Language of document :

Kawża C478/21 P

China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal21 ta’ Settembru 2023

“Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/140 – Importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja – Dazju antidumping definittiv – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi – Assoċjazzjoni li tirrappreżenta esportaturi – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 3(2), (3), (6) u (7) – Dannu – Kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet – Provi pożittivi – Eżami oġġettiv – Estrapolazzjoni – Kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni Ewropea – Prezzijiet iffatturati fi ħdan grupp – Rabta kawżali – Analiżi tad-dannu segment b’segment – Assenza – Artikolu 6(7) – Artikolu 20(2) u (4) – Drittijiet proċedurali”

1.        Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Eżami ex officio

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 42)

2.        Appell – Risposta – Suġġett – Invokazzjoni tal-inammissibbiltà tar-rikors tal-ewwel istanza mingħajr il-preżentata ta’ appell inċidentali – Ammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 176(2))

(ara l-punt 43)

3.        Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Rikors ippreżentat fuq bażi individwali – Rikors intiż li jitħarsu d-drittijiet proċedurali tal-assoċjazzjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Drittijiet proċedurali li għandhom jingħataw legalment – Għoti mill-Kummissjoni ta’ tali drittijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolament – Ħtieġa għall-qorti tal-Unjoni li teżamina l-legalità tal-għoti

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 48, u 50 sa 58)

4.        Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Rikors ippreżentat fuq bażi individwali – Rikors intiż li jitħarsu d-drittijiet proċedurali tal-assoċjazzjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Drittijiet proċedurali li għandhom jingħataw legalment – Kunċett ta’ assoċjazzjoni li tirrapreżenta importaturi jew esportaturi – Assoċjazzjoni li tirrapreżenta importaturi jew esportaturi tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping – Portata – Oneru tal-prova – Assoċjazzjoni li ma għandhiex indipendenza suffiċjenti fil-konfront tal-entitajiet Statali – Esklużjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 5(11), 6(7), 20(1) u (2), u 21(2))

(ara l-punti 59 sa 75)

5.        Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Ħtieġa tan-natura rappreżentattiva tal-assoċjazzjoni fis-sens tat-tradizzjoni legali komuni għall-Istati Membri – Assenza

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 79 sa 86)

6.        Proċedura ġudizzjarja – Rappreżentanza tal-partijiet – Rikors ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat – Mandat mogħti lill-avukat – Ħtieġa ta’ prova li l-mandat mogħti lill-avukat ġie stabbilit b’mod regolari – Obbligu għall-qorti tal-Unjoni li tivverifika n-natura regolari tal-mandat ikkonċernat fil-każ ta’ kontestazzjoni – Kundizzjoni – Kontestazzjoni bbażata fuq indizji suffiċjentement konkreti u preċiżi

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 51(3))

(ara l-punti 91 sa 98)

7.        Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3)

(ara l-punti 113 sa 115)

8.        Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping – Kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi pożittivi – Kunċett – Data miksuba wara aġġustament ta’ data oħra – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

(ara l-punti 118 sa 121, u 126 sa 129)

9.        Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping – Kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet – Metodu ta’ kalkolu – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Kontestazzjoni tan-natura affidabbli tad-data użata – Oneru tal-prova

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 1(1) u 3(2)(a); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

(ara l-punti 131 sa 134)

10.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Obbligu ta’ diliġenza tal-istituzzjonijiet – Portata – Obbligu tal-Kummissjoni li teżamina ex officio l-informazzjoni disponibbli kollha – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 6(3), (4) u (9); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

(ara l-punti 137 sa 150)

11.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Effett tal-importazzjonijiet li huma s suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni – Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz – Metodu ta’ kalkolu – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tas-segmenti tas-suq tal-prodott inkwistjoni – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3(2) u (3); Regolament tal-Kummissjoni 2018/140)

(ara l-punti 165 sa 171, u 193)

12.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-indikaturi tad-dannu permezz ta’ analiżi segment b’segment tas-suq tal-prodott inkwistjoni – Prodotti interkambjabbli – Assenza – Oneru tal-prova

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3(2), (3), (6) u (7))

(ara l-punti 178 sa 180, 183 u 184)

13.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Stabbiliment tar-rabta kawżali – Eżami tad-dannu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-rabta kawżali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3(2), (3), (6) u (7))

(ara l-punti 181, 182)

14.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Effett tal-importazzjonijiet li huma s suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni – Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz – Metodu ta’ kalkolu – Obbligu għall-Kummissjoni li tieħdu inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu ta’ prodotti simili tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3(2), (3), (6) u (7))

