Language of document : ECLI:EU:F:2007:118

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

2 ta’ Lulju 2007

Kawża F-117/05

Carlos Sanchez Ferriz

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Nuqqas ta’ tqegħid fuq il-lista ta’ l-uffiċjali promossi – Proċedura ta’ promozzjoni 2004 – Punti ta’ prijorità – Mertu – Anzjanità – Ammissibbiltà”

Suġġett : Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. Sanchez Ferriz jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2004, safejn din il-lista ma tinkludix ismu, u, sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjoni li tattribwixxi punti ta’ prijorità taħt l-imsemmija proċedura.

Deċiżjoni : Ir-rikors huwa miċħud parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Rikors – Interess sabiex jitressqu proċeduri

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Uffiċjal m’għandux is-setgħa jaġixxi fl-interess tal-liġi jew ta’ l-istituzzjonijiet u, in sostenn ta’ rikors għal annullament, jista’ jafferma biss l-ilmenti li huma personali għalih. Għal din ir-raġuni, huwa manifestament inammissibbli rikors imressaq minn uffiċjal u intiż sabiex jinkiseb l-annullament tal-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad superjuri fi proċedura ta’ promozzjoni, safejn din il-lista ma tinkludix l-isem tar-rikorrent, meta dan ta’ l-aħħar ma jkunx wera fiex jikkonsisti l-interess personali tiegħu sabiex iressaq ir-rikors u jkun illimita ruħu li jinvoka l-illegalità ta’ ċerti kategoriji ta’ punti ta’ promozzjoni, mingħajr madankollu ma jkun ġab, fl-atti ppreżentati minnu, ebda prova konkreta dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni in kwistjoni, bħal, b’mod partikolari, in-numru ta’ punti ta’ promozzjoni ta’ l-imsemmija kategoriji li huwa rċieva. Tali konstatazzjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju bil-fatt li n-numru ta’ dawn il-punti ta’ promozzjoni jirriżulta minn dokument anness mar-risposta, billi huwa r-rikorrent li għandu jispeċifika, fl-atti ppreżentati minnu, l-interess tiegħu li jressaq proċeduri u, jekk ikun il-każ, jirreferi għall-provi korrispondenti prodotti f’anness.

(ara l-punti 31 u 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Ġunju 1983, Schloh vs Il-Kunsill, 85/82, Ġabra p. 2105, punt 14; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Novembru 2006, Sanchez Ferriz vs Il‑Kummissjoni, T‑436/04, ĠabraSP p. I-A-2-277 u II-A-2-1439, punt 35; 23 ta’ Novembru 2006, Lavagnoli vs Il-Kummissjoni, T‑422/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31