responsabbli għall-perijodu ta’ qabel l-10 ta’ Frar 1997.

 – Fuq l-elementi marbuta mal-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997

228    Sabiex tistabbilixxi l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia, il-Kummissjoni qieset li l-“ewwel attribuzzjoni stabbilita ta’ kwota lil SLM twettqet matul il-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997” (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 128 iktar ’il fuq).

229    Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li din inżammet probabbilment fl-uffiċċji ta’ Redaelli fil-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ Redaelli, ta’ CB, ta’ Itas u ta’ ITC. SLM ma tissemmiex fost il-parteċipanti ta’ din il-laqgħa.

230    Barra minn hekk, skont il-provi invokati mill-Kummissjoni fl-entrata msemmija iktar ’il fuq, il-laqgħa tal-club Italia tal-10 ta’ Frar 1997 indirizzat il-punti segwenti:

–        “ITC. Noti miktubin bl-idejn tas-Sur [A.] dwar il-laqgħa li jirrigwardaw l-iskambji ta’ informazzjoni dwar ix-xiri tal-klijenti prinċipali u l-prezzijiet applikati” (l-“indikazzjonijiet dwar l-iskambji ta’ informazzjoni”);

–        “Noti wkoll dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti lil ċerti klijenti (indikati b’isimhom) bejn SLM, minn naħa, u Redaelli, CB, Tycsa, ITC/[A.], min-naħa l-oħra” kif ukoll il-fatt li “din l-informazzjoni ngħatat minn CB (is-Sur [C.]) u minn Itas (is-Sur [Am.]), li min-naħa tagħhom kienu kisbu l-informazzjoni dwar SLM mingħand is-Sur [Ch.] stess, ir-rappreżentant ta’ SLM” (l-“indikazzjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ ‘kwoti’”);

–        “Isir riferiment ukoll [għall-persuna responsabbli għall-kontrolli]: ‘[Pr.]: Nru 1 Redaelli Nru 2 Tréfileurope Nru 3 Itas Nru 4 CB Nru 5 Italcables” (l-“indikazzjoni dwar il-persuna responsabbli għall-kontrolli”);

–        “Barra minn hekk isir riferiment għall-fatt li Trame [...] kellha tbiegħ 930 tunnellata barra mill-pajjiż [...]” (din l-indikazzjoni ma għandha ebda rilevenza għal din il-kawża);

–        “Is-Sur [A. (ITC)] ħa wkoll nota tan-numri tat-telefon tas-Sinjuri [K. (Tréfileurope)], [T. (DWK)], [Ch. (SLM)], [C. (CB)] u [Pr.]. Laqgħa li jmiss fis-17.2.1997” (l-“indikazzjoni tan-numru tat-telefon tar-rappreżentant ta’ SLM”).

231    Din l-informazzjoni toriġina, minn naħa, minn dokument li jesponi n-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC dwar il-laqgħa inkwistjoni hawnhekk u, min-naħa l-oħra, mit-talba għal klemenza mressqa minn ITC fil-21 ta’ Settembru 2002. Għaldaqstant, dwar dan il-punt, il-Kummissjoni għandha biss sors wieħed biss ta’ informazzjoni, jiġifieri ITC, kif il-Kummissjoni setgħet tispeċifika bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

232    Għaldaqstant, l-affermazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li “[m]adankollu, il-parteċipazzjoni [ta’ SLM] fil-club Italia b’effett mill-10 ta’ Frar 1997 hija stabbilita b’mod ċar fuq il-bażi ta’ provi dokumentarji u ta’ diversi dikjarazzjonijiet fil-kuntest tat-talbiet għal klemenza ta’ ITC, ta’ Tréfileurope u ta’ CB” (premessa 863 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 130 iktar ’il fuq) tista’ tidher li tagħti impressjoni żbaljata peress li dan jirriżulta biss mit-talba għal klemenza mressqa minn ITC. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-talbiet għal klemenza minn Tréfileurope u minn CB fir-rigward ta’ SLM ma jirrigwardawx id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia iżda jindikaw biss li SLM kienet ipparteċipat fil-club Italia. Barra minn hekk, mit-talbiet għal klemenza ta’ Redaelli u ta’ Tréfileurope jirriżulta li l-club Italia għadda minn żewġ perijodi, fejn fil-kuntest tal-ewwel perijodu dan il-club kien jiġbor fi ħdanu lil grupp ewlieni kompost minn Redaelli, CB, Itas u ITC kif ukoll lil Tréfileurope, filwaqt li matul it-tieni perijodu ma’ dawn l-impriżi ngħaqdu oħrajn, fosthom SLM.

233    Bl-istess mod, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, fil-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-provi li hija tinvoka fir-rigward tal-laqgħa tal-club Italia tal-10 ta’ Frar 1997 ma hijiex ta’ natura li telimina l-eżistenza ta’ dubju f’għajnejn il-qorti.

234    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kontenut tal-indikazzjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti, għandu jiġi osservat li l-espressjoni “attribuzzjoni ta’ kwoti” użata mill-Kummissjoni hija ambigwa peress li huwa diffiċli jinftiehem jekk il-kwantitajiet imsemmija fin-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC fir-rigward ta’ SLM u ta’ fornituri oħra humiex jirreferu għal kwantitajiet li diġà ġew ikkunsinnati jew għal kwantitajiet li kien għad iridu jiġu kkunsinnati. Fit-talba għal klemenza ta’ ITC, huwa indikat f’dan ir-rigward li dawn huma kunsinni mwettqa minn SLM.

235    F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li d-diskussjonijiet miżmuma matul il-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997 bejn rappreżentanti ta’ Redaelli, ta’ CB, ta’ Itas u ta’ ITC ma kinux intiżi li jiġi żgurat il-bejgħ ta’ SLM, impriża li ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa, iżda pjuttost li jiġu identifikati l-klijenti ta’ SLM u li tiġi evalwata l-importanza relattiva tagħha bħala fornitur ta’ dawn il-klijenti meta mqabbla ma’ dik tal-membri tal-club Italia. Barra minn hekk, tali ipoteżi tipprovdi spjegazzjoni għaliex l-indikazzjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti huma maqsuma f’żewġ kolonni, waħda għal SLM, u waħda għal Redaelli, CB, Tycsa u ITC.

236    It-tieni nett, fir-rigward tal-oriġini tal-informazzjoni dwar SLM li tinsab fl-indikazzjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti, mill-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li n-“noti ta’ ITC jindikaw espliċitament li CB u ITC kienu kisbu l-informazzjoni dwar il-bejgħ li tikkonċerna lil SLM mingħand [rappreżentant ta’ SLM]”. Issa, minn qari tan-noti ta’ ITC, li milli jidher kienu redatti fiż-żmien tal-fatti, tali indikazzjoni ma toħroġx b’mod daqstant evidenti. Jista’ jiġi kkonstatat biss li dawn in-noti jibdew bl-indikazzjoni “SLM” flimkien mal-isem ta’ wieħed mir-rappreżentanti tagħha b’ittri kapitali, qabel ma jippreżentaw l-indikazzjonijiet dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti. Huwa fit-talba għal klemenza li ITC indikat li l-informazzjoni dwar SLM kienet ingħatat mir-rappreżentanti ta’ CB u ta’ Itas li kienu indikaw li kisbuha mir-rappreżentant imsemmi iktar ’il fuq ta’ SLM.

237    Għaldaqstant, jirriżulta li SLM ġiet implikata b’mod indirett fuq il-bażi ta’ dak li allegatament kien ġie indikat lir-rappreżentant ta’ ITC mir-rappreżentanti ta’ CB u ta’ Itas. Sabiex tistabbilixxi l-fondatezza ta’ dan, il-Kummissjoni setgħet tipprova tivverifika ma’ CB u ma’ Itas jekk dak li kien indikat minn ITC, iktar minn ħames snin wara l-fatti, kienx effettivament jikkorrispondi għall-kontenut ta’ din il-laqgħa. Il-provi li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha f’dan il-każ ma humiex suffiċjenti sabiex jinnegaw minn kull plawżibbiltà t-teżi difiża minn SLM, li tikkontesta li kienet is-sors ta’ tali informazzjoni u li ssostni li din l-informazzjoni setgħet tinkiseb faċilment minn klijenti jew minn kompetituri (kif ġie kkonstatat, f’każ ieħor, fil-punt 226 iktar ’il fuq).

238    It-tielet nett, fir-rigward tal-informazzjoni l-oħra riprodotta fin-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC, jirriżulta wkoll li jista’ jidher inkoerenti li SLM tiġi attribwita kwoti mingħajr, fl-istess ħin, bħalma sar madankollu fir-rigward ta’ Redaelli, ta’ Tréfileurope, ta’ CB, ta’ Itas u ta’ ITC, ma jiġi żgurat li dawn il-kwoti ser ikunu vverifikati mill-persuna responsabbli għall-kontrolli. Bl-istess mod, għalkemm l-indikazzjoni tan-numru tat-telefon tar-rappreżentant ta’ SLM tista’ tindika li dan seta’ ġie kkuntattjat wara l-laqgħa, tali indikazzjoni ma tistabbilixxix il-prova li dan sar u tista’ tkun dovuta wkoll għall-eventwali rieda tal-membri tal-club Italia li fil-futur jassoċjaw ruħhom ma’ SLM, f’mument meta dawn il-membru setgħu jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw aħjar ir-rwol ta’ dan il-fornitur fis-suq Taljan.

239    Fl-aħħar lok, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat ukoll li, bħal fil-każ tal-provi li jippreċedu l-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tipproduċi l-iċken element li jippermetti li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li SLM kienet konxja li kienet qiegħda tipparteċipa fil-club Italia fid-dawl tad-diskussjonijiet li saru bejn il-membri ta’ dan il-club dwar is-sitwazzjoni tagħha.

240    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-assenza tal-iċken element ta’ natura li jikkorrobora l-kontenut tagħha, il-provi dwar il-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997 ma humiex suffiċjenti sabiex jitqies li l-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia bdiet b’effett minn din id-data.

 – Fuq l-elementi sussegwenti għal-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997

241    Il-Kummissjoni semmiet ukoll elementi sussegwenti għal-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997 sabiex tissostanzja l-evalwazzjoni tagħha dwar il-bidu u t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 128 iktar ’il fuq).

242    B’mod iktar partikolari, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ċaħdet diversi argumenti li SLM qiegħda terġa’ tinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn l-argumenti jirrigwardaw l-indikazzjoni rrapportata fis-sens li SLM kien għad għandha dubji, imsemmija minn ITC fit-talba għal klemenza tagħha, fir-rigward tan-noti miktubin bl-idejn dwar il-laqgħa tal-club Italia tal-4 ta’ Marzu 1997, l-assenza ta’ fatturi ppreparati mill-persuna responsabbli għall-kontrolli fir-rigward ta’ SLM qabel is-sena 2000, kif ukoll il-kontenut ta’ dikjarazzjoni magħmula minn Redaelli fit-talba għal klemenza tagħha tal-20 ta’ Marzu 2003 (premessi 477 u 478 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 128 iktar ’il fuq).

243    Fir-rigward tal-affermazzjonijiet magħmula minn ITC fir-rigward tan-noti miktubin bl-idejn dwar il-laqgħa tal-club Italia tal-4 ta’ Marzu 1997, li għaliha kienu preżenti Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope kif ukoll persuna impjegata mill-persuna responsabbli għall-kontrolli, din indikat li “matul il-laqgħa l-produtturi ġew informati li [...] Trame u DWK jixtiequ jipparteċipaw u li ser jattendu d-darba li jmiss, filwaqt li SLM għad għandha dubji” (Durante l’incontro i produttori vengono informati che […] Trame u DWK vogliono partecipare ed interverranno la prossima volta, mentre la SLM è ancora in dubbio). Skont il-Kummissjoni, id-dubji ta’ SLM ma jistgħux ċertament jiġu interpretati bħala interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia.

244    Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tissodisfa lill-Qorti Ġenerali peress li l-Kummissjoni f’dan l-istadju għadha ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li SLM kienet qiegħda, f’dak iż-żmien, tipparteċipa fil-club Italia. Għall-kuntrarju, l-affermazzjoni ċċitata iktar ’il fuq magħmula minn ITC tissuġġerixxi li, f’Marzu 1997, SLM kienet għadha ma esprimietx il-kunsens tagħha li tingħaqad mal-club Italia.

245    Madankollu, il-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia tirriżulta b’mod ċar minn dak li ġie rrapportat dwar il-laqgħa tal-15 ta’ April 1997, li għaliha pparteċipa rappreżentant ta’ SLM u li matulha saru “diskussjoni dwar il-bejgħ magħmul minn Redaelli lil ċertu numru ta’ klijenti u dwar l-offerti magħmula lil klijenti minn SLM u minn CB, dwar il-klijenti u dwar il-kwoti tal-bejgħ”, “reviżjoni ddettaljata tal-bejgħ imwettaq minn [...] SLM [...]” kif ukoll “diskussjoni dwar attribuzzjoni ta’ kwoti (b’indikazzjoni ta’ perċentwali konkreta) għal dawn l-istess impriżi” (Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

246    Bl-istess mod, minn dak li huwa rrapportat fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-laqgħa tal-club Italia tat-30 ta’ Settembru 1997, li nżammet fil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ SLM, jirriżulta li kienet indirizzata l-kwistjoni tad-“definizzjoni ta’ kwoti tal-bejgħ, ta’ prezz minimu u ta’ kriterji sabiex jiġu ffissati dawn il-kwoti”. Il-laqgħa tat-22 ta’ Diċembru 1997, li fir-rigward tagħha ma ġietx ippreċiżata l-preżenza ta’ SLM, indirizzat elementi simili li jirrigwardaw lil SLM, l-istess bħal fil-każ tal-laqgħat tal-11 ta’ Jannar 1998, tad-29 ta’ Jannar 1998, tal-1 ta’ Frar 1998, tal-5 ta’ Marzu 1998, tat-12 ta’ April 1998, tad-19 ta’ April 1998, tal-21 ta’ Ġunju 1998, tat-3 ta’ Settembru 1998, tas-27 ta’ Settembru 1998, tal-15 ta’ Novembru 1998, tad-29 ta’ Novembru 1998, tal-14 ta’ Diċembru 1998, tal-20 ta’ Jannar 1999, tas-6 ta’ Frar 1999, tal-24 ta’ Frar 1999, tal-11 ta’ Marzu 1999, tat-30 ta’ Marzu 1999, tat-18 ta’ Mejju 1999, tal-15 ta’ Ġunju 1999, tat-30 ta’ Ġunju 1999, tas-16 ta’ Lulju 1999, tas-7 ta’ Settembru 1999, tal-5 ta’ Ottubru 1999, tad-19 ta’ Ottubru 1999, tad-29 ta’ Novembru 1999, tal-4 ta’ Diċembru 1999, tal-14 ta’ Diċembru 1999 u tat-18 ta’ Jannar 2000, li fir-rigward tagħhom iżda hija speċifikata l-preżenza ta’ SLM.

