Language of document : ECLI:EU:C:2015:50

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Frar 2015 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 49 TFUE — Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE — Taxxa fuq il-kumpanniji — Gruppi ta’ kumpanniji — Tnaqqis tat-telf subit minn grupp — Trasferiment tat-telf subit minn sussidjarja mhux residenti — Kundizzjonijiet — Data li fiha tiġi ddeterminata n-natura definittiva tat-telf tas-sussidjarja mhux residenti”

Fil-Kawża C‑172/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-5 ta’ April 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Roels u R. Lyal, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn V. Kaye, S. Brighouse u A. Robinson, bħala aġenti, assistiti minn D. Ewart, QC, u minn S. Ford, barrister,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Lulju 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi jimponi, fir-rigward tat-tnaqqis tat-telf subit minn grupp sa fejn ikun ikkonċernat it-telf subit minn kumpanniji mhux residenti (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali”), kundizzjonijiet ta’ natura tali li prattikament jagħmlu l-benefiċċju ta’ dan it-tip ta’ tnaqqis kważi impossibbli u billi jillimita dan it-tnaqqis għall-perijodi wara l-1 ta’ April 2006, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 TFUE u taħt l-Artikolu 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem “il-Ftehim ŻEE”).

 Il-kuntest ġuridiku tar-Renju Unit

2        Fir-Renju Unit, ir-regoli dwar it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp jippermettu lill-kumpanniji ta’ grupp iwettqu bejniethom tpaċija bejn il-profitti u t-telf tagħhom. Madankollu, ir-regoli stabbiliti permezz tal-Att tal-1988 dwar it-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kumpanniji (Income and Corporation Tax Act 1988, iktar ’il quddiem l-“ICTA”) ma kinux jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf subit minn kumpanniji mhux residenti.

3        Wara s-sentenza Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763), l-ICTA ġie emendat permezz ta’ dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-finanzi tal-2006 (Finance Act 2006), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006, sabiex jiġi permess, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali. Sussegwentement, l-imsemmija dispożizzjonijiet ġew riprodotti, b’termini fil-parti l-kbira tagħhom identiċi, fl-Att tal-2010 dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Corporation Tax Act 2010, iktar ’il quddiem is-“CTA 2010”).

4        Is-CTA 2010 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali. L-Artikolu 118 tas-CTA 2010 jeżiġi li l-kumpannija mhux residenti tkun eżawrixxiet il-possibbiltajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf matul is-sena fiskali li matulha jinħoloq it-telf u matul is-snin fiskali preċedenti, filwaqt li l-Artikolu 119(1) sa (3) tas-CTA 2010 jeżiġi li ma tkun teżisti ebda possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf matul snin fiskali futuri.

5        Skont l-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010, id-determinazzjoni tal-kwistjoni jekk telf huwiex ser ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni matul snin fiskali futuri għandha titwettaq “b’riferiment għas-sitwazzjoni kif din tkun tinsab immedjatament wara t-tmiem” tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf.

6        Skont il-punti 14(1)(a) u 74(1)(a) tal-Anness 18 tal-Att dwar il-finanzi tal-1998, it-terminu normali sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal tnaqqis tat-telf subit minn grupp huwa ta’ sentejn mit-tmiem tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf.

7        Fil-punt 33 tas-sentenza tagħha tat-22 ta’ Mejju 2013, is-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li, sabiex jingħata t-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali, il-kwistjoni li kellha tiġi eżaminata fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ April 2006, interpretata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, kienet dik ta’ jekk il-kumpannija li tippreżenta l-applikazzjoni kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi magħrufa fid-data li fiha tkun għamlet l-applikazzjoni tagħha għal tnaqqis, li ma kien hemm ebda possibbiltà li t-telf inkwistjoni jittieħed inkunsiderazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija li ċċedi t-telf f’xi sena fiskali qabel id-data tal-applikazzjoni u li ma kien hemm ebda possibbiltà ta’ tali teħid inkunsiderazzjoni matul is-sena fiskali li matulha ssir l-applikazzjoni jew matul xi snin fiskali futuri.

