Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2008 - KODA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-425/08)

Lingwa tal-kawża: Id-Daniż

Partijiet

Rikorrenti: KODA (Kopenħagen, id-Danimarka) (rappreżentanti: K. Dyekjær u J. Borum, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC, kollha kemm hi, jew

sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC, kollha kemm hi safejn tikkonċerna KODA; jew

tannulla l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC; jew

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC, safejn tikkonċerna KODA; jew

ulterjorment, tannulla l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC, safejn tikkonċerna t-trażmissjoni bil-kejbil u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, C(2008) 3435 finali, każ COMP/C2/38.698 - CISAC, li biha l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE billi inkludiet fil-ftehim tagħha ta' rappreżentanza reċiproka jew billi inkludiet fl-operat tagħha limitazzjonijiet relatati mas-sħubija (Artikolu 1) u klawżoli ta' esklużività (Artikolu 2) u billi ftehmet dwar limitazzjonijiet territorjali b'mod li llimitat liċenzja konnessa mat-territorju nazzjonali tal-awtorità ta' amministrazzjoni inkwistjoni fil-każ tal-attribuzzjoni ta' liċenzji għal drittijiet għax-xandir pubbliku ta' xogħlijiet mużikali bl-internet, bis-satellita u bil-kejbil (Artikolu 3).

In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:

id-deċiżjoni kkontestata għandha difett ta' forma, inkwantu, f'parti ċentrali tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija differenti mid-deċiżjoni finali;

id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta' liġi, inkwantu i) ma ġiex ipprovat li l-inklużjoni min-naħa tar-rikorrenti ta' limitazzjonijiet territorjali fil-kuntratti tagħha ta' rappreżentanza reċiproka permezz tax-xandir bl-internet, bis-satellita u bil-kejbil huwa dovut għal prattika miftiehma ma' awtoritajiet oħra ta' amministrazzjoni li joperaw fiż-ŻEE, u inkwantu ii) il-limitazzjonijiet territorjali ma jikkostitiwixxux restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

Sussidjarjament ir-rikorrenti ssostni li fid-deċiżjoni kkontestata ma ġiex ipprovat li hemm ksur fir-rigward tal-għoti ta' liċenzji ta' drittijiet ta' xandir bil-kejbil.

____________