247    Laqgħat oħra li nżammu sussegwentement, sal-laqgħa tas-16 ta’ Settembru 2002 li nżammet f’Milano (l-Italja), inżammu fil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ SLM jew irrigwardaw diskussjonijiet dwar, b’mod partikolari, il-kwoti jew il-prezzijiet.

248    F’dan il-kuntest, il-fatt li, f’mument mhux speċifikat tas-sena 1998, tabella li kienet tinsab fil-pussess ta’ Tréfileurope semmiet l-attribuzzjoni ta’ klijentela fl-1998 filwaqt li indikat lil SLM, mingħajr ma tipprovdi informazzjoni fir-rigward tagħha, kif jingħad debitament fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta dak li jista’ jiġi dedott mill-elementi kollha ċċitati iktar ’il fuq, jiġifieri li, b’mod suffiċjentement probatorju għall-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, b’effett mill-15 ta’ April 1997, SLM ipparteċipat f’diskussjonijiet tal-club Italia li l-għan tagħhom kien b’mod ċar antikompetittiv.

249    Bl-istess mod, il-fatt li l-persuna responsabbli għall-kontrolli ma ppreżentatx fatturi li jirrigwardaw lil SLM qabel l-2000, kif ukoll il-kontenut tad-dikjarazzjoni magħmula minn Redaelli fit-talba għal klemenza tagħha, li minnha jirriżulta li SLM ma pparteċipatx fil-club Italia mill-bidu tal-funzjonament ta’ dan il-club, ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex tiddaħħal inkwistjoni l-konklużjoni preċedenti.

250    Barra minn hekk, u b’mod inċidentali, għandu jiġi osservat, kif issostni SLM, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-club Europe ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward biss tal-perijodu bejn il-11 ta’ Settembru 2000 u d-19 ta’ Settembru 2002 (premessa 865 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 131 iktar ’il fuq) u li l-Kummissjoni stabbilixxiet li kien biss b’effett mid-29 ta’ Novembru 1999 li SLM kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, hija kienet qiegħda tieħu sehem f’sistema iktar globali li kienet tinkludi diversi livelli u li l-għan tagħha kien li jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS fil-livell pan-Ewropew sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet (premessa 650 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 129 iktar ’il fuq). Fil-fatt, dawn huma elementi li jippermettu li tiġi kkaratterizzata n-natura speċifika tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur, li ma hijiex identika għal dik ta’ impriżi oħra li, bħal Redaelli jew Tréfileurope, ipparteċipaw għal iktar żmien jew b’mod iktar komprensiv fid-diversi komponenti tal-ksur uniku.

 – Konklużjoni

251    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minflok ma bdiet fl-10 ta’ Frar 1997, il-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia ma tistax tiġi stabbilita b’mod suffiċjentement probatorju qabel il-15 ta’ April 1997, liema parteċipazzjoni hija sussegwentement stabbilita wkoll sa Settembru 2002.

252    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fir-rigward ta’ dan il-punt u għandu jitnaqqas perijodu ta’ xahrejn bejn l-10 ta’ Frar u l-14 ta’ April 1997 mit-tul tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ SLM. Dan il-perijodu ma jaffettwax il-perijodu kkonstatat fil-konfront ta’ Ori Martin peress li kien biss mill-1 ta’ Jannar 1999 li r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn SLM kienet imputata lil Ori Martin.

253    Bl-istess mod, fir-rigward ta’ SLM, għandu jitfakkar li:

–        il-parteċipazzjoni tagħha fil-club Europe ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward biss tal-perijodu bejn il-11 ta’ Settembru 2000 u d-19 ta’ Settembru 2002 (premessa 865 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 131 iktar ’il fuq);

–        b’effett mid-29 ta’ Novembru 1999, hija kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, hija kienet qiegħda tieħu sehem f’sistema iktar globali li kienet tinkludi diversi livelli u li l-għan tagħha kien li jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS fil-livell pan-Ewropew sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet (premessa 650 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 129 iktar ’il fuq).

254    Dawn il-fatti għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq SLM peress li jirriżulta li l-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn id-diversi modalitajiet ta’ parteċipazzjoni ta’ SLM fil-kartell: esklużivament fi ħdan il-club Italia, minn April 1997 sal-aħħar ta’ Novembru 1999, u mbagħad fil-livell pan-Ewropew minn Diċembru 1999 sa Settembru 2002.

255    Il-konsegwenzi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ser jiġu evalwati sussegwentement fil-kuntest tal-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

 d) Fuq il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat b’mod addizzjonali

 L-argumenti tal-partijiet

256    SLM u Ori Martin isostnu l-istess argumenti bħal dawk esposti għall-evalwazzjoni tal-gravità fir-rigward tal-impożizzjoni tal-ammont addizzjonali previst fil-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006. Skonthom, ebda kriterju ma jippermetti li tinftiehem l-għażla li l-ammont tal-multa jiżdied bi 19 % tal-valur tal-bejgħ ta’ SLM. Din l-għażla għandha tiġi ċċensurata, b’mod partikolari fid-dawl tar-rwol limitat ta’ SLM. B’mod ġenerali, ċirkustanza aggravanti marbuta biss mal-effett dissważiv hija inġusta u ekwiparabbli għal sanzjoni oħra fir-rigward tal-istess fatti. Barra minn hekk, l-iffissar ta’ perċentwali identika għall-impriżi kollha destinatarji tad-deċiżjoni, bl-esklużjoni ta’ Fundia, Socitrel, Fapricela u Proderac, irrispettivament mill-involviment tagħhom u mir-rwoli speċifiċi tagħhom, huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

257    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Fil-każ ineżami hija kienet sempliċement aġġustat l-ammont bażiku tal-multa fid-dawl tan-natura orizzontali tal-akkordju li kellu jiġi ssanzjonat u għalhekk fid-dawl tal-gravità speċifika tiegħu, irrispettivament mill-importanza tal-vantaġġ illegali miksub. Ma ġiet applikata ebda sanzjoni doppja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

258    Il-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006 jipprovdi:

“[I]rrispettivament mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni ser tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ [...], sabiex tiddisswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw fi ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tapplika wkoll tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex tiddeċiedi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22 [tal-Linji gwida tal-2006].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

259    Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara li fakkret il-kontenut tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq fil-premessa 957, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 962, li “[f]id-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u b’mod partikolari tal-fatturi diskussi fit-taqsima 19.1.3 [dwar il-gravità], qiegħed jiġi konkluż li ammont addizzjonali ta’ 16 % tal-valur tal-bejgħ għal Fundia, 18 % għal Socitrel, Fapricela u Proderac u 19 % għall-impriżi l-oħra kollha [inkluża SLM] huwa adegwat”.

260    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur li fih ipparteċipat SLM huwa kkaratterizzat minn ftehimiet orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ qsim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, li huma l-iktar ftehimiet dannużi għall-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni. Issa, f’tali każ, il-Kummissjoni indikat li, sabiex tiddisswadi lill-impriżi milli jinvolvu ruħhom f’aġir illegali, hija ser tinkludi, fl-ammont bażiku, somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ, kif għamlet f’dan il-każ billi ffissat dan l-ammont bħala 19 % fir-rigward ta’ SLM.

261    Tali raġunament, li kien espost minn qabel, ma jistax jitqies li huwa inġust jew ekwiparabbli għal sanzjoni oħra peress li sempliċement itenni l-elementi li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tieħu inkunsiderazzjoni meta tiddetermina l-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tmurx lil hinn mil-limiti previsti fir-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi ddefiniti fl-Artikolu 101 TFUE u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 dwar l-implementazzjoni ta’ dan l-artikolu, filwaqt li tindika li, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, hija tqis adegwat li fil-multa jiġi inkluż ammont speċifiku, li ma huwiex marbut mat-tul tal-ksur, sabiex tiddisswadi lill-impriżi milli jinvolvu ruħhom f’aġir illegali.

262    Bħal fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell tal-gravità tal-ksur fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-analiżi tagħha jirrigwardaw il-ksur b’mod ġenerali. Huwa biss fl-istadju sussegwenti li l-Kummissjoni taġġusta l-ammont bażiku sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti li jista’ jkun hemm, fosthom dik dwar ir-rwol limitat allegat mir-rikorrenti.

263    Fl-assenza ta’ kull element ippreżentat minn SLM ta’ natura li jikkontesta r-raġunament magħmul mill-Kummissjoni fir-rigward tan-natura tal-ksur, tas-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi kkonċernati, tal-portata ġeografika u tal-implementazzjoni tal-ksur, li jikkostitwixxu d-diversi elementi meħuda inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata, għandu għalhekk jitqies li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli qieset li kien xieraq li jiġi inkluż ammont speċifiku, irrispettivament mit-tul tal-ksur, fl-ammont bażiku tal-multa.

264    Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni ma tipprovdix motivazzjoni speċifika fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat għall-finijiet tal-ammont addizzjonali, is-sempliċi riferiment għall-analiżi tal-fatturi użati sabiex tiġi evalwata l-gravità huwa biżżejjed f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-eżami mill-perspettiva tal-motivazzjoni tal-proporzjon ikkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ intiż għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jgħoddu wkoll fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-motivazzjoni pprovduta sabiex jiġi ġġustifikat il-proporzjon ikkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont addizzjonali għal finijiet ta’ dissważjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, Ġabra, EU:C:2013:513, punt 124).

265    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ammont addizzjonali meta ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa skont il-Linji gwida tal-2006 għandhom jiġu miċħuda.

 4. Fuq l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi aġġustat l-ammont bażiku

266    Fir-rigward tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi aġġustat l-ammont bażiku tal-multa, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti segwenti: minn naħa, l-argumenti dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti li ġew invokati minn SLM u minn Ori Martin u, min-naħa l-oħra, l-argumenti dwar il-benefiċċju tal-klemenza li ġew invokati minn SLM.

 a) Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

267    SLM u Ori Martin isostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta ma rrikonoxxietx, fil-konfront ta’ SLM, ċirkustanzi attenwanti fis-sens tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006. F’dan ir-rigward, SLM tinvoka n-natura limitata tal-ishma tas-suq tagħha fl-Ewropa u fl-Italja (3 % u 10 % rispettivament), il-parteċipazzjoni tardiva u limitata tagħha fil-ksur, kif ukoll il-fatt li rrikonoxxiet parti kunsiderevoli mill-fatti inkwistjoni ftit tal-jiem wara l-ispezzjoni. Huma jsostnu li SLM kienet dejjem tqieset li hija “outsider” mill-parteċipanti l-oħra fil-ksur minħabba l-prattiki kummerċjali aggressivi tagħha. Barra minn hekk, SLM ma pparteċipatx fil-parti l-kbira tal-laqgħat kollużivi u ġarrbet telf kunsiderevoli minħabba l-aġir tagħha u minħabba l-penalitajiet li wassal għalihom dan l-aġir min-naħa tal-impriżi li kienu ilhom jipparteċipaw fil-ksur mill-1995. Min-naħa tagħha, Ori Martin tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur kienet biss tardiva u limitata.

268    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

269    Il-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 jipprovdi:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, bħalma huma:

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija temmet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan ma japplikax għall-ftehimiet jew għall-prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari għall-kartelli);

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza;

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment limitata u turi għaldaqstant li, matul il-perijodu li matulu aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija kienet effettivament naqset milli tapplikahom billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża tkun ipparteċipat fi ksur matul perijodu iqsar mill-oħrajn ma huwiex ser jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija diġà riflessa fl-ammont bażiku;

–        meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza u lil hinn mill-obbligi legali tagħha li tikkoopera;

–        meta l-aġir antikompetittiv ikun ġie awtorizzat jew inkoraġġit mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

270    F’dan il-każ, SLM tinvoka tliet tipi ta’ argumenti sabiex tallega li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanza attenwanti waħda jew iktar sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa. Dawn huma, l-ewwel nett, in-natura limitata tal-ishma tas-suq tagħha fl-Ewropa u fl-Italja, it-tieni nett, il-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni u, it-tielet nett, ir-rwol marġinali tagħha fi ħdan l-akkordju kemm fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha u kemm fir-rigward tal-kontenut ta’ din il-parteċipazzjoni. Dan l-aħħar argument huwa invokat ukoll minn Ori Martin.

271    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura limitata tal-ishma tas-suq ta’ SLM fir-rigward tad-diversi Stati Ewropej ikkonċernati mill-ksur (sehem stmat bħala mill-inqas ta’ 3 %) u tal-Italja (sehem stmat bħala mill-inqas ta’ 10 %), għandu jiġi osservat li l-fatt li tali argument ma huwiex elenkat espliċitament fost iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-eventwali rilevanza tiegħu. Fil-fatt, il-punt 29 tal-Linji gwida sempliċement jistabbilixxi, b’mod indikattiv u mhux b’mod eżawrjenti, ċerti ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-espressjoni “bħalma huma” użata f’dan il-punt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il-Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra, EU:T:2011:621, punti 279 u 280).

272    F’dan il-każ, madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ishma limitati tas-suq li kellha SLM sabiex tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti.

273    Mill-perspettiva metodoloġika, għandu jiġi enfasizzat qabel kollox li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs relattiv ta’ SLM fis-settur tal-APS sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, peress li ħadet bħala punt tat-tluq għall-kalkolu tagħha l-valur tal-bejgħ imwettaq mill-impriża inkonnessjoni mal-ksur inkwistjoni.

