Language of document :

Appell ippreżentat fl-10 ta' Settembru 2010 minn Paulette Füller-Tomlinson mis-sentenza mogħtija fl-1 ta' Lulju 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-97/08, Füller-Tomlinson vs Il-Parlament

(Kawża T-390/10 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Paulette Füller-Tomlinson (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Appellat: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta' Lulju 2010 fil-Kawża F-97/08;

konsegwentement, tilqa' t-talbiet li għamlet ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, għaldaqstant,

tannulla d-deċiżjoni tad-9 ta' April 2008 tal-Kap tal-Unità Pensjonijiet u Sigurtà Soċjali, li tistabbilixxi, fl-Artikolu 3 tagħha, is-sehem ta' invalidità permanenti parzjali imputabbli lill-oriġini professjonali tal-marda għal 20 %;

sa fejn ikun neċessarju, tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, deċiżjoni meħuda fis-26 ta' Awwissu 2008 u notifikata fit-28 ta' Awwissu 2008;

sussidjarjament, tikkundanna lill-konvenut fl-ewwel istanza iħallas somma ta' EUR 12 000 bħala kumpens għad-dannu morali;

tikkundanna lill-konvenut fl-ewwel istanza għall-ispejjeż kollha.

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-1 ta' Lulju 2010, mogħtija fil-Kawża Füller-Tomlinson vs Il-Parlament, F-97/08, li tiċħad ir-rikors li bih l-appellanti kienet b'mod partikolari talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tistabbilixxi r-rata tiegħu ta' invalidità permanenti ta' oriġini professionali għal 20 % b'applikazzjoni tal-iskala Ewropea ta' evalwazzjoni għal finijiet mediċi ta' preġudizzju għall-integrità fiżika u mentali.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka diversi aggravji bbażati fuq:

ksur tal-portata tal-istħarriġ tal-legalità mill-qorti dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta' assigurazzjoni adottati skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, peress li t-TSP illimita l-istħarriġ tiegħu għal żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u għall-eċċess mill-istituzzjonijiet tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, filwaqt li l-istħarriġ kellu jkun stħarriġ sħiħ dwar il-legalità fil-mertu tal-att;

ksur tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta' evalwazzjoni, fuq żnaturament tal-proċess, fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni ta' qorti tal-ewwel istanza u fuq ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-leġiżlazzjoni ta' assigurazzjoni:

peress li t-TSP ma ħax inkunsiderazzjoni l-iżviluppi magħmula waqt is-seduta fid-dawl tal-ilmenti tar-rikors promotorju,

peress li t-TSP b'mod partikolari kkunsidra li l-libertà ta' evalwazzjoni tat-tobba kienet tikkonċerna biss il-konstatazzjoni tal-marda u mhux l-iffissar tar-rati ta' invalidità, u b'hekk ivvalida n-natura vinkolanti tal-iskala Ewropea ta' evalwazzjoni ta' preġudizzju għall-integrità fiżika u mentali billi llimita r-rata ta' invalidità f'dan il-każ għal 20 %, filwaqt li l-bord mediku kien ikkunsidra li r-rata ta' invalidità tar-rikorrenti kienet ta' 100 %;

ksur tal-kunċett ta' terminu raġonevoli u fuq żnaturament tal-proċess, peress li t-TSP ikkunsidra, meta fakkar il-fatti, eżami mediku li qatt ma seħħ sabiex jikkonkludi li t-termini ta' trattament tal-każ tar-rikorrent ma kinux irraġonevoli.

____________