Language of document : ECLI:EU:T:2018:563

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

19 ta’ Settembru 2018 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna favur it-trasport bil-ferrovija u bit-triq tas-Sund – Finanzjament pubbliku mogħti mill-Istat Svediż u mill-Istat Daniż għall-proġett infrastrutturali ta’ konnessjoni fissa li tittraversa s-Sund – Garanziji statali – Għajnuna fiskali – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Diffikultajiet serji – Kunċett ta’ skema ta’ għajnuna – Għajnuna intiża sabiex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett kbir ta’ interess Ewropew komuni – Evalwazzjoni tal-element tal-għajnuna f’garanzija – Natura limitata tal-għajnuna f’garanzija – Proporzjonalità – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑68/15,

HH Ferries I/S, preċedentement Scandlines Øresund I/S, stabbilita f’Helsingør (id-Danimarka),

HH Ferries Helsingor ApS, stabbilita f’Helsingør,

SS Ferries Helsingborg AB, li kienet HH-Ferries Helsingborg AB, stabbilita f’Helsingborg (l-Isvezja),

irrappreżentati minn M. Johansson, R. Azelius, P. Remnelid u L. Sandberg-Mørch, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë, R. Sauer u L. Armati, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn C. Thorning, sussegwentement minn J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard, avukat,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, inizjalment irrappreżentat minn E. Karlsson, L. Swedenborg, A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren, sussegwentement minn Falk, Meyer-Seitz, L. Zettergren u H. Shev, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 7358 finali tal-15 ta’ Ottubru 2014 li ma tikklassifikax ċerti miżuri bħala għajnuna u li ma tqajjimx oġġezzjonijiet wara l-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE kontra l-għajnuna mill-Istat SA.36558 (2014/NN) u SA.38371 (2014/NN) – id-Danimarka, u SA.36662 (2014/NN) – l-Isvezja, dwar il-finanzjament pubbliku tal-proġett ta’ infrastruttura ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq tas-Sund (ĠU 2014, C 418, p. 1 u ĠU 2014, C 437, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn G. Berardis, President, D. Spielmann u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratur,

wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1) (2)

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Ir-rikorrenti

1        HH Ferries I/S, preċedentement Scandlines Øresund I/S, hija impriża konġunta miżmuma 50 % minn żewġ kumpanniji privati, il-kumpanija Daniża HH Ferries Helsingor ApS u l-kumpanija Svediża HH Ferries Helsingborg AB, li kienet HH-Ferries Helsingborg AB (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“rikorrenti”). Sa mill-aħħar ta’ Jannar 2015, il-First State European Diversified Infrastructure Fund FCP-SIF huwa l-uniku proprjetarju ta’ HH Ferries Helsingor u HH-Ferries Helsingborg u, għalhekk, l-uniku proprjetarju ta’ HH Ferries.

2        Għal iktar minn mitt sena, ir-rikorrenti żguraw il-konnessjoni bi trasport li jittraversa s-Sund, bejn Elseneur fid-Danimarka u Helsingborg fl-Isvezja, u użaw vapuri ta’ distanzi qosra għat-trasport ta’ piżijiet tqal, xarabanks, vetturi privati u passiġġieri.

B.      Il-benefiċjarju

3        Øresundsbro Konsortiet (iktar ’il quddiem il-“Konsorzju”) huwa miżmum 50 % minn żewġ kumpanniji b’responsabbiltà limitata: A/S Øresundsforbindelse, (iktar ’il quddiem “A/S Øresund”), li hija miżmuma fl-intier tagħha minn Sund & Bælt Holding A/S (iktar ’il quddiem “Sund & Bælt”), li tappartjeni 100 % lill-Istat Daniż, u Svensk-Danska Broförbindelsen AB (iktar ’il quddiem “SVEDAB”), li hija miżmuma fl-intier tagħha mill-Istat Svediż (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“kumpanniji omm tal-Konsorzju”).

4        Il-konsorzju għandu, jippjana, jiffinanzja, jikkostruwixxi u jopera sittax‑il kilometru ta’ konnessjoni li tittraversa s-Sund permezz ta’ trasport tal-ferrovija u tat-triq bejn Kastrup (id-Danimarka) u Limhamn (l-Isvezja).

C.      Il-konnessjoni fissa, il-konnessjonijiet interni mal-intern tal-pajjiż u l-miżuri kkonċernati

5        Il-konnessjoni fissa tas-Sund hija komposta minn pont bi ħlas ta’ tariffa tat-triq b’tul ta’ 16 km mill-gżira artifiċjali ta’ Peberholm (id-Danimarka) u minn mina parzjalment taħt l-ilma għat-traffiku bit-triq u bil-ferrovija bejn il-kosta Svediża u l-gżira Daniża ta’ Amager (iktar ’il quddiem il-“konnessjoni fissa”). Dan huwa l-itwal pont fl-Ewropa għat-trasport bil-ferrovija u bit-triq. Dan ġie kkostruwit bejn l-1995 u l-2000 u ilu jiġi użat sa mill-1 ta’ Lulju 2000. Dan il-proġett kien wieħed mill-proġetti prijoritarji tan-netwerks ta’ trasport trans-Ewropej (TEN-T) approvati mill-Kunsill Ewropew fl-1994.

6        L-aspetti legali u operattivi għall-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa huma rregolati minn:

–        it-Trattat tat-23 ta’ Marzu 1991 bejn il-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern tal-Isvezja dwar konnessjoni fissa li tittraversa s-Sund (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Intergovernattiv”), irratifikat mir-Renju tal-Isvezja fit-8 ta’ Awwissu 1991 u mir-Renju tad-Danimarka fl-24 ta’ Awwissu 1994;

–        il-Ftehim tat-27 ta’ Jannar 1992 li jistabbilixxi l-Konsorzju li ġie konkluż bejn il-kumpanniji omm tal-Konsorzju (iktar ’il quddiem l-“Ftehim ta’ Konsorzju”).

7        L-Artikolu 10 tal-Ftehim Intergovernattiv jipprevedi l-istabbiliment tal-Konsorzju “li se jkun responsabbli, għan-nom konġunt [tal-kumpanniji omm] u bħala entità waħda, għat-tfassil tal-proġett u ta’ kwalunkwe preparazzjoni oħra għall-konnessjoni fissa, kif ukoll il-finanzjament tagħha, il-kostruzzjoni u l-operat tagħha”.

8        L-Artikoli 14 u 15 tal-Ftehim Intergovernattiv, il-paragrafu 4 tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim Intergovernattiv u l-punt 4(6) tal-Ftehim ta’ Konsorzju jipprevedu, essenzjalment, li t-tariffi tat-triq miġbura mingħand l-utenti tal-konnessjoni fissa kif ukoll it-tariffa ferrovjarja annwali għall-użu tal-linja ferrovjarja li tinsab fuq il-konnessjoni fissa huma intenzjonati li jkopru l-ispejjeż tat-tfassil, tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni, tal-operat u tal-manutenzjoni tal-konnessjoni fissa kif ukoll l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni ta’ konnessjonijiet interni bit-triq u bil-ferrovija mal-intern tal-pajjiż. Huwa l-konsorzju li jiddetermina u jiġbor it-tariffi tat-triq, konformement mal-prinċipji miftiehma bejn il-Gvern Svediż u dak Daniż.

9        L-Artikolu 12 tal-Ftehim Intergovernattiv jipprevedi li “[r-Renju tad-] Danimarka u [r-Renju tal-Iżvezja] jimpenjaw ruħhom sabiex jiggarantixxu b’mod konġunt u in solidum l-obbligi relatati mas-self tal-Konsorzju u mal-istrumenti finanzjarji l-oħra użati għall-finanzjament [u li ż-żewġ] Stati jkunu wkoll responsabbli f’kull impriża konġunta”. F’dan ir-rigward, il-punt 4(3) tal-Ftehim ta’ Konsorzju jippreċiża li “[r]-rekwiżiti ta’ kapital tal-Konsorzju għall-ippjanar, it-tfassil tal-proġett u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni tas-Sund, inklużi l-ispejjeż tas-servizz ta’ self, u sabiex ikunu koperti r-rekwiżiti kapitali li jirriżultaw mit-telf tal-kontabbiltà antiċipat għal numru partikolari ta’ snin wara li l-konnessjoni fissa tkun ġiet miftuħa għat-traffiku għandhom, skont dak li ġie konkluż fil-Ftehim Intergovernattiv, jiġu ssodisfatti permezz tal-kisba ta’ self jew il-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji fis-suq miftuħ, b’assigurazzjonijiet fil-forma ta’ garanziji mill-Gvern Svediż u dak Daniż”.

10      Skont il-paragrafu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim Intergovernattiv, l-ebda primjum ta’ garanzija ma għandu jiġi rċevut mill-Istat Daniż u minn dak Svediż inkambju għal “impenji ta’ garanzija assunti minnhom fir-rigward tas-self tal-Konsorzju u l-istrumenti finanzjarji l-oħra użati għall-finanzjament”.

11      Minbarra l-konnessjoni fissa stess, il-proġett jinkludi wkoll faċilitajiet terrestri tat-triq u tal-ferrovija li jgħaqqdu t-truf tal-konnessjoni fissa mal-infrastrutturi tat-triq u tal-ferrovija fl-intern tal-pajjiż Daniż u ta’ dak Svediż (iktar ’il quddiem il-“konnessjonijiet interni”). Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim Intergovernattiv, ir-responsabbiltà għall-kostruzzjoni tal-konnessjonijiet interni taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ kull Stat fir-rigward tat-territorju tiegħu. Il-kumpanniji omm tal-Konsorzju ġew iddelegati mill-Istati rispettivi tagħhom ix-xogħlijiet relatati mat-tfassil, mal-finanzjament, mal-kostruzzjoni u mal-operat tal-konnessjonijiet interni (ara l-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim Intergovernattiv u l-punt 2(5) tal-Ftehim ta’ Konsorzju, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ddeċidew li l-ebda tariffa tat-triq ma tkun rikjesta mill-vetturi għall-użu tal-konnessjonijiet interni tat-triq jekk dawn il-vetturi jkunu użaw il-konnessjoni fissa.

D.      Il-proċedura amministrattiva

12      F’ittra tal-1 ta’ Awwissu 1995, il-Konsorzju informa lill-Kummissjoni Ewropea li huwa kien qed jibbenefika minn garanzija konġunta u in solidum tal-Gvern Daniż u tal-Gvern Svediż li jkopru s-self u l-istrumenti finanzjarji l-oħra għall-finanzjament tal-konnessjoni fissa (iktar ’il quddiem il-“garanziji statali”) u talab lill-Kummissjoni tikkonferma li dawn il-garanziji ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni wieġbet permezz ta’ żewġ ittri identiċi tas-27 ta’ Ottubru 1995 indirizzati lill-Istat Daniż u lill-Istat Svediż rispettivament u ppreċiżat li l-garanziji statali kienu marbuta ma’ proġett ta’ infrastruttura ta’ interess pubbliku li għandu jitqies li huwa beni pubblika li ttejjeb l-infrastruttura tas-servizzi tat-trasport tal-pajjiżi u li l-fatt li jiġu ggarantiti investimenti fil-beni pubbliċi ma għandux, bħala prinċipju, jitqies li huwa għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija kkonkludiet li l-garanziji statali ma kellhomx jiġu nnotifikati lilha.

13      L-Istat Daniż u l-Istat Svediż ma nnotifikawx b’mod formali lill-Kummissjoni l-modalità ta’ finanzjament tal-konnessjoni fissa.

14      Fit-17 ta’ April 2013, HH Ferries ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni li permezz tiegħu hija sostniet li l-garanziji statali kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u inkompatibbli mas-suq intern (każi rreġistrati taħt in-Numri SA.36558 għad-Danimarka u SA.36662 għall-Isvezja).

[omissis]

18      Fil-15 ta’ Settembru 2014, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ppreżentaw lill-Kummissjoni dikjarazzjoni komuni (iktar ’il quddiem l-“impenji”) li tiċċara l-punti li ġejjin:

–        il-garanziji statali għandhom ikunu limitati għall-finijiet li jkopru d-dejn reali kumulattiv tal-Konsorzju fi kwalunkwe ħin;

–        il-garanziji statali u kull vantaġġ ekonomiku ieħor, b’mod partikolari fiskali, li l-Konsorzju jista’ jirċievi huma limitati għall-perijodu effettiv tar-rimbors tad-dejn; b’hekk, il-Konsorzju ma jingħata l-ebda vantaġġ wara li d-dejn tiegħu jkun ġie kompletament irrimborsat;

–        fl-ipoteżi fejn ikun meħtieġ li l-Konsorzju jikkuntratta mill-ġdid self kopert mill-garanziji statali jew li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jagħtu lill-Konsorzju vantaġġi ekonomiċi ġodda wara t-tmiem tas-sena 2040, huma jintrabtu li jinnotifikaw tali miżuri lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE;

–        ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jimpenjaw ruħhom li jinformaw lill-Kummissjoni kull sena bl-iżviluppi fir-rigward tar-rimbors tad-dejn tal-Konsorzju.

