Language of document : ECLI:EU:F:2016:26

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)

2 ta’ Marzu 2016

Kawża F‑3/15

Jürgen Frieberger

u

Benjamin Vallin

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal – Regolament Nru 1023/2013 – Artikolu 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Żieda fl-età tal-irtirar – Rimbors ta’ kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni – Artikolu 26 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Rivalutazzjoni tal-akkreditazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu J. Frieberger u B. Vallin jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 u tas-26 ta’ Marzu 2014 li jiċħdu t-talbiet rispettivi tagħhom tad-9 u tas-17 ta’ Diċembru 2013 intiżi sabiex jiksbu, minn naħa, ir-rimbors ta’ parti mill-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni Ewropea li tnaqqsu mir-rimunerazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, kalkolu ġdid tal-akkreditazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni tagħhom ittrasferiti għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni. Sa fejn meħtieġ, huma jitolbu wkoll l-annullament tad-deċiżjonijiet tas-26 ta’ Settembru 2014 li jiċħdu l-ilmenti tagħhom tal-11 u tat-23 ta’ Ġunju 2014 diretti kontra d-deċiżjonijiet tat-13 u tas-26 ta’ Marzu 2014 hawn fuq imsemmija.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta’ Marzu 2014 li tiċħad it-talba ta’ J. Frieberger tas-17 ta’ Diċembru 2013 sa fejn hija intiża għall-kisba ta’ kalkolu ġdid tal-akkreditazzjoni tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni ttrasferiti lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni Ewropea hija annullata. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors ippreżentat minn B. Vallin kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Marzu 2014 sa fejn din allegatament ċaħdet talba intiża għall-kisba ta’ kalkolu ġdid tal-akkreditazzjoni ta’ drittijiet għal pensjoni ttrasferiti lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Talba għall-annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tikkonstata l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali fid-dispożittiv tas-sentenzi tagħha

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Assenza ta’ obbligu tal-amministrazzjoni li tibdel il-motivazzjoni tal-att inizjali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

3.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Finanzjament tal-iskema ta’ pensjonijiet – Modalitajiet ta’ żamma tal-bilanċ tal-ħlas tal-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni – Determinazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-uffiċjali – Kalkolu tal-ħlas li jippermetti l-inklużjoni tal-bidliet fil-popolazzjoni, il-bidliet fis-salarju u r-rati ta’ interessi evalwati konformement mal-Artikolu 10 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal – Legalità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 83 u 83a, u l-Annessi XI, XII, Artikolu 10, u XIII, Artikolu 22)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Preambolu – Valur ġuridiku vinkolanti – Assenza

5.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema fi ħdan l-impriża – Invokabbiltà awtonoma fi proċedura ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013 – Esklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 27)

6.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Rivalutazzjoni tal-akkreditazzjoni – It-tieni rivalutazzjoni sussegwenti għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2014 wara l-ewwel rivalutazzjoni sussegwenti għar-riforma tar-Regoli tal-Persunal tal-2004 – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 22 u 26(5); Regolament Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

1.      Għalkemm, fil-kuntest ta’ talba għal annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju, il-qorti tal-Unjoni għandha fil-fatt il-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata b’mod inċidentali l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li fuqha l-att ikkontestat huwa bbażat, hija ma għandhiex, madankollu, ġurisdizzjoni sabiex tagħmel tali konstatazzjonijiet fid-dispożittiv tas-sentenzi tagħha.

(ara l-punt 31)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2009, Ramaekers-Jørgensen vs Il-Kummissjoni, F‑74/08, EU:F:2009:142, punt 37

2.      Meta l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, wara eżami ta’ lment, tqis li l-motivi tal-att inizjali, imsemmija f’dan l-ilment, huma, kemm fondati kif ukoll suffiċjenti sabiex jirrispondu għall-oġġezzjonijiet miġjuba fl-ilment, hija ma għandhiex raġuni sabiex titbiegħed minn din il-motivazzjoni u tbiddilha b’waħda ġdida. Hija tista’, għalhekk, f’tali ċirkustanza, tiċħad l-ilment, billi tirrepeti, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda, l-istess motivi li jidhru fl-att inizjali, mingħajr ma tiġi kkritikata bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

F’sitwazzjoni partikolari ta’ lmenti redatti fl-istess termini minn diversi partijiet ikkonċernati, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax, fil-fatt, tiġi kkritikata li tirrispondi għalihom b’mod standardizzat. Dan l-approċċ huwa, għall-kuntrarju, konsistenti mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u jiggarantixxi ugwaljanza fit-trattament ugwali tal-persuni li jressqu lment.