274    Barra minn hekk, il-livell tal-ishma tas-suq indikati minn SLM ma huwiex negliġibbli fih innifsu. Dan il-livell għandu jitqies ukoll flimkien mal-livell tal-ishma tas-suq miżmuma mill-parteċipanti tal-ksur flimkien, li kien ta’ madwar 80 % tal-bejgħ tal-APS fi ħdan iż-ŻEE, fejn l-Italja kienet il-pajjiż li fih il-konsum ta’ APS kien l-iktar kunsiderevoli, kif ukoll flimkien mal-istruttura tad-domanda, li kienet eteroġenea ħafna u li kienet komposta minn numru żgħir ħafna ta’ klijenti kbar (premessi 98 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, u punti 14 sa 16 iktar ’il fuq).

275    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li SLM ma tinvokax elementi li jippermettu li jiġi stabbilit kif il-livell tal-ishma tas-suq tagħha fl-Ewropa u fl-Italja jiġġustifika, bħala tali, tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti.

276    Fl-assenza ta’ kwalunkwe argument f’dan is-sens, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma qisitx jekk in-natura limitata tal-ishma tas-suq ta’ SLM kinitx tali li tiġġustifika li hija toħodha b’mod partikolari inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, meta tiddetermina l-ammont tal-multa.

277    Għaldaqstant, l-argument fis-sens li kien meħtieġ li n-natura limitata tal-ishma tas-suq ta’ SLM tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti li l-Kummissjoni kien imissha kkonstatat skont il-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

278    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, SLM tfakkar li kienet ammettiet il-parteċipazzjoni tagħha f’numru kunsiderevoli ta’ fatti kontenzjużi ftit tal-jiem wara l-ispezzjoni, punt dan li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

279    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti. Il-Kummissjoni osservat, f’dan ir-rigward, li hija ma għadhiex marbuta mill-prassi preċedenti tagħha f’dan ir-rigward u li t-tnaqqis minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti li kien previst fl-Avviż tagħha dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4) ma kienx baqa’ jiġi applikat (premessa 1009 tad-deċiżjoni kkontestata).

280    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ammissjoni minn SLM ta’ parti mill-fatti li kienet akkużata bihom ma kinitx ta’ natura li tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur peress li l-parti inkwistjoni tikkorrispondi għall-perijodu bejn l-1999 u l-2002, perijodu li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kellha diġà diversi sorsi ta’ informazzjoni u numru kbir ħafna ta’ provi, issekwestrati b’mod partikolari fil-kuntest tal-ispezzjonijiet imwettqa f’Settembru 2002. B’hekk, l-ammissjoni tal-fatti inkwistjoni minn SLM ma kellhiex impatt fuq il-konstatazzjoni tal-ksur fir-rigward tagħha jew fir-rigward ta’ impriżi oħra implikati fil-ksur.

281    Għaldaqstant, l-argument fis-sens li kien meħtieġ li l-ammissjoni minn SLM ta’ parti mill-fatti li kienet akkużata bihom tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti li l-Kummissjoni kien imissha kkonstatat skont il-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

282    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-elementi kkomunikati minn SLM lill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2002 jew sussegwentement fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kellhomx impatt fuq il-konstatazzjoni tal-ksur. B’hekk, l-informazzjoni dwar l-espansjoni tal-club Europe bejn Settembru 2000 u Settembru 2002 toriġina, essenzjalment, minn sorsi oħra.

283    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ir-rwol marġinali ta’ SLM fil-kuntest tal-ksur, kemm fir-rigward tat-tul u kemm fir-rigward tal-kontenut tiegħu, għandu qabel kollox jiġi osservat, fir-rigward tat-tul limitat tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur, li dan l-element diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, li jieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur.

284    Fil-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni fil-fatt qieset li s-“sempliċi fatt li impriża tkun ipparteċipat fi ksur matul perijodu iqsar mill-oħrajn ma huwiex ser jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija diġà riflessa fl-ammont bażiku”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

285    Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ipoteżijiet, differenza sinjifikattiva fit-tul tal-parteċipazzjoni tad-diversi impriżi kkonċernati tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, fil-kawża ineżami, il-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia damet diversi snin u twettqet b’għarfien ta’ dak li kien involut. Din il-parteċipazzjoni hija suffiċjentement sinjifikattiva fit-tul tagħha sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ kull ħtieġa għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti.

286    Fir-rigward tal-kontenut allegatament limitat tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur u fir-rigward tal-impatt li dan għandu allegatament ikollu fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq din l-impriża, il-partijiet ma humiex jaqblu dwar is-sinjifikat li għandu jingħata lill-elementi ppreżentati f’dan ir-rigward.

287    F’dan ir-rigward, mill-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 jirriżulta li, bħala prinċipju, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ tali ċirkustanza attenwanti l-Kummissjoni għandha titlob lill-impriża kkonċernata sabiex “tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment limitata u turi għaldaqstant li, matul il-perijodu li matulu aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija kienet effettivament naqset milli tapplikahom billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

288    Fil-passat, il-Kummissjoni qieset li impriża li kellha “rwol esklussivament passiv jew emulattiv fil-ksur” setgħet tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont bażiku fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti (ara l-punt B.3 tal-Linji gwida tal-1998).

289    Fil-fehma ta’ SLM, il-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell tissodisfa dawn id-definizzjonijiet. F’dan il-każ, hija tinvoka l-prattiki kompetittivi aggressivi tagħha; it-telf dovut għall-aġir tagħha minħabba l-penalitajiet subiti; il-fatt li impriżi oħra li kienu qegħdin jipparteċipaw fil-ksur ma kinux iqisuha, minn tal-inqas sal-2000, bħala membru tal-akkordju u l-fatt li ma kinitx ipparteċipat fil-parti l-kbira tal-laqgħat kollużivi.

290    Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni ta’ SLM ma tissodisfax id-definizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

291    B’hekk, fil-premessa 990 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti dwar ir-“rwol żgħir u/jew passiv”, dan li ġej:

“SLM ipparteċipat u kkontribwixxiet b’mod kontinwu u regolari fl-operazzjonijiet ta’ ffissar ta’ kwoti, ta’ attribuzzjoni ta’ klijenti u ta’ ffissar ta’ prezzijiet u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva f’iktar minn mitt laqgħa tal-club Italia bejn l-1997 u l-2002 [...]. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-allegazzjoni ta’ SLM, ITC u Tréfileurope, kif ukoll CB, jikkonfermaw il-parteċipazzjoni ta’ SLM fl-akkordju [...]. Għalhekk, ir-rwol ta’ SLM fl-akkordju la jista’ jiġi kklassifikat bħala sostanzjalment limitat u lanqas bħala esklużivament passiv jew żgħir.”

292    L-eżami tad-diversi provi invokati mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari tal-elementi esposti fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-laqgħa tal-15 ta’ April 1997, li nżammet fil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ SLM u li l-kontenut tagħha ġie rrapportat minn ITC u Tréfileurope, juri li SLM tqieset li hija awtur tal-kartell sa minn qabel is-sena 2000.

293    Barra minn hekk, kif joħroġ ukoll mid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li SLM ipparteċipat f’numru kunsiderevoli ta’ laqgħat kollużivi, punt li huwa suffiċjenti sabiex ma jitqiesx li l-parteċipazzjoni tagħha tista’ tiġi kklassifikata bħala esklużivament passiva u żgħira jew bħala sostanzjalment limitata.

294    Barra minn hekk, fil-premessi 1015 sa 1022 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika, fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti dwar ir-“rinunzja għall-applikazzjoni/rwol sostanzjalment limitat”, li SLM, bħal impriżi oħra, kienet allegat li ma kinitx implementat il-ftehimiet kollużivi jew li kienet fixklet l-akkordju billi adottat aġir kompetittiv fis-suq. Huwa indikat li SLM ipproduċiet diversi fatturi u żiedet id-dħul mill-bejgħ tagħha sabiex tissostanzja din id-dikjarazzjoni.

295    Bi tweġiba għal dan l-argument, il-Kummissjoni osservat li:

–        “il-maġġoranza tal-provi ppreżentati jikkonsistu prinċipalment f’informazzjoni li hija ċċertifikata biss mill-azjenda li ppreżentatha” (premessa 1018 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        “[f]i kwalunkwe każ, il-fatt li okkażjonalment kien hemm qerq fir-rigward tal-prezzijiet iffissati u/jew tal-klijenti attribwiti ma jistabbilixxix, fih innifsu, li parti ma implementatx il-ftehimiet kollużivi. Kunflitti interni, rivalitajiet u qerq huma normali fl-akkordji kollha, b’mod partikolari meta jitwettqu fuq tul twil ta’ żmien [...]. Għalhekk, il-fatt li impriża ma tkunx osservat uħud mill-ftehimiet ma jfissirx li hija ma applikat ebda wieħed mill-ftehimiet kollużivi u li adottat aġir perfettament kompetittiv fis-suq” (premessa 1018 tad-deċiżjoni kkontestata); u

–        “l-applikazzjoni tal-ftehimiet kollużivi kienet żgurata minn sistema ta’ kontroll [...] u l-laqgħat frekwenti ħafna tal-akkordju bejn kompetituri li matulhom kienet skambjata b’mod regolari informazzjoni kunfidenzjali, kienu jippermettu lill-partijiet iqabblu ċ-ċifri tagħhom u jiftiehmu dwar/jirrevedu l-kwoti, l-prezzijiet u l-attribuzzjoni ta’ klijentela. Huwa stabbilit li [...] SLM [...], bħad-destinatarji l-oħra kollha ta’ din id-deċiżjoni, ipparteċipaw b’mod regolari f’laqgħat li matulhom kienu jiġu diskussi u kkontrollati l-prezzijiet, il-kwoti u l-klijenti [...]. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ [...] SLM [...], isir riferiment għall-kontroll tal-bejgħ tagħhom li kien isir minn [...], awditur estern, [...]” (premessa 1019 tad-deċiżjoni kkontestata).

296    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li “huwa ċar li ebda waħda mill-partijiet ma pprovat li hija kienet effettivament irrinunzjat għall-applikazzjoni tal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li hija kienet b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi fir-rigward tal-implementazzjoni tal-akkordju, b’tali mod li fixklet il-funzjonament stess tiegħu” u li “[m]inn dan isegwi li ebda ċirkustanza attenwanti ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fuq il-bażi tar-rinunzja għall-applikazzjoni jew ta’ rwol sostanzjalment limitat” (premessa 1022).

297    Madankollu, għandu jiġi osservat li, għalkemm mill-proċess jirriżulta effettivament li SLM ipparteċipat b’mod regolari f’laqgħat kollużivi u li kienet suġġetta għal mekkaniżmu ta’ kontroll, ma huwiex irrilevanti li jkun magħruf jekk, wara dawn il-laqgħat u minkejja l-mekkaniżmu ta’ kontroll, SLM adottatx jew le aġir kompetittiv fis-suq, kif issostni hija stess. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex konvinċenti meta tiċħad l-argumenti ta’ SLM għar-raġuni li mill-proċess jirriżulta li SLM kienet ipparteċipat fil-ksur.

298    Bl-istess mod, l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ “ċertifikazzjoni” tal-informazzjoni mgħoddija minn SLM ma jistax ikun biżżejjed sabiex din l-informazzjoni tiġi mċaħħda minn kull valur. Jekk il-Kummissjoni kellha l-iċken dubju dwar in-natura awtentika jew dwar il-veraċità tal-informazzjoni li setgħet tinstilet mill-fatturi mibgħuta minn SLM jew mill-allegata żieda fid-dħul mill-bejgħ, hija kellha l-possibbiltà li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand SLM jew li twettaq investigazzjoni hija stess fir-rigward ta’ din l-informazzjoni.

299    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mill-eżami tal-imsemmija fatturi u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet f’dan ir-rigward matul is-seduta jirriżulta li dawn il-fatturi ma kinux ta’ numru kbir ħafna u kienu jirrigwardaw biss perijodu qasir ħafna, jiġifieri l-bidu tax-xahar ta’ Novembru 2001. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu invokati b’mod rilevanti sabiex jiġi sostnut li, matul il-perijodu li matulu SLM aderixxiet għall-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija kienet effettivament irrinunzjat milli tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq. F’dan il-każ, għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha raġun meta tfakkar li, b’mod ġenerali, il-“qerq okkażjonali” ma jipprovax, fih innifsu, li parti ma implementatx il-ftehimiet kollużivi.

300    Barra minn hekk, SLM ma tipproduċi l-ebda prova meta ssostni li tqieset li hija “outsider” mill-parteċipanti l-oħra fil-ksur minħabba l-prattiki kummerċjali aggressivi tagħha u li għalhekk kienet ġarrbet riperkussjonijiet min-naħa tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Għaldaqstant tali affermazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

301    Għalhekk, l-argument fis-sens li kien meħtieġ li l-Kummissjoni tqis, fid-dawl tad-dokumenti trażmessi matul il-proċedura amministrattiva, li l-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur kienet sostanzjalment limitata fis-sens tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

302    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq diversi argumenti invokati sabiex jiġi stabbilit li kien hemm ċirkustanzi attenwanti, fis-sens iddefinit fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, għandhom jiġu miċħuda.

 b) Fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-talba għal klemenza

 Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

303    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika dan li ġej:

“(1126)      SLM titlob tnaqqis tal-multa minħabba li kkomunikat l-informazzjoni li tinkriminaha fit-tweġiba tagħha għall-ewwel talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, komunikazzjoni din li skontha tmur lil hinn minn kooperazzjoni ordinarja. Barra minn hekk, hija ssostni li ma setgħetx tipprovdi iktar informazzjoni minħabba, minn naħa, li f’dak iż-żmien hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-provi li l-Kummissjoni kellha diġà fil-pussess tagħha u, min-naħa l-oħra, li r-rwol tagħha fil-ksur kien marġinali. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Kummissjoni kienet użat id-dikjarazzjonijiet tagħha sabiex issaħħaħ il-konklużjonijiet tagħha.

(1127)      Il-Kummissjoni ttenni li, sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-multa inkonformità mal-Avviż dwar il-klemenza, l-informazzjoni ppreżentata għandha tipprovdi valur miżjud sinjifikattiv. In-natura inkriminanti tal-informazzjoni jew il-fatt li l-Kummissjoni tirreferi għal din l-informazzjoni meta tiddeskrivi l-akkordju ma humiex, għalhekk, determinanti. Meta titlob il-klemenza, l-impriża hija barra minn hekk meqjusa li qiegħda tgħaddi lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha li jkollha fil-pussess tagħha u jkun iktar probabbli li tingħata miżura ta’ klemenza jekk taġixxi mingħajr dewmien. Għaldaqstant, il-fatt li SLM allegatament ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi iktar informazzjoni minħabba li ma kinitx taf xi provi l-Kummissjoni kellha diġà fil-pussess tagħha ma huwiex rilevanti.

