Language of document : ECLI:EU:T:2014:912

Kawża T‑29/11

Technische Universität Dresden

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika — Rikors għal annullament — Nota ta’ debitu — Natura kuntrattwali tal-kawża — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Inammissibbiltà — Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors — Spejjeż eliġibbli”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Bażi legali ta’ rikors — Għażla li taqa’ taħt ir-rikorrent u mhux il-qorti tal-Unjoni

2.      Rikors għal annullament — Rikors li fil-verità jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali — Annullament ta’ nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament — Rikors li fil-verità jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali — Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors — Kundizzjonijiet

(Artikolu 272 TFUE) (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

4.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Klawżola ta’ arbitraġġ — Kunċett

(Artikolu 272 TFUE)

5.      Baġit tal-Unjoni Ewropea — Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni — Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna

(Artikolu 317 TFUE)

6.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kontrotalba — Talba fil-kuntest ta’ rimbors ta’ sussidji eċċessivi mħallsa mill-Kummissjoni — Rekwiżit ta’ kjarezza tal-osservazzjonijiet u ta’ provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tevalwa l-mertu — Nuqqas ta’ osservanza — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 46(1)(ċ))

7.      Rikors għal annullament — Motivi — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Obbligu ta’ motivazzjoni jirreferi biss għall-modi ta’ azzjoni unilaterali — Assenza ta’ obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ finanzjament

(Artikoli 272 TFUE u 296 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 24)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 29, 38, 39)

3.      Il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ rikors għal annullament jew għad-danni promotur ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE (klawżola ta’ arbitraġġ) hija suġġetta għal żewġ kundizzjoni kumulattivi. Għalhekk, din il-klassifikazzjoni mill-ġdid hija possibbli sakemm il-volontà espressa tar-rikorrenti ma tkunx tipprekludiha u li tal-inqas motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregola r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni jiġi invokat fir-rikors skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi.

(ara l-punti 42, 44)

4.      It-Trattat ma jippreskrivi ebda formulazzjoni partikolari li għandha tintuża fi klawżola ta’ arbitraġġ, peress li kull formulazzjoni li tindika li l-partijiet għandhom l-intenzjoni li jeskludu l-eventwali kontroversji tagħhom mill-kompetenza tal-qrati nazzjonali sabiex jissottomettuhom lill-qrati Komunitarji għandha tiġi kkunsidrata suffiċjenti sabiex tagħti kompetenza lil dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 272 TFUE.

Tikkostitwixxi klawżola ta’ arbitraġġ klawżola inkluża taħt it-titolu “Law applicable and competent court” (Dritt applikabbli u qorti kompetenti) f’kuntratt ta’ finanzjament, li tipprovdi li “il-benefiċjarji jistgħu jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-istipulazzjonijiet [ta’ dan] il-kuntratt u l-modalitajiet tal-implementazzjoni tiegħu quddiem il-[Qorti Ġenerali] u, fil-każ ta’ appell, quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja]”.

Għalkemm huwa minnu li l-formulazzjoni atikipa ta’ tali klawżola u t-terminoloġija tagħha, b’mod partikolari l-użu tal-kliem “deċiżjoni” u “benefiċjarji”, ifakkru l-istħarriġ ta’ legalità mwettqa abbażi tar-rikors għal annullament stabbilit skont l-Artikolu 263 TFUE, din iċ-ċirkustanza ma timpedix il-klassifikazzjoni ta’ din il-klawżola bħala klawżola ta’ arbitraġġ.

Sa fejn l-imsemmija klawżola tista’ tiġi applikata b’mod partikolari għad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ stipulazzjonijiet tal-kuntratt u li huma indissoċjabbli mir-relazzjoni kuntrattwali — deċiżjonijiet li jaqgħu, skont il-ġurisprudenza, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE — interpretazzjoni ta’ din il-klawżola li tipprovdi li tali klawżola tikkostitwixxi sempliċi tfakkira tar-rikors għal annullament twassal għal estensjoni, b’kuntratt, tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE, filwaqt li dawn il-kundizzjoni huma ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux, għalhekk, jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-kliem tagħha, li l-kamp ta’ din il-klawżola huwa limitat għar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 299 TFUE.

(ara l-punti 52, 53, 55, 56, 60, 61, 63, 64, 66)

5.      Skont prinċipju fundamentali li jirregola l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tissussidja spejjeż biss effettivament minfuqa. Għalhekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita rwol ta’ stħarriġ, il-benefiċjarji ta’ għajnuna bħal din għandhom juru li l-ispejjeż relatati mal-proġetti ssussidjati huma reali, peress li l-għoti ta’ informazzjoni affidabbli minn dawn il-benefiċjarji huwa indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll u ta’ prova stabbilita sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna humiex issodisfatti. Għaldaqstant, ma huwiex biżżejjed li jintwera li proġett twettaq sabiex ikun iġġustifikat l-għoti ta’ sussidju partikolari. Minbarra dan, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jġib prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż iġġustifikati tajjeb li jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli. L-obbligu tiegħu li jiġu osservati l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti jikkostitwixxu wkoll wieħed mill-impenji essenzjali tiegħu u, minn dan il-fatt, jikkundizzjona l-għoti tal-għajnuna finanzjarja.

(ara l-punt 71)

6.      Fil-każ li l-Kummissjoni beħsiebha tagħmel lill-Qorti Ġenerali kontrotalba u li l-Qorti Ġenerali tkun, minkejja l-formulazzjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ, kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba, fid-dawl tal-ġurisprudenza li, fis-sistema Komunitarja tar-rimedji ta’ dritt tal-Unjoni, il-kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq rikors prinċipali timplika l-eżistenza ta’ kompetenza sabiex tiġi deċiża fuq kull kontrotalba mressqa matul l-istess proċedura derivanti mill-istess att jew mill-istess fatt li jifforma s-suġġett tar-rikors din il-kontrotalba tkun, fi kwalunkwe każ, inammissibbli, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 46(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, tali talba ma tirriżultax bil-kjarezza meħtieġa, la mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn din tal-aħħar waqt is-seduta u bilkemm hija sostnuta minn argumenti u provi li jqiegħdu lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tagħha u li tippermetti lir-rikorrenti li tipprepara d-difiża tagħha.

(ara l-punt 116)

7.      L-obbligu ta’ motivazzjoni li r-rikorrenti tallega l-ksur tiegħu huwa impost fuq il-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Madankollu, dan l-obbligu japplika biss għal azzjonijiet unilaterali ta’ din l-istituzzjoni. Għalhekk huwa impost fuq il-Kummissjoni skont il-kuntratt ta’ finanzjament. Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni huwa ineffettiv fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, peress li eventwali ksur ta’ dan l-obbligu huwa irrilevanti fuq l-obbligi li għandha l-Kummissjoni skont il-kuntratt inkwistjoni. Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata permezz tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl tal-fatt li deċiżjoni li tirrigwarda tnaqqis tal-ammont ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni twassal għal konsegwenzi gravi għall-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għandha turi b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-għajnuna fir-rigward tal-ammont inizjalment miftiehem.

(ara l-punti 120-122)