E.      Id-deċiżjoni kkontestata

19      Fil-15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 7358 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36558 (2014/NN) u SA.38371 (2014/NN) – id-Danimarka u SA.36662 (2014/NN) – l-Isvezja, dwar il-finanzjament pubbliku tal-proġett ta’ infrastruttura ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq tas-Sund (ĠU 2014, C 418, p. 1 u ĠU 2014, C 437, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Kummissjoni llimitat l-eżami tagħha għal dawn il-miżuri li ġejjin (premessi 50 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        il-garanziji mill-Istat mogħtija lill-Konsorzju għas-self tiegħu kkuntrattat sabiex jiffinanzja l-kostruzzjoni u l-operat tal-proġett ta’ infrastruttura ta’ konnessjoni fissa tal-Øresund;

–        il-miżuri fiskali Daniżi li ġejjin:

–        it-trasferiment ’il quddiem tat-telf li japplika għall-Konsorzju;

–        id-deprezzament tal-attiv li japplika għall-Konsorzju;

–        is-sistema ta’ tassazzjoni komuni.

–        il-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju mogħtija lill-kumpanniji omm tal-Konsorzju għall-finanzjament tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjonijiet interni għat-trasport bit-triq u bil-ferrovija.

20      Il-Kummissjoni ppreċiżat li d-deċiżjoni tagħha ma kinitx tkopri kwalunkwe miżuri oħrajn mogħtija mir-Renju tad-Danimarka jew mir-Renju tal-Isvezja lill-Konsorzju, lil A/S Øresund, lil SVEDAB, lil Sund & Bælt jew lil kwalunkwe kumpannija assoċjata (premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata).

1.      Eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

[omissis]

23      Fir-rigward tal-garanziji statali u tal-miżuri fiskali Daniżi dwar id-deprezzament tal-attiv u t-trasferiment ’il quddiem ta’ telf (iktar ’il quddiem l-“għajnuna fiskali Daniża”) mogħtija lill-Konsorzju għall-finanzjament tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjoni fissa, il-Kummissjoni qieset li dawn kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li żewġ garanziji mill-Istat kienu ngħataw inkundizzjonalment fis-27 ta’ Jannar 1992, il-jum li fih ġie stabbilit il-Konsorzju (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-miżuri Daniżi tat-trasferiment ’il quddiem ta’ telf ġew meqjusa li huma selettivi għall-perijodu bejn l-1991 u l-2001 u għall-perijodu li jibda fl-2013. Il-miżuri Daniżi tad-deprezzament tal-attiv tqiesu li huma selettivi mill-1999 (premessi 92 sa 97 u 99 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.      Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida jew eżistenti

24      Il-Kummissjoni qieset li l-garanzija Daniża mogħtija lill-Konsorzju għas-self tiegħu kif ukoll l-għajnuna fiskali Daniża favur il-Konsorzju kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Fir-rigward tal-garanzija Svediża favur il-Konsorzju, li, skont il-Kummissjoni, kienet ngħatat qabel l-adeżjoni tar-Renju tal-Isvezja mal-Unjoni Ewropea u qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), din ġiet ikkunsidrata bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999 (premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.      Eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-Artikolu 107(3) TFUE

26      Il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-garanziji statali u tal-għajnuna fiskali Daniża fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jipprovdi li tista’ tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew (iktar ’il quddiem “PSKIKE”).

27      Il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li, evalwati flimkien, il-garanziji statali u l-għajnuna fiskali Daniża favur il-Konsorzju kienu neċessarji u proporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex, b’mod partikolari fid-dawl tal-impenji ppreżentati mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja matul il-proċedura amministrattiva li, b’mod partikolari, jekk jirriżulta li jkun meħtieġ għall-konsorzju li jikkuntratta self ġdid kopert mill-garanziji statali jew li l-Konsorzju jingħata xi benefiċċju ekonomiku ieħor wara l-2040, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja għandhom jinnotifikaw dan lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE (premessi 122 sa 137 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-għajnuna fiskali Daniża, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li din kienet maħsuba sabiex tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-proġett, billi jitnaqqas il-perijodu tar-rimbors tas-self tal-Konsorzju u jitnaqqas ir-riskju assoċjat miegħu. Hija qieset li l-għajnuna fiskali Daniża kienet tnaqqas ir-riskju assoċjat mal-garanziji statali u, konsegwentement, il-vantaġġ li jirriżulta minn dan u li l-vantaġġ tal-garanziji statali u l-vantaġġ tal-għajnuna fiskali Daniża jidhru li huma interdipendenti (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanziji statali mogħtija mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja kif ukoll l-għajnuna fiskali Daniża kienu kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li ma kienx meħtieġ li hija tagħmel proposti ta’ miżuri utli lir-Renju tal-Isvezja (premessi 138 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.      Aspettattivi leġittimi

29      Il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 138 u 140 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni kellhom jitqiesu li huma inkompatibbli mas-suq intern, dawn ma setgħux ikunu suġġetti għal irkupru mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja, għar-raġuni li rkupru jmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Hija qieset, essenzjalment, li kienu jeżistu, f’dan il-każ, ċirkustanzi eċċezzjonali li ġġustifikaw li l-Konsorzju kif ukoll ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jista’ jkollhom aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-garanziji statali u l-għajnuna fiskali Daniża mogħtija lill-Konsorzju ma jitqegħdux fid-dubju. Hija fakkret għalhekk li l-pożizzjoni tagħha, fl-1992, kienet li l-kostruzzjoni u l-operat ta’ proġetti ta’ infrastruttura ma kinux jikkostitwixxu attività ekonomika. Madankollu, kemm il-prassi deċiżjonali tagħha kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ “attività ekonomika” fir-rigward tal-finanzjament tal-kostruzzjoni u tal-operat ta’ proġetti ta’ infrastrutturi kienu evolvew wara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290), tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T-196/04, EU:T:2008:585), u tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni (T-443/08 u T-455/08, EU:T:2011:117), li ġiet ikkonfermata bis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821) (premessi 61 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu informaw lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Isvezja, fl-1995, li l-garanziji statali ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni qieset li din il-konklużjoni tal-aħħar li tinsab fl-ittri tagħha tat-27 ta’ Ottubru 1995, indirizzati lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Isvezja, kienet testendi għall-għajnuna fiskali Daniża, sa fejn din kienet tirrigwarda proġett ta’ infrastruttura li, f’dak iż-żmien, ma kienx meqjus li jikkostitwixxi attività ekonomika. Skont il-Kummissjoni, ma kienx neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dawn l-aspettattivi leġittimi kinux jestendu lil hinn mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290), peress li, f’kull każ, il-miżuri kkonċernati kienu kompatibbli mas-suq intern (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

5.      Konklużjoni

30      Il-Kummissjoni ddeċidiet:

–        fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni u filwaqt li qieset, b’mod partikolari, l-impenji ppreżentati mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-għajnuna fiskali Daniża u l-garanziji mogħtija mir-Renju tad-Danimarka lill-Konsorzju, għar-raġuni li din l-għajnuna mill-Istat kellha titqies li hija kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE;

–        li l-garanzija mogħtija lill-Konsorzju mir-Renju tal-Isvezja kienet għajnuna eżistenti u li, b’mod partikolari fid-dawl tal-impenji tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja, ma kienx neċessarju li tinfetaħ il-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti;

–        li s-sistema Daniża tat-taxxa komuni u l-miżuri mogħtija lill-kumpanniji omm tal-Konsorzju għall-finanzjament ta’ konnessjonijiet interni għat-trasport bit-triq u bil-ferrovija fl-Isvezja u fid-Danimarka ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ressqu din l-azzjoni.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ġunju 2015, ir-Renju tal-Isvezja talab jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

33      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 

34      2016, ir-Renju tad-Danimarka talab jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

35      B’deċiżjonijiet tat-13 ta’ Lulju 2015, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal dawn l-interventi. Ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tad-Danimarka ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fit-28 ta’ Settembru 2015.

36      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża fis-26 ta’ Settembru 2016.

37      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

39      Ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tad-Danimarka jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà

[omissis]

B.      Fuq il-mertu

55      Insostenn tat-talba għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-miżuri mogħtija lill-kumpanniji omm tal-Konsorzju għall-finanzjament tal-konnessjonijiet interni tal-ferrovija u, fit-tieni lok, il-garanziji statali mogħtija lill-Konsorzju għall-finanzjament tal-konnessjoni fissa. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-garanziji statali u tal-għajnuna fiskali Daniża mogħtija lill-Konsorzju, fid-dawl tal-Artikolu 107(3) TFUE kif ukoll ta’ żball ibbażata fuq l-assenza ta’ klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-iskema Daniża tat-taxxa komuni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni meta hija kkonkludiet, fl-ipoteżi fejn il-garanziji statali u l-għajnuna fiskali Daniża lill-Konsorzju kellhom madankollu jitqiesu li huma inkompatibbli mas-suq intern, li kien hemm aspettattivi leġittimi tal-Konsorzju kif ukoll tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja fir-rigward tal-fatt li l-imsemmija għajnuna ma titqegħidx fid-dubju skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u li ma kienx hemm neċessità li jiġi ddeterminat jekk dawn l-aspettattivi leġittimi kinux jestendu lil hinn mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290). Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

56      Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġu eżaminati dawn il-motivi sa fejn jirrigwardaw, fl-ewwel lok, il-miżuri li kienu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, jiġifieri l-garanziji statali u l-għajnuna fiskali Daniża mogħtija lill-Konsorzju għall-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa, u, fit-tieni lok, il-miżuri li ma kinux ikkunsidrati li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-miżuri ta’ sostenn finanzjarju lil kumpanniji omm tal-Konsorzju għall-kostruzzjoni u l-operat ta’ konnessjonijiet interni tal-ferrovija u s-sistema Daniża tat-taxxa komuni. Fit-tielet lok, dawn il-motivi ser jiġu eżaminati sa fejn dawn jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma mmotivatx u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv tal-miżuri kollha ta’ għajnuna mogħtija għall-proġett ta’ konnessjoni fissa. Fir-raba’ lok, dawn il-motivi ser jiġu eżaminati sa fejn dawn jikkritikaw il-konstatazzjoni, imwettqa fil-każ li l-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lill-Konsorzju kellhom madankollu jiġu kkunsidrati bħala inkompatibbli mas-suq intern, tal-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja kif ukoll tal-Konsorzju fil-fatt li l-miżuri ta’ għajnuna lill-Konsorzju ma jitqegħdux fid-dubju skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

57      Qabelxejn, dwar il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat meqjusa kompatibbli wara l-eżami preliminari, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok li l-ewwel jiġi eżaminat ir-raba’ motiv intiż li juri li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji li kellhom iġegħluha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

1.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati, sa fejn dan jipprevedi l-miżuri kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat mogħtija lill-Konsorzju

58      Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu b’mod espliċitu għall-argumenti li huma kienu qajmu fil-kuntest tal-ewwel żewġ motivi tagħhom, argumenti li juru inkonsistenzi u ineżattezzi fl-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-garanziji statali u tal-għajnuna fiskali Daniża lill-Konsorzju. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żbalji, l-ewwel nett, fil-klassifikazzjoni tal-garanziji statali fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE u, it-tieni nett, fl-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-garanziji statali u tal-għajnuna fiskali Daniża. In-natura insuffiċjenti u inkompleta tal-analiżi tal-Kummissjoni tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li l-Kummissjoni sabet matul l-eżami preliminari u ta’ “dubji” li l-Kummissjoni definittivament kellha fir-rigward tal-klassifikazzjoni u tal-kompatibbilità tal-miżuri kkontestati.

59      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dan l-argument billi rreferiet b’mod partikolari għall-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni motivi.

60      Skont il-ġurisprudenza, meta l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tikseb il-konvinzjoni, wara l-ewwel eżami fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 108(3) TFUE, li miżura ta’ għajununa mill-Istat ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew, jekk tiġi kklassifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat FUE, jew meta din il-proċedura ma tkunx ippermettitilha li tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni jkollha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 48). Dan l-obbligu huwa wkoll espressament ikkonfermat permezz tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 4(4) u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113).