(1128)      Fir-rigward tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-kontribuzzjoni ta’ SLM, hija talbet tnaqqis tal-mutla fit-30 ta’ Ottubru 2002 meta wieġbet għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Fit-tweġiba tagħha, SLM tikkonferma l-parteċipazzjoni tagħha f’erba’ tipi ta’ laqgħat, jiġifieri fil-laqgħat tal-ESIS [Eurostress Information Service, li huwa bbażat f’Düsseldorf], fil-laqgħat bejn produtturi Taljani fil-livell tad-diretturi mill-1999 sal-2002, fil-laqgħat bejn produtturi Ewropej fil-livell tad-diretturi/tad-dipartiment kummerċjali fl-2001 u fil-laqgħat bejn produtturi Taljani fil-livell tal-persuni responsabbli għall-bejgħ mill-1999 sal-2002. Madankollu, id-deskrizzjoni tagħha ta’ dawn il-laqgħat kienet diġà tirriżulta minn provi li kienu diġà jeżistu u d-dikjarazzjonijiet tagħha kienu vagi.

(1129)      Bl-istess mod, fir-rigward tal-espansjoni tal-club Europe, SLM tispjega li fl-2001 kienu saru laqgħat bejn produtturi Ewropej u Taljani sabiex jiġi nnegozjat l-istatus quo tal-esportazzjonijiet Taljani fis-suq Ewropew. Hija tiddikjara li kienet ipparteċipat fi tlieta minn dawn il-laqgħat u tikkomunika l-minuti ta’ żewġ laqgħat, b’mod partikolari ta’ dik tal-4 ta’ Settembru 2001 (li tinnota riċerka dwar l-istatus quo tal-esportazzjonijiet Taljani u dwar stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet) li tissemma diversi drabi fid-[dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet]. Madankollu, diversi elementi li joriġinaw minn sorsi preċedenti jipproduċu prova ta’ din il-laqgħa kif ukoll ta’ laqgħat oħra u jsegwu l-istess għan. Għaldaqstant, l-informazzjoni mogħtija minn SLM ma tipprovdi ebda valur miżjud sinjifikattiv.”

 L-argumenti tal-partijiet

304    SLM issostni li l-Kummissjoni żbaljat meta ma tathiex tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni pprovduta matul il-proċedura amministrattiva. B’mod partikolari, SLM issostni li, fid-dawl tar-rwol sekondarju tagħha fil-ksur, meta ddeċidiet li tikkoopera, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf liema elementi kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, sabiex b’hekk tkun tista’ tevalwa jekk it-tweġibiet mogħtija kinux jipprovdu valur miżjud jew le. Issa, il-Kummissjoni kien ikollha raġun li tinvoka fil-konfront tal-impriża l-assenza ta’ valur miżjud tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ammessi li kieku seta’ jiġi stabbilit li din l-impriża kienet taf liema fatti u ċirkustanzi kienu inklużi fil-fajl mill-Kummissjoni permezz ta’ mezzi oħra. Dan ma kienx il-każ meta SLM iddikjarat lill-Kummissjoni li kien hemm minn tal-inqas erba’ tipi ta’ laqgħat bejn il-produtturi ta’ APS: jiġifieri fil-kuntest tal-Eurostress Information Service (ESIS, assoċjazzjoni professjonali tal-produtturi tal-APS fl-Ewropa), bejn il-produtturi Ewropej, bejn il-produtturi Taljani biss, fil-livell tad-diretturi jew tal-persuni responsabbli għall-bejgħ. Hija indikat il-parteċipanti ta’ dawn il-laqgħat, il-postijiet fejn inżammu, l-oriġini tal-istedini u l-kontenut (premessa 1128 tad-deċiżjoni kkontestata). Skontha, dawn id-dikjarazzjonijiet intużaw fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jiġu ssostanzjati ċerti konklużjonijiet (ara l-punti 191 u 242 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet), użu dan li ma kienx isir li kieku dawn id-dikjarazzjonijiet ma kellhomx valur.

305    Il-Kummissjoni ssostni li SLM ma kienx jistħoqqilha tnaqqis tal-ammont tal-multa peress li ma kinitx ipprovdiet informazzjoni b’valur miżjud sinjifikattiv. Barra minn hekk, tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq SLM kien ikun inadegwat fid-dawl tal-aġir kalkulattiv tagħha u tan-natura vaga tal-informazzjoni kkomunikata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

306    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fid-9 ta’ Jannar 2002, il-Bundeskartellamt bagħat lill-Kummissjoni dokumenti li kienu jindikaw l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tal-APS.

307    Bl-istess mod, sa mid-19 ta’ Lulju 2002, jiġifieri saħansitra qabel ma twettqu l-verifiki fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni kienet tat immunità kundizzjonali lil DWK bi tweġiba għal talba f’dan is-sens imressqa fit-18 ta’ Ġunju 2002. Sussegwentement għal dawn l-ispezzjonijiet, diversi impriżi ressqu talbiet sabiex jiksbu trattament favorevoli mill-Kummissjoni bi skambju għall-kooperazzjoni tagħhom magħha, b’mod partikolari ITC, fil-21 ta’ Settembru 2002, iżda wkoll Redaelli, fil-21 ta’ Ottubru 2002, u Nedri, fit-23 ta’ Ottubru 2002.

308    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li ITC kienet qiegħda tibbenefika minn tnaqqis tal-multa ta’ 50 % minħabba li kienet l-ewwel impriża li ssodisfat ir-rekwiżiti previsti fil-punt 21 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002. B’mod partikolari, huwa indikat li ITC ipprovdiet indikazzjonijiet importanti dwar il-club Italia u l-arranġamenti pan-Ewropej. Il-Kummissjoni indikat ukoll li Nedri kienet qiegħda tibbenefika minn tnaqqis tal-multa ta’ 25 % minħabba li kienet it-tieni impriża li ssodisfat ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq. Impriżi oħra, ArcelorMittal Wire France, ArcelorMittal, ArcelorMittal Fontaine, ArcelorMittal Verderio, ArcelorMittal España, Emesa/Galycas u WDI, ibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa ta’ 20 % jew ta’ 5 %. Min-naħa tagħhom, it-talbiet imressqa minn Tycsa, Redaelli u SLM ġew miċħuda.

309    Fir-rigward ta’ SLM, fl-istess ħin li wieġbet għat-talba għal informazzjoni li saritilha fl-okkażjoni tal-ispezzjoni, SLM ressqet talba sabiex tibbenefika mill-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 fil-25 ta’ Ottubru 2002, li ġiet irreġistrata għand il-Kummissjoni fit-30 ta’ Ottubru 2002. Sussegwentement, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, SLM ippreżentat provi oħra quddiem il-Kummissjoni.

310    Madankollu, jirriżulta li l-elementi kkomunikati minn SLM kellhom biss utilità relattiva għall-Kummissjoni, li kellha diġà, b’riżultat tal-ispezzjonijiet jew minħabba, b’mod partikolari, il-kooperazzjoni minn ITC, diversi elementi sabiex tistabbilixxi d-diversi partijiet tal-ksur li dwarhom SLM kienet ippreżentat informazzjoni. B’hekk, l-informazzjoni dwar l-espansjoni tal-club Europe bejn Settembru 2000 u Settembru 2002 kienet toriġina, essenzjalment, minn impriżi differenti minn SLM jew, fejn tissemma SLM, jissemmew ukoll diversi impriżi oħra li l-kontribuzzjonijiet tagħhom kienu jippreċedu dawk ta’ SLM (premessi 265 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

311    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti ta’ SLM dwar in-neċessità li tingħata l-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa bħala tpattija għall-kooperazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-ksur għandhom jiġu miċħuda.

 5. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ SLM

312    Diversi drabi fil-kuntest tal-argumenti tagħhom, SLM u Ori Martin sostnew li l-Kummissjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tas-sitwazzjoni ta’ SLM. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju ma kinitx biss tardiva iżda wkoll limitata, fatt dan li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni, fi stadju jew ieħor tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Madankollu, skonthom, il-Kummissjoni ma wettqitx tali individwalizzazzjoni tas-sanzjoni peress li l-formola użata sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa kienet l-istess bħal dik użata sabiex jiġu ssanzjonati l-impriżi li, bħal Redaelli, ipparteċipaw fl-aspetti kollha tal-ksur u fuq it-tul kollu tiegħu.

313    Fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina jekk, meta ssanzjonat lil SLM b’multa li l-ammont tagħha kien ta’ EUR 19.8 miljun qabel l-applikazzjoni tal-massimu legali ta’ 10 % kkalkolat b’mod partikolari fid-dawl tal-bejgħ kollu ta’ APS imwettaq fiż-ŻEE minn SLM, tal-gravità oġġettiva tal-ksur bħala tali, tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia b’effett minn laqgħa li fiha SLM kienet irrappreżentata, u mingħajr ma kkonstatat l-iċken ċirkustanza attenwanti (ara l-punt 134 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni evalwatx b’mod adegwat iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

314    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza u konformement mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jagħmlu parti minnu l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalità tal-pieni (ara l-punti 138 sa 142 iktar ’il fuq), il-multa għandha tiġi ffissata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi relattivi, mhux biss tal-ksur bħala tali, iżda wkoll tal-parteċipazzjoni effettiva tal-impriża ssanzjonata f’dan il-ksur. Il-Kummissjoni jew, jekk din naqset milli tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali, għandha għalhekk tiżgura li tindividwalizza l-piena fil-konfront tal-ksur billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ SLM fil-kuntest tal-ksur uniku kkaratterizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

 Il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni fil-club Italia

315    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-club Italia, jistgħu jsiru tliet osservazzjonijiet sabiex tiġi evalwata s-sanzjoni li għandha tiġi imposta fuq SLM fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq fir-rigward tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa.

316    L-ewwel nett, kif issostni l-Kummissjoni, il-ftehimiet konklużi fi ħdan il-club Italia għandhom fil-fatt portata ġeografika li tmur lil hinn mill-Italja. Minbarra l-aspett Taljan tiegħu, dan il-club ippermetta wkoll lil ċertu numru ta’ impriżi, jiġifieri lill-parteċipanti ewlenin tiegħu Redaelli, CB, ITC u Itas (preżenti fl-Italja) kif ukoll Tréfileurope (preżenti fl-Italja u fil-bqija tal-Ewropa), iżda wkoll lil SLM, sabiex jikkoordinaw l-isforzi tal-produtturi Taljani fir-rigward tal-esportazzjoni u, b’mod simetriku, sabiex jiddefinixxu politika komuni b’reazzjoni għat-tentattivi tal-produtturi tal-pajjiżi Ewropej l-oħra (bħalma huma Tycsa, Nedri u DWK li xi drabi għamlu interventi fil-club Italia) li jillimitaw dawn l-isforzi billi jipproponu lill-produtturi Taljani kwota għall-esportazzjoni lejn il-bqija tal-Ewropa.

317    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-perijodu kollu li matulu SLM ipparteċipat biss f’dan l-element tal-ksur (mill-10 ta’ Frar 1997 sal-10 ta’ Settembru 2000 fil-fehma tal-Kummissjoni), id-diskussjonijiet li nżammu fil-preżenza tagħha ma kkonċernawx l-Awstrija u, għalkemm kienu jikkonċernaw il-Ġermanja u Franza, kienu saru f’mumenti meta SLM ma kinitx tbigħ jew kienet għadha ma tbigħx APS f’dawn l-Istati. Dawn il-karatteristiċi partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta fuq SLM.

318    It-tieni nett, fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia, din il-parteċipazzjoni ma tistax titqies li bdiet fl-10 ta’ Frar 1997, kif tqis il-Kummissjoni, iżda għandha titqies li bdiet fil-15 ta’ April 1997 sabiex jiġi ssodisfatt il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni fi ksur. Dan għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa.

319    It-tielet nett, fir-rigward tal-portata tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, b’effett mid-29 ta’ Novembru 1999, SLM kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, hija kienet qiegħda tieħu sehem f’sistema iktar globali li kienet tinkludi diversi livelli u li l-għan tagħha kien li jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS fil-livell pan-Ewropew sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet (premessa 650 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 129 iktar ’il fuq). Għalhekk, kien biss fi stadju iktar tardiv milli kien il-każ għal impriżi oħra li SLM saret taf bil-ksur uniku li l-Kummissjoni qiegħda takkużaha bih.

320    Din il-karatteristika partikolari, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa peress li tiddistingwi s-sitwazzjoni ta’ SLM minn dik ta’ impriżi oħra ssanzjonati fil-każ ineżami, bħal Redaelli, li pparteċipaw fil-club Italia sa mill-bidu tiegħu jew li kellhom għarfien tal-aspetti kollha tal-ksur uniku. Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjoni ta’ SLM hija distinta wkoll, b’mod sinjifikattiv, mis-sitwazzjonijiet tat-tliet impriżi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li saru jafu bid-dimensjoni pan-Ewropea tal-ksur fi stadju tardiv. Fil-fatt, fil-każ ta’ Socitrel, Proderac u Fapricela, li kienu jaġixxu fi ħdan il-club España, kien biss f’Mejju 2001 li dawn saru jafu bil-pjan ġenerali, u mhux f’Novembru 1999 bħalma kien il-każ fir-rigward ta’ SLM. Għandu jingħad ukoll li SLM mhux biss kienet taf bid-dimensjoni pan-Ewropea tal-ksur, iżda sussegwentement ipparteċipat ukoll b’mod sħiħ f’din id-dimensjoni tal-ksur.

 Il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni fil-club Europe u fl-arranġamenti l-oħra

321    Ma huwiex ikkontestat li SLM ma pparteċipatx fil-ftehim tan-Nofsinhar, fil-club España, fil-koordinazzjoni dwar il-klijent Addtek jew fil-club Zurich li ppreċeda l-club Europe.

