Language of document : ECLI:EU:C:2016:42

Kawża C‑74/14

“Eturas” UAB et

vs

Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Prattika miftiehma – Aġenziji tal-ivvjaġġar li jipparteċipaw fis-sistema komuni kompjuterizzata ta’ offerti ta’ vjaġġi – Limitazzjoni awtomatika tar-rati ta’ roħs fuq ix-xiri ta’ vjaġġi online – Messaġġ tal-amministratur tas-sistema dwar l-imsemmija limitazzjoni – Ftehim taċitu li jista’ jiġi kklassifikat bħala prattika miftiehma – Elementi li jikkostitwixxu ftehim u prattika miftiehma – Evalwazzjoni tal-provi u livell ta’ prova meħtieġ – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ effettività – Preżunzjoni ta’ innoċenza”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Jannar 2016

1.        Akkordji – Prattika miftiehma – Prova tal-eżistenza tal-prattika miftiehma – Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri – Assenza ta’ modalitajiet proċedurali fid-dritt tal-Unjoni – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prova miġjuba minn ċertu numru ta’ indizji u ta’ koinċidenzi li jattestaw l-eżistenza u t-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament Nru 1/2003, Artikolu 2)

2.        Akkordji – Prattika miftiehma – Kunċett – Koordinazzjoni u kooperazzjoni inkompatibbli mal-obbligu għal kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq – Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri – Preżunzjoni tal-użu tal-informazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-aġir fis-suq

(Artikolu 101(1) TFUE)

3.        Akkordji – Parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħat li għandhom għan antikompetittiv – Natura suffiċjenti, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-impriża, ta’ approvazzjoni taċita mingħajr tbegħid pubbliku jew denunzja lill-awtoritajiet kompetenti

(Artikolu 101(1) TFUE)

4.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni – Applikabbiltà

(Artikolu 101 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1))

5.        Akkordji – Prattika miftiehma – Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri – Aġenziji tal-ivvjaġġar li jipparteċipaw fis-sistema kompjuterizzata ta’ offerti ta’ vjaġġi – Messaġġ tal-amministratur tas-sistema li javża lil dawn l-aġenziji b’limitazzjoni awtomatika tar-rati ta’ roħs applikabbli għax-xiri ta’ vjaġġi online – Preżunzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-prattika miftiehma – Possibbiltà ta’ konfutazzjoni – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Insuffiċjenza bħala prova fir-rigward tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza mis-sempliċi trażmissjoni tal-messaġġ

(Artikolu 101(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1))

1.        Fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minkejja li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 b’mod espress jirregola l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova, dan ir-regolament ma għandux dispożizzjonijiet dwar l-aspetti proċedurali iktar speċifiċi. Għaldaqstant, b’mod partikolari l-imsemmi regolament ma fih ebda dispożizzjoni dwar il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 1/2003, li b’mod espliċitu tipprevedi li dan ir-regolament ma jaffettwax ir-regoli nazzjonali fuq il-livell ta’ prova meħtieġ.

Madankollu, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali.

F’dan il-kuntest, ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk is-sempliċi trażmissjoni ta’ messaġġ li javża li l-iskontijiet relatati mal-prodotti mibjugħa permezz ta’ sistema kompjuterizzata, intiża sabiex tippermetti lil xi aġenziji tal-ivvjaġġar ibigħu vjaġġi fis-sit tal-internet tagħhom, issa ser ikunu limitati u li, b’riżultat tat-trażmissjoni tiegħu, is-sistema inkwistjoni sarulha l-modifiki tekniċi neċessarji sabiex din il-miżura tiġi implementata tistax, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha ineżami, tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-destinatarji ta’ dan il-messaġġ kienu jafu jew kellhom neċessarjament ikun jafu l-kontenut tiegħu, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “prattika miftiehma” u lanqas ma hija marbuta miegħu b’mod intrinsiku. Fil-fatt, tali kwistjoni għandha titqies li hija kwistjoni li tirrelata mal-evalwazzjoni tal-provi u mal-livell ta’ prova meħtieġ, b’tali mod li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali u bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, din taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ li l-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tinġieb mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll permezz ta’ indizji, dejjem sakemm dawn ikunu oġġettivi u konkordanti.

(ara l-punti 26, 30-37)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27, 33)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 28)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 38)

5.        L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-amministratur ta’ sistema kompjuterizzata, intiża sabiex tippermetti lil xi aġenziji tal-ivvjaġġar ibigħu vjaġġi fis-sit tal-internet tagħhom skont metodu ta’ riżervazzjoni uniformi, jibgħat lil dawn l-operaturi ekonomiċi, permezz ta’ sistema ta’ messaġġi elettronika personali, messaġġ li javżahom li l-iskontijiet relatati mal-prodotti mibjugħa permezz ta’ din is-sistema issa ser ikunu limitati u li, b’riżultat tat-trażmissjoni ta’ dan il-messaġġ, is-sistema inkwistjoni sarulha l-modifiki tekniċi neċessarji sabiex din il-miżura tiġi implementata, l-imsemmija operaturi ekonomiċi jistgħu, sa mill-mument minn meta saru jafu bil-messaġġ mibgħut mill-amministratur tas-sistema, jiġu preżunti li pparteċipaw fi prattika miftiehma fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk huma astjenew milli jbiegħdu ruħhom b’mod pubbliku minn din il-prattika, ma rrapportawhiex lill-entitajiet amministrattivi jew ma ġabux provi oħra sabiex jikkonfutaw din il-preżunzjoni, bħall-prova ta’ applikazzjoni sistematika ta’ skont li jeċċedi l-limitu inkwistjoni.

Hija l-qorti nazzjonali li, fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ, għandha teżamina jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha ppreżentati quddiemha, it-trażmissjoni ta’ tali messaġġ tistax tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-destinatarji tiegħu kienu jafu l-kontenut tiegħu. Il-preżunzjoni ta’ innoċenza tipprekludi li l-qorti tar-rinviju tqis li s-sempliċi trażmissjoni ta’ dan il-messaġġ tista’ tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-destinatarji tiegħu kellhom neċessarjament ikunu jafu l-kontenut tiegħu.

(ara l-punti 39, 40, 41, 43-47, 50 u d-dispożittiv)