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8        Fid-19 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit fejn qajmet il-possibbiltà ta’ inkompatibbiltà mal-libertà ta’ stabbiliment tar-regoli fiskali adottati minn dan l-Istat Membru wara s-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), sa fejn dawn ir-regoli huma bbażati, skont il-Kummissjoni, fuq interpretazzjoni partikolarment restrittiva tal-kriterju li jikkonċerna l-eżawriment tal-possibbiltajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf tas-sussidjarja mhux residenti fl-Istat tar-residenza tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li dawn ir-regoli kienu applikabbli biss b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, jiġifieri mill-1 ta’ April 2006.

9        Permezz ta’ ittra elettronika tat-23 ta’ Ottubru 2007, ir-Renju Unit sostna li l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali hija konformi mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763).

10      Fit-23 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unit opinjoni motivata fejn tenniet il-pożizzjoni tagħha. Ir-Renju Unit ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu f’ittra tat-18 ta’ Novembru 2008.

11      Fil-25 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unit opinjoni motivata komplementari sussegwentement għall-adozzjoni tas-CTA 2010.

12      Billi ma kinitx konvinta mill-argumenti mressqa mir-Renju Unit fl-ittra tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2011 bi tweġiba għal din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors ineżami.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ottubru 2013, ġew ammessi l-interventi insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Repubblika tal-Finlandja.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE sa fejn l-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010 jagħmilha kważi impossibbli għal kumpannija parent residenti li tibbenefika mit-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali

 L-argumenti tal-partijiet

14      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010 ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw għall-Istat Membru kkonċernat mill-punti 55 u 56 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763) sa fejn jipprovdi li d-determinazzjoni tal-impossibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni futur tat-telf subit minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li huwa parti fil-Ftehim ŻEE għandha ssir “b’riferiment għas-sitwazzjoni kif din tkun tinsab immedjatament wara t-tmiem” tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf. Skont il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni twassal sabiex ikun kważi impossibbli għal kumpannija parent residenti li tibbenefika mit-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali.

15      Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010 jwassal sabiex it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali jkun jista’ jingħata biss f’żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, fis-sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja mhux residenti ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ trasferiment tat-telf u, it-tieni nett, fis-sitwazzjoni fejn is-sussidjarja mhux residenti tiġi llikwidata qabel it-tmiem tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf. B’hekk, it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali huwa eskluż fis-sitwazzjoni kummerċjali normali, jiġifieri meta jiġi deċiż li titwaqqaf l-attività tas-sussidjarja mhux residenti u li din titqiegħed taħt likwidazzjoni wara s-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf. Barra minn hekk, dejjem skont il-Kummissjoni, dan it-tnaqqis huwa limitat għat-telf subit matul sena fiskali waħda.

16      Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tkun iggarantita l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), il-possibbiltà ta’ benefiċċju minn tnaqqis fiskali fl-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja mhux residenti għandha tiġi evalwata fid-data li fiha l-applikazzjoni għal tnaqqis tat-telf subit minn grupp tiġi ppreżentata fir-Renju Unit u għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-fatti konkreti tal-każ. Skont il-Kummissjoni, ma huwiex biżżejjed li wieħed jibbaża ruħu fuq possibbiltà teoretika ta’ teħid inkunsiderazzjoni ulterjuri tat-telf subit mis-sussidjarja mhux residenti li tirriżulta biss mill-fatt li l-imsemmija sussidjarja tkun għadha ma tqegħditx taħt likwidazzjoni.

17      Ir-Renju Unit jirribatti li, kif jirriżulta mill-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), il-kundizzjoni li ma jkunx hemm possibbiltà li t-telf tas-sussidjarja mhux residenti jkun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-Istat ta’ residenza tagħha fir-rigward ta’ snin futuri għandha tiġi evalwata mat-tmiem tas-sena fiskali li matulha jinħoloq it-telf.

