Language of document : ECLI:EU:C:2018:465

Kawża C181/16

Sadikou Gnandi

vs

État belge

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État, (il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’soġġorn irregolari – Direttiva 2008/115/KE – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘soġġorn irregolari’ – Artikolu 6 – Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn qabel l-eżitu tal-azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtorità responsabbli – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 18, Artikolu 19(2) u Artikolu 47 – Prinċipju ta’ non-refoulement – Dritt għal rimedju effettiv – Awtorizzazzjoni li jibqa’ fi Stat Membru”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad‑19 ta’ Ġunju 2018

1.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità ta’ tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali – Esklużjoni

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’soġġorn irregolari – Direttiva 2008/115 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Applikant għal protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda fl-ewwel istanza – Inklużjoni – Awtorizzazzjoni li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sal-eżitu tal-azzjoni kontra din iċ-ċaħda – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, premessa 9 u Artikolu 6(4) u (6); Direttiva tal-Kunsill 2005/85, Artikoli 7(1) u 39(3)(a))

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’soġġorn irregolari – Direttiva 2008/115 – Azzjoni kontra deċiżjoni li tordna r-ritorn jew deċiżjoni ta’ tneħħija – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ non-refoulement – Effett sospensiv ipso jure ta’ din l-azzjoni quddiem istanza ġudizzjarja

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 18, 19(2) u 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 6)

5.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’soġġorn irregolari – Direttiva 2008/115 – Deċiżjoni li tordna r-ritorn meħuda fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz miċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u qabel l-eżitu tal-azzjoni kontra din iċ-ċaħda – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Sospensjoni tal-proċedura ta’ ritorn sal-eżitu tal-imsemmija azzjoni – Applikant li jista’ jibbenefika mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/9 u li jkun jista’ jinvoka kull bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 18, 19(2) u 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikoli 5, 6(1), 7 u 15; Direttiva tal-Kunsill 2005/85; Direttiva tal-Kunsill 2003/9, Artikoli 2(ċ) u 3(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 31)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 34)

3.      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85, applikant għal protezzjoni internazzjonali huwa awtorizzat li jibqa’ fl-Istat Membru, għall-finijiet biss tal-proċedura, sal-adozzjoni tad-deciżjoni tal-ewwel istanza li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għalkemm dan id-dritt li jibqa’ ma jikkostitwixxix, skont it-termini espliċiti ta’ din id-dispożizzjoni, dritt għal permess ta’ residenza, madankollu, b’mod partikolari, mill-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-imsemmi dritt li jibqa’ jipprekludi li s-soġġorn ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi kklassifikat bħala “irregolari”, fis-sens ta’ din id-direttiva, matul il-perijodu bejn il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali sal-adozzjoni tad-deciżjoni tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwarha.

Kif jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/85, id-dritt li jibqa’ previst f’din id-dispożizzjoni jispiċċa bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-awtorità responsabbli. Fl-assenza ta’ dritt jew ta’ permess ta’ soġġorn mogħti lill-persuna kkonċernata fuq bażi legali oħra, b’mod partikolari skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, li jippermetti lill-applikant li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għandha bħala konsegwenza li, mill-adozzjoni tagħha, dan l-applikant ma jkunx jissodisfa iktar dawn il-kundizzjonijiet, b’tali mod li s-soġġorn tiegħu jsir irregolari. Deċiżjoni li tordna r-ritorn tista’ għalhekk, bħala prinċipju, tiġi adottata fil-konfront ta’ tali ċittadin, mill-imsemmija ċaħda jew b’mod kumulattiv magħha fl-istess att amministrattiv.

Ċertament, l-Artikolu 39(3)(a) tad-Direttiva 2005/85 jiftaħ għall-Istati Membri l-fakultà li jipprevedu regoli li jippermettu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu fit-territorju tagħhom sal-eżitu ta’ azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Huwa wkoll minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 47 u 49 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343), li awtorizzazzjoni li jibqa’ għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv ta’ azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta din l-applikazzjoni sal-eżitu tal-azzjoni kontra ċ-ċaħda tagħha. Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li tali awtorizzazzjoni li tibqa’ tipprojbixxi li jiġi kkunsidrat li, miċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u bla ħsara għall-eżistenza ta’ dritt jew ta’ permess ta’ soġġorn kif indikat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, is-soġġorn tal-persuna kkonċernata jsir irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115.

