Language of document : ECLI:EU:T:2018:406

Kawża T88/17

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

IlKummissjoni Ewropea

“FAEŻR – L-aħħar sena finanzjarja ta’ implimentazzjoni tal-perijodu ta’ programmazzjoni 2007–2013 – Clearance tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri – Deċiżjoni li tiddikjara li ċertu ammont ma jistax jerġa’ jintuża fil-kuntest tal-programm għall-iżvilupp rurali tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura – Metodu ta’ kalkolu – Artikolu 69(5b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 – Aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal‑5 ta’ Lulju 2018

1.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEŻR – Għajnuna għall-iżvilupp rurali – Eliġibbiltà tal-operazzjonijiet u tal-ispejjeż – Ammonti minfuqa iktar baxxi għall-operazzjonijiet marbuta mal-prijoritajiet li għandhom ikunu fil-mira tal-Istati Membri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet previsti bħala fondi supplimentari – Obbligu ta’ rimbors tal-bilanċ lill-baġit tal-Unjoni – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Suġġett

(Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005, kif emendat bir-Regolamenti Nru 74/2009 u Nru 473/2009, Artikoli 16(1) u 69(5a) u (5b))

2.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEŻR – Għajnuna għall-iżvilupp rurali – Eliġibbiltà tal-operazzjonijiet u tal-ispejjeż – Ammonti minfuqa iktar baxxi għall-operazzjonijiet marbuta mal-prijoritajiet li għandhom ikunu fil-mira tal-Istati Membri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet previsti bħala fondi supplimentari – Obbligu ta’ rimbors tal-bilanċ lill-baġit tal-Unjoni – Distinzjoni mill-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku ta’ impenn baġitarju mhux minfuq

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1290/2005, premessa 22 u Artikolu 29, u Nru 1698/2005, kif emendat bir-Regolamenti Nru 74/2009 u Nru 473/2009, Artikoli 69(5b))

3.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEŻR – Għajnuna għall-iżvilupp rurali – Eliġibbiltà tal-operazzjonijiet u tal-ispejjeż – Ammonti minfuqa iktar baxxi għall-operazzjonijiet marbuta mal-prijoritajiet li għandhom ikunu fil-mira tal-Istati Membri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet previsti bħala fondi supplimentari – Obbligu ta’ rimbors tal-bilanċ lill-baġit tal-Unjoni – Metodu ta’ kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ammonti li jinsabu f’pjan ta finanzjament rivedut tal-Istat Membru kkonċernat u anness ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova reviżjoni tal-programm ta’ żvilupp rurali qabel l-għeluq ta’ dan – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1290/2005, it-tieni paragrafu tal-Artikoli 23 u l-Artikolu 29(7), u Nru 1698/2005, kif emendat bir-Regolamenti Nru 74/2009 u Nru 473/2009, Artikoli 69(5b))

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

1.      Skont il-paragrafu 5b tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1698/2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fejn l-ammont tal-għajnuna tal-Unjoni effettivament jintefaq għall-benefiċċju tal-operazzjonijiet relatati mal-prijoritajiet iddefiniti mill-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 16a(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 huwa inqas mit-total tal-ammonti msemmija fil-paragrafu 5a tal-Artikolu 69 tal-istess regolament, l-Istat Membru għandu jħallas lura l-bilanċ korrispondenti lill-baġit tal-Unjoni sal-ammont ta’ qbiż tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra dawk relatati ma’ dawn il-prijoritajiet Għalhekk, dan l-Artikolu 69(5b), jeħtieġ li jiġu identifikati żewġ premessi, jiġifieri in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-fondi supplimentari previsti għall-benefiċċju tal-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet marbuta mal-prijoritajiet u eċċess tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra.

F’dan ir-rigward, nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-fondi supplimentari previsti għal dawn il-prijoritajiet ma hijiex kontra l-liġi sakemm l-approprjazzjonijiet disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra għajr dawk previsti għal dawn il-prijoritajiet ma jinqabżux. Huwa biss meta l-ammonti minfuqa jaqbżu l-approprjazzjonijiet disponibbli għall-operazzjonijiet l-oħra li rimbors lill-baġit tal-Unjoni huwa meħtieġ. Fil-fatt, l-ammonti li jirriżultaw mill-qbiż tal-approprjazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra dawk marbuta mal-prijoritajiet iddefiniti mill-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 ma għandhomx ikunu aċċettati bħala nfiq mill-fondi supplimentari mhux użati, peress li huma ma ffinanzjawx it-tipi ta’ operazzjonijiet marbuta ma’ dawn il-prijoritajiet espressament previsti bir-Regolament Nru 1698/2005. Konsegwentement, l-għan tal-Artikolu 69(5b) ta’ dan ir-regolament huwa li jiġi evitat li l-fondi supplimentari jintużaw favur operazzjonijiet oħra apparti dawk relatati mal-prijoritajiet iddefiniti mill-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 64, 72 sa 74)

2.      Fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku ta’ impenn baġitarju mhux minfuq matul is-sena inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-aħħar sena finanzjarja fid-dawl tal-għeluq tal-programm.