18      Fir-rigward tal-allegazzjoni li huwa kważi impossibbli li wieħed jibbenefika mit-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali, ir-Renju Unit isostni li kumpannija normalment ikollha l-possibbiltà tittrasferixxi t-telf għal sena fiskali ulterjuri fil-każ li tkun għadha teżerċita attività kummerċjali. Barra minn hekk, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010 tista’ tkun issodisfatta f’ċirkustanzi usa’ minn dawk esposti mill-Kummissjoni. Skont ir-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet rilevanti ma jsemmux it-tqegħid taħt likwidazzjoni tas-sussidjarja mhux residenti qabel it-tmiem tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf bħala kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tat-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali. Il-prova tal-intenzjoni li tiġi llikwidata sussidjarja li tkun qiegħda ġġarrab telf u l-ftuħ tal-proċedura ta’ likwidazzjoni fi żmien qasir wara t-tmiem tas-sena fiskali huma fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-intenzjoni li tinbeda l-likwidazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni flimkien mal-fatti rilevanti l-oħra kollha eżistenti fit-tmiem tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterju tal-assenza ta’ possibbiltajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf huwiex issodisfatt.

19      L-intervenjenti jsostnu li r-Renju Unit ma huwa suġġett għal ebda obbligu li jipprevedi possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf subit minn sussidjarji mhux residenti fil-każijiet kollha fejn dan it-telf ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni b’xi mod ieħor. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ likwidazzjoni de facto tas-sussidjarja mhux residenti ma huwiex sproporzjonat.

20      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763) għandha tiġi eżaminata mill-ġdid fid-dawl tas-sentenza K (C‑322/11, EU:C:2013:716).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21      Is-CTA 2010 tipprevedi regoli dwar it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp li bis-saħħa tagħhom it-telf subit minn kumpannija jista’ jiġi paċut mal-profitti ta’ kumpanniji oħra fl-istess grupp. Għall-kuntrarju tat-telf subit mill-kumpanniji residenti, dak subit mill-kumpanniji mhux residenti jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tnaqqis tat-telf subit minn grupp biss jekk dan it-telf jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 118 u 119 tas-CTA 2010.

22      It-tnaqqis tat-telf subit minn grupp previst fis-CTA 2010 jikkostitwixxi vantaġġ fiskali għall-kumpanniji kkonċernati. Billi jħaffef il-clearance tat-telf tas-sussidjarji li jkunu qegħdin iġarrbu telf permezz tat-tpaċija immedjata ta’ dan it-telf mal-profitti ta’ kumpanniji oħra tal-grupp, dan it-tnaqqis jagħti lil dan tal-aħħar vantaġġ monetarju (ara s-sentenzi Marks & Spencer, EU:C:2005:763, punt 32, kif ukoll Felixstowe Dock and Railway Company et, C‑80/12, EU:C:2014:200, punt 19).

23      Id-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-għoti tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni, bejn it-telf subit minn sussidjarji residenti u dak subit minn sussidjarji mhux residenti hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju mill-kumpannija parent tal-grupp tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, billi tiddiswadiha milli tistabbilixxi sussidjarji fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Marks & Spencer, EU:C:2005:763, punt 33; Felixstowe Dock and Railway Company et, EU:C:2014:200, punt 21, kif ukoll Nordea Bank Danmark, C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 22).

24      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali differenza fit-trattament tista’ tkun iġġustifikata minn tliet raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, meħuda flimkien, jiġifieri l-ħtieġa li jinżamm tqassim ibbilanċjat tal-kompetenzi fiskali bejn l-Istati Membri kif ukoll il-ħtieġa li jiġu evitati r-riskji ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf u ta’ evażjoni fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Marks & Spencer, EU:C:2005:763, punt 51; Oy AA, C‑231/05, EU:C:2007:439, punt 51, kif ukoll A, C‑123/11, EU:C:2013:84, punt 46).