61      Il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat kif ukoll fil-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi l-motivi tad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern (ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma jistax, min-natura tiegħu stess, ikun limitat għat-tfittix tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2011, 3F vs Il-Kummissjoni, T-30/03 RENV, EU:T:2011:534, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni mingħajr ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni formali tista’ tiġi annullata sempliċement abbażi ta’ dan il-motiv, minħabba l-ommissjoni tal-eżami kontradittorju u fil-fond previst mit-Trattat FUE, anki jekk ma jkunx stabbilit li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-mertu kienu żbaljati fid-dritt jew fil-fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, British Aggregates et vs Il-Kummissjoni, T-359/04, EU:T:2010:366, punt 58).

62      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Netherlands Maritime Technology Association vs Il-Kummissjoni, T-140/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1029, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Huma r-rikorrenti li għandhom jġibu l-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, prova li huma jistgħu jipproduċu permezz ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, Pollmeier Massivholz vs Il-Kummissjoni, T-89/09, EU:T:2015:153, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat l-argument, imqajjem fil-kuntest tar-raba’ motiv, dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat lill-Konsorzju ddikjarati kompatibbli mas-suq intern. Dan huwa maqsum f’żewġ partijiet, relatati, l-ewwel nett, mal-eżami insuffiċjenti u inkomplet tal-klassifikazzjoni tal-garanziji statali mogħtija lill-Konsorzju fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE u, it-tieni nett, mal-eżami insuffiċjenti u inkomplet tal-kompatibbiltà tal-garanziji statali u tal-għajnuna fiskali Daniża lill-Konsorzju fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

a)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-eżami insuffiċjenti u inkomplet tal-klassifikazzjoni tal-garanziji statali mogħtija lill-Konsorzju fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE

65      Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, l-argument tar-rikorrenti huwa maqsum, essenzjalment, f’erba’ lmenti, ibbażati fuq evalwazzjoni insuffiċjenti u inkompleta, l-ewwel nett, tan-natura inkundizzjonata tal-għoti tal-garanziji statali fid-data tal-istabbiliment tal-Konsorzju, tad-dritt legalment infurzabbli tal-Konsorzju li jikseb finanzjament iggarantit mir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja f’dik id-data, tal-possibbiltà għat-terzi li jinvokaw dan id-dritt meta l-Konsorzju jaġixxi fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu u tan-numru ta’ garanziji; it-tieni nett, tal-kwistjoni dwar jekk il-garanziji statali jikkostitwixxux għajnuna individwali jew skemi ta’ għajnuna; it-tielet nett, tal-kwistjoni dwar jekk il-garanziji Svediżi kinux jikkostitwixxu għajnuna ġdida jew eżistenti u, ir-raba’ nett, tal-kwistjoni dwar jekk il-garanziji statali kinux limitati għall-finanzjament tal-konnessjoni fissa.

66      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 60 sa 63 iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat dan l-argument.

67      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandu l-ewwel jiġi eżaminat it-tieni lment, fir-rigward tal-konstatazzjoni li l-garanziji statali huma skemi ta’ għajnuna.

68      Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tistudja biss il-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma hija marbuta li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari, sabiex tivverifika jekk din l-iskema tinkludix elementi ta’ għajnuna (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C-106/09 P u C-107/09 P, EU:C:2011:732, punt 122). Barra minn hekk, kif isostnu r-rikorrenti, japplikaw regoli differenti għall-għajnuna individwali u għall-iskemi ta’ għajnuna, skont diversi avviżi tal-Kummissjoni dwar il-garanziji, pereżempju dwar il-mod li bih l-element ta’ għajnuna għandu jiġi kkalkolat.

69      B’dan l-ilment, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, kontradizzjonijiet fir-redazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, assenza ta’ analiżi tal-garanziji statali fid-dawl tal-kunċett ta’ “skema” tal-għajnuna u, it-tielet nett, żball ta’ liġi minħabba li l-garanziji statali ma jaqgħu taħt ebda waħda miż-żewġ definizzjonijiet ta’ skema tal-għajnuna previsti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999. Tali insuffiċjenzi u kontradizzjonijiet fl-analiżi jindikaw evalwazzjoni insuffiċjenti u inkompleta, li tikkostitwixxi indizju li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-garanziji statali ta’ “skemi” tal-għajnuna. Essenzjalment, ir-rikorrenti jqisu li l-garanziji statali kellhom jiġu analizzati bħala li hemm garanziji individwali ad hoc daqs kemm hemm għotjiet ta’ self u strumenti finanzjarji kkuntrattati mill-Konsorzju għall-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa u koperti mill-imsemmija garanziji.

70      Il-Kummissjoni tikkontesta din l-evalwazzjoni u tqis, l-ewwel nett, li jirriżulta b’mod ċar mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-garanziji statali ġew analizzati bħala skema ta’ għajnuna u li kull garanzija speċifika ta’ self li timplimenta l-iskema tal-garanziji definittivament mogħtija fl-1992 kienet tikkostitwixxi għajnuna individwali mogħtija skont din l-iskema, u mhux għajnuna individwali ad hoc. It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li l-garanziji statali jissodisfaw id-definizzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna mogħtija mit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999 minħabba li din hija għajnuna “mhux marbuta ma’ proġett speċifiku”, peress li dawn ikopru kemm il-kostruzzjoni kif ukoll l-operat tal-konnessjoni fissa u ngħataw għal żmien u ammont indeterminati, anki jekk huma limitati għall-perijodu ta’ żmien meħtieġ għar-rimbors tad-dejn tal-Konsorzju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega li, meta dawn ingħataw, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ma kinux jafu kemm żmien ikun meħtieġ għar-rimbors tad-dejn u d-daqs tal-istess u li, jekk il-garanziji statali kellhom jiġu interpretati bħala li huma marbuta ma’ “proġett speċifiku”, hija ma tkunx tista’ tikkontesta eventwali miżuri ta’ għajnuna mogħtija għal skopijiet ġenerali, u dan jikkomprometti l-effett utli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

71      Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-garanziji statali għandhom jitqiesu bħala għajnuna individwali jew żewġ għajnuniet, fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament Nru 659/1999, mogħtija mingħajr kundizzjonijiet fl-1992, u mhux bħala skema jew żewġ skemi ta’ għajnuna, peress li l-integralità tal-vantaġġ ekonomiku li tirriżulta mill-garanziji kienet mogħtija lill-Konsorzju fil-mument tal-għotja. Huwa jirrileva, f’dan ir-rigward, li l-garanziji statali huma marbuta, mill-perspettiva tal-ammont tagħhom u ratione temporis, mal-proġett speċifiku ta’ konnessjoni fissa. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju tal-Isvezja esprima viżjoni simili għal dik tar-Renju tad-Danimarka u wera dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-garanziji statali ta’ “skema” ta’ għajnuna fis-sens tad-definizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999 għar-raġuni li dawn jipprevedu biss proġett speċifiku.

72      Ir-rikorrenti jqisu li t-teżi tar-Renju tad-Danimarka, imsemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li din it-teżi tmur kontra l-pożizzjoni tal-Kummissjoni u peress li intervenjent għandu jillimita ruħu sabiex isostni, kompletament jew parzjalment, it-talbiet tal-Kummissjoni u għandu jaċċetta l-kawża fl-istat tagħha u ma jistax iqajjem motivi awtonomi.

73      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kontradizzjonijiet ta’ formulazzjoni invokati, għandu jiġi osservat, kif għamlu r-rikorrenti, li d-deċiżjoni kkontestata tinvoka kultant “il-garanzija mogħtija mill-Istat Daniż”, “il-garanzija mogħtija [mill]-Istat Svediż” (premessi 109 u 110), “il-garanziji statali” (premessi 33, 51, 88, 114, 123, 124, 130, 131, 134 u 135), “il-garanziji” (premessi 85 u 137), iż-“żewġ garanziji” (premessi 34, 50, 52 u 129), “il-garanziji mogħtija mid-Danimarka” (konklużjonijiet, l-ewwel paragrafu) jew ukoll “il-garanzija mogħtija lill-Konsorzju mill-Isvezja” (konklużjoni, it-tieni paragrafu). Madankollu, fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li żewġ garanziji kienu mogħtija mingħajr kundizzjonijiet fis-27 ta’ Jannar 1992, il-jum li fih il-Konsorzju kien ġie mwaqqaf u kien kiseb dritt legali għall-finanzjament permezz ta’ garanziji mill-Istat. Fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm il-garanziji individwali kienu ġew ikkonfermati u maħruġa għal kull kreditur mir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li dawn tal-aħħar kienu definittivament impenjaw ruħhom sabiex jiggarantixxu l-obbligi tal-Konsorzju relatati mas-self u mal-istrumenti finanzjarji oħra għall-finanzjament tal-konnessjoni fissa. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl b’mod partikolari tal-impenji mressqa mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja, ma kienx neċessarju li tinbeda l-proċedura dwar l-“iskemi” ta’ għajnuna eżistenti, fir-rigward tal-garanzija mogħtija mir-Renju tal-Isvezja (konklużjonijiet, it-tieni paragrafu). Barra minn hekk, mill-premessi 111 sa 138 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-garanziji statali saret mill-Kummissjoni b’mod li juri li kienet f’kuntatt ma’ skema jew ma’ diversi “skemi” ta’ għajnuna, peress li hija llimitat ruħha li tevalwa l-karatteristiċi u l-kompatibbiltà tal-garanziji bħal dawk previsti fil-Ftehim Intergovernattiv u l-Ftehim ta’ Konsorzju, mingħajr ma evalwat każ b’każ kull garanzija li tkopri kull self speċifiku tal-Konsorzju.

74      Konsegwentement, għalkemm il-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kompletament preċiża u konsistenti f’dan ir-rigward, jirriżulta mir-raġunament ġenerali tal-Kummissjoni u tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li din effettivament ikkunsidrat il-garanziji statali bħala skema jew żewġ skemi ta’ għajnuna adottati definittivament fl-1992 u pprevediet il-garanziji maħruġa sussegwentement fuq il-bażi ta’ kull self ikkuntrattat mill-Konsorzju bħala għajnuna individwali li tirriżulta minn dawn l-iskemi ta’ għajnuna.

75      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-assenza ta’ analiżi tal-garanziji statali fid-dawl tal-kunċett ta’ “skema” ta’ għajnuna, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom il-garanziji statali għandhom jitqiesu bħala skemi ta’ għajnuna, u dan huwa element li jippermetti li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ eżami insuffiċjenti u inkomplet.

76      Fit-tielet lok, anki jekk wieħed jassumi li jista’ jiġi dedott mid-deċiżjoni kkontestata, kif issostni l-Kummissjoni, li l-garanziji statali jissodisfaw id-definizzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna mogħtija mit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, jiġifieri “kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjega bl-ebda mod għaliex l-għajnuna inkluża f’garanziji statali tissodisfa l-kundizzjoni li l-għajnuna ma għandhiex tkun marbuta ma’ proġett speċifiku.

77      Fil-fatt, il-Ftehim Intergovernattiv, li fl-Artikolu 12 tiegħu jipprevedi li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja għandhom “jiggarantixxu b’mod konġunt u in solidum l-obbligi relatati mas-self tal-Konsorzju u mal-istrumenti finanzjarji l-oħrajn użati għall-finanzjament”, huwa intitolat “Trattat [...] dwar il-konnessjoni fissa li tittraversa s-Sund”. Barra minn hekk, il-punt 4(3) tal-Ftehim ta’ Konsorzju jippreċiża li l-garanziji statali jkopru “[r]-rekwiżiti kapitali tal-Konsorzju għall-ippjanar, it-tfassil tal-proġett u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni tas-Sund, inklużi l-ispejjeż tas-servizz ta’ self u sabiex ikunu koperti r-rekwiżiti kapitali li jirriżultaw mit-telf tal-kontabbiltà li huma mistennija għal numru ta’ snin wara li l-konnessjoni fissa tkun ġiet miftuħa għat-traffiku”. Barra minn hekk, l-Artikoli 1 u 2 tal-Ftehim Intergovernattiv u l-Anness 1 tal-Ftehim imsemmi jipprevedu preċiżament il-pożizzjoni ġeografika tal-konnessjoni fissa kif ukoll id-dettalji tekniċi tagħha. Għalhekk, dawn ma jistgħux ikunu garanziji mogħtija lil kwalunkwe pont.

