Language of document : ECLI:EU:T:2018:563

Kawża T-68/15

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

HH Ferries I/S, preċedentement Scandlines Øresund I/S et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna favur it-trasport bil-ferrovija u bit-triq tas-Sund – Finanzjament pubbliku mogħti mill-Istat Svediż u mill-Istat Daniż għall-proġett infrastrutturali ta’ konnessjoni fissa li tittraversa s-Sund – Garanziji statali – Għajnuna fiskali – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Diffikultajiet serji – Kunċett ta’ skema ta’ għajnuna – Għajnuna intiża sabiex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett kbir ta’ interess Ewropew komuni – Evalwazzjoni tal-element tal-għajnuna f’garanzija – Natura limitata tal-għajnuna f’garanzija – Proporzjonalità – Aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti – Eżami mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern – Diffikultà ta’ evalwazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja – Diffikultajiet serji – Kunċett – Natura oġġettiva – Oneru tal-prova – Ċirkustanzi li jippermettu li tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet – Tul u natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami tal-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari

(Artikoli 107(1) TFUE u 108(2) u (3) TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Eżami ta’ skema ta’ għajnuna meħuda fil-globalità tagħha – Klassifikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna – Assenza ta’ spjegazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata dwar ir-raġunijiet għal tali klassifikazzjoni – Eżami insuffiċjenti u inkomplet

(Artikoli 107(1) TFUE u 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(d))

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Linji gwida adottati fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Natura ġuridika – Regoli ta’ kondotta indikattivi li jimplikaw awtolimitazzjoni tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Obbligu tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

(Artikoli 107(1) TFUE u 108(3) TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għall-funzjonament – Esklużjoni – Garanziji statali li jkopru l-ispejjeż tal-operat ta’ konnessjoni fissa għat-trasport bil-ferrovija u bit-triq – Klassifikazzjoni ta’ għajnuna għall-funzjonament

(Artikolu 107(3) TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mogħtija fil-forma ta’ garanzija – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Kriterji – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Artikoli 107(1) TFUE u 107(3)(b) TFUE); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 188/02, punt 30]

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Għajnuna fil-forma ta’ garanziji – Kalkolu tal-element ta’ għajnuna ta’ garanzija pubblika – Obbligi tal-Kummissjoni

(Artikolu 107(3)(b) TFUE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Riferiment għall-kuntest tal-Unjoni

(Artikolu 107(3)(b) u (c) TFUE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew – Kriterji – Ibbilanċjar tal-effetti pożittivi mistennija ta’ għajnuna f’termini ta’ kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3) TFUE u l-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(Artikolu 107(3) TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 60 sa 63)

2.      Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, mingħajr ma hija marbuta teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari, sabiex tivverifika jekk din l-iskema għandhiex elementi ta’ għajnuna.

Il-fatt li l-Kummissjoni ma tipprovdix spjegazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata dwar ir-raġunijiet li għalihom dawn il-garanziji għandhom jitqiesu skemi ta’ għajnuna huwa element li juri l-eżistenza ta’ eżami insuffiċjenti u inkomplet.

F’dan ir-rigward, anki jekk wieħed jassumi li jista’ jiġi dedott mid-deċiżjoni li l-garanziji statali jissodisfaw id-definizzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna mogħtija mit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, jiġifieri “kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”, kif issostni l-Kummissjoni, id-deċiżjoni għandha tispjega għaliex l-għajnuna inkluża fil-garanziji statali tissodisfa l-kundizzjoni li l-għajnuna ma għandhiex tkun marbuta ma’ proġett speċifiku. Barra minn hekk, minn naħa, il-fatt li wieħed jafferma, fl-istadju tal-klassifikazzjoni tal-garanziji statali, li s-suġġett huwa skema jew żewġ skemi ta’ għajnuna, għaliex l-għajnuna wara dawn il-garanziji ma hijiex marbuta ma’ proġett speċifiku, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li wieħed jafferma, fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern, li l-garanziji statali jirrigwardaw proġett li huwa “speċifiku, preċiż u ddefinit b’mod ċar” jidhru irrikonċiljabbli. Fil-fatt, dan ma huwiex il-każ ta’ kunċetti legali differenti, iżda fatt li ma jistax ivarja minn evalwazzjoni legali għall-oħra.

F’dan ir-rigward, il-garanziji statali ma jistgħux jitqiesu li huma marbuta ma’ proġett “speċifiku”, peress li l-għajnuna inkluża f’dawn il-garanziji statali jkopru kemm il-fażi ta’ kostruzzjoni kif ukoll il-fażi tal-operat tal-konnesjsoni fissa. Fil-fatt, peress li l-aġġettiv “speċifiku” jfisser “li huwa partikolari għal xi ħaġa”, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-għajnuna relatata mal-garanziji statali hija marbuta ma’ proġett speċifiku għar-raġuni li tkopri s-self tal-kuntrattur relatat biss mal-proġett tal-konnessjoni fissa, inkluż għall-fażi tal-operat, bl-esklużjoni ta’ proġetti jew attivitajiet oħra. In-natura “indeterminata” tal-fażi tal-operat, enfasizzata mill-Kummissjoni, ma tikkonċernax strettament l-ispeċifiċità tal-proġett, iżda fir-realtà tikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura limitata jew illimitata tal-garanziji statali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom.