25      Fadal li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet li għalihom id-dispożizzjonijiet tas-CTA 2010 jissuġġettaw it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn, filwaqt li jkunu adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti, ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-iskop.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), fejn kien inkwistjoni l-ICTA, li kien jeskludi kull teħid inkunsiderazzjoni tat-telf subit minn sussidjarji mhux residenti fil-kuntest tat-tnaqqis tat-telf subit minn grupp, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-differenza fit-trattament bejn it-telf subit minn sussidjarja residenti u dak subit minn sussidjarja mhux residenti tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, is-sussidjarja mhux residenti tkun eżawrixxiet il-possibbiltajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf li jeżistu fl-Istat ta’ residenza tagħha fir-rigward tas-sena fiskali kkonċernata mill-applikazzjoni għat-tnaqqis tat-telf kif ukoll fir-rigward tas-snin fiskali preċedenti, jekk ikun il-każ permezz ta’ trasferiment ta’ dan it-telf lil terz jew permezz tat-tpaċija tal-imsemmi telf mal-profitti miksuba minn din is-sussidjarja matul snin preċedenti, u, min-naħa l-oħra, ma jkunx hemm possibbiltà li t-telf tas-sussidjarja mhux residenti jkun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-Istat ta’ residenza tagħha fir-rigward ta’ snin futuri jew minnha stess jew minn terz, b’mod partikolari fil-każ tat-trasferiment ta’ din is-sussidjarja lil dan it-terz (ara wkoll is-sentenzi Lidl Belgium, C‑414/06, EU:C:2008:278, punt 47, u A, EU:C:2013:84, punt 49).

27      Kif jirriżulta mill-punt 56 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), fil-każ li, fi Stat Membru, il-kumpannija parent residenti tipprova quddiem l-awtoritajiet fiskali li sussidjarja mhux residenti subiet telf definittiv, fis-sens tal-punt 55 tal-imsemmija sentenza, ikun kuntrarju għall-Artikolu 49 TFUE li tiġi eskluża l-possibbiltà għal din il-kumpannija parent li tnaqqas mill-profitti tagħha li jkunu taxxabbli f’dan l-Istat Membru t-telf subit mis-sussidjarja mhux residenti tagħha.

28      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 118 u 119(1) sa (3) tas-CTA 2010 jirrikonoxxu t-teħid inkunsiderazzjoni mill-kumpannija parent residenti tat-telf subit minn sussidjarja mhux residenti fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763).

29      Barra minn hekk, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li s-CTA 2010 tippermetti, bħala prinċipju, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-kumpannija parent residenti tat-telf definittiv, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), subit minn sussidjarja mhux residenti.

30      Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010 huwa kuntrarju għall-Artikolu 49 TFUE sa fejn fil-prattika jagħmilha kważi impossibbli għal kumpannija parent residenti li tibbenefika mit-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010 jiffissa d-data li fiha għandha tiġi evalwata n-natura definittiva, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), tat-telf subit minn sussidjarja mhux residenti. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li tali evalwazzjoni għandha ssir “b’riferiment għas-sitwazzjoni kif din tkun tinsab immedjatament wara t-tmiem” tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf.

32      Skont il-Kummissjoni, dan ir-rekwiżit jagħmilha kważi impossibbli li wieħed jibbenefika mit-tnaqqis tat-telf ta’ grupp fir-rigward tat-telf subit minn sussidjarja mhux residenti peress li fil-prattika jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali telf mill-kumpannija parent residenti f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri, l-ewwel nett, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tas-sussidjarja kkonċernata ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ trasferiment tat-telf u, it-tieni nett, meta din is-sussidjarja titqiegħed taħt likwidazzjoni qabel it-tmiem tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf.

33      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel sitwazzjoni msemmija mill-Kummissjoni ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-natura definittiva, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), tat-telf subit minn sussidjarja mhux residenti ma tistax tirriżulta mill-fatt li l-Istat Membru ta’ residenza tal-imsemmija sussidjarja jeskludi kull possibbiltà ta’ trasferiment tat-telf (ara s-sentenza K, EU:C:2013:716, punti 75 sa 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija parent jista’ ma jirrikonoxxix it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali mingħajr ma jikser b’hekk l-Artikolu 49 TFUE.

