Language of document : ECLI:EU:T:2011:397

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

15 ta’ Lulju 2011

Kawża T-213/11 P(I)

Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment et

vs

Eberhard Bömcke

“Appell — Servizz Pubbliku — Talba għal intervent quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Kalkolu tat-terminu — Tardività”

Suġġett:      Appell mid-Digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, tas-17 ta’ Marzu 2011, Bömcke vs BEI (F‑95/10 INT, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Il-Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Jean-Pierre Bodson, Evangelos Kourgias, Manuel Sutil, Patrick Vanhoudt u Marie-Christel Heger għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Sommarju

Uffiċjali — Appelli — Termini — Talba għal intervent quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Metodu tal-kalkolu tat-terminu

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 100(2) u (3), u Artikolu 109(1))

L-Artikolu 109(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprovdi li kull talba għal intervent għandha titressaq qabel ma jiskadi terminu ta’ erba’ ġimgħat li jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tal-avviż imsemmi fl-Artikolu 37(2) tal-imsemmija regoli tal-proċedura. Barra minn hekk, l-Artikolu 100(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistipula li, jekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vaganza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għal tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss u li t-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, it-terminu għal raġuni ta’ distanza ma għandux jitqies bħala terminu distint mit-terminu tal-proċedura, iżda bħala sempliċi estensjoni tiegħu. Għalhekk, meta terminu sħiħ, inkluż it-terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, jintemm is-Sibt, il-Ħadd jew f’jum ta’ vaganza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għal tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss. Ebda differenza fil-kliem bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tippermetti li wieħed jikkonkludi li l-Artikolu 100(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jingħata interpretazzjoni oħra.

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ma tmurx kontra d-drittijiet fundamentali peress li kieku din tirrestrinġi d-dritt għal appell u, b’mod partikolari, dak sabiex wieħed jintervjeni fil-kawża. Fil-fatt, it-terminu għal appell huwa ta’ ordni pubbliku, terminu li ġie stabbilit sabiex jiżgura l-kjarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u li jevita kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Barra minn hekk, l-Artikolu 100(2) u (3), u l-Artikolu 109 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistgħux jikkostitwixxu ksur tad-dritt għal appell, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrestrinġux id-dritt għal appell individwali u, b’mod partikolari, dak sabiex wieħed jintervjeni fil-kawża, sal-punt li dan id-dritt titħassarlu l-essenza tiegħu stess. It-terminu previst mir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għall-preżentata ta’ talba għal intervent jippermetti sabiex jiġi ggarantit bilanċ ġust bejn id-dritt fundamentali sabiex wieħed jintervjeni fil-kawża u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(ara l-punti 9, 10, 17, 20 u 22)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 1991, Emsland-Stärke vs Il‑Kummissjoni, C‑122/90, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 9; 23 ta’ Jannar 1997, Coen, C‑246/95, Ġabra p. I-403, punt 21

Il-Qorti Ġenerali: 18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T‑121/96 u T‑151/96, Ġabra p. II-1355, punti 38 u 39; 20 ta’ Novembru 1997, Horeca-Wallonie vs Il-Kummissjoni, T‑85/97, Ġabra p. II-2113, punti 25 u 26; 13 ta’ Jannar 2009, SGAE vs Il‑Kummissjoni, T‑456/08, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 12