(ara l-punti 194 sa 202)

15.      Appell – Aggravji – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

(ara l-punti 203 u 204)

16.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ informazzjoni li jaqa’ fuq l-istituzzjonijiet – Portata – Assenza ta’ informazzjoni partikolari – Obbligu tal-partijiet interessati li jressqu talba preċiża f’dan ir-rigward matul il-proċedura ta’ investigazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2016/1036, premessa 12 u Artikoli 5(10), 6(5) u (7), 17, u 20(1), (2) u (3))

(ara l-punti 212 sa 218, u 222)

17.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Ksur ta’ drittijiet proċedurali mogħtija lil assoċjazzjoni matul l-investigazzjoni – Invokabbiltà minn membru tal-assoċjazzjoni – Kundizzjonijiet – Manifestazzjoni mill-assoċjazzjoni tal-intenzjoni tagħha li taġixxi bħala rappreżentanta ta’ wħud mill-membri tagħha matul l-investigazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036)

(ara l-punti 224 sa 231)

Sunt

Wara lment ippreżentat minn produtturi Ewropej ta’ oġġetti tal-ħadid fondut, il-Kummissjoni Ewropea adottat, fi tmiem l-investigazzjoni antidumping tagħha, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/140 (1), li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

L-assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Ċiniż China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products (iktar ’il quddiem iċ-“CCCME”), li għandha fost il-membri tagħha produtturi esportaturi Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat, kif ukoll produtturi esportaturi Ċiniżi oħra, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021 (2), il-Qorti Ġenerali ddikjarat ammissibbli r-rikors ippreżentat miċ-CCCME billi qieset li din tal-aħħar kellha locus standi f’isimha stess, sabiex tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tagħha, kif ukoll f’isem il-membri tagħha. Hija, iżda, ċaħdet ir-rikors fuq il-mertu.

Adita b’appell ippreżentat miċ-CCCME, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi taċ-CCCME. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li ċ-CCCME għandha locus standi f’isem il-membri tagħha, iżda kkonkludiet li ma għandhiex tali locus standi f’isimha stess sabiex tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tagħha. Wara li stabbilixixet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-bqija tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, ċaħdet l-appell fl-intier tiegħu.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att li tiegħu ma tkunx id-destinatarja f’żewġ każijiet alternattivi, jiġifieri, minn naħa, jekk l-att inkwistjoni jkun jikkonċernaha direttament u individwalment u, min-naħa l-oħra, jekk l-att ikun att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat jekk il-Qorti Ġenerali, meta eżaminat l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet, kinitx iddeċidiet b’mod korrett li ċ-CCCME kellha locus standi f’isimha stess sabiex tħares id-drittijiet proċedurali tagħha.

Fir-rigward tal-inċidenza individwali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost il-persuni li jistgħu jiġu individwalizzati permezz ta’ att tal-Unjoni bl-istess mod bħad-destinatarji ta’ deċiżjoni, hemm dawk li jkunu pparteċipaw fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ dan l-att, iżda dan biss fil-każ li jkunu ġew previsti garanziji proċedurali favur din il-persuna mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, il-portata preċiża tad-dritt għal azzjoni legali ta’ individwu kontra att tal-Unjoni tiddependi mill-pożizzjoni legali ddefinita favur tiegħu mid-dritt tal-Unjoni bil-għan li jiġu protetti l-interessi leġittimi rrikonoxxuti b’dan il-mod.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kienet qieset li ċ-CCCME kienet individwalment ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż għar-raġuni li, matul il-proċedura kollha li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni kienet ikkunsidratha bħala parti interessata li tirrappreżenta b’mod partikolari l-industrija Ċiniża tal-prodott ikkonċernat u kienet tatha drittijiet proċedurali bħalma huma d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni, id-dritt li tirċievi komunikazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u finali, id-dritt li tippreżenta kummenti dwarhom kif ukoll id-dritt li tipparteċipa f’seduti ta’ smigħ organizzati fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Madankollu, billi naqset milli tivverifika jekk dawn id-drittijiet proċedurali kinux ingħataw legalment liċ-CCCME, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi waqt l-eżami tal-inċidenza individwali u rrepetiet ulterjorment dan l-iżball waqt l-eżami tal-inċidenza diretta fuq din tal-aħħar.

