Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2017 – Nike European Operations Netherlands et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-351/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Nike European Operations Netherlands BV (Hilversum, il-Pajjiżi l-Baxxi), Hugo Boss AG (Metzingen, il-Ġermanja), Timberland Europe BV (Almelo, il-Pajjiżi l-Baxxi), New Balance Athletic Shoes (UK) Ltd (Warrington, ir-Renju Unit), Wolverine Europe BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Wolverine Europe Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: E. Vermulst u J. Cornelis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/423, tad-9 ta’ Marzu 2017, li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Vjetnam u magħmula minn Fujian Viscap Shoes Co. Ltd, Vietnam Ching Luh Shoes Co. Ltd, Vinh Thong Producing-Trading-Service Co. Ltd, Qingdao Tae Kwang Shoes Co. Ltd, Maystar Footwear Co. Ltd, Lien Phat Company Ltd, Qingdao Sewon Shoes Co. Ltd, Panyu Pegasus Footwear Co. Ltd, PanYu Leader Footwear Corporation, Panyu Hsieh Da Rubber Co. Ltd, An Loc Joint Stock Company, Qingdao Changshin Shoes Company Limited, Chang Shin Vietnam Co. Ltd, Samyang Vietnam Co. Ltd, Qingdao Samho Shoes Co. Ltd, Min Yuan, Chau Giang Company Limited, Foshan Shunde Fong Ben Footwear Industrial Co. Ltd, u Dongguan Texas Shoes Limited Co. u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Maqgħuda C-659/13 u C-34/14 (ĠU 2017, L 64, p. 72);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni Ewropea ma kellhiex il-kompetenza legali sabiex tadotta r-regolament ikkontestat.

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura dwar iż-żraben li kienet ingħalqet u l-impożizzjoni retroattiva tad-dazju antidumping skadut permezz tar-regolament ikkontestat (i) huma nieqsa minn bażi legali, huma bbażati fuq żball manifest fl-applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE u tar-Regolament Bażiku 1 u jiksru l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Bażiku; (ii) huma inkonsistenti mal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività sa fejn ir-rikorrenti huma kkonċernati; (iii) huma bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 266 TFUE u fuq użu ħażin ta’ poter mill-Kummissjoni Ewropea u jiksru l-Artikolu 5(4) TUE.

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-impożizzjoni retroattiva tad-dazju antidumping fuq il-fornituri tar-rikorrenti li tipprevjeni r-rimbors tar-rikorrenti tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni Ewropea wettqet użu ħażin tal-poter tagħha fl-evalwazzjoni tal-ekonomija tas-suq u ta’ talbiet għal trattament individwali u kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

____________

1 Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).