(ara l-punti 39 u 41)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Faita vs CESE, T‑619/13 P, EU:T:2014:1057, punt 32

3.      Ir-regola inkluża fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li skontha l-uffiċjali jikkontribwixxu għal terz tal-finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet, għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 83a(1), (3) u (4) tar-Regolamenti tal-Persunal li jeħtieġ il-bilanċ ta’ din l-iskema u l-verifika ta’ dan il-bilanċ fuq il-bażi ta’ eżami attwarjali ta’ kull ħames snin aġġornat kull sena, konformement mal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 83a tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iskema tal-pensjonijiet hija bbilanċjata, fis-sens attwarjali tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk il-livell ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu kull sena mill-uffiċjali attivi jippermetti li jiġi ffinanzjat terz tal-ammont futur tad-drittijiet li dawn l-uffiċjali jkunu kisbu matul l-istess sena. L-approċċ attwarjali adottat mil-leġiżlatur huwa għalhekk ibbażat fuq finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet fuq medda twila ta’ żmien. Għal dan l-għan, il-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni serje ta’ possibbiltajiet attwarjali.

Minn dan isegwi li l-kontribuzzjonijiet tal-uffiċjali fl-ammont ta’ terz tas-somma meħtieġa sabiex jiffinanzjaw l-iskema tal-pensjonijiet għandhom jinftiehmu fil-perspettiva attwarjali hawn fuq imsemmija u fuq medda twila ta’ żmien, b’mod li distorsjonijiet ta’ valutazzjoni ma jistgħux jiġu esklużi.

Jirriżulta wkoll mill-Artikolu 83a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal li l-bilanċ attwarjali tal-iskema tal-pensjonijiet huwa żgurat minn żewġ elementi, l-età tal-irtirar u l-rata ta’ kontribuzzjoni tal-uffiċjali għal din l-iskema. Fil-fatt, minkejja li l-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjonijiet jikkontribwixxu sabiex jiżguraw il-bilanċ tagħha sa fejn dawn jiffinanzjawha direttament, effett simili huwa mistenni miż-żieda fl-età tal-irtirar, sa fejn dan huwa rifless, bħala prinċipju, f’intervent pospost fiż-żmien ta’ din l-iskema.

Din il-konstatazzjoni, madankollu, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li, b’mekkaniżmu ta’ kumpens dirett, żieda fl-età tal-irtirar għandha neċessarjament twassal għal tnaqqis tar-rata ta’ kontribuzzjoni tal-uffiċjali għall-passat.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-uffiċjali għall-iskema tal-pensjonijiet għandha ssir, speċifikament, bl-eżami attwarjali ta’ kull ħames snin ikkompletat bl-aġġornament annwali, it-tnejn li huma previsti mill-Artikolu 83a(3) u (4) tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, dan l-eżami attwarjali ta’ kull ħames snin u l-aġġornament annwali tiegħu huma bbażati fuq numru partikolari ta’ parametri stabbiliti fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-ewwel parametru inkluż fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-uffiċjali huwa kkostitwit mill-“bidliet fil-popolazzjoni”, kif indikat fl-Artikolu 1(2) tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal. Bidla fil-popolazzjoni hija hi stess iddeterminata mill-osservazzjoni tal-popolazzjoni kkostitwita mill-membri tal-iskema tal-pensjonijiet, kif jirriżulta mill-Artikolu 9 tal-istess anness. Skont dan l-artikolu, il-bidla fil-popolazzjoni hija, speċifikament, dedotta mill-istruttura ta’ din il-popolazzjoni u mill-età medja tat-tluq għall-irtirar. L-istruttura tal-popolazzjoni għandha, hija nfisha, tiġi evalwata fid-dawl tat-tabella tal-mortalità, l-għomor tal-ħajja, il-grad ta’ invalidità u t-tqassim skont is-sess tal-popolazzjoni. Fir-rigward tal-età medja tat-tluq għall-irtirar, din hija differenti mill-età legali tal-irtirar u t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha huwa spjegat mill-fatt li din tiddetermina iktar il-piż reali tal-pensjonijiet minn dik tal-aħħar.