322    Fir-rigward tal-club Europe, għandu jitfakkar li l-parteċipazzjoni ta’ SLM f’dan l-aspett tal-ksur uniku ġiet ikkonstatata biss fir-rigward tal-perijodu bejn il-11 ta’ Settembru 2000 u d-19 ta’ Settembru 2002, li jikkorrispondi għal perijodu li matulu SLM bdiet tibbenefika mill-awtorizzazzjonijiet neċessarji sabiex tikkummerċjalizza l-APS lejn uħud mill-Istati li kienu s-suġġett tal-club Europe u li matulu kienu qegħdin isiru diskussjonijiet mal-club Italia dwar il-portata tal-kwota li setgħet tingħata lill-esportaturi Taljani.

323    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur ma kinitx uniformi, iżda progressiva. Inizjalment, SLM ipparteċipat biss fil-club Italia, minn April 1997 sal-aħħar ta’ Novembru 1999, saret taf bid-dimensjoni pan-Ewropea tal-ksur uniku f’Diċembru 1999, u mbagħad ipparteċipat fil-club Europe minn Settembru 2000 sa Settembru 2002.

324    Din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi element li kien imissu ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta evalwat is-sanzjoni li kellha tiġi imposta fuq SLM.

325    Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll li tali konstatazzjoni ma tfissirx li l-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur hija daqstant limitata kemm jallegaw ir-rikorrenti. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li, b’effett mis-sena 2000, ir-rwol ta’ SLM fi ħdan il-club Italia, b’mod partikolari fir-rigward tad-diskussjonijiet li nżammu mal-club Europe sabiex tiġi ddeterminata kwota ta’ esportazzjonijiet, kien simili għar-rwol tal-atturi prinċipali tal-club Italia, jiġifieri Redaelli, Itas, CB, ITC u Tréfileurope.

 6. Konklużjoni

326    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sanzjoni imposta fuq SLM, u parzjalment fuq Ori Martin, hija sproporzjonata, fis-sens b’mod partikolari li ma hijiex suffiċjentement individwalizzata, minħabba li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti karatteristiċi partikolari tas-sitwazzjoni ta’ din l-impriża meta ssanzjonatha b’multa ta’ ammont ta’ EUR 19.8 miljun qabel l-applikazzjoni tal-limitu massimu legali ta’ 10 %.

327    B’mod partikolari, is-sanzjoni imposta mill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li SLM ipparteċipat biss b’mod tardiv u progressiv fil-ksur uniku billi llimitat ruħha essenzjalment, inizjalment, għall-arranġamenti konklużi fi ħdan il-club Italia fir-rigward tas-suq Taljan. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, l-assenza ta’ ċertifikazzjonijiet li kienu jippermettu lil SLM tbigħ f’ċerti Stati Membri qabel ċerta data u l-assenza ta’ element li jippermetti li jitqies li SLM setgħet tkun implikata fl-akkordju saħansitra qabel ma pparteċipat fil-laqgħat tal-club Italia.

328    Għaldaqstant, il-punt 16 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jimponi sanzjoni sproporzjonata fuq ir-rikorrenti.

329    Il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, li l-eżerċizzju tagħha huwa mitlub f’dan il-każ.

330    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew dwar l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Linji gwida tal-2006, li ma humiex ta’ natura, f’dan il-każ, li jdaħħlu inkwistjoni jew li jibdlu r-riżultat tal-evalwazzjoni preċedenti.

 D – Fuq it-tul inabitwali tal-proċedura amministrattiva

 1. L-argumenti tal-partijiet

331    SLM issostni li t-tul tal-proċedura amministrattiva kien twil wisq. F’dan il-każ, il-proċedura amministrattiva damet iktar minn tmien snin u kienu għaddew sitt snin bejn l-ispezzjonijiet, li saru fid-19 ta’ Settembru 2002, u d-data li fiha ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-30 ta’ Settembru 2008. Issa, il-Kummissjoni kellha, sa mill-2002, għarfien ta’ numru kbir ħafna mill-fatti li fuqhom sussegwentement ibbażat id-deċiżjoni kkontestata u diversi impriżi kienu kkooperaw b’mod rapidu. Skont SLM, il-proċedura kienet konkluża tardivament minħabba n-numru kbir ta’ uffiċjali li kienu suċċessivament ittrattaw il-fajl, u għalhekk SLM titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipprovdilha lista li tindika n-numru ta’ uffiċjali li ttrattaw il-fajl bejn l-2002 u l-2010. Wara iktar minn għaxar snin, huwa diffiċli għal SLM li tieħu pożizzjoni dwar il-fatti li hija akkużata bihom, ħafna drabi b’mod indirett, fuq il-bażi ta’ dokumenti miktubin bl-idejn minn ħaddieħor. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ħadet sitt snin sabiex tiddeċiedi jekk kienx hemm lok li tiġi aċċettata jew miċħuda t-talba għal klemenza tagħha, imressqa fit-30 ta’ Ottubru 2002 u miċħuda fid-19 ta’ Settembru 2008, punt dan li skont SLM ikkomprometta d-dritt tagħha li tipprepara fi żmien adegwat linja ta’ difiża ta’ natura tali li tiżgura l-aħjar protezzjoni tal-interessi tagħha. Minħabba dewmien amministrattiv, SLM kienet prekluża milli tipprepara difiża adegwata fir-rigward tal-ewwel snin ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju kkonstatata fil-konfront tagħha (1997 u 1998).

332    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Fir-rigward tat-talba għal miżura istruttorja, hija tosserva b’mod partikolari li, fid-dawl tal-kumplessità tal-proċedura, ma huwiex rilevanti li jkun magħruf in-numru ta’ uffiċjali suċċessivi li kienu responsabbli għall-fajl.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

333    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li SLM tirrikonoxxi li pparteċipat fil-ksur b’effett mill-1999. Dan l-element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu evalwati l-effetti ta’ eventwali ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

334    L-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw ir-rispett tiegħu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, C‑452/11 P, EU:C:2012:829, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

335    Il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ta’ proċedura amministrattiva ġie kkonfermat fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni” (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, Ġabra, EU:T:2012:275, punt 284).

336    In-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, tal-kuntest tiegħu, tal-imġiba tal-partijiet matul il-proċedura, tal-interessi inkwistjoni fil-każ għad-diversi impriżi kkonċernati u tal-livell tal-kumplessità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra, EU:T:1999:80, punt 126) kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-informazzjoni jew tal-ġustifikazzjonijiet li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi fir-rigward tal-atti ta’ investigazzjoni mwettqa matul il-proċedura amministrattiva.

337    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura amministrattiva tista’ tagħti lok għall-eżami ta’ żewġ perijodi suċċessivi, li kull wieħed isegwi loġika interna partikolari għalih. L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda fid-data li fiha l-Kummissjoni, fuq il-bażi tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża li twettaq ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar id-direzzjoni li fiha għandha timxi l-proċedura. Min-naħa tiegħu, it-tieni perijodu jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan il-perijodu għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-ksur inkwistjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra, EU:C:2006:592, punt 38).

338    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jista’ jwassal għal żewġ tipi ta’ konsegwenzi.

339    Minn naħa, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra, EU:C:2006:593, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

340    Għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Ħlief f’dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003 (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra, EU:T:2003:342, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata fl-appell fuq dan il-punt permezz tas-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 337 iktar ’il fuq, EU:C:2006:592, punti 42 u 43).

341    Madankollu, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju li n-natura fundamentali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra, EU:C:1983:313, punt 7) għandu importanza kbira fi proċeduri bħal dik ineżami, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul ikun jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi li jinnegaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, l-eżami tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat għall-istess fażi li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors tal-eventwali indeboliment tal-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha testendi għal din il-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul kollu tagħha (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 337 iktar ’il fuq, EU:C:2006:592, punt 50).

342    Min-naħa l-oħra, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli ma jkollux impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur jista’ jwassal lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tirrimedja b’mod adegwat il-ksur li jirriżulta mill-fatt li jkun inqabeż terminu raġonevoli fil-proċedura amministrattiva billi tnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-multa imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 339 iktar ’il fuq, EU:C:2006:593, punti 202 sa 204, u s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, Ġabra, EU:T:2011:284, punti 429 u 434, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 334 iktar ’il fuq, EU:C:2012:829, punt 100).

343    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex proċedura amministrattiva li tkun damet ħafna tkun tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, it-tul ta’ din il-proċedura għandu jiġi kklassifikat bħala eċċessiv.

344    Fil-każ ineżami, il-proċedura amministrattiva kellha erba’ fażijiet suċċessivi, fejn l-ewwel waħda kienet tippreċedi d-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet filwaqt li t-tlieta segwenti kienu sussegwenti għall-imsemmija dikjarazzjoni.

345    L-ewwel fażi bdiet fid-9 ta’ Jannar 2002, bil-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, mill-Bundeskartellamt, tad-dokumenti msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq u ntemmet fit-30 ta’ Settembru 2008 permezz tal-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

346    Dan wassal għall-ftuħ tat-tieni fażi (ara l-punti 33 sa 39 iktar ’il fuq), li ngħalqet bl-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, fit-30 ta’ Ġunju 2010.

347    Wara l-preżentata ta’ sensiela inizjali ta’ rikorsi (imfakkra fil-punt 10 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni adottat, fit-30 ta’ Settembru 2010, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) sabiex tikkoreġi diversi żbalji li kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni inizjali, u b’hekk ingħalqet it-tielet fażi tal-proċedura amministrattiva.

348    Fl-aħħar nett, fl-4 ta’ April 2011, ingħalqet ir-raba’ fażi tal-proċedura amministrattiva, permezz tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, li permezz tagħha tat tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, minn naħa, lil ArcelorMittal, lil ArcelorMittal Verderio, lil ArcelorMittal Fontaine u lil ArcelorMittal Wire France, u, min-naħa l-oħra, lil SLM u lil Ori Martin (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

349    Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li dan il-motiv jikkonċerna biss l-ewwel żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva.

350    Fis-17 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali bagħtet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni sabiex tikseb deskrizzjoni ddettaljata tal-eżerċizzji ta’ diliġenza li hija kienet wettqet wara l-ispezzjonijiet li kienu saru fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, u dan sal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali.

351    Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2014.

352    Kopja tat-tweġiba tal-Kummissjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

353    Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni tispjega b’mod iddettaljat u konvinċenti l-kompiti li hija wettqet matul il-proċedura amministrattiva kollha u r-raġunijiet għaliex il-proċedura damet mill-2002 sal-2010.

354    Fil-każ ineżami, it-tul tal-proċedura amministrattiva huwa dovut għal diversi fatturi.

355    F’dan ir-rigward għandhom jissemmew it-tul tal-akkordju (iktar minn 18-il sena), id-dimensjoni ġeografika partikolarment estiża tiegħu (l-akkordju kien jirrigwarda l-maġġoranza tal-Istati Membri), l-organizzazzjoni tal-akkordju fil-livell ġeografiku u mill-aspett temporali (id-diversi clubs), in-numru ta’ laqgħat li nżammu fil-kuntest tad-diversi clubs (iktar minn 500), in-numru ta’ impriżi kkonċernati (17), in-numru ta’ talbiet għal klemenza u l-volum partikolarment sostanzjali ta’ dokumenti, ipprovduti f’dan il-kuntest jew miksuba matul l-ispezzjonijiet u redatti b’diversi lingwi, li kellhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, id-diversi talbiet għal informazzjoni komplementari li kellhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lid-diversi kumpanniji kkonċernati skont il-bżonn fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-komprensjoni tal-akkordju, in-numru ta’ destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar minn 40), in-numru ta’ lingwi proċedurali (8), kif ukoll id-diversi talbiet dwar il-kapaċità tal-ħlas (14).

356    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li SLM ma tistabbilixxix kif kienu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba t-tul tal-proċedura. L-indikazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward jibqgħu irrilevanti. B’hekk, l-allegazzjoni ta’ SLM fis-sens li kienet prekluża milli tipprepara difiża adegwata fir-rigward tal-ewwel snin ta’ parteċipazzjoni tal-akkordju kkonstatat fil-konfront tagħha (1997 u 1998) hija dovuta biss għaliha stess peress li, mill-ħarifa tal-2002, hija kienet taf bl-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni fir-rigward tal-akkordju li kienet qiegħda tiġi akkużata li pparteċipat fih. Bl-istess mod, fir-rigward taċ-ċirkustanza dwar it-tardività tat-tweġiba għat-talba għal klemenza ta’ SLM, iż-żmien meħud mill-Kummissjoni sabiex tweġibha kien imissu wassalha sabiex tieħu prekawzjonijiet u sabiex tibni d-difiża tagħha kemm jista’ jkun malajr wara t-tnedija tal-investigazzjoni fil-ħarifa 2002. Fir-rigward tal-allegata diffikultà li tieħu pożizzjoni dwar il-fatti li hija akkużata bihom SLM minħabba l-mogħdija taż-żmien, din hija ċirkustanza li kien imissha waslitha, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni SLM, sabiex taġixxi bil-ħeffa u mhux tistenna li jinfirxu l-provi u li jiċċaqilqu l-persuni.

357    Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, li turi l-kumplessità partikolari tal-każ, għandu jiġi konkluż li, minkejja t-tul partikolari tal-ewwel żewġ fażijiet tal-proċedura, dan it-tul ma għandux jitqies li kien eċċessiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma naqsitx milli tosserva terminu raġonevoli u għalhekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 E – Fuq l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur lill-kumpannija parent

358    Ori Martin issostni li l-Kummissjoni timputalha, b’mod żbaljat, ir-responsabbiltà in solidum għal parti mill-ksur, li tirriżulta, skont dak li huwa indikat fil-premessi 862 sa 875 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti li tirriżulta mill-fatt li Ori Martin kienet iżżomm kważi l-kapital kollu ta’ SLM bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-19 ta’ Settembru 2002 (ara l-punt 132 iktar ’il fuq).

 1. L-argumenti tal-partijiet

359    Fl-ewwel lok, Ori Martin issostni li, meta qieset li l-elementi mressqa sabiex tingħeleb il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti kienu irrilevanti, il-Kummissjoni qalbet preżunzjoni konfutabbli fi preżunzjoni inkonfutabbli. Dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tal-prinċipju ta’ personalità tal-pieni kif ukoll tal-prinċipju ta’ responsabbiltà limitata li jirregola d-dritt tal-kumpanniji. Sabiex tingħeleb il-preżunzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa l-prova li kien impossibbli għall-kumpannija parent li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha iżda għandha tkun meħtieġa biss il-prova li din l-influwenza ma ġietx eżerċitata.