34      Fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni msemmija, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-veraċità tal-affermazzjoni tagħha li l-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010 jeżiġi tqegħid taħt likwidazzjoni tas-sussidjarja mhux residenti qabel it-tmiem tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit l-imsemmi telf sabiex il-kumpannija parent residenti tagħha tkun tista’ tibbenefika mit-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali.

35      Fil-fatt, l-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010 jipprovdi li l-evalwazzjoni tan-natura definittiva, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), tat-telf subit minn sussidjarja mhux residenti, għandha ssir b’riferiment għas-sitwazzjoni kif din tkun tinsab “immedjatament wara t-tmiem” tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf. B’hekk, mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni ma timponi, fi kwalunkwe każ, ebda rekwiżit dwar tqegħid taħt likwidazzjoni tas-sussidjarja kkonċernata qabel it-tmiem tas-sena fiskali li matulha jkun ġie subit it-telf.

36      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li n-natura definittiva, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), tat-telf subit minn sussidjarja mhux residenti tista’ tiġi kkonstatata biss jekk din tal-aħħar ma tibqax tiġġenera dħul fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha. Fil-fatt, sakemm din is-sussidjarja tkun għadha tiġġenera dħul, anki jekk minimu, teżisti possibbiltà li t-telf subit ikun jista’ eventwalment jiġi paċut permezz tal-profitti futuri miksuba fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha (ara s-sentenza A, EU:C:2013:84, punti 53 u 54).

37      Issa, filwaqt li rrefera għal eżempju konkret ta’ kumpannija parent residenti li bbenefikat minn tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali, ir-Renju Unit ikkonferma li n-natura definittiva, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), tat-telf ta’ sussidjarja mhux residenti tista’ tiġi stabbilita meta, immedjatament wara t-tmiem tas-sena fiskali li matulha ġie subit l-imsemmi telf, l-imsemmija sussidjarja waqfet l-attivitajiet kummerċjali tagħha u biegħet jew eliminat l-assi kollha tagħha li kienu jiġġeneraw dħul.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 TFUE.

39      Fir-rigward tal-allegat ksur mill-Artikolu 119(4) tas-CTA 2010 tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE, li ġie invokat ukoll mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, sa fejn l-istipulazzjonijiet ta’ dan l-aħħar artikolu għandhom l-istess portata legali bħad-dispożizzjonijiet, essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 49 TFUE, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jistgħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tar-rikors ineżami, jiġu trasposti mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 31 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit teskludi t-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali fir-rigward tat-telf subit qabel l-1 ta’ April 2006

41      Il-Kummissjoni ssostni li t-telf subit qabel l-1 ta’ April 2006 huwa eskluż mill-benefiċċju tat-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali, bi ksur tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn id-dispożizzjonijiet dwar dan it-tnaqqis previsti fis-CTA 2010 japplikaw biss għat-telf subit wara l-1 ta’ April 2006, id-data li fiha daħal fis-seħħ l-Att dwar il-finanzi tal-2006.

42      Sabiex jirribatti dan l-argument tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit isostni li t-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali jeżisti wkoll fir-rigward tal-perijodi li jippreċedu l-1 ta’ April 2006, iżda huwa rregolat mit-termini tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal dawn il-perijodi preċedenti, interpretata inkonformità mad-dritt tal-Unjoni skont is-sentenza Marks & Spencer (EU:C:2005:763), kif kellha l-intenzjoni li tagħmel is-Supreme Court of the United Kingdom fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Mejju 2013, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 7 ta’ din is-sentenza.

43      Issa, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk ir-riferiment għall-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ qabel l-1 ta’ April 2006 magħmul mis-Supreme Court of the United Kingdom, fis-sens li t-telf subit qabel din id-data ma huwiex eskluż mill-benefiċċju tat-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali, huwiex biżżejjed sabiex ikun issodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-possibbiltà li jinkiseb it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali għat-telf subit qabel id-data msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet li fihom it-tnaqqis tat-telf subit minn grupp transkonfinali ma ngħatax fir-rigward tat-telf li jippreċedi l-1 ta’ April 2006.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

45      Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

46      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Renju Unit.

47      Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.