It-tieni parametru inkluż fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-uffiċjali huwa fformulat mill-iżvilupp tas-salarju bażiku ta’ kull wieħed minnhom sal-“età supposta ta’ l-irtirar” (l-Artikoli 4 u 6 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal). Għalhekk, dan il-parametru jimplika eżami tal-valur futur tas-salarju bażiku tal-uffiċjal fis-servizz billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-projezzjoni ta’ dan is-salarju fl-età tal-irtirar (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, jekk l-età legali tal-irtirar għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, elementi bħall-possibbiltà li dawn jibqgħu fis-servizz wara li jkunu laħqu din l-età jew li jieqfu minn kull funzjoni qabel ma jkunu laħquha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, kif jikkonferma indirettament l-Artikolu 6(4) tal-Anness XII tal-Istatut. Dan ifisser, finalment, li l-“età supposta ta’ l-irtirar” hawnhekk meħuda inkunsiderazzjoni hija valur aggregat.

It-tielet parametru inkluż għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-uffiċjali jirriżulta mir-rati ta’ interessi evalwati skont l-Artikolu 10 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal u r-raba’ element joħroġ, konformement mal-Artikolu 11 tal-istess anness, mir-rata tat-tibdil annwali fl-iskali tas-salarji tal-uffiċjali, li tikkorrispondi għall-medja fuq tletin sena ta’ indikaturi speċifiċi msemmija fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għalhekk, jidher li l-età legali tal-irtirar, li l-Artikolu 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 1023/2013 jiffissa fid-dawl tal-età ta’ kull uffiċjal fl-1 ta’ Mejju 2014, hija element li tinteraġixxi mal-istimi tal-valur futur ta’ diversi parametri (rata tal-interessi, mortalità, żieda fis-salarju, eċċ.) fl-eżami tal-bilanċ attwarjali tal-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni u għalhekk fid-determinazzjoni il-kontribuzzjoni li kull uffiċjal huwa obbligat li jħallas lill-iskema sabiex jiżgura t-terz ta’ dan il-bilanċ.

Ir-rata ta’ kontribuzzjoni tal-uffiċjali għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni tista’ għalhekk tkun suġġetta għal bidliet indipendentement mill-età legali tal-irtirar.

Finalment, l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni hija organizzata fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ma hijiex mifhuma fis-sens li l-pensjoni rċevuta minn uffiċjal tikkostitwixxi kontroparti eżatta tal-kontribuzzjonijiet tiegħu fl-imsemmija skema. Minn dan isegwi li l-kontribuzzjonijiet ta’ kull uffiċjal ma joħolqux, fir-rigward ta’ kull waħda minnhom, dritt individwali, akkwistat attwalment, għal kontroparti speċifika fil-forma ta’ pensjoni u għal rimbors għall-ammont żejjed li jista’ jkun hemm.

(ara l-punti 45 sa 54, 56 u 73)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, EU:T:2006:366, punt 134

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F‑105/05, EU:F:2007:128, punti 85 u 86

4.      Il-funzjoni tal-preambolu ta’ att ta’ portata ġenerali hija dik li jipprovdi l-motivazzjoni tal-att billi jindika, bħala regola, minn naħa, is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li dan l-att jixtieq jilħaq. Għaldaqstant, il-preambolu ta’ tali att ma għandux valur ġuridiku vinkolanti u ma jistax jiġi invokat sabiex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas, a fortiori, sabiex iservi ta’ bażi tal-illegalità tiegħu.

(ara l-punt 69)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Nilsson et, C‑162/97, EU:C:1998:554, punt 54

5.      L-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, intitolat “Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża”, jipprovdi li l-ħaddiema għandhom ikollhom iggarantit, f’livelli differenti, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni fil-każijiet u kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mil-leġiżlazzjonijiet u prattiċi nazzjonali. Għalhekk, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta b’mod ċar li, sabiex dan l-artikolu jħalli l-effetti sħaħ tiegħu, dan għandu jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali.

F’dan ir-rigward, il-partijiet ikkonċernati ma jistgħux jibbażaw eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 1(73)(g) tar-Regolament Nru 1023/2013 biss fuq l-Artikolu 27 tal-Karta, mingħajr ma jsemmu dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni li tikkompletah.

(ara l-punti 87 u 88)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C-176/12, EU:C:2014:2, punti 44 u 45

6.      Ma hemm xejn, fil-kliem tal-Artikolu 26(5) tal-XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprekludi uffiċjal, wara l-ewwel rivalutazzjoni tal-akkreditazzjoni tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni sussegwenti għar-riforma tal-2004, milli jikseb it-tieni rivalutazzjoni fid-dawl tal-emenda tal-Artikolu 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal bir-Regolament Nru 1023/2013 li reġgħet għolliet l-età legali tal-irtirar.

(ara l-punt 97)