Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Mejju 2009 - TerreStar Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-196/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: TerreStar Europe Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: R. Olofsson, lawyer, J. Killick, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3746 finali/2, tat-13 ta' Mejju 2009, dwar l-għażla tal-operaturi tas-sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS), adottata b'applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE 1, sa fejn tirrifjuta l-applikazzjoni tar-rikorrenti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċidiet li TerreStar ma laħqitx l-istadji meħtieġa. Ir-rikorrenti ssosnti li l-inkonsistenzi bejn l-informazzjoni u n-nuqqas ta' provi tat-twettiq ta' wieħed mill-istadji kkonstatati mill-Kummissjoni kienu dovuti għal interpretazzjoni żbaljata tal-informazzjoni ppreżentata li setgħet tkun ikkjarifikata fuq sempliċi talba min-naħa tal-Kummissjoni.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssosnti li l-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta' proporzjonalità meta naqset milli titlob kjarifikazzjoni u milli tirrevedi l-kjarifikazzjonijiet ippreżentati b'mod volontarju minn TerreStar.

It-tielet lok, sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata m'għandhiex motivazzjoni adegwata.

____________

1 - Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Ġunju 2008, dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (ĠU L 172, p. 15).