78      Kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 115 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konnessjoni fissa tas-Sund kienet proġett “speċifiku, preċiż u ddefinit b’mod ċar”. Il-Kummissjoni rreferiet għall-Artikolu 2 u għall-Anness 1 tal-Ftehim Intergovernattiv, li kienu juru li dan kien proġett iddefinit b’mod speċifiku u ċar ħafna fir-rigward kemm tal-pożizzjoni ġeografika kif ukoll tat-tfassil tekniku tiegħu.

79      Minn naħa, il-fatt li wieħed jafferma, fl-istadju tal-klassifikazzjoni tal-garanziji statali, li s-suġġett huwa skema jew żewġ skemi ta’ għajnuna, għaliex l-għajnuna wara dawn il-garanziji ma hijiex marbuta ma’ proġett speċifiku, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li wieħed jafferma, fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern, li l-garanziji statali jirrigwardaw proġett li huwa “speċifiku, preċiż u ddefinit b’mod ċar” jidhru irrikonċiljabbli. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan ma huwiex każ ta’ kunċetti legali differenti, iżda ta’ fatt, stabbilit fil-premessi 115 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma jistax ivarja minn evalwazzjoni legali għal oħra.

80      F’dan ir-rigward, huwa wkoll żbaljat li l-Kummissjoni ssostni li l-garanziji statali ma għandhomx jitqiesu li huma marbuta ma’ proġett “speċifiku”, minħabba li l-għajnuna inkluża f’dawn il-garanziji statali jkopru kemm il-fażi tal-kostruzzjoni kif ukoll il-fażi tal-operat tal-konnessjoni fissa. Fil-fatt, peress li l-aġġettiv “speċifiku” jfisser “li huwa partikolari għal xi ħaġa”, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-għajnuna relatata mal-garanziji statali hija marbuta ma’ proġett speċifiku għar-raġuni li tkopri s-self tal-Konsorzju relatat biss mal-proġett tal-konnessjoni fissa, inkluż għall-fażi tal-operat, bl-esklużjoni ta’ proġetti jew attivitajiet oħra. In-natura “indeterminata” tal-fażi tal-operat, enfasizzata mill-Kummissjoni, ma tikkonċernax strettament l-ispeċifiċità tal-proġett, iżda fir-realtà tikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura limitata jew illimitata tal-garanziji statali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom. Dwar l-argument tal-Kummissjoni li, essenzjalment, il-miżuri ta’ għajnuna, f’dan il-każ, ingħataw “għal skopijiet ġenerali”, dan jidher li jikkontradixxi wkoll il-premessi 51 u 131 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom il-garanziji statali huma limitati għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat biss tal-konnessjoni fissa li tittraversa s-Sund, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe attività oħra.

81      Mill-premess jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni kienet ikkonfrontata, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, b’diffikultajiet serji f’dak li jirrigwarda il-klassifikazzjoni tal-garanziji statali ta’ “skemi” ta’ għajnuna.

82      Issa, id-domandi magħmula minn din il-kawża, li huma dwar jekk il-garanziji jikkostitwixxux skema jew skemi ta’ għajnuna adottati fl-1992, għajnuna jew żewġ għajnuniet individwali ad hoc mogħtija mingħajr kundizzjonijiet fl-1992 jew daqstant għajnuniet individwali ad hoc daqs il-kuntratti ta’ self tal-Konsorzju koperti bil-garanziji statali, huma inseparabbli mill-eżami tat-tieni lment tal-ewwel parti, iżda wkoll tal-ewwel ilment, li jikkonċerna d-determinazzjoni tad-data tal-għoti mingħajr kundizzjonijiet tal-garanziji statali lill-Konsorzju u tan-numru ta’ garanziji. Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi, il-kwistjonijiet imqajma fl-ewwel żewġ ilmenti tal-ewwel parti tar-raba’ motiv għandhom ukoll konsegwenzi fuq il-klassifikazzjoni tal-garanziji statali fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna “eżistenti” kif iddefinit fl-Artikolu 1(b)(i) u (iv) tar-Regolament Nru 659/1999, li jikkonċerna t-tielet ilment.

83      Għalhekk, għandu jintlaqa’ t-tieni lment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv u, għaldaqstant, l-ewwel parti tal-imsemmi motiv fl-intier tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel u t-tielet ilment u kif ukoll fuq l-argument tar-Renju tad-Danimarka, imsemmi fil-punt 71 iktar ’il fuq. Għaldaqstant hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ikklassifikat il-garanziji statali tal-“iskemi” ta’ għajnuna mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li tintbagħat lill-Kummissjoni l-analiżi kollha dwar id-data tal-għoti tal-garanziji statali, in-numru tagħhom u l-kwalità tagħhom ta’ għajnuna ġdida jew eżistenti.

[omissis]

b)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżami insuffiċjenti u inkomplet tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-Konsorzju fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

85      Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu l-eżami insuffiċjenti u inkomplet għall-kompatibbiltà tal-garanziji statali u tal-għajnuna fiskali Daniża mas-suq intern. Huma jinvokaw, essenzjalment, seba’ lmenti. L-ewwel nett, il-Kummissjoni naqset milli tikkwantifika l-element ta’ għajnuna inkluż fil-garanziji statali. It-tieni nett, hija naqset milli tistħarreġ jekk kienx hemm il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji statali. It-tielet nett, hija għamlet analiżi insuffiċjenti u inkompleta tad-distinzjoni bejn il-fażijiet tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjoni fissa u ma eżaminatx il-kompatibbiltà tal-garanziji statali biss fid-dawl tal-fażi tal-operat. Ir-raba’ nett, hija għamlet analiżi insuffiċjenti u inkompleta fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-garanziji statali u l-għajnuna fiskali Daniża kinux limitati fl-ammont tagħhom u ratione temporis. Il-ħames nett, hija għamlet analiżi insuffiċjenti u inkompleta tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-garanziji statali u tal-għajnuna fiskali Daniżi. Is-sitt nett, hija ma eżaminatx l-effett negattiv tal-imsemmija għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ u naqset milli tapplika l-kriterju msejjaħ “tal-ibbilanċjar”. Is-seba’ nett, hija wettqet analiżi insuffiċjenti u inkompleta, essenzjalment, tar-rabta bejn il-vantaġġi fiskali u l-garanziji statali.

86      Preliminarjament, il-Kummissjoni tqis li l-argument ġenerali tar-rikorrenti jistieden lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-prassi u tal-linji gwida eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minflok dawk li kienu jeżistu fid-data tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat, u dan huwa żbaljat fid-dritt. Hija tfakkar, sostnuta f’dan ir-rigward mir-Renju tad-Danimarka, li, skont l-Avviż dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat illegali tat-22 ta’ Mejju 2002 (ĠU 2002, C 119, p. 22), hemm lok ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont il-kriterji sostantivi stabbiliti f’kull strument fis-seħħ fiż-żmien tal-għoti tagħha. Issa, skont il-Kummissjoni, il-garanziji statali ġew definittivament mogħtija f’Jannar 1992, meta l-Konsorzju ġie stabbilit.

[omissis]

90      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandhom l-ewwel jiġu eżaminati t-tieni, it-tielet u r-raba’ lmenti, imbagħad jiġu eżaminati flimkien l-ewwel, il-ħames u s-sitt ilment u, fl-aħħar nett, is-seba’ lment.

1)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji

91      Ir-rikorrenti jirreferu, essenzjalment, għall-argumenti mqajma fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi kkostitwit mill-assenza ta’ eżami tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji statali, skont il-punt 5.3 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-garanziji tal-2008”).

92      Il-Kummissjoni ma tikkontestax li ma vverifikatx jekk dawn il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni kinux jeżistu. Hija tqis madankollu li dawn ma kinux neċessarji, peress li l-Avviż dwar il-garanziji tal-2008 ma kienx japplika ratione temporis għal skema ta’ għajnuna mogħtija fl-1992. Barra minn hekk, hija tqis li dan kien, f’dan il-każ, każ speċifiku ħafna, fil-każ ineżami, partenarjat ta’ impriżi pubbliċi stabbiliti bil-għan speċifiku ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa, u mhux persuna ġuridika rregolata mid-dritt Daniż jew Svediż li tista’ tiġi ddikjarata falluta mill-qrati ta’ dawn l-Istati Membri. Hija tenfasizza li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jeżerċitaw kontroll strateġiku u operattiv sħiħ fuq il-Konsorzju, kontroll li normalment ma jkollhomx l-Istati Membri fuq operatur privat indipendenti li jibbenefika minn garanzija. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li dawn il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni, fi kwalunkwe każ, probabbilment kienu inkompatibbli mal-Ftehim Intergovernattiv.

93      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tosserva li ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-punt 5.3 tal-Avviż dwar il-Garanziji tal-2008 kienx applikabbli għall-każ ineżami, sa fejn, kif il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, ir-rekwiżit ta’ tali kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni kien diġà jeżisti fl-1992, data li ġiet ikkonstata fid-deċiżjoni kkontestata bħala d-data tal-għoti tal-garanziji. Fil-fatt, l-ittra tal-Kummissjoni lill-Istati Membri SG(89) D/4328, tal-5 ta’ April 1989, kienet diġà ssemmi li “[l]-Kummissjoni [taċċetta] l-garanziji biss jekk il-mobilizzazzjoni tagħhom [tkun] kuntrattwalment suġġetta għal kundizzjonijiet partikolari li jistgħu jaslu sad-dikjarazzjoni mandatorja tal-falliment tal-impriża benefiċjarja jew kwalunkwe proċedura simili [u li dawn] il-kundizzjonijiet [kellhom] jiġu miftiehma fl-eżami inizjali u uniku tal-garanziji mill-Istat previsti fil-qafas tal-proċedimenti normali tal-Artikolu [108](3) [TFUE] fl-istadju tal-għoti”.

94      Fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li l-Kummissjoni tista’ toħloq linji gwida għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ evalwazzjoni tagħha u li, sa fejn dawn jimxu mar-regoli tat-Trattat FUE, ir-regoli indikattivi inklużi fihom huma imposti fuq l-istituzzjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-382/99, Ġabra, EU:C:2002:363, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu wkoll jiġi rrilevat li, peress li adottat ir-regoli ta’ kondotta u peress li ddikjarat, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jikkonċernawhom, il-Kummissjoni għamlet restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, skont il-każ, fuq il-bażi ta’ ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sakemm ma tagħtix raġunijiet li jiġġustifikaw, fid-dawl ta’ dawn l-istess prinċipji, li hija titbiegħed mir-regoli tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C-205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 60).

95      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata ma tgħid xejn dwar l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji statali. Għalhekk, fid-dawl tal-punti 93 u 94 iktar ’il fuq, huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma vverifikatx l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji statali. Minn dan jirriżulta li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-garanziji statali kien insuffiċjenti u inkomplet, u dan huwa indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq.

96      Dwar il-ġustifikazzjonijiet tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 92 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tispjegax kif il-fatt li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jeżerċitaw kontroll strateġiku u operattiv sħiħ fuq il-Konsorzju jikkostitwixxi assigurazzjoni li, fl-ipoteżi fejn il-garanziji statali kellhom ikunu mmobilizzati, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jaslu sal-punt li jusseġġettawh għal likwidazzjoni. Il-Kummissjoni ma ssemmi ebda dispożizzjoni li tobbligahom jeżerċitaw tali azzjoni. Għall-kuntrarju, hija tissuġġerixxi wkoll li likwidazzjoni tal-Konsorzju hija legalment impossibbli fid-dawl tal-Ftehim Intergovernattiv.

97      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jikkumpensaw għall-assenza ta’ eżami tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji statali.

98      Għalhekk, għandu jintlaqa’ t-tieni lment ibbażat fuq l-eżami insuffiċjenti u inkomplet tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji statali.

2)      Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-evalwazzjoni insuffiċjenti u inkompleta tad-distinzjoni bejn il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa u fuq l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-garanziji statali fir-rigward tal-operat tal-konnessjoni fissa, u fuq ir-raba’ lment tal-ewwel parti, ibbażat fuq l-evalwazzjoni insuffiċjenti u inkompleta tal-kwistjoni ta’ jekk il-garanziji statali kinux limitati għall-finanzjament tal-konnessjoni fissa

99      Fil-kuntest tat-tielet ilment, ir-rikorrenti jsostnu li ebda distinzjoni bejn il-fażijiet tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjoni fissa ma saret, b’mod żbaljat, fil-kuntest tal-analiżi tal-kompatibbiltà tal-garanziji statali. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni kellha tanalizza kif il-garanziji statali li jkopru l-fażi operattiva kellhom jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern, filwaqt li fir-realtà huma jikkostitwixxu għajnuna għall-funzjonament, min-natura tagħhom stess inkompatibbli mas-suq intern.