360    F’dan il-każ, skont Ori Martin, il-fatt li hija kellha interess u rwol fir-rigward ta’ SLM bħala azzjonist sabiex tipproteġi l-interess finanzjarju tagħha (premessa 874 tad-deċiżjoni kkontestata) ma huwiex biżżejjed sabiex l-aġir ta’ SLM li jikkostitwixxi ksur jiġi imputat lilha. Tali interess huwa biss il-konsegwenza normali taż-żamma ta’ parti mill-kapital ta’ kumpannija, mingħajr ma huwa barra minn hekk neċessarju li tkun involuta t-totalità jew il-parti l-kbira ta’ dan il-kapital. Bħala prinċipju, ksur ma jistax jiġi imputat lil persuna li ma tkunx wettqitu jew, fi kwalunkwe każ, dan il-ksur ma jistax jiġi imputat lilha fl-assenza ta’ regola li tipprovdi dan b’mod espliċitu u minn qabel. Il-Kummissjoni kellha tipprova li Ori Martin kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha stess, għall-għanijiet komuni segwiti mill-parteċipanti kollha u li hija kellha għarfien tal-aġir materjali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu dawn l-istess għanijiet jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi tali aġir u kienet lesta taċċeta r-riskju marbut ma’ tali aġir.

361    Fit-tieni lok, Ori Martin issostni li l-elementi mressqa sabiex tingħeleb il-preżunzjoni huma rilevanti f’dan il-każ. Ori Martin dejjem aġixxiet bħala kumpannija holding u l-holding tagħha f’SLM huwa biss finanzjarju. Ori Martin qatt ma eżerċitat direttament attivitajiet fis-settur tal-APS. Għaldaqstant, hija ma kinitx involuta fl-aġir ta’ SLM li jikkostitwixxi ksur. Ori Martin ma kellhiex jew ma setax ikollha għarfien tal-aġir antikompetittiv ta’ SLM. B’mod partikolari, Ori Martin qatt ma ndaħlet fl-għażliet strateġiċi u fid-deċiżjonijiet ta’ investiment ta’ SLM. Hija la għandha struttura operazzjonali u lanqas impjegati. It-tliet membri tal-bord tad-diretturi tagħha ma għandhom ebda konoxxenza tas-settur tal-azzar. L-assenza ta’ intervent min-naħa ta’ Ori Martin f’SLM hija stabbilita mill-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi u tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Kien biss b’mod okkażjonali li SLM indirizzat ruħha lill-grupp Ori Martin fir-rigward tax-xiri ta’ strands (2 % tax-xiri matul il-perijodu 1995-2001). Barra minn hekk, Ori Martin tinvoka wkoll l-assenza ta’ “skambju ta’ informazzjoni” bejnha u SLM. Barra minn hekk, il-persuna fiżika involuta fl-akkordju f’isem SLM kienet aġixxiet fuq inizjattiva tagħha stess u b’awtonomija kompleta. Din il-persuna qatt ma kellha xi rwol fi ħdan Ori Martin.

362    Fit-tielet lok, Ori Martin issostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex il-fatt li SLM ma kinitx obbligata tagħti rendikont lil Ori Martin ma kienx jikkostitwixxi element ta’ natura li juri l-awtonomija tal-aġir tagħha. Fid-dawl tal-elementi pprovduti matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kien imissha kkonkludiet li l-aġir ta’ SLM ma setax jiġi imputat lil Ori Martin, peress li kienet eskluża kwalunkwe influwenza min-naħa tagħha fuq is-sussidjarja tagħha. F’dan il-każ, dawn il-provi kienu tqiesu jew imwarrba mingħajr ma saret evalwazzjoni tagħhom f’daqqa, jew kienu saħansitra miċħuda b’termini tant ġenerali li ċ-ċaħda tagħhom ma tistax tinftiehem.

363    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Ebda element imressaq minn Ori Martin ma jippermetti li tingħeleb il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Fir-rigward tal-kompetenzi tad-diretturi ta’ Ori Martin u tal-kontenut tal-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi u tal-laqgħat ġenerali ta’ Ori Martin, il-Kummissjoni ssostni li, peress li dawn l-elementi ma tqajmux fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iżda ġew invokati biss fir-rikors, Ori Martin ma tistax tinvokahom sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

364    Mill-proċess jirriżulta li Ori Martin kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha SLM bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u l-31 ta’ Ottubru 2001. Mill-proċess jirriżulta wkoll li Ori Martin kienet iżżomm direttament 98 % tal-kapital ta’ din l-istess sussidjarja u indirettament 2 % tal-kapital ta’ din is-sussidjarja permezz ta’ Ori Martin Lux SA, bejn l-1 ta’ Novembru 2001 u d-19 ta’ Settembru 2002 (premessa 867 tad-deċiżjoni kkontestata).

365    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li Ori Martin kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq SLM mill-1 ta’ Jannar 1999 sad-19 ta’ Settembru 2002 fuq il-bażi tal-fatt li SLM kienet miżmuma kollha jew kważi kollha minn Ori Martin matul dan il-perijodu (premessa 868 tad-deċiżjoni kkontestata).

366    Filwaqt li r-relazzjoni bejn Ori Martin, kumpannija parent, u SLM, is-sussidjarja tagħha, ma hijiex ikkontestata f’din il-kawża, dan ma jistax jingħad fir-rigward tal-konsegwenza li l-Kummissjoni siltet minn din ir-relazzjoni. Fil-fatt, Ori Martin qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn timputalha r-responsabbiltà tal-aġir ta’ SLM li jikkostitwixxi ksur fir-rigward tal-perijodu ċċitat iktar ’il fuq. Skontha, din l-imputazzjoni hija żbaljata għar-raġunijiet segwenti.

367    Fuq il-livell ta’ prinċipji, Ori Martin issostni li l-Kummissjoni żnaturat in-natura u l-portata tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, stabbilita fil-ġurisprudenza, billi qieset li l-karatterizzazzjoni ta’ rabta fejn il-kumpannija parent tkun il-proprjetarja kważi esklużiva tas-sussidjarja hija suffiċjenti sabiex ma jkunx meħtieġ li jintwera eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza. Skont Ori Martin, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka biss il-kwalità ta’ azzjonist sabiex timputa l-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha. Hija għandha tipprova li Ori Martin kienet ukoll responsabbli, b’xi mod jew ieħor, billi kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi permezz tal-aġir tagħha stess għall-ksur jew billi ma setgħetx ma tkunx taf bih.

368    F’dan ir-rigward, Ori Martin tinvoka, minn naħa, ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u tal-prinċipju ta’ personalità tal-pieni, li minnhom jirriżulta li fatt ma jistax jiġi imputat lil persuna li ma tkunx wettqitu u, min-naħa l-oħra, ksur tal-prinċipji ta’ personalità ġuridika u ta’ responsabbiltà limitata rrikonoxxuti fi ħdan l-Unjoni mid-dritt tal-kumpanniji, li huma intiżi li jillimitaw ir-responsabbiltà għall-kumpannija li tkun l-awtur tal-fatti li fuqhom tkun ibbażata din ir-responsabbiltà u mhux għall-grupp li tkun tagħmel parti minnu.

369    Fuq il-livell prattiku, Ori Martin issostni li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett id-diversi provi invokati matul il-proċedura amministrattiva, liema provi kienu jistabbilixxu, li kieku ġew evalwati debitament, li hija ma setgħetx teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ SLM. Barra minn hekk, il-fatt li kienu jistabbilixxu dan huwa msaħħaħ, skont Ori Martin, mill-argumenti komplementari ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

370    F’dan il-kuntest, Ori Martin tinvoka l-evalwazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-fatti inkwistjoni, kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

 a) Fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti

371    Meta tallega li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ impriża fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija meħtieġa tistabbilixxi li l-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti li Ori Martin titqies li għandha minħabba l-importanza tal-holding li hija kellha fis-sussidjarja tagħha u li huwa biżżejjed għal Ori Martin li tipprova li din l-influwenza ma ġietx eżerċitata sabiex tegħleb il-preżunzjoni mingħajr ma hija meħtieġa turi li kien impossibbli għaliha li teżerċita tali influwenza (ara l-punt 359 iktar ’il fuq), Ori Martin qiegħda tiżbalja dwar in-natura u l-portata tal-preżunzjoni stabbilita fil-ġurisprudenza fir-rigward ta’ tali każ.

372    Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ impriża, ikkunsidrat f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, li, meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal tali ksur (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra, EU:C:2009:536, punti 54 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tal-11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, C‑440/11 P, Ġabra, EU:C:2013:514, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

373    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ f’liema ċirkustanzi persuna ġuridika li ma tkunx l-awtur tal-ksur tista’ xorta waħda tiġi ssanzjonata, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, fid-dawl b’mod partikolari tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 58; Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 54, u Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2013:514, punt 38).

374    F’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u għalhekk jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 59; Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 55, u Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2013:514, punt 39).

375    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, fil-każ partikolari ta’ kumpannija parent li jkollha t-totalità jew kważi t-totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti preżunzjoni konfutabbli fis-sens li din il-kumpannija parent teżerċita effettivament tali influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti”) (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 60; Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 56, u Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2013:514, punt 40).

376    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu jew kważi kollu ta’ sussidjarja jkun miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex tapplika l-preżunzjoni li din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tqis li l-kumpannija parent hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li fuqha jaqa’ l-kompitu li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti sabiex turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 61; Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 57; u Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2013:514, punt 41).

377    Il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija intiża b’mod partikolari sabiex tilħaq bilanċ bejn l-importanza, minn naħa, tal-għan li jiġi ssanzjonat l-aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari għall-Artikolu 101 TFUE, u li tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ tali aġir u, min-naħa l-oħra, tar-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħalma huma, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ personalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li din il-preżunzjoni hija konfutabbli (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 59).

378    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li din il-preżunzjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li, ħlief f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali, kumpannija li jkollha l-kapital kollu ta’ sussidjarja tista’, fid-dawl biss ta’ dan il-kapital, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, li l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza tista’ normalment tiġi mistħarrġa, bl-iktar mod effettiv, fil-kuntest tal-entitajiet li kontrihom topera l-preżunzjoni (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 60).

379    F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku jkun biżżejjed għal parti kkonċernata li tressaq sempliċi dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati sabiex tegħleb din il-preżunzjoni, din tal-aħħar tkun estensivament imċaħħda mill-effettività tagħha (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 61).

380    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li preżunzjoni, anki jekk tkun diffiċli li tingħeleb, tibqa’ fil-limiti ta’ dak li huwa aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata għall-għan leġittimu segwit, sakemm ikun possibbli li tiġi prodotta prova kuntrarja u sakemm ikunu żgurati d-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

381    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, sabiex jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw il-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn din is-sussidjarja u l-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor u li għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ lista eżawrjenti (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 74; Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 58, u Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2013:514, punt 60).

382    Għaldaqstant, kif tfakkar iktar ’il fuq, fil-każ partikolari li — bħalma huwa l-każ ineżami — kumpannija parent ikollha l-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha, li titqies li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti preżunzjoni konfutabbli fis-sens li din il-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha.

383    Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Ori Martin (ara l-punt 360 iktar ’il fuq), meta kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, ma hijiex neċessarjament relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-ewwel waħda fl-imsemmi ksur, li jippermettu lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, iżda huwa l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 88, ara wkoll il-punt 374 iktar ’il fuq).

384    Bl-istess mod, sabiex tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti f’każ partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tipproduċi indizji supplimentari għal dawk li juru l-applikabbiltà u n-natura effettiva ta’ din il-preżunzjoni (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 372 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

385    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet ġustament tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fid-dawl tal-fatt li Ori Martin kellha l-kapital kollu jew kważi kollu ta’ SLM mill-1 ta’ Jannar 1999 sad-19 ta’ Settembru 2002, mingħajr ma kienet meħtieġa tinvoka elementi oħra f’dan ir-rigward.

386    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura konfutabbli tagħha, l-imsemmija preżunzjoni ma twassalx għal attribuzzjoni awtomatika ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent li jkollha l-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha, attribuzzjoni din li tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali li fuqu huwa bbażat id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C‑90/09 P, Ġabra, EU:C:2011:21, punti 51 u 52).

387    Barra minn hekk, Ori Martin lanqas ma tista’ ssostni li f’dan il-każ kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ personalità tal-pieni. Dan il-prinċipju, li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jipprovdi li impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li tkun individwalment akkużata bihom. Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-kunċett ta’ impriża. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 383 iktar ’il fuq, ma hijiex relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-ewwel waħda fl-imsemmi ksur, li jippermettu lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent iżda huwa l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011, General Technic-Otis et vs Il-Kummissjoni, T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07, Ġabra, EU:T:2011:363, punti 70 et seq, ikkonfermata fl-appell).

388    Għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti ta’ Ori Martin fis-sens li l-Kummissjoni, meta żammitha responsabbli in solidum, kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà limitata li jirriżulta mid-dritt tal-kumpanniji fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, ir-responsabbiltà limitata tal-kumpanniji hija intiża essenzjalment sabiex tistabbilixxi limitu massimu għar-responsabbiltà finanzjarja tagħhom, u mhux sabiex tipprekludi li impriża li tkun wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tiġi ssanzjonata permezz tal-entitajiet ġuridiċi li jikkostitwixxuha u, b’mod iktar partikolari, permezz tal-kumpannija li tkun wettqet il-ksur u tal-kumpannija parent tagħha, b’mod partikolari meta din tal-aħħar ikollha l-kapital kważi kollu tas-sussidjarja tagħha u meta ma tkunx f’pożizzjoni li tegħleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq din tal-aħħar.