Fil-fatt, minn naħa, mill-premessa 22 tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, jirriżulta li r-regola tal-ħelsien mill-impenn awtomatiku tfasslet sabiex tikkontribwixxi għall-aċċelerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi u għall-ġestjoni finanzjarja korretta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija awtorizzata, permezz tal-Artikolu 29 tal-istess regolament, teħles awtomatikament mill-parti ta’ impenn baġitarju għal programm għall-iżvilupp rurali li ma ntużax għall-ħlas tal-finanzjament minn qabel jew għal ħlasijiet intermedji jew li għalih ebda dikjarazzjoni ta’ spejjeż korretta ma ġiet ippreżentata sal‑31 ta’ Diċembru tat-tieni sena li jmiss wara dik tal-impenn baġitarju. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, li rimbors għall-benefiċċju tal-baġit tal-Unjoni huwa meħtieġ fil-kuntest tal-verifika, fl-għeluq tal-programm, tal-osservanza tal-obbligu ta’ użu esklużiv ta’ fondi rriżervati għal tip speċifiku ta’ operazzjonijiet, filwaqt li l-aġenziji tal-ħlas diġà nefqu fondi mingħand il-benefiċjarji.

Għalhekk, jekk iż-żewġ proċeduri għandhom bħala konsegwenza l-esklużjoni ta’ ammont ta’ finanzjament mill-Unjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku, il-parti tal-impenn baġitarju huwa mnaqqas awtomatikament mill-mument “n+2” peress li ma ntefqux, filwaqt li, fil-kuntest tal-kalkolu mwettaq skont l-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, l-Istat Membru għandu jħallas lura lill-baġit tal-Unjoni ċertu ammont ikkalkolat fuq il-bażi tan-nefqa effettivament imwettqa fl-aħħar data ta’ eliġibbiltà tan-nefqa.

(ara l-punti 79 sa 82)

3.      Ma jistax jiġi validament sostnut li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, l-ammonti msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova reviżjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali inkwistjoni, li jagħmel riferiment għal anness li jiġbor fih pjan ta’ finanzjament rivedut, ippreżentat mill-awtoritajiet nazzjonali, li jipprevedi, b’riżultat tad-diżimpenn awtomatiku ta’ impenn baġitarju mhux minfuq, tnaqqis kemm tal-fondi supplimentari kif ukoll ta’ fondi oħra disponibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FAEŻR prevista. Fil-fatt, l-Artikolu 29(7) tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, li jiddisponi li, fil-każ ta’ diżimpenn awtomatiku, il-parteċipazzjoni tal-FAEŻR għall-programm għandha titnaqqas għas-sena kkonċernata, ma jagħmilx distinzjoni bejn is-sorsi ta’ finanzjament.

Ċertament, l-ammonti inkwistjoni ġew approvati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni, b’din id-deċiżjoni tikkostitwixxi, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1290/2005, deċiżjoni ta’ finanzjament u, ladarba jiġi nnotifikat l-Istat Membru kkonċernat, impenn legali. Madankollu, anki jekk jitqies li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament jikkonċerna wkoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw reviżjoni ta’ programm għall-iżvilupp rurali wara diżimpenn awtomatiku, peress li l-kalkolu previst fl-Artikolu 69(5b) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jsir fl-għeluq tal-programm, din l-istituzzjoni ma setgħetx tippreġudika, fil-mument tal-approvazzjoni ta’ pjan ta’ finanzjament rivedut b’segwitu għall-proċedura ta’ diżimpenn awtomatiku, l-ammont tan-nefqa li tkun effettivament saret minn benefiċjarju waqt l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Barra minn hekk, l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ pjan ta’ finanzjament rivedut li jipprevedi it-tqassim tar-riżorsi wara diżimpenn awtomatiku għal programm għall-iżvilupp rurali ma jagħtix lil dan id-dokument valur legali superjuri għal dak ta’ regolament.

(ara l-punti 88 sa 92)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 107)