[omissis]

101    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-interpretazzjoni u tqis li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-garanziji statali u l-għajnuna fiskali Daniża tabilħaqq ikkonċernaw l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa u li l-eżami tagħha tal-kompatibbiltà kien ikopri ż-żewġ fażijiet. Hija tqis li huwa “loġiku” li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċentra iktar fuq l-għajnuna għall-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, u b’hekk fuq l-għajnuna għall-investiment, peress li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni jikkostitwixxu l-iktar parti sinjifikattiva tal-ispejjeż. Il-Kummissjoni madankollu tikkontesta kull allegazzjoni ta’ għajnuna għall-funzjonament, minħabba li l-Konsorzju jirrimborsa d-djun tiegħu, li jfisser li d-dħul ikun suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż operattivi, minn naħa, u minħabba li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ntrabtu sabiex jinnotifikaw kull self ġdid iggarantit u kull vantaġġ mogħti wara l-2040 (bit-terminu għar-rimbors previst tad-dejn ikun bejn 30 sa 43 sena b’effett mill-ftuħ tal-konnessjoni fissa fl-2000), min-naħa l-oħra. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-prassi deċiżjonali tagħha fir-rigward tal-PSKIKE ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kostruzzjoni u l-operat ta’ infrastruttura.

[omissis]

103    Skont il-ġurisprudenza, għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-funzjonament l-għajnuna intiża sabiex teħles impriża minn spejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għajnuna għall-funzjonament, bħala prinċipju, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, din l-għajnuna, bħala prinċipju, tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-setturi fejn hija tingħata mingħajr ma hija kapaċi, min-natura tagħha stess, li tilħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet derogatorji msemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, EU:C:1990:67, punt 50; tas-6 ta’ Novembru 1990, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑86/89, EU:C:1990:373, punt 18, u tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑459/93, EU:T:1995:100, punt 48). Għalhekk, hemm preżunzjoni dedotta mill-ġurisprudenza li tipprovdi li l-għajnuna għall-funzjonament tfixkel, min-natura tagħha stess, il-kompetizzjoni (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punt 77) u tibdel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni (sentenza tas-6 ta’ Novembru 1990, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑86/89, EU:C:1990:373, punt 18). Tali għajnuna hija fil-prinċipju pprojbita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑113/00, EU:C:2002:507, punti 69 sa 71, u tal-20 ta’ Ottubru 2011, Eridania Sadam vs Il-Kummissjoni, T‑579/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:608, punt 41).

105    Fil-premessi 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata, jissemma li l-garanziji statali jkopru “s-self kollu u l-istrumenti finanzjarji l-oħra użati mill-Konsorzju għall-finanzjament tal-[konnessjoni fissa]”. Dan jirriżulta wkoll mill-Artikolu 12 tal-Ftehim Intergovernattiv, li skontu “[r-Renju tad]-Danimarka u [r-Renju tal]-Iżvezja jimpenjaw ruħhom sabiex jiggarantixxu b’mod konġunt u in solidum l-obbligi relatati mas-self tal-Konsorzju u strumenti finanzjarji oħra użati għall-finanzjament [tal-konnessjoni fissa]”. Fil-parti li tirrigwarda l-analiżi tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-għajnuna, isir riferiment, b’mod ġenerali ħafna, għall-“finanzjament” tal-konnessjoni fissa (premessi 123, 124, 129 u 131).

106    Fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat biss l-istimi tal-baġit inizjali dwar l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-linja fissa, iżda mkien ma ssemmi l-ammont li l-Konsorzju kellu u għad irid jissellef sabiex ikopri l-ispejjeż operattivi. Fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li “l-għan ewlieni tal-garanziji statali kien li jiġi żgurat il-finanzjament tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa u tiżgura li l-Konsorzju ma [jkunx jista’] jikseb self kopert mill-garanziji bl-għan li jestendi l-attivitajiet tiegħu lil hinn minn dan il-għan”.

107    Issa, l-Artikolu 10 tal-Ftehim Intergovernattiv, li jelenka l-kompiti tal-Konsorzju b’mod eżawrjenti, isemmi wkoll l-operat tal-konnessjoni fissa. Il-punt 4(3) tal-Ftehim ta’ Konsorzju jipprevedi wkoll li l-garanziji statali għandhom ikopru l-ħtiġijiet kapitali tal-Konsorzju “li jirriżultaw mit-telf tal-kontabbiltà li huma mistennija għal numru partikolari ta’ snin wara li l-konnessjoni fissa tkun ġiet miftuħa għat-traffiku”. F’dan ir-rigward, la l-Kummissjoni u lanqas ir-Renju tad-Danimarka jew ir-Renju tal-Isvezja ma jikkontestaw li l-garanziji statali għandhom ikopru wkoll is-self meħud sabiex jiġu koperti l-ispejjeż operattivi tal-Konsorzju, u dan huwa wkoll imfakkar fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, l-ispejjeż tal-operat huma spejjeż li l-Konsorzju kellu normalment isostni fil-kuntest tal-ġestjoni tiegħu ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tiegħu.

108    Għalhekk, filwaqt li huwa paċifiku li l-garanziji statali għandhom ikopru kemm l-ispejjeż tal-kostruzzjoni kif ukoll l-ispejjeż tal-operat tal-konnessjoni fissa, l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna marbuta mal-garanziji statali, u b’mod partikolari tan-neċessità u tal-proporzjonalità tagħha, ma jagħmilx distinzjoni, jew mhux b’mod suffiċjenti, bejn l-għajnuna għall-kostruzzjoni u l-għajnuna għall-operat tal-konnessjoni fissa u huwa ineżistenti fir-rigward tal-fażi tal-operat innifisha. B’hekk, l-għajnuna li tkopri l-ispejjeż tal-operat tal-konnessjoni fissa ma kinitx suġġetta għal analiżi ta’ kompatibbiltà partikolari, minkejja li din tista’ tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament.

109    L-ebda wieħed mill-argumenti tal-Kummissjoni, anki jekk ikkunsidrat mill-perspettiva tar-raba’ motiv, dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, ma huwa tali li jikkonfuta din il-konstatazzjoni.

[omissis]

111    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li kull klassifikazzjoni ta’ għajnuna għall-funzjonament hija eskluża, peress li l-Konsorzju regolarment jirrimborsa d-djun tiegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rimbors regolari tas-self tiegħu ma jeskludix li l-konsorzju jibbenefika minn vantaġġ meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, ibbażat fuq il-fatt li huwa għandu, mingħajr korrispettiv, garanziji li jkopru l-100 % tas-self tiegħu, b’mod partikolari tas-self tiegħu sabiex ikopri l-ispejjeż li normalment ikollu jsostni waħdu, fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-attivitajiet normali tiegħu, jiġifieri l-ispejjeż tal-operat. B’hekk, il-garanziji statali jippermettulu aċċess għal kundizzjonijiet ta’ self vantaġġużi ħafna. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex eskluż, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rimbors regolari tas-self tiegħu mill-Konsorzju jista’ ġustament ikun iffinanzjat minn self ġdid kopert mill-imsemmija garanziji, peress li huwa msemmi, fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-garanziji statali għandhom ikopru l-ħtiġijiet ta’ finanzjament jew rifinanzjament tad-dejn tal-Konsorzju u li self iggarantit ieħor jista’ jiġi kkuntrattat mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni minn hawn sa tmiem is-sena 2040.

112    It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument li, f’kull każ, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna għall-funzjonament hija eskluża, sa fejn ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja impenjaw ruħhom li jinnotifikaw kull self ġdid iggarantit wara t-tmiem tas-sena 2040 kif ukoll kull vantaġġ mogħti wara din id-data. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma spjegatx, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kif kull klassifikazzjoni ta’ għajnuna għall-funzjonament hija eskluża fir-rigward ta’ garanziji li jkopru kuntratti ta’ self intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż tal-operat minn hawn sa tmiem is-sena 2040.

[omissis]

114    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi milqugħ it-tielet ilment ibbażat fuq eżami insuffiċjenti u inkomplet fir-rigward tad-distinzjoni, fl-analiżi tal-kompatibbiltà tal-garanziji statali, bejn il-fażi tal-kostruzzjoni u l-fażi tal-operat tal-konnessjoni fissa u fuq l-assenza ta’ analiżi tal-kompatibbiltà partikolari għall-garanziji marbuta mal-operat tal-konnessjoni fissa.

[omissis]

3)      Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-eżami insuffiċjenti u inkomplet tan-natura limitata, ratione temporis u fl-ammont tagħhom, tal-garanziji statali kif ukoll tal-għajnuna fiskali Daniża mogħtija lill-Konsorzju

118    Fil-kuntest tar-raba’ lment tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu eżami insuffiċjenti u inkomplet, fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-limitazzjoni ratione temporis u fl-ammont tagħhom tal-garanziji statali. Ir-rikorrenti jfakkru li l-għajnuna illimitata tikkostitwixxi, fil-prinċipju, għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Huma jsostnu wkoll evalwazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-limitazzjoni tal-għajnuna fiskali Daniża mogħtija lill-Konsorzju.

119    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u tispjega li l-fatt li d-dejn akkumulat tal-Konsorzju jvarja maż-żmien ma jbiddilx il-konstatazzjoni li l-garanziji statali huma, fil-fatt, limitati għad-dejn akkumulat tal-Konsorzju fi kwalunkwe ħin, dejn li għandu fir-realtà jonqos kontinwament. Is-sempliċi fatt li hija ma tafx meta d-dejn ser jiġi kompletament irrimborsat ma jaffettwax il-fatt li l-garanziji statali huma limitati għaż-żmien neċessarju għar-rimbors tad-dejn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-impenji proposti mir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jikkostitwixxu element importanti tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura limitata tal-għajnuna, peress li dawn jippermettulha taġixxi kontra kuntratti ta’ self oħra koperti mill-garanziji statali li jkunu saru wara t-tmiem tas-sena 2040 u kontra vantaġġi ekonomiċi oħra li jkunu ngħataw wara t-tmiem tas-sena 2040.

120    Skont il-ġurisprudenza, għandu jitqies li l-għoti ta’ garanzija b’kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dawk tas-suq, bħal garanzija illimitata mogħtija mingħajr korrispettiv, huwa, b’mod ġenerali, ta’ natura li jagħti vantaġġ lill-persuna li tibbenefika minn din il-garanzija, fis-sens li tali għoti għandu bħala konsegwenza t-titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma piż fuq il-baġit tiegħu. Issa, garanzija statali illimitata tippermetti b’mod partikolari lill-benefiċjarju tagħha jikseb kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dawk li huwa kien jikseb abbażi tal-merti tiegħu biss u, għaldaqstant, tippermetti li titnaqqas il-pressjoni imposta fuq il-baġit tiegħu (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑154/10, EU:T:2012:452, punti 106 u 108).

121    F’dan il-każ, mill-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fi tmiem is-sena 2000, id-dejn nett tal-Konsorzju li jinkludi l-interessi akkumulati kien jammonta għal 19.4 biljun Krona Daniża (DKK), li, fl-aħħar tas-sena 2003, dan tela’ għal DKK 20.1 biljun, iżda niżel fl-aħħar tas-sena 2013 għal DKK 16.6 biljun, u li l-Konsorzju kien jistenna li dan ma jitlax f’livell ogħla mil-livell tal-2013. Fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-perijodu għar-rimbors tal-investiment imwettaq mill-Konsorzju kien stmat, fl-1991, għal 30 sena dekorribbli mis-sena 2000, iżda din l-istima varjat bejn 30 u 36 sena, billi l-perijodu stmat għar-rimbors mill-Konsorzju kien ikkalkolat fuq bażi annwali u ppubblikat fir-rapporti annwali tal-Konsorzju. Ir-rapport annwali tal-2013 stima li d-dejn kellu jitħallas sal-2034. Il-kalkolu taż-żmien ta’ rimbors tad-dejn tal-Konsorzju kien ibbażat fuq numru partikolari ta’ previżjonijiet fir-rigward, b’mod partikolari, tal-iżvilupp tad-dħul mit-traffiku, tal-ispejjeż tal-operat, tal-ispejjeż ta’ investiment mill-ġdid, tal-ispejjeż ta’ finanzjament u tal-ħlas ta’ dividendi lill-kumpanniji omm tal-Konsorzju. Fost dawn, l-iktar importanti kienet il-previżjoni dwar id-dħul iġġenerat mit-traffiku tat-triq, li kien jirrappreżenta 75 % tad-dħul totali u li varja b’mod kunsiderevoli maż-żmien. Il-Kummissjoni indikat ukoll li, fid-dawl tal-inċertezzi dwar l-iżviluppi futuri tat-traffiku, il-Konsorzju stabbilixxa tliet xenarji possibbli: xenarju ta’ bażi b’perijodu ta’ rimbors ta’ 34 sena, xenarju ta’ tkabbir b’perijodu ta’ rimbors ta’ 30 sena u xenarju ta’ staġnar b’perijodu ta’ rimbors ta’ 43 sena.

