Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2008 - Nexus Europe (l-Irlanda) vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-424/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Nexus Europe (l-Irlanda) (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: M. Noonan, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet

Tikkundanna lill-Kummissjoni għad-danni fis-somma ta' EUR 95 418.99;

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-31 ta' Ottubru 2001 ir-rikorrenti u l-Kummissjoni kkonkludew kuntratt għal "attivitajiet ta' żvilupp u riċerka bin-nefqa maqsuma", kif stipulat fl-Anness IV ("Regoli għall-parteċipazzjoni finanzjarja mill-Komunità) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 182/1999/KE tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar il-ħames programm qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku (1998-2002) 1, fejn ir-rikorrenti, flimkien ma' kuntratturi oħra li jiffurmaw konsorzju, aċċettat li timplementa l-proġett MUTEIS IST-2000-30117, maħsub sabiex tiġi spjegata u mifhuma d-diversità funzjonali u spazjali fl-ekonomija diġitali tal-Ewropa minn perspettiva makro u lokali/urbana. Ir-rikorrenti ssuġġerit lill-Kummissjoni sabiex tipparteċipa fil-proġett fuq il-bażi tal-mudell ta' "Spejjeż addizzjonali" għar-rimborż tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett. Wara skambju ta' korrispondenza bejn il-partijiet, il-Kummissjoni nformat lir-rikorrenti li kellha tiċħad temporanjament spejjeż ta' persunal u spejjeż ġenerali ppreżentati minn din tal-aħħar u ssuġġerit li r-rikorrenti imissha tikkunsidra mill-ġdid il-parteċipazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-ispejjeż eliġibbli totali għall-parteċipazzjoni jew parteċipazzjoni sħiħa bl-għażla ta' somma sħiħa fir-rigward tal-ispejjeż ġenerali. Kuntratt emendat kien iffirmat mir-rikorrenti, f'dan is-sens, fit-30 ta' April 2004.

Fuq il-bażi tar-rikors tagħha għad-danni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni aġixxiet barra mill-poteri tagħha billi ppruvat tbiddel il-kuntratt u tinvoka l-Artikolu 3(2) tal-Anness II tal-kuntratt. Ir-rikorrenti tallega li filwaqt li l-Kummissjoni setgħet irrifjutat li taċċetta l-mudell tal-ispejjeż issuġġerit lilha mir-rikorrenti meta l-kuntratt ġie ffirmat, m'hemm ebda dispożizzjoni fil-kuntratt li tippermetti l-Kummissjoni li tbiddel il-mudell tal-ispejjeż matul il-proġett. Barra dan, fin-nuqqas ta' raġunijiet raġonevoli ta' frodi ssuspettata jew irregolarità finanzjarja minn naħa tar-rikorrenti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata tinvoka l-Artikolu 3(2) tal-Anness II tal-kuntratt sabiex tiġġustifika t-tibdil fit-termini kuntrattwali.

Barra dan, ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha, u b'hekk tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li skontu ftehim milħuq legalment jopera ex lege għal dawk li daħlu fih. Skont ir-rikorrenti, huwa l-mudell tal-ispejjeż maqbul mill-partijiet fl-iffirmar tal-kuntratt li għandu jipprevali matul il-validità tal-kuntratt u l-Kummissjoni għalhekk kisret il-kuntratt meta talbet lir-rikorrenti tbiddel il-mudell tal-ispejjeż kif maqbul mill-partijiet.

Barra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

____________

1 - ĠU 1999, L 26, p. 1