389    Għaldaqstant, l-ilmenti mressqa dwar dan il-punt minn Ori Martin għandhom jiġu miċħuda.

390    B’hekk, f’dan il-każ, peress li Ori Martin kellha l-kapital kollu jew kważi kollu ta’ SLM, huwa għalhekk il-kompitu tagħha, sabiex tegħleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, li ġġib provi suffiċjenti ta’ natura li juru li s-sussidjarja tagħha kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi mressqa minn Ori Martin insostenn ta’ dak li tixtieq tipprova humiex ta’ natura li jegħlbu l-imsemmija preżunzjoni.

b)     Fuq il-provi invokati sabiex tingħeleb il-preżunzjoni

391    Fil-kuntest tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva rrikonoxxut b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TFUE għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, il-Qorti Ġenerali għandha tiżgura li d-diversi elementi invokati minn persuna li tkun is-suġġett ta’ sanzjoni sabiex tegħleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti jkunu debitament eżaminati.

392    F’dan ir-rigward, bi tweġiba għall-Kummissjoni, li ssostni li, peress li l-indikazzjonijiet dwar il-kompetenzi tad-diretturi tagħha u l-kontenut tal-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi u tal-laqgħat ġenerali ta’ Ori Martin ma ġewx invokati fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iżda kienu invokati biss fir-rikors, Ori Martin ma tistax tinvokahom sabiex tikkontesta l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur magħmula fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 363 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tobbliga lid-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt jew ta’ liġi mqajma f’din id-dikjarazzjoni matul il-proċedura amministrattiva għaliex inkella ma jkunx jista’ jagħmel dan sussegwentement fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra, EU:C:2010:389, punt 89).

393    Fil-fatt, filwaqt li r-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi minn impriża matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova komplementari fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rikors ġudizzjarju, tali rikonoxximent ma jistax jillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt għal azzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali li għandha persuna fiżika jew ġuridika taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 392 iktar ’il fuq, EU:C:2010:389, punt 90).

394    Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati d-diversi elementi invokati minn Ori Martin sabiex tegħleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

395    Fl-ewwel lok, Ori Martin issostni li hija dejjem aġixxiet bħala kumpannija holding u li l-holding tagħha f’SLM kien biss ta’ natura finanzjarja. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni li tirriżulta miż-żamma tal-kapital kollu jew kważi kollu ta’ SLM.

396    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding, li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp, hija intiża li tiġbor fi ħdanha l-holdings f’diversi kumpanniji u l-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità bejniethom f’termini ta’ tmexxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra, EU:T:2008:415, punt 63; tat-13 ta’ Lulju 2011, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑38/07, Ġabra, EU:T:2011:355, punt 70, u tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, Ġabra, EU:T:2012:332, punt 283).

397    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mill-estratt mir-reġistru kummerċjali u tal-kumpanniji tal-Lussemburgu u mill-att kostituttiv tal-kumpannija, ikkomunikati minn Ori Martin sabiex tissostanzja l-allegazzjonijiet tagħha, jirriżulta li Ori Martin hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Lussemburgiż li kienet inkorporata fl-4 ta’ Diċembru 1998 u li l-kapital tagħha huwa ta’ EUR 44 miljun, somma li hija waħda kunsiderevoli (l-ammont minimu tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fil-Lussemburgu huwa ta’ EUR 31 000). Dan il-kapital jikkorrispondi għall-valur mogħti lill-kontribuzzjonijiet in natura magħmula mit-tliet azzjonisti meta ġiet inkorporata l-kumpannija, jiġifieri t-titoli li jirrappreżentaw 90 % tal-kapital ta’ Ori Martin SpA u 100 % tal-kapital ta’ Finoger SpA (iż-żewġ kumpanniji miżmuma minn SLM).

398    B’hekk, anki jekk jitqies li Ori Martin ma għandhiex struttura operazzjonali u lanqas ma għandha impjegati, kif allegat minnha — hija kellha madankollu uffiċċju ta’ rappreżentanza f’Lugano (l-Isvizzera) (ara l-Anness 6, paġna 674) —xorta waħda jibqa’ l-fatt li din ma hijiex kumpannija fantażma, fis-sens ta’ sempliċi qoxra, iżda hija kumpannija intiża li jkollha rwol preċiż fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji Ori Martin bħala kumpannija ta’ holding finanzjarju rregolata mid-dritt Lussemburgiż.

399    Barra minn hekk, mill-Artikolu 2 tal-att kostituttiv tal-kumpannija jirriżulta li l-għan kummerċjali ta’ Ori Martin huwa s-segwenti: “l-għan tal-Kumpannija huwa s-sottoskrizzjoni, l-akkwist ta’ holdings, il-finanzjament u l-interess finanzjarju, irrispettivament mill-forma tagħhom, fi kwalunkwe kumpannija, kumpannija holding, konsorzju jew grupp ta’ impriżi, Lussemburgiżi jew barranin, kif ukoll il-ġestjoni tal-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha, il-kontroll, il-ġestjoni u l-iżvilupp tal-holdings tagħha”.

400    Ori Martin invokat din id-dispożizzjoni tal-istatut tagħha fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fir-rikors tagħha sabiex tallega li hija biss “kumpannija li sempliċement tiġġestixxi holdings finanzjarji”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-għan kummerċjali tagħha jimplika kemm l-akkwist ta’ holdings u kemm il-ġestjoni tal-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha, iżda wkoll “il-kontroll, il-ġestjoni u l-iżvilupp tal-holdings tagħha”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li holding ta’ Ori Martin f’kumpannija ma huwiex, għalhekk, holding passiv fejn l-azzjonist ma jkollu ebda interess fih. Għall-kuntrarju, skont l-istatut tagħha stess, Ori Martin hija meħtieġa tikkontrolla, tiġġestixxi u tiżviluppa l-holdings tagħha, u dan jimplika approċċ attiv u mhux passiv fir-rigward tas-sorveljanza ta’ dawn il-holdings.

401    Barra minn hekk, Ori Martin issostni li mill-kompetenzi tat-tliet diretturi tagħha jirriżulta li dawn inħatru fid-dawl ta’ ġestjoni purament finanzjarja tal-kumpannija, mingħajr ma kienet prevista l-possibbiltà li jintervjenu fil-ġestjoni tas-sussidjarji. Barra minn hekk, dawn id-diretturi ma għandhomx konoxxenza tas-settur tal-azzar, li kienet tippermettilhom jintervjenu b’mod effikaċi. Dan huwa kkonfermat, skontha, mill-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija kif ukoll minn dawk tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti.

402    Madankollu, mir-riżoluzzjonijiet tal-laqgħa kostituttiva ta’ Ori Martin (Anness 4 tar-rikors, paġna 608) jirriżulta li n-numru tad-diretturi ġie ffissat bħala tlieta u li dawn kienu inizjalment is-“Sur [A.], direttur ta’ kumpanniji, residenti fl-Italja; is-Sur [E.], gradwat fix-xjenzi kummerċjali u finanzjarji, residenti [fil-Lussemburgu]; is-Sinjura [L.], impjegata privata, residenti [fil-Lussemburgu]”. Is-Sur [E.] inħatar bħala president tal-bord tad-diretturi fil-21 ta’ Diċembru 1998.

403    Skont l-estratt mir-reġistru kummerċjali u tal-kumpanniji Lussemburgiż (Anness 1 tar-rikors), fit-3 ta’ Awwissu 2010 dawn id-diretturi kienu s-Sur [N.], residenti fil-Lussemburgu, is-Sur [W.], residenti fil-Lussemburgu, u s-Sur [A.], li kien ukoll il-president tal-bord tad-diretturi, residenti fl-Italja.

404    B’hekk, jirriżulta li s-Sur [A.] huwa ppreżentat, skont l-istatut, bħala direttur ta’ kumpanniji, preżentazzjoni li tippermetti li jitqies li għandu l-kompetenzi meħtieġa sabiex jamministra l-kumpannija fid-dawl b’mod partikolari tal-għan kummerċjali tagħha.

405    Mill-eżami tal-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi ta’ Ori Martin jirriżulta wkoll li, f’diversi okkażjonijiet, il-bord tad-diretturi ta l-poteri kollha lis-Sur [A.] sabiex jirrappreżenta lill-kumpannija jew ivvalida deċiżjonijiet adottati minn dan id-direttur. Bħala eżempju, mill-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi tal-15 ta’ Settembru 1999 jirriżulta li l-imsemmi bord ta l-poteri kollha lis-Sur [A.] sabiex “jirrappreżenta lill-kumpannija fl-iffirmar tal-minuti tal-laqgħat ġenerali kollha tas-sussidjarji miżmuma fl-1999” (Anness 6 tar-rikors, paġna 661). Bl-istess mod, mill-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi tat-3 ta’ Mejju 2000 jirriżulta li l-imsemmi bord ta l-poteri kollha lis-Sur [A.] sabiex “jirrappreżenta lill-kumpannija matul il-laqgħat ġenerali ordinarji u straordinarji tal-kumpanniji segwenti: [...] SLM [...]” (Anness 6 tar-rikors, paġna 670).

406    Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-eżami tal-proċessi verbali dwar il-laqgħat tal-azzjonisti ta’ Ori Martin jista’ jiġi osservat li r-rapport amministrattiv tal-bord tad-diretturi lil-laqgħa ġenerali statutorja tal-azzjonisti miżmuma fis-6 ta’ Ġunju 2002 jirreferi, fil-parti dwar l-“avvenimenti importanti li seħħew matul is-sena”, għall-fatt li l-“kumpannija kompliet torganizza mill-ġdid is-sussidjarji tagħha skont il-qasam ta’ attività” (Anness 6 tar-rikors, paġna 692).

407    Dawn il-provi jippermettu li jitqies li, minn tal-inqas is-Sur [A.], li kien jieħu d-deċiżjonijiet importanti dwar l-attivitajiet ta’ Ori Martin, tqabbad espliċitament, diversi drabi, sabiex isegwi l-attivitajiet tad-diversi sussidjarji ta’ din il-kumpannija. Jirriżulta wkoll li Ori Martin intervjeniet fi ħdan il-grupp sabiex tirriorganizzah, intervent dan li jimplika neċessarjament għarfien tal-attivitajiet tiegħu, għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem Ori Martin.

408    Fit-tieni lok, Ori Martin tinvoka l-assenza ta’ “skambju ta’ informazzjoni” bejnha u SLM u l-fatt li hija ma kellhiex jew li hija ma setax ikollha konoxxenza tal-aġir ta’ SLM li jikkostitwixxi ksur.

409    Fir-rigward ta’ dan il-punt tal-aħħar, diġà ġie indikat li tali element ma huwiex meħtieġ sabiex il-ksur jiġi imputat lill-kumpannija parent. Fir-rigward tal-indikazzjoni dwar l-assenza ta’ “skambju ta’ informazzjoni”, din l-indikazzjoni, li kienet diġà ġiet ippreżentata fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma hijiex iddettaljata. Madankollu, tali indikazzjoni tibqa’ irrilevanti peress li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-Sur [A.] kien f’pożizzjoni li jikkontrolla lil SLM minħabba l-kompetenzi tiegħu, minħabba l-missjoni mogħtija lilu mill-istatut bħala direttur u minħabba li mill-proċess jirriżulta li d-deċiżjonijiet tiegħu kienu jiġu kkonfermati mill-bord tad-diretturi.

410    Fit-tielet lok, l-imputazzjoni lil impriża ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma teħtieġx azzjoni jew saħansitra konoxxenza ta’ dan il-ksur min-naħa tal-membri jew tad-diretturi prinċipali tal-impriża kkonċernata, iżda l-azzjoni ta’ persuna li tkun awtorizzata sabiex taġixxi f’isem l-impriża (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra, EU:C:1983:158, punt 97, u tal-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra, EU:T:2002:71, punt 58).

411    Issa, Ori Martin ma tikkontestax li r-rappreżentanti ta’ SLM fi ħdan l-akkordju kienu ġew awtorizzati b’mod validu minn SLM sabiex jorbtu lill-impriża. Il-fatt li dawn ir-rappreżentanti ma kienu jeżerċitaw ebda funzjoni fi ħdan il-kumpannija parent huwa irrilevanti peress li kienu awtorizzati jorbtu lis-sussidjarja li ħadet sehem fil-ksur. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet fis-sens li dawn il-persuni kienu aġixxew b’mod awtonomu, apparti l-fatt li ma humiex issostanzjati, ma humiex ta’ natura li jeżentaw lil SLM u, bħala konsegwenza, lil Ori Martin, mir-responsabbiltà tagħhom.

412    Għaldaqstant, ebda waħda mill-provi mressqa minn Ori Martin, meqjusa waħedhom jew flimkien, ma hija ta’ natura li tegħleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv minn Ori Martin ta’ influwenza determinanti fuq SLM.

413    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni differenti minn dik tal-fondatezza tal-motivazzjoni.

414    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-qafas ta’ regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura ġenerali tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il-Kummissjoni, T‑445/05, Ġabra, EU:T:2009:50, punti 66 u 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

415    Issa, mill-premessi 862 sa 875 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għaliex qieset li l-argumenti mressqa minn Ori Martin ma kinux ta’ natura li jegħlbu l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti. Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward u għalhekk l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

416    Barra minn hekk, u sa fejn il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba huwa lment distint minn dak tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, dan tal-aħħar lanqas ma jista’ jintlaqa’.

417    Fil-fatt, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, jinstab b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, prinċipju li miegħu huwa marbut l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżerċita, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14, u tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C‑505/09 P, Ġabra, EU:C:2012:179, punt 95).

418    Għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat b’attenzjoni u b’imparzjalità l-argumenti mressqa minn Ori Martin fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva sabiex tegħleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u li l-fatt li hija ċaħdet dawn l-argumenti ma jistax jitqies li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

419    Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li ma ħaditx pożizzjoni, la individwalment u lanqas globalment, fir-rigward tal-provi li kienu ġew ippreżentati quddiemha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

420    Bi tweġiba għall-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi osservat li Ori Martin tallega, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fir-rigward ta’ kumpanniji oħra implikati fl-akkordju, l-“eżistenza ta’ rabtiet ġerarkiki” u “l-obbligu tas-sussidjarja li tagħti rendikont lill-kumpannija parent”, li ma kienx il-każ fis-sitwazzjoni tagħha. Madankollu, għalkemm Ori Martin fil-fatt semmiet, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (Anness 5 tar-rikors, punt 62) l-assenza “ta’ obbligu li jingħata rendikont” minn SLM fil-konfront tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-argument, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni r-raġunament preċedenti u li jwassal għall-konklużjoni li Ori Martin eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, u dan b’mod partikolari sabiex tiġġestixxi, tikkontrolla u tiżviluppa l-holding tagħha kif jirriżulta mill-għan kummerċjali tagħha u mill-attivitajiet tad-diretturi tagħha.