122    Fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li l-garanziji tal-Istat kienu jkopru 100 % tad-dejn tal-Konsorzju. Sussegwentement, il-Kummissjoni semmiet, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan uniku tal-garanziji statali kien li jippermettu lill-Konsorzju jiffinanzja l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa bl-esklużjoni ta’ kull estensjoni tal-attivitajiet tiegħu. Hija ddeduċiet, fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-garanziji statali kienu limitati għal dak li kien neċessarju sabiex il-konsorzju jiffinanzja jew jirrifinanzja d-dejn tiegħu akkumulat minħabba l-inkarigi tiegħu ta’ finanzjament tal-konnessjoni fissa. Hija ppreċiżat ukoll li, peress li l-garanziji statali ma setgħux jintużaw għal għanijiet oħra għajr il-finanzjament tal-konnessjoni fissa, dawn kienu fil-fatt limitati sabiex ikopru “l-ammont totali tad-dejn akkumulat tal-Konsorzju fi kwalunkwe ħin”. Barra minn hekk, hija qieset, b’riferiment għall-premessi 128 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-garanziji statali kienu fil-prattika limitati ratione temporis, billi l-Konsorzju ma jkunx jista’ jibbenefika iktar minnhom ladarba d-dejn tiegħu jiġi kompletament irrimborsat.

123    Il-Kummissjoni sostniet ukoll, fil-premessi 132 u 133 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-vantaġġ li jirriżulta mill-garanziji statali u dak li jirriżulta mill-għajnuna fiskali Daniża kienu interdipendenti.

124    Fil-premessi 134 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanziji statali u kull vantaġġ ekonomiku ieħor, inklużi l-vantaġġi fiskali, li l-Konsorzju jista’ jirċievi, kienu limitati għall-“perijodu ta’ rimbors tad-dejn reali” u li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja kienu ħadu l-impenn li jiżguraw li l-Konsorzju ma jingħatax tali vantaġġi wara li huwa “jkun irrimoborsa totalment id-dejn tiegħu”. Il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni, fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impenji tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja li jinnotifikawha b’kull self ġdid kopert mill-garanziji statali wara tmiem is-sena 2040 jew b’kull vantaġġ ekonomiku ġdid mogħti wara din id-data u kif ukoll li jibagħtulha rapport annwali dwar il-progress tar-rimbors tad-dejn tal-Konsorzju.

125    Fl-ewwel lok, ma huwiex ikkontestat li l-garanziji statali jkopru 100 % tal-ammont ta’ għotjiet ta’ self tal-Konsorzju neċessarji kemm għall-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa kif ukoll għall-operat tagħha. Lanqas ma huwa kkontestat li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ma stabbilixxew ebda limitu ta’ ammont jew ta’ żmien tal-garanziji statali fit-testi li jirregolawhom u msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

126    Dan huwa kkonfermat ukoll mill-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li “mill-kitba tal-Ftehim Intergovernattiv jirriżulta li l-garanziji statali ma humiex limitati ratione temporis”. Jekk il-punt 4(3) tal-Ftehim ta’ Konsorzju jindika li l-garanziji statali għandhom ikopru l-ħtiġijiet kapitali tal-Konsorzju “li jirriżultaw mit-telf tal-kontabbiltà mistenni għal numru partikolari ta’ snin wara li l-konnessjoni [fissa] tkun ġiet miftuħa għat-traffiku”, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-espressjoni “għal numru partikolari ta’ snin” tibqa’ ma hijiex ċara u ma tistabbilixxix limitu reali ratione temporis jew marbut mal-ammont fir-rigward tal-kopertura tal-fażi tal-operat mill-garanziji statali.

127    Ċertament, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-kuntratti ta’ self iggarantiti diġà konklużi mill-Konsorzju fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, dawn huma ċertament limitati bit-termini ta’ kull kuntratt ta’ self, li jistabbilixxi l-ammont li għandu jiġi rrimborsat kif ukoll terminu għar-rimbors. Iżda d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda preċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ limitu għall-ammont totali ta’ kuntratti ta’ self li l-garanziji statali jistgħu teoretikament ikopru. Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni spjegat, barra minn hekk, li hija lanqas ma kienet taf liema kienu anki t-termini għar-rimbors u l-ammonti ta’ self ikkuntrattati mill-Konsorzju mill-bidu tal-proġett u li hija ma kinitx talbet, u lanqas ma eżaminat il-kuntratti ta’ self eżistenti tal-Konsorzju.

128    Fit-tieni lok, minkejja li, fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika t-terminu probabbli tar-rimbors tad-dejn globali tal-Konsorzju kif evalwat fl-2013, hija tindika wkoll li dan id-dejn kien diġà varja minn 30 għal 36 sena u għadu suġġett għal tibdil fil-futur, billi ġew previsti diversi xenarji ta’ rimbors, li jiddependu minn diversi fatturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll, fil-punt 93 tar-risposta, li ma kienx possibbli li wieħed ikun jaf bl-eżatt meta l-imsemmi dejn kellu jiġi rrimborsat.

129    Fit-tielet lok, kif ir-rikorrenti jsostnu, l-assenza ta’ limitazzjoni tal-ammonti ggarantiti jew tat-terminu għar-rimbors tagħhom, flimkien mal-possibbiltà li jsiru kuntratti ta’ self ġodda koperti mill-garanziji statali 100 %, tal-inqas sa tmiem is-sena 2040, tista’ twassal għal diversi estensjonijiet tat-terminu għar-rimbors tas-self tal-Konsorzju kif ukoll għal żieda fl-ammont globali tad-dejn kopert mill-garanziji statali. F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 131 u 135, li l-Konsorzju jista’ jikkonkludi kuntratti ġodda ta’ self iggarantiti u jirrifinanzja lilu nnifsu regolarment sa tmiem is-sena 2040, mingħajr ma għandu jinnotifika l-imsemmija kuntratti ta’ self iggarantiti lill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-inċertezza ewlieni, f’dan il-każ, tinsab fl-assenza ta’ ffissar ta’ ammont massimu tad-dejn tal-Konsorzju li jista’ jkun kopert mill-garanziji statali sa tmiem l-2040. Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax suffiċjentement li d-dejn tal-Konsorzju huwa limitat ratione temporis u fl-ammont tagħha.

130    Mill-premess jirriżulta li l-affermazzjoni, fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li “l-garanziji [huma] limitati għal dak li [hu] neċessarju sabiex il-Konsorzju jiffinanzja(jirrifinanzja) dejn akkumulat minħabba l-inkarigi tiegħu ta’ finanzjament tal-konnessjoni fissa” ma turix suffiċjentement li hemm limitu ratione temporis u tal-ammont kopert minn dawn il-garanziji, sa fejn, b’mod partikolari, il-finanzjament tal-konnessjoni fissa jkopri l-operat tagħha. B’hekk, l-affermazzjonijiet li “peress li l-garanziji statali jistgħu jintużaw biss għall-kompiti relatati mal-finanzjament tal-konnessjoni fissa [...] u mhux għal għan ieħor, dawn huma de facto limitati sabiex ikopru l-ammont totali tad-dejn akkumulat tal-Konsorzju fi kwalunkwe ħin” jew li “l-garanziji huma de facto limitati ratione temporis għaliex il-Konsorzju ma jistax jibbenefika mill-garanziji wara li d-dejn [ikun] ġie kompletament irrimborsat” huma bbażati fuq raġunament ċirkulari u ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat b’mod preċiż il-limitu tat-terminu u tal-ammont tal-garanziji statali, peress li d-dejn tal-Konsorzju ma jidhirx li huwa limitat.

131    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma jista’ jikkonfuta din il-konstatazzjoni.

[omissis]

134    It-tielet nett, dwar l-impenn tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja li sar matul il-fażi tal-investigazzjoni preliminari li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, kull self ġdid kopert mill-garanziji statali li jkun ikkuntrattat mill-Konsorzju wara l-2040, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li dan ma kienx jillimita t-terminu tal-garanziji statali nnifishom għat-tmiem tas-sena 2040 sa fejn kien japplika biss għall-għotjiet ta’ self ġodda koperti mill-imsemmija garanziji. Għalhekk, din id-data tirrappreżenta biss id-data finali sa meta r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jistgħu jagħtu garanziji ġodda ta’ self mingħajr notifika lill-Kummissjoni. Din id-data ma tagħti ebda indikazzjoni fir-rigward tat-terminu tal-imsemmija garanziji, li huwa kkorelatat mat-terminu għar-rimbors tal-għotjiet ta’ self koperti minnhom. Madankollu, it-terminu għar-rimbors tal-imsemmi self lanqas ma huwa limitat mill-impenji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma kellhiex informazzjoni dwar it-tul tal-kuntratti ta’ self diġà konklużi tal-Konsorzju. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-impenn tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja imsemmi fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata ma jipprekludix li l-garanziji statali, li jkopru self diġà kkuntrattat jew self li jkun ser jiġi kkuntrattat sa tmiem is-sena 2040, jestendu ruħhom ferm lil hinn mill-2040.

135    Barra minn hekk, kif diġà tfakkar fil-punt 125 iktar ’il fuq, l-impenji ma jistabbilixxu l-ebda limitu ta’ ammont għas-self jew għall-garanziji nnifishom. Għalhekk, is-self ikkuntrattat sa tmiem is-sena 2040, iggarantit 100 %, mingħajr limitu ta’ ammont, jista’ jżid id-dejn reali tal-Konsorzju u, konsegwentement, l-ammont tal-għajnuna marbuta mal-garanziji statali.

136    Jekk, bl-argument tagħha, il-Kummissjoni tixtieq issostni li l-“impenn” inkwistjoni joħloq limitu teoretiku għall-garanziji statali peress li, loġikament, il-kuntratti ta’ self konklużi sa tmiem l-2040 isemmu ammont u terminu għar-rimbors u finalment jiġu rrimborsati f’xi jum, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li t-tul effettiv tal-garanziji statali jista’ b’hekk jestendi ruħu lil hinn mill-2040 u għal ammont massimu mhux magħruf, potenzjalment ogħla mid-dejn attwali tal-Konsorzju, mingħajr ma d-deċiżjoni kkontestata tagħti informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni preċiża dwar it-terminu u l-ammont massimu tal-għajnuna inkluża fil-garanziji statali.

137    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eżami tal-Kummissjoni dwar in-natura limitata, ratione temporis u fl-ammont, tal-garanziji statali u, konsegwentement tal-għajnuna f’dawn il-garanziji, huwa insuffiċjenti u inkomplet.

138    Sa fejn, fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-garanziji statali u kull vantaġġ ekonomiku ieħor, inklużi l-vantaġġi fiskali, kif ukoll il-Konsorzju seta’ jirċievi kienu limitati għall-perijodu reali tar-rimbors tad-dejn, l-insuffiċjenzi tal-eżami tal-Kummissjoni, ikkonstatati fil-punt 129 iktar ’il fuq, jestendu wkoll għall-għajnuna fiskali Daniża.

139    Dawn l-insuffiċjenzi huma indizju addizzjonali li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fl-analiżi tal-kompatibbiltà tal-garanziji statali mas-suq intern, li kellhom iġegħluha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

4)      Fuq l-ewwel, il-ħames u s-sitt ilment, ibbażati fuq l-eżami insuffiċjenti u inkomplet, rispettivament, il-kwantifikazzjoni tal-element ta’ għajnuna inkluża fil-garanziji statali, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri ta’ għajnuna u, finalment, il-kriterju msejjaħ ta’ “bbilanċjar”

140    L-ewwel ilment tat-tieni parti huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kinitx jew ma kinitx suffiċjentement ikkwantifikat l-għajnuna inkluża fil-garanziji statali, minkejja li tali kwantifikazzjoni hija indispensabbli għall-evalwazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna. Il-ħames ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti n-neċessità u l-proporzjonalità tal-garanziji statali u tal-vantaġġi fiskali. Is-sitt motiv huwa bbażat b’mod partikolari fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx “ibbilanċjar” tal-effetti pożittivi tal-għajnuna inkwistjoni f’termini ta’ kontribuzzjoni sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni previst mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Dawn l-iżbalji jikkonċernaw kemm il-garanziji statali kif ukoll l-għajnuna fiskali Daniża.