(ara l-punti 40 sa 44, 59)

4.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta Stat jiddeċiedi li jibgħat lura applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż fejn hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li dan ser ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti kuntrarji għall-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jew għall-Artikolu 19(2) tal-Karta, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47 tagħha, jeżiġi li dan l-applikant jkollu rimedju sospensiv ipso jure kontra l-eżekuzzjoni tal-miżura li tippermetti r-ritorn tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 52, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 54).

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-assenza ta’ effett sospensiv ta’ rimedju eżerċitat kontra d-deċiżjoni biss li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija, bħala prinċipju, konformi mal-prinċipju ta’ non-refoulement u mal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni ma tistax, bħala tali, twassal għat-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 56). Għall-kuntrarju, l-appell ippreżentat kontra deċiżjoni li tordna r-ritorn fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 għandu, sabiex jiġi żgurat, fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ non-refoulement u tal-Artikolu 47 tal-Karta, ikollu effett sospensiv ipso jure, peress li din id-deċiżjoni tista’ tesponi lil dan iċ-ċittadin għal riskju reali li jiġi ssuġġettat għal trattamenti li jiksru l-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jew għal trattamenti li jiksru l-Artikolu 19(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 52 u 53, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punti 57 u 58). Dan japplika a fortiori fir-rigward ta’ deċiżjoni eventwali ta’ tneħħija fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 54 sa 56)

5.      Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqrija flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ non-refoulement u tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbiliti fl-Artikolu 18, fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, miċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni mill-awtorità responsabbli jew b’mod kumulattiv magħha fl-istess att amministrattiv u, għaldaqstant, qabel l-eżitu tal-azzjoni ġudizzjarja kontra din iċ-ċaħda, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-Istat Membru kkonċernat jiżgura li l-effetti legali kollha tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn jiġu sospiżi sal-eżitu ta’ din l-azzjoni, li dan l-applikant ikun jista’, matul dan il-perijodu, jibbenefika mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil u li jkun jista’ jinvoka kull bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn, li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effettività sħiħa tal-azzjoni kontra d-deciżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fl-osservanza tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jeżiġi, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-effetti kollha tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn matul it-terminu għall-preżentata ta’ din l-azzjoni u, jekk tali azzjoni tiġi ppreżentata, sal-eżitu tagħha. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li l-Istat Membru kkonċernat jastjeni milli jwettaq eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn. Huwa għall-kuntrarju neċessarju li l-effetti legali kollha ta’ din id-deciżjoni jkunu sospiżi u għalhekk, b’mod partikolari, li t-terminu għat-tluq volontarju previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115 ma jibdiex jgħaddi sakemm il-persuna kkonċernata tkun awtorizzata tibqa’. Barra minn hekk, matul dan il-perijodu, hija ma tistax titqiegħed f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva.

Barra minn hekk, sal-eżitu tal-azzjoni kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità responsabbli, il-persuna kkonċernata għandha, bħala prinċipju, tkun tista’ tibbenefika mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/9. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-applikazzjoni tagħha biss għall-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni li tibqa’ fit-territorju bħala applikant u, għaldaqstant, ma jeskludix tali applikazzjoni fil-każ fejn il-persuna kkonċernata, filwaqt li jkollha tali awtorizzazzjoni, tkun f’soġġorn irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/9 jirriżulta li l-persuna kkonċernata żżomm l-istatus tagħha ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali fis-sens ta’ din id-direttiva sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni definittiva fuq l-applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI, C‑179/11, EU:C:2012:594, punt 53).

(ara l-punti 61 sa 63, 67, u d-dispożittiv)