B’dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li kien biss fil-każ li jiġi stabbilit li ċ-CCCME ma setgħetx legalment tingħata d-drittijiet proċedurali inkwistjoni li dawn l-iżbalji jkunu ta’ natura li jimplikaw l-inammissibbiltà tar-rikors taċ-CCCME f’isimha stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kellu jiġi eżaminat fid-dawl tar-Regolament antidumping bażiku (3) jekk iċ-CCCME setgħetx legalment tingħata l-imsemmija drittijiet.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, għalkemm ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament antidumping bażiku (4) jagħtu ċerti drittijiet proċedurali lill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw importaturi jew esportaturi tal-prodott li jkun is-suġġett ta’ dumping, dan ir-regolament ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “assoċjazzjoni li tirrappreżenta importaturi jew esportaturi”.

Filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjonijiet li fihom jinsab dan il-kunċett, iżda wkoll il-kuntest li fih jinsabu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fl-ewwel lok, li l-imsemmi kunċett ma jkoprix persuni jew entitajiet li jirrappreżentaw interessi differenti minn dawk ta’ importaturi jew ta’ esportaturi, bħalma huma, b’mod partikolari, interessi Statali. Fil-fatt, mir-Regolament antidumping bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħmel distinzjoni bejn l-“assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw importaturi jew esportaturi”, minn naħa, u l-“awtoritajiet” jew ir-“rappreżentanti” tal-pajjiż esportatur, min-naħa l-oħra. B’hekk, dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jitqiesu li huma assoċjazzjoni rappreżentattiva fis-sens ta’ dan ir-regolament biss jekk ma jkunux suġġetti għal indħil mill-Istat esportatur, iżda jgawdu, għall-kuntrarju, mill-indipendenza neċessarja fil-konfront ta’ dan l-Istat sabiex ikunu jistgħu effettivament jaġixxu bħala rappreżentanti tal-interessi ġenerali u kollettivi tal-importaturi jew tal-esportaturi u mhux bħala estensjoni tal-imsemmi Stat.

Fit-tieni lok, l-għan ta’ tali assoċjazzjoni rappreżentattiva għandu jinkludi r-rappreżentazzjoni tal-importaturi jew tal-esportaturi tal-prodott li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni antidumping, li jeħtieġ li dan il-grupp jinkludi fost il-membri tiegħu numru sinjifiakttiv ta’ importaturi jew ta’ esportaturi li l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet tagħhom ta’ dan il-prodott ikunu sinjifikattivi.

Fid-dawl tal-fatt li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-locus standi tiegħu, f’dan il-każ kienet iċ-CCCME li kellha turi li kienet assoċjazzjoni rappreżentattiva tal-importaturi jew tal-esportaturi tal-prodott ikkonċernat.

Issa, għalkemm iċ-CCCME għandha fost il-membri tagħha produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat u hija awtorizzata tipproteġi l-interessi tagħhom, hija ma għandhiex indipendenza suffiċjenti fil-konfront tal-awtoritajiet Statali Ċiniżi sabiex tkun tista’ titqies li hija “assoċjazzjoni rappreżentattiva” tal-esportaturi tal-prodott ikkonċernat.

Barra minn hekk, iċ-CCCME la stabbilixxiet li fost il-membri tagħha kien hemm numru sinjifikattiv ta’ importaturi jew ta’ esportaturi tal-prodott ikkonċernat u lanqas li l-esportazzjonijiet ta’ dan il-prodott mill-membri tagħha kienu sinjifikattivi.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ċ-CCCME ma kellhiex locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li r-rikors li hija ppreżentat f’isimha stess kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli u b’tali mod li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball meta eżaminat il-motivi bbażati fuq ksur tad-drittijiet proċedurali taċ-CCCME invokati insostenn ta’ dan ir-rikors. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li ċ-CCCME kellha d-dritt li tressaq azzjoni ġudizzjarja f’isem il-membri tagħha peress li dan id-dritt ma kienx suġġett għal kundizzjoni marbuta man-natura demokratika tal-organizzazzjoni ta’ tali entità. Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żbalji fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali la kienet applikat kriterju legali żbaljat u lanqas ma wettqet żball ta’ klassifikazzjoni meta qieset li ċ-CCCME ma setgħetx tinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali tal-membri tagħha u tal-appellanti l-oħra.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell fl-intier tiegħu.


1      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/140 tad‑29 ta’ Jannar 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fl-Indja (ĠU 2018, L 25, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”).


2      Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/18, EU:T:2021:278, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


3      Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping bażiku”).


4      Regolament antidumping bażiku, Artikolu 5(11), Artikolu 6(7), Artikolu 20(1) u (2), u Artikolu 21(2).