141    Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, “tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni”.

142    Għandu jitfakkar li, sa fejn huwa deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat stipulat fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara s-sentenza tad-9 ta’ April 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-150/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:191, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna kompatibbli mal-Artikolu 107(3) TFUE biss meta tkun tista’ tikkonstata li din l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija; għanijiet li l-impriża benefiċjarja ma tistax tilħaq permezz tal-mezzi tagħha stess taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri ma jistgħux jitħallew iwettqu ħlasijiet li jwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-Artikolu 107(3) TFUE (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T-162/06, EU:T:2009:2, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-miżuri imposti mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jwettqu l-għan previst u li ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għal dan il-għan (sentenza tat-18 ta’ Settembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 116/82, EU:C:1986:322, punt 21). Bħala prinċipju ġenerali tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi kriterju tal-legalità ta’ kull att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inklużi d-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta bħala awtorità tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2014, ABN Amro Group vs Il-Kummissjoni, T-319/11, EU:T:2014:186, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-ġurisprudenza, ma jistax jiġi aċċettat li għajnuna tinkludi modalitajiet, b’mod partikolari dwar l-ammont tagħha, li l-effetti restrittivi tagħhom imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għajnuna tkun tista’ tilħaq l-għanijiet ammessi mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T-162/06, EU:T:2009:2, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

i)      Fuq l-ewwel ilment, dwar id-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna fil-garanziji statali

145    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tikkwantifika l-element ta’ għajnuna tal-garanziji statali skont il-punti 4.1 u 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji tal-2008. Huma jqisu li l-kwantifikazzjoni tal-element tal-għajnuna tal-garanziji statali kienet rekwiżit indispensabbli għall-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ dawn il-garanziji.

146    Il-Kummissjoni tfakkar li l-Avviż dwar il-garanziji tal-2008 ma kienx applikabbli ratione temporis għall-għajnuna mill-Istat inkwistjoni f’din il-kawża, peress li tqis li din ngħatat fl-1992. Hija tqis li l-kwantifikazzjoni tal-għajnuna ma hijiex rekwiżit neċessarju għall-analiżi tan-neċessità u tal-proporzjonalità tagħha u li, peress li hija kienet ikkonkludiet li l-għajnuna kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan li jitneħħa l-finanzjament tal-proġett fil-kuntest eżistenti f’dak iż-żmien, ma kienx neċessarju li l-ammont tal-għajnuna jiġi kkwantifikat sabiex jiġi evitat kumpens żejjed. Barra minn hekk, hija ssostni li, skont l-Avviż dwar il-garanziji tal-2008 stess, l-element tal-għajnuna għandu jiġi kkwantifikat sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat jekk l-għajnuna għandhiex titqies li hija kompatibbli biss fuq il-bażi ta’ eżenzjoni speċifika.

147    B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti ma jikkritikawx lill-Kummissjoni minħabba l-assenza tal-kalkolu finali u preċiż tal-ammont totali tal-għajnuna li tirriżulta mill-garanziji statali, iżda l-assenza jew l-insuffiċjenza tad-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna li toħroġ mill-garanziji statali, jiġifieri tal-metodu segwit għall-kalkolu tal-għajnuna li tinsab f’garanzija. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-kwantifikazzjoni tal-għajnuna inkluża fil-garanziji statali, jiġifieri d-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna marbut mal-garanziji, kinetx neċessarja sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tagħha u, fil-każ affermattiv, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx ikkwantifikat b’mod suffiċjenti dan l-element ta’ għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata.

148    Għandu wkoll jitfakkar li, sa fejn, b’mod partikolari, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett, kien il-kompitu tal-Kummissjoni li tivverifika li l-għajnuna inkluża fil-garanziji statali u fl-għajnuna fiskali Daniża kienet neċessarja u proporzjonata mal-għan imfittex, f’dan il-każ it-twettiq tal-PSKIKE li l-konnessjoni fissa kienet tikkostitwixxi. Barra minn hekk, dan ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

149    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, huma x’inhuma r-regoli sostantivi applikabbli ratione temporis għall-każ inkwistjoni, il-fatt li jiġi stabbilit kif tiddetermina l-element ta’ għajnuna f’garanzija, jiġifieri li jinstab il-metodu ta’ determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna, mingħajr madankollu ma jkun rikjest kalkolu finali preċiż, huwa rekwiżit indispensabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk l-imsemmija għajnuna hijiex neċessarja u proporzjonata, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni.

150    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 144 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ għajnuna timplika li għandu jiġi vverifikat jekk din tkunx limitata għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-diversi derogi previsti mill-Artikolu 107(3) TFUE, li jimplika li jiġi stabbilit f’liema proporzjonijiet l-għajnuna hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan previst u għalhekk li jiġi stabbilit kif jiġi kkalkolat l-element tal-għajnuna minn qabel.

151    Għandu jiġi enfasizzat li dan huwa konformi mal-ġurisprudenza li tipprovdi li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna r-rimbors ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura u li huwa suffiċjenti, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-415/03, EU:C:2005:287, punt 39, u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑441/06, EU:C:2007:616, punt 29).

152    F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li, skont il-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-garanziji tal-2008, dwar il-“ġeneralitajiet” tal-“garanziji li jinkludu element ta’ għajnuna”, il-kwantifikazzjoni tkun utli biss sabiex jiġi vverifikat jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli fuq il-bażi ta’ “eżenzjoni speċifika”, iżda mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3) TFUE, għandu jiġi miċħud, sa fejn, f’dan il-kuntest, l-espressjoni “eżenzjoni speċifika” tirreferi għall-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(a) sa (e) TFUE.

[omissis]

ii)    Fuq il-ħames ilment, dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna mill-Istat

[omissis]

184    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk l-ammont tal-għajnuna pprovduta lill-Konsorzju kinetx teċċedi dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-għajnuna marbuta mal-garanziji statali li jkopru 100 % id-dejn tal-Konsorzju u mal-vantaġġi fiskali hija proporzjonata u limitata għall-minimu neċessarju, fid-dawl tan-natura u tad-daqs tal-proġett ta’ konnessjoni fissa, ma hijiex issostanzjata. Huma jsostnu wkoll, essenzjalment, ksur tal-paragrafu 30 tal-Avviż dwar il-PSKIKE.

185    Il-Kummissjoni tikkontesta kull insuffiċjenza tal-eżami tagħha u tikkunsidra li dan l-argument ma huwiex sostnut. Qabelxejn, hija tfakkar li l-kwantifikazzjoni tal-element ta’ għajnuna ma hijiex pass neċessarju għall-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-għajnuna. Sussegwentement, hija ssostni li r-rikorrenti ma jistabbilixxux li impriża kienet tkun kapaċi tikkostruwixxi proġett ta’ infrastruttura bħal dak previst fil-każ ineżami mingħajr għajnuna mill-istat. Barra minn hekk, ebda prova ma tistabbilixxi li l-proġett seta’ jiġi rrealizzat b’inqas għajnuna. L-għażla ta’ garanzija statali ġustament ippermettiet li jiġi żgurat li l-għajnuna tkun ħafna inqas għolja milli kieku r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja taw lill-Konsorzju sussidji jew għotjiet ta’ self. Barra minn hekk, l-impenji tal-Gvern Daniż u ta’ dak Svediż jistgħu jgħinu sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-garanziji jsiru inutli u sproporzjonati. Finalment, fir-rigward tal-allegat ksur tal-paragrafu 30 tal-Avviż dwar il-PSKIKE, il-Kummissjoni tenfasizza li, anki kieku din id-dispożizzjoni kienet applikabbli, ħaġa li barra minn hekk tikkontesta, dan ma jimponix li tiġi kkalkolata r-rata ta’ rendiment intern fil-każijiet kollha. F’dan il-każ, l-inċertezzi kienu tali li kalkoli ddettaljati ma pproduċewx dawl differenti għall-evalwazzjoni tagħha.

186    F’dan il-każ, il-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li, minħabba n-natura u d-daqs tal-konnessjoni fissa, l-għajnuna inkluża fi ħdan l-istruttura ta’ finanzjament magħżula li tinkludi żewġ garanziji mill-Istat li jkopru 100 % tad-dejn tal-Konsorzju u l-vantaġġi fiskali għandha titqies li hija proporzjonata u limitata għall-minimu neċessarju. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll, dejjem fil-premessa 129, li “kull mod ieħor ta’ finanzjament tal-konnessjoni fissa kien iwassal għall-istess proġett, iżda b’riskju sinjifikattiv ta’ spejjeż ogħla ta’ finanzjament [għar-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja]” u li, “pereżempju, [jekk dawn tal-aħħar] kellhom jagħtu injezzjonijiet ta’ kapital jew self lill-Konsorzju, kien ikun hemm riskju li l-piż totali fuq il-baġits [tagħhom] jogħla u, konsegwentement, l-ispejjeż totali tal-proġett jiżdiedu”. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li, sa dak il-mument, l-ebda garanzija ma kienet ġiet applikata u li ma kien hemm ebda prova li tistabbilixxi li l-Konsorzju ma huwiex f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-futur.

187    Qabelxejn, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 167, 114 u 137 sa 139 iktar ’il fuq li l-assenza ta’ kwantifikazzjoni tal-għajnuna marbuta mal-garanziji statali, l-assenza ta’ distinzjoni bejn il-fażijiet tal-kostruzzjoni u tal-operat u l-assenza ta’ limitazzjoni preċiża biżżejjed tal-għajnuna marbuta mal-garanziji statali fl-ammont tagħhom u ratione temporis juru diġà li l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-garanziji statali mas-suq intern kienet insuffiċjenti.

188    Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu ġustament li l-Kummissjoni lanqas ma eżaminat jekk l-istess riżultat setax jinkiseb billi tintuża inqas għajnuna, pereżempju, billi tkun introdotta forma ta’ primjum ta’ garanzija limitata, billi jkunu limitati l-garanziji b’mod li jkopru inqas minn 100 % ta’ kull self kopert, billi jkun limitat it-tul tal-garanziji statali jew billi jiġi vverifikat jekk l-intensità tal-għajnuna kinetx limitata għall-minimu neċessarju. L-ebda analiżi ta’ dan it-tip ma saret fid-deċiżjoni kkontestata.

189    L-affermazzjoni, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-għajnuna marbuta mal-garanziji statali li jkopru 100 % id-dejn tal-Konsorzju u mal-vantaġġi fiskali hija proporzjonata u limitata għall-minimu neċessarju, fid-dawl biss tan-natura u tad-daqs tal-proġett ta’ konnessjoni fissa, tidher li hija insuffiċjenti u mhux issostanzjata. Issa, għandu jitfakkar li, sa fejn huwa deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat stipulat fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara s-sentenza tad-9 ta’ April 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-150/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:191, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Il-Kummissjoni ssostni ġustament li r-rekwiżit, li jinsab fil-paragrafu 30 tal-Avviż dwar il-PSKIKE, li tiġi kkalkolata rata ta’ rendiment intern fl-assenza ta’ xenarju kontrafattwali sabiex jiġi vverifikat li l-ammont tal-għajnuna ma jeċċedix il-minimu neċessarju sabiex il-proġett li jibbenefika mill-għajnuna jrendi dħul suffiċjenti, huwa msemmi biss bħala “eżempju”. Madankollu, l-obbligu “li jiġi vverifikat li l-ammont tal-għajnuna ma jeċċedix il-minimu neċessarju sabiex il-proġett li jibbenefika mill-għajnuna jrendi dħul suffiċjenti” huwa biss espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, applikabbli għal dan il-każ. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami suffiċjenti sabiex tivverifika jekk l-għajnuna marbuta mal-garanziji statali kinetx limitata għall-minimu neċessarju.