Mill-premess jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni kienet ikkonfrontata, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, b’diffikultajiet serji f’dak li jirrigwarda il-klassifikazzjoni tal-garanziji statali bħala “skemi” ta’ għajnuna.

(ara l-punti 68, 75, 76, 79 sa 81)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 94)

4.      Għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-funzjonament l-għajnuna intiża sabiex teħles impriża minn spejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha. L-għajnuna għall-funzjonament, bħala prinċipju, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE. Fil-fatt, din l-għajnuna, bħala prinċipju, tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-setturi fejn hija tingħata mingħajr ma hija kapaċi, min-natura tagħha stess, li tilħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet derogatorji msemmija iktar ’il fuq. Għalhekk, hemm preżunzjoni li tipprovdi li l-għajnuna għall-funzjonament tfixkel, min-natura tagħha stess, il-kompetizzjoni u tibdel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. Tali għajnuna hija bħala prinċipju pprojbita.

Għajnuna li tikkonsisti f’garanziji statali li jkopru l-ispejjeż tal-operat ta’ konnessjoni fissa għat-trasport bil-ferrovija u bit-triq tista’ tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament.

(ara l-punti 103, 104, 108)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 120)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 142 sa 144, 189, 190)

7.      Sa fejn, b’mod partikolari, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tivverifika li għajnuna inkluża fil-garanziji statali, li jkopru kemm l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u kif ukoll l-ispejjeż tal-operat ta’ konnessjoni fissa għat-trasport bil-ferrovija u bit-triq, u f’għajnuna fiskali hija neċessarja u proporzjonata mal-għan imfittex. F’dan ir-rigward, huma x’inhuma r-regoli sostantivi applikabbli ratione temporis, il-fatt li jiġi stabbilit kif tiddetermina l-element ta’ għajnuna f’garanzija, jiġifieri li jinstab il-metodu ta’ determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna, mingħajr madankollu ma jkun rikjest kalkolu finali preċiż, huwa rekwiżit indispensabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk l-imsemmija għajnuna hijiex neċessarja u proporzjonata. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ għajnuna timplika li għandu jiġi vverifikat jekk din tkunx limitata għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-diversi derogi previsti mill-Artikolu 107(3) TFUE, li jimplika li jiġi stabbilit f’liema proporzjonijiet l-għajnuna hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan previst u għalhekk li jiġi stabbilit kif jiġi kkalkolat l-element tal-għajnuna minn qabel. Dan huwa konformi mal-ġurisprudenza li tipprovdi li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, tistabbilixxi l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi informazzjoni li tippermetti lid-destinatarju tagħha li jiddetermina l-ammont hu stess, mingħajr wisq diffikultà.

(ara l-punti 148 sa 151)

8.      L-evalwazzjonijiet ekonomiċi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tgawdi minn marġni diskrezzjonali wiesa’, għandhom isiru fil-livell tal-Unjoni, li jfisser li l-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-impatt ta’ għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha dan l-istess obbligu matul l-evalwazzjonijiet ekonomiċi tagħha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

(ara l-punti204, 207)

9.      Sabiex jiġi evalwat jekk għajnuna tibdelx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, huwa neċessarju li jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk jeżistix żbilanċ bejn, minn naħa, l-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti mill-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-benefiċċji li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-impatt ta’ għajnuna mill-Istat, li tibbilanċja l-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta. In-neċessità għal tali bbilanċjar tal-effetti pożittivi mistennija f’termini tat-twettiq tal-għanijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(a) sa (e) TFUE mal-effetti negattivi ta’ għajnuna f’termini tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija biss l-espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-imsemmija eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE.

Barra minn hekk, jekk ikun permess li tali bbilanċjar isir għal ċerti eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE, iżda mhux għal oħrajn, dan ikun ifisser li, għal uħud mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3) TFUE, għajnuna tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli anki jekk l-effetti pożittivi f’termini tat-twettiq tal-għanijiet previsti jkunu inqas mill-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ. Tali interpretazzjoni hija ta’ natura li toħloq asimmetrija fl-evalwazzjoni tad-diversi eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE, li tmur kontra l-effett utli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. B’hekk għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-kriterju tal-ibbilanċjar ma huwiex applikabbli għall-analiżijiet imwettqa fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

(arra l-punti 210 sa 212, 214)