421    Għaldaqstant, id-diversi lmenti ppreżentati fir-rigward tal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għandhom jiġu miċħuda.

422    Dan ifisser li l-motiv dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn SLM lil Ori Martin għandu jiġi miċħud bħala infondat kollu kemm hu.

423    Il-Kummissjoni ġustament, minn naħa, ikkonstatat ir-responsabbiltà in solidum ta’ Ori Martin u ta’ SLM, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999 u sad-19 ta’ Settembru 2002, fuq il-bażi tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minħabba li Ori Martin kellha l-kapital kważi kollu ta’ SLM u, min-naħa l-oħra, qieset li Ori Martin ma kienx irnexxielha tegħleb din il-preżunzjoni.

424    F’dan ir-rigward, mill-eżami tad-diversi provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li jista’ effettivament jiġi konkluż li Ori Martin eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, u dan b’mod partikolari sabiex tiġġestixxi, tikkontrolla u tiżviluppa l-holding tagħha, kif jirriżulta mill-għan kummerċjali tagħha u mill-attivitajiet tad-diretturi tagħha.

 F – Fuq it-talba ta’ SLM sabiex titħallas l-interessi fuq il-parti żejda tal-multa diġà mħallsa

425    Fir-replika, SLM tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni deċiżjoni ta’ emenda u titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tħallasha lura l-interessi dovuti fir-rigward tas-somma diġà mħallsa u rrimborsata mill-Kummissjoni sussegwentement għall-emendi introdotti permezz tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

426    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tiċħad din it-talba minħabba li ma hijiex raġonevoli, minħabba li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa mwettaq fit-tieni deċiżjoni ta’ emenda sabiex jiġi żgurat li din ma tkunx sproporzjonata fil-każ ineżami fil-konfront tad-daqs u tal-volum tal-bejgħ tal-impriża ssanzjonata jaqa’ taħt l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u minħabba li l-ħlas ta’ interessi jammonta għal tnaqqis ieħor fl-ammont tal-multa li jkun jikkostitwixxi vantaġġ doppju favur id-destinatarji tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

427    Kif ġie espost matul is-seduta, ebda wieħed mill-argumenti mqajma mill-Kummissjoni ma huwa ta’ natura li juri li SLM tinsab f’sitwazzjoni fejn gawdiet minn arrikkiment indebitu.

428    Fil-każ ineżami, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni deċiżjoni ta’ emenda, li naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq SLM, ma tindirizzax il-kwistjoni tar-rimbors tal-ammont imħallas żejjed flimkien mal-interessi jekk dan jintalab mill-persuna kkonċernata.

429    Barra minn hekk, mill-proċedura ineżami ma jirriżultax li SLM ressqet talba f’dan is-sens quddiem il-Kummissjoni, u lanqas ma jirriżulta li din ħadet pożizzjoni dwar din it-talba f’att li jista’ jikkawżalha preġudizzju u, għaldaqstant, li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali.

430    Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kwalunkwe teħid ta’ pożizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni dwar tali talba ta’ SLM sabiex titħallas l-interessi fuq il-parti żejda tal-multa li hija kienet ħallset sussegwentement għad-deċiżjoni inizjali qabel ma kienet irrimborsata għal din il-parti żejda minħabba t-tieni deċiżjoni ta’ emenda, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet għal tali ordni mressqa minn SLM f’dan ir-rigward fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni deċiżjoni ta’ emenda, u dan b’mod partikolari sa fejn tali ġurisdizzjoni ma tirriżultax mill-Artikolu 263 TFUE jew mill-Artikolu 261 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

431    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, it-talba ta’ SLM sabiex titħallas l-interessi fuq il-parti żejda tal-multa diġà mħallsa għandha tiġi miċħuda.

 G – Fuq it-talbiet dwar is-sanzjoni imposta fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-ksur, l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

432    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 261 TFUE, mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizzaha sabiex, lil hinn minn sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li jippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha u, għaldaqstant, tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullahx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha, billi tibdel b’mod partikolari l-multa imposta fil-każ li l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun tressqet għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra, EU:C:2007:88, punti 61 u 62, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra, EU:C:2009:505, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

433    Fit-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata, tiddetermina mill-ġdid l-ammont tal-multa imposta fuq SLM in solidum ma’ Ori Martin, u tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Ori Martin.

434    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta diġà li l-punt 16 tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jimputa lil SLM il-parteċipazzjoni f’sensiela ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-APS fis-suq intern u fi ħdan iż-ŻEE mill-10 ta’ Frar 1997 sal-14 ta’ April 1997. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali għandha tannulla wkoll il-punt 16 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jimponi fuq ir-rikorrenti multa sproporzjonata sabiex tiġi ssanzjonata l-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur uniku mill-15 ta’ April 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002, peress li din il-multa kienet iddefinita fid-dawl tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

435    Il-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina wkoll l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq SLM u, parzjalment, in solidum fuq Ori Martin, fid-dawl tal-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur uniku.

436    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, min-natura tiegħu stess, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mill-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-Linji gwida meta tiddeċiedi bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punt 266 u l-ġurisprudenza ċċitata).

437    F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa intiża sabiex tissanzjona l-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur uniku, mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, minbarra l-gravità tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tiegħu, u mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni jirriżulta li s-sanzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ kull impriża responsabbli għall-ksur fir-rigward ta’ dan il-ksur. Dan għandu jkun b’mod partikolari l-każ meta jkun hemm ksur kumpless u li jkun dam ħafna tat-tip bħal dak iddefinit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa kkaratterizzat min-natura eteroġenea tal-parteċipanti.

438    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa f’loku li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi segwenti.

439    Minn naħa, mill-proċess jirriżulta, b’mod suffiċjenti għall-finijiet ta’ prova, li SLM ipparteċipat f’diversi laqgħat tal-club Italia, li kkonċernaw l-attribuzzjoni ta’ kwoti u l-iffissar tal-prezzijiet fis-suq Taljan. Tali arranġamenti huma inklużi, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni.

440    Il-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia hija element essenzjali għall-evalwazzjoni tas-sanzjoni u dan l-element huwa fih innifsu sinjifikattiv fid-dawl tal-għan antikompetittiv tad-diskussjonijiet li nżammu fi ħdan dan il-club, kemm fir-rigward, fil-każ ta’ SLM, tad-diskussjonijiet dwar l-aspett intern ta’ dan il-ftehim u kemm, sussegwentement, fir-rigward tad-diskussjonijiet dwar l-aspett estern tiegħu.

441    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ imwettaq fi Stati li ma kinux ikkonċernati mill-akkordju li fih SLM effettivament u konkretament ipparteċipat mill-15 ta’ April 1997 sal-10 ta’ Settembru 2000.

442    Bl-istess mod, peress li l-informazzjoni li tista’ tiġi estratta min-noti miktubin bl-idejn ta’ ITC dwar il-laqgħa tal-10 ta’ Frar 1997 sabiex il-ksur jiġi imputat lil SLM ma hijiex ikkorroborata permezz ta’ provi oħra, ma hemmx lok li din id-data titqies li hija d-data li fiha bdiet il-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-club Italia. Madankollu, tali parteċipazzjoni tirriżulta b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-provi disponibbli fir-rigward tal-laqgħa tal-15 ta’ April 1997 u hija stabbilita wkoll, mingħajr interruzzjoni, sad-19 ta’ Settembru 2002.

443    Min-naħa l-oħra, jista’ jitqies ġustament li, b’effett mid-29 ta’ Novembru 1999, SLM kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, hija kienet qiegħda tieħu sehem f’sistema iktar globali li kienet tinkludi diversi livelli u li l-għan tagħha kien li jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS fil-livell pan-Ewropew sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet (premessa 650 tad-deċiżjoni kkontestata, u punt 129 iktar ’il fuq).

444    Jista’ jitqies ukoll ġustament li SLM ipparteċipat fil-club Europe fil-perijodu bejn il-11 ta’ Settembru 2000 u d-19 ta’ Settembru 2002, li jikkorrispondi għall-perijodu li fih SLM bdiet takkwista l-awtorizzazzjonijiet neċessarji sabiex tikkummerċjalizza l-APS lejn uħud mill-Istati li kienu s-suġġett tal-club Europe jew li fih inżammu diskussjonijiet mal-club Italia dwar il-portata tal-kwota li setgħet tiġi rrikonoxxuta lill-esportaturi Taljani.

445    Għalhekk, kien biss fi stadju iktar avvanzat, meta mqabbla ma’ impriżi oħra, li SLM kisbet konoxxenza tal-ksur uniku li hija akkużata bih mill-Kummissjoni u li hija pparteċipat f’aspett ieħor ta’ dan il-ksur minbarra l-club Italia. Madankollu, din il-kisba ta’ konoxxenza relattivament tardiva ma jistax ikollha impatt sinjifikattiv fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għar-raġunijiet indikati fil-punt 320 iktar ’il fuq.

446    Fl-istess ħin, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li SLM kienet ipparteċipat fil-ftehim tan-Nofsinhar, fil-club España jew fil-koordinazzjoni dwar il-klijent Addtek, li jikkostitwixxu aspetti essenzjali tal-ksur uniku.

447    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li multa ta’ ammont ta’ EUR 19-il miljun tippermetti li jiġi ssanzjonat b’mod effikaċi l-aġir illegali ta’ SLM, b’mod li ma huwiex negliġibbli u li jibqa’ suffiċjentement dissważiv. Kwalunkwe multa superjuri għal dan l-ammont tkun sproporzjonata fid-dawl tal-ksur li bih huma akkużati r-rikorrenti evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ SLM fil-ksur uniku.

448    L-imsemmija multa tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward ta’ parti mill-ksur, SLM ma pparteċipatx fl-aspett estern tal-club Italia u tieħu bħala punt tat-tluq il‑15 ta’ April 1997. B’hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li ħadet suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni progressiva ta’ SLM fl-akkordju filwaqt li tispeċifika li, sa mill-bidu, SLM ipparteċipat f’aspett mhux negliġibbli tal-ksur uniku u li, sussegwentement, SLM ipparteċipat kompletament fl-akkordju, b’mod li jista’ jitqies li jixbah il-parteċipazzjoni tal-atturi prinċipali tal-club Italia.

449    Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, bi tweġiba għall-argumenti mressqa minn Ori Martin f’dan ir-rigward, għandu jitqies li Ori Martin hija responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ parti minn din il-multa. Fid-dawl tat-tul tal-perijodu li matulu Ori Martin hija preżunta li setgħet teżerċita influwenza determinanti fuq SLM, għandu jitqies li Ori Martin hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa fl-ammont ta’ EUR 13.3 miljun fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-19 ta’ Settembru 2002.

450    Din il-multa tirrifletti l-fatt, kif tqies mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li Ori Martin ma tistax titqies li hija responsabbli għall-multa kollha imposta fuq SLM.

451    Barra minn hekk, minħabba l-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-ammont finali tal-multa imposta individwalment fuq SLM ma jistax jaqbeż EUR 1.956 miljun.

452    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ammont tal-multa imposta fuq SLM għandu jitnaqqas minn EUR 19.8 miljun għal EUR 19-il miljun (perijodu bejn il-15 ta’ April 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002), u Ori Martin għandha titqies li hija responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din il-multa sal-ammont ta’ EUR 13.3 miljun (perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-19 ta’ Settembru 2002). Barra minn hekk, minħabba l-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont finali tal-multa imposta individwalment fuq SLM huwa ffissat bħala EUR 1.956 miljun (perijodu bejn il-15 ta’ April 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998).

453    Barra minn hekk, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali twieġeb għat-talbiet għal miżuri istruttorji proposti (xhieda mir-rappreżentanti ta’ Redaelli u ta’ ITC; lista tal-uffiċjali responsabbli għall-fajl) minn SLM peress li dawn il-miżuri ma jidhrux li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima.

454    Barra minn hekk, peress li l-Qorti Ġenerali bidlet l-att ikkontestat fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha billi ddeċidiet bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha dwar l-ammont tal-multa mressqa għall-evalwazzjoni tagħha, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-motiv ippreżentat minn SLM sussegwentement għat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, li fil-kuntest tiegħu SLM sostniet li d-diviżjoni sekondarja tal-multa li saret fid-deċiżjoni inizjali kienet żbaljata fid-dawl tal-metodoloġija esposta mill-Kummissjoni fil-Linji gwida tal-2006.

455    Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

456    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

457    Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, fid-dawl tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Kummissjoni u minħabba li r-rikors inizjali ta’ SLM kien jinkludi motiv dwar ksur tal-limitu legali ta’ 10 %, motiv li rrinunzjat għalih wara l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll żewġ terzi mill-ispejjeż ta’ SLM u terz mill-ispejjeż ta’ Ori Martin, li min-naħa tagħhom għandhom ibatu l-kumplament tal-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑389/10 u T‑419/10 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Il-punt 16 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011, hija annullata sa fejn timputa lil Siderurgica Latina Martin SpA (SLM) il-parteċipazzjoni f’sensiela ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-azzar għall-prestressing fis-suq intern u fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mill-10 ta’ Frar 1997 sal-14 ta’ April 1997.

3)      Il-punt 16 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2010) 4387 finali, kif emendata bid-Deċiżjoni C (2010) 6676 finali u bid-Deċiżjoni C (2011) 2269 finali, huwa annullat.

4)      L-ammont tal-multa imposta fuq SLM huwa mnaqqas minn EUR 19.8 miljun għal EUR 19-il miljun, li EUR 13.3 miljun minnhom huma imposti fuq Ori Martin SA bis-saħħa tar-responsabbiltà in solidum tagħha; minħabba l-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-ammont finali tal-multa imposta fuq SLM minħabba r-responsabbiltà individwali tagħha huwa ffissat għal EUR 1.956 miljun.

5)      Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

6)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha, żewġ terzi mill-ispejjeż ta’ SLM u terz mill-ispejjeż ta’ Ori Martin.

7)      SLM għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha.

8)      Ori Martin għandha tbati żewġ terzi mill-ispejjeż tagħha.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1 –      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.