191    Finalment, il-ġustifikazzjonijiet, imressqa fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-użu ta’ forom iktar diretti ta’ għajnuna kienu jżidu l-piż fuq il-baġit tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja u għalhekk l-ispiża totali tal-proġett u li l-ebda garanzija ma ġiet applikata s’issa, ma humiex tali li jneħħu d-dubji marbuta mal-fatt li l-element ta’ għajnuna marbuta mal-garanziji statali ġie, min-naħa tiegħu, limitat għall-minimu neċessarju. L-ewwel nett, il-“piż fuq il-baġit” tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja u “l-ispiża totali tal-proġett” ma humiex neċessarjament ekwivalenti għall-element tal-għajnuna tal-garanziji. It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata ma tispeċifikax suffiċjentement kif jiġi kkalkolat l-element ta’ għajnuna marbut mal-garanziji u mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-għajnuna mogħtija lill-Konsorzju ma hijiex suffiċjentement limitata fl-ammont u fit-tul ta’ żmien tagħha, anki fid-dawl tal-impenji. Konsegwentement, anki jekk forom aktar diretti ta’ għajnuna kienu eventwalment jistgħu jikkostitwixxu għajnuna ikbar minn garanziji, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-għajnuna marbuta għall-garanziji statali ġiet, min-naħa tagħha, limitata għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tat-twettiq tal-proġett ta’ interess komuni Ewropew tal-konnessjoni fissa. It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-għajnuna tingħata fil-mument li tiġi offruta l-garanzija, u mhux fil-mument meta tiġi mmobilizzata jew meta jsiru ħlasijiet. Konsegwentement, il-fatt li, s’issa, l-ebda garanzija ma ġiet applikata huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura limitata għall-minimu possibbli tal-għajnuna inkluża fil-garanziji. Barra minn hekk, garanzija tista’ madankollu, tiġi attwata u tirriżulta f’telf ta’ dħul effettiv għall-Istat daqstant ikbar billi l-garanziji, f’dan il-każ, ikopru 100 % ta’ ammont ta’ self li l-limitu tiegħu ma huwiex magħruf.

[omissis]

196    Mill-premess jirriżulta li r-rikorrenti wrew eżami insuffiċjenti u inkomplet fir-rigward tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna inkwistjoni, indizju ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

197    Għaldaqstant, il-ħames ilment tat-tieni parti għandu jintlaqa’.

[omissis]

iii) Fuq is-sitt ilment, dwar l-assenza ta’ eżami tal-effetti negattivi tal-għajnuna mogħtija lill-Konsorzju dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-imsemmija għajnuna

200    Fil-kuntest tas-sitt ilment, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, żewġ argumenti. L-ewwel nett, huma jinvokaw l-assenza totali ta’ eżami tal-effetti negattivi tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-Konsorzju fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tieni nett, huma speċifikament jinvokaw l-assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti pożittivi tal-imsemmija għajnuna f’termini tat-twettiq tal-għan ta’ interess komuni previst mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

201    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonċentrat, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-effetti li l-użu ta’ forom oħra ta’ għajnuna kien ikollu fuq il-baġit tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja, minflok ma eżaminat l-effetti tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Huma jenfasizzaw li l-kriterju msejjaħ tal-“ibbilanċjar” tal-effetti pożittivi tal-għajnuna fuq it-twettiq tal-PSKIKE mal-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri kien madankollu applikabbli f’dan il-każ, peress li dan kien ġie stipulat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni (T-371/94 u T-394/94, EU:T:1998:140, punt 283), u sussegwentement integrat fi kważi l-linji gwida kollha, inkluż fil-paragrafi 26 u 40 sa 44 tal-Avviż dwar il-PSKIKE.

202    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u ssostni, essenzjalment, li l-kriterju tal-ibbilanċjar oriġina mill-kliem tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE dwar l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, iżda ma jagħmilx parti mill-kriterji normali għall-eżami tal-kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għalkemm l-Avviż dwar il-PSKIKE jsemmi il-kriterju tal-ibbilanċjar, il-Kummissjoni tqis li dan ma kienx applikabbli ratione temporis f’dan il-każ.

203    Fl-ewwel lok, permezz tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma analizzatx, fil-kuntest tal-eżami ta’ kompatibbiltà, l-effetti tal-għajnuna inkwistjoni f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

204    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjonijiet ekonomiċi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tgawdi minn marġni diskrezzjonali wiesa’, għandhom isiru fil-livell tal-Unjoni, li jfisser li l-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-impatt ta’ għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 282 u l-ġurisprudenza ċċitata).

205    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. Sa fejn huwa deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat stipulat fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara s-sentenza tad-9 ta’ April 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-150/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:191, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    Issa, ġie deċiż ukoll li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-implementazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru wkoll fil-livell tal-Unjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il-Kummissjoni, T‑487/11, EU:T:2014:1077, punt 83).

207    Għalhekk, il-Kummissjoni għandha wkoll l-obbligu li teżamina l-impatt ta’ għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni matul l-evalwazzjonijiet ekonomiċi tagħha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Dan huwa barra minn hekk konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, EU:T:1995:130, punti 136, 137, 141 u 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni ma wettqitx dan l-eżami. Fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat l-effetti potenzjali ta’ forom oħra ta’ għajnuna (injezzjonijiet ta’ kapital, self statali) fuq l-ispiża totali tal-proġett u fuq il-baġits tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja, iżda, fl-ebda mument, ma pprevediet l-effetti tal-għajnuna inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni kompetittiva jew il-kummerċ fl-Unjoni, fil-kuntest tal-analiżi tal-kompatibbiltà. Madankollu, ir-rikorrenti jidhru li jilmentaw b’mod partikolari mill-fatt li l-għajnuna inkwistjoni tippermetti lill-Konsorzju jistabbilixxi t-tariffa tal-konnesjsoni fissa b’mod artifiċjalment baxx.

209    Għalhekk, hemm lok li s-sitt ilment jintlaqa’, sa fejn dan jirrigwarda l-assenza ta’ eżami tal-effetti tal-għajnuna mogħtija lill-Konsorzju fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

210    Fit-tieni lok, fir-rigward speċifikament tal-assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha, fis-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il-Kummissjoni (47/69, EU:C:1970:60, punt 7), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tevalwa jekk għajnuna kinetx tibdel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, kien neċessarju li jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk kienx hemm żbilanċ bejn, minn naħa, l-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti mill-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-benefiċċji li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-Kummissjoni kellha l-obbligu, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-impatt ta’ għajnuna mill-Istat, kif hija stess kienet irrilevat fl-Erbatax-il Rapport dwar il-Politika ta’ Kompetizzjoni (1984, p. 143, Nru202), li tibbilanċja l-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, EU:T:1998:140, punti 282 u 283).

211    Għalkemm ġiet espressa fil-kuntest ta’ kawża relatata mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għandu jiġi kkonstatat li n-neċessità għal tali “bbilanċjar” tal-effetti pożittivi mistennija f’termini tat-twettiq tal-għanijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(a) sa (e) TFUE mal-effetti negattivi ta’ għajnuna f’termini tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija biss l-espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-imsemmija eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE.

212    Barra minn hekk, jekk ikun permess, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li tali bbilanċjar isir għal ċerti eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE, iżda mhux għal oħrajn, dan ikun ifisser li, għal uħud mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3) TFUE, għajnuna tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli anki jekk l-effetti pożittivi f’termini tat-twettiq tal-għanijiet previsti jkunu inqas mill-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ. Tali interpretazzjoni hija ta’ natura li toħloq asimmetrija fl-evalwazzjoni tad-diversi eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE, li tmur kontra l-effett utli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

213    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Avviż dwar il-PSKIKE jsemmi dan il-kriterju, fil-paragrafu 26 u fil-punt 4.2 intitolat “Prevenzjoni ta’ distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni u kriterju tal-ibbilanċjar”, juri li l-Kummissjoni stess tikkunsidra li dan huwa applikabbli għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mwettqa fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tallega, l-eventwalità li l-Avviż dwar il-PSKIKE ma japplikax ratione temporis ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-idea li l-kriterju tal-ibbilanċjar huwa applikabbli ratione materiae għall-għajnuna intiża sabiex jitwettaq PSKIKE, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 202 iktar ’il fuq.

214    B’hekk għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-kriterju tal-ibbilanċjar ma huwiex applikabbli għall-analiżijiet imwettqa fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

215    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li huwa ċar li l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni huma limitati għall-introduzzjoni ta’ servizz li jissostitwixxi s-servizzi ta’ trasport fuq il-baħar li tradizzjonalment żguraw il-qsim tas-Sund, iżda li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja kkunsidraw li kien fl-interess komuni tal-Unjoni li jkollha konnessjoni iktar tajba u li, għaldaqstant, l-effetti pożittivi tal-għajnuna kienu jikkontrobilanċjaw sew l-effetti negattivi. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali raġunament ma jirriżulta bl-ebda mod mid-deċiżjoni kkontestata, li tirrifletti l-assenza ta’ eżami mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

216    Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ wkoll is-sitt ilment tat-tieni parti, sa fejn dan jirrigwarda l-assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti negattivi u pożittivi tal-għajnuna inkwistjoni, billi din l-insuffiċjenza wriet diffikultajiet serji.

217    Bħala konklużjoni, mingħajr lanqas ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-applikabbiltà ratione temporis tal-Avviż dwar il-garanziji tal-2008 u l-Avviż dwar il-PSKIKE, jirriżulta mit-tieni parti tar-raba’ motiv li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-Konsorzju kien insuffiċjenti u inkomplet inkwantu l-Kummissjoni, l-ewwel nett, ma vverifikax l-eżistenza l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji statali, it-tieni nett, ma setgħetx, wara l-eżami preliminari tagħha, tiddetermina l-element ta’ għajnuna inkluż fil-garanziji statali, it-tielet nett, ma vverifikatx l-eventwalità ta’ għajnuna għall-funzjonament li tkopri l-ispejjeż tal-operat, ir-raba’ nett, ma kinitx taf il-limitu tal-ammont, u lanqas il-limitu tat-tul ta’ żmien preċiż tal-għajnuna inkwistjoni, il-ħames nett, ma kellhiex provi suffiċjenti sabiex turi li l-għajnuna marbuta mal-garanziji statali u l-għajnuna marbuta mal-għajnuna fiskali Daniża kienet limitata għall-minimu neċessarju għat-twettiq tal-PSKIKE u, is-sitt nett, ma eżaminatx l-effetti tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas ma wettqet eżerċizzju ta’ bbilanċjar bejn l-effetti negattivi u l-effetti pożittivi tagħha. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, li kellhom iġegħluha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

c)      Konklużjoni fuq ir-raba’ motiv dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-Konsorzju

218    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, u b’mod partikolari tal-punti 81 sa 83 u 217 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li jirriżultaw indizji oġġettivi u konkordanti li jistabbilixxu li l-Kummissjoni ma kinetx f’pożizzjoni, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tegħleb id-diffikultajiet serji kollha identifikati f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-512/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:989, punt 106).

219    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex tiġbor kull element rilevanti għall-finijiet tal-verifika tal-punti kkontestati u tippermetti lir-rikorrenti u lill-partijiet l-oħra interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-imsemmija proċedura.

220    Għaldaqstant, hemm lok ta’ annullament, fuq il-bażi tar-raba’ motiv dwar il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati, tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-garanziji statali mogħtija lill-Konsorzju mir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja u tal-għajnuna fiskali Daniża mogħtija lill-Konsorzju.

[omissis]

2.      Fuq l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames motiv, sa fejn dawn jirrigwardaw miżuri li ma kinux ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat

[omissis]

a)      Fuq l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames motiv, sa fejn dawn jirrigwardaw il-miżuri ta’ sostenn finanzjarju mogħtija lill-kumpanniji omm tal-Konsorzju

[omissis]

1)      Fuq l-eżistenza ta’ attività ekonomika

[omissis]

2)      Fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

[omissis]

b)      Fuq it-tieni u r-raba’ motiv, sa fejn dawn jirrigwardaw l-iskema Daniża tat-taxxa komuni

[omissis]

3.      Fuq it-tieni, ir-raba’ u l-ħames motiv, sa fejn dawn jirrigwardaw l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv tal-miżuri kollha ta’ għajnuna

[omissis]

4.      Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv, sa fejn dawn jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet relatati mal-aspettattivi leġittimi

[omissis]

a)      Fuq it-tielet motiv, dwar il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi dwar il-perijodu preċedenti għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98)

[omissis]

b)      Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv, li jirrigwardaw l-analiżi dwar il-perijodu ta’ wara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98)

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

329    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet it-talbiet tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tar-rikorrenti.

330    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2014) 7358 finali tal-15 ta’ Ottubru 2014 hija annullata sa fejn din iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-għajnuna fiskali relatata mad-deprezzament tal-attiv u mat-trasferiment ’il quddiem tat-telf mogħtija lil Øresundsbro Konsortiet mir-Renju tad-Danimarka u tal-garanziji mogħtija lil Øresundsbro Konsortiet mir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż sostnuti minn HH Ferries I/S, HH Ferries Helsingor ApS u HH Ferries Helsingborg AB.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Berardis

Spielmann

Csehi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Settembru 2018.

Firem


[omissis]


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.


2      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni. F’dak li jirrigwarda l-ommissjonijiet, għandu jsir riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-..., .../... (T-..., EU:...).