Language of document : ECLI:EU:C:2008:382

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2008 (1)

Kawża C‑113/07 P

SELEX Sistemi Integrati

vs

Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

u

Eurocontrol

“Appell – Dritt tal-kompetizzjoni – Artikolu 82 KE – Definizzjoni ta’ impriża – Attività ekonomika – Abbuż minn pożizzjoni dominanti allegatament imwettaq minn Eurocontrol – Ilment – Ċaħda – Status proċedurali tal-parti intervenjenti – Sostituzzjoni ta’ motivi”





Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   L-atti li jistabbilixxu l-Eurocontrol

B –   Id-dritt Komunitarju

III – Il-fatti u l-proċedura

A –   Il-fatti ta’ dan il-każ

B –   Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

C –   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

IV – Eżami tal-appell

A –   Osservazzjonijiet preliminari

1.     Il-Eurocontrol tista’ tiġi kklassifikata bħala impriża skont l-Artikolu 82 KE?

2.     L-istruttura tal-appell: struttura tal-aggravji

B –   L-eċċezzjoni għall-immunità issollevata minn Eurocontrol bħala parti intervenjenti

C –   L-eżami tal-aggravji

1.     Fuq l-aggravji ta’ natura proċedurali

a)     Fuq il-ksur tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jikkonsistu fl-ammissjoni ta’ Eurocontrol bħala parti intervenjenti

b)     Fuq il-ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jikkonsisti fiż-żnaturament tal-fatti li kienu l-bażi taċ-ċaħda tal-aggravji ġodda tal-appellanti għal inammissibbiltŕ.

c)     Fuq il-ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir tal-Kummissjoni fuq iċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli l-aggravji ġodda mressqa mill-appellanti.

d)     Fuq il-ksur tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba nuqqas ta’ adozzjoni ta’ digriet dwar it-talba għal miżuri tal-istruttorja.

2.     Fuq l-aggravji bbażati fuq il-mertu

a)     Fuq l-attività ta’ Eurocontrol ta’ għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali

i)     Fuq it-talba tal-Kummissjoni bil-għan li tinkiseb sostituzzjoni tal-motivi

–       Is-sens tat-talba tal-Kummissjoni

ii)   Fuq iż-żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

iii) Fuq in-natura kontradittorja tal-motivi peress li s-sentenza ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li laqgħet l-ewwel aggravju.

iv)   Fuq in-natura kuntrarja tal-motivi, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwiet il-motivazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata permezz tal-motivazzjoni tagħha

v)     Fuq il-ksur tal-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Komunitarji dwar il-limiti tal-kontroll ġuridiku

vi)   Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 82 KE

b)     Fuq l-attività regolatorja ta’ Eurocontrol

i)     Fuq it-talba tas-sostituzzjoni tal-motivi ppreżentata mill-Kummissjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

ii)   Fuq iż-żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

iii) Id-definizzjoni tal-attività ekonomika użata tkun kuntrarja għad-definizzjoni magħmula mill-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji

iv)   Fuq l-interpretazzjoni żbaljata u l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji fil-qasam tas-servizzi ta’ natura soċjali

v)     Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

c)     Fuq l-attività ta’ riċerka u żvilupp ta’ Eurocontrol

i)     Fuq iż-żnaturament tad-deċiżjoni kkontestata

ii)   Fuq l-adozzjoni ta’ kunċett tal-attività ekonomika li jmur kontra dak żviluppat mill-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji

iii) Fuq iż-żnaturament tal-aggravji tal-prova mressqa mill-appellanti fir-rigward tan-natura ekonomika tal-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetŕ intellettwali minn Eurocontrol.

V –   Konklużjoni tal-analiżi

VI – Fuq l-ispejjeż

VII – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej hija mitluba tiddeċiedi appell ippreżentat mill-kumpannija SELEX Sistemi Integrati SpA (li qabel kienet Alenia Marconi Systems SpA) mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, mogħtija fis-sentenza T-155/04, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni (2).

2.        Il-konvenuta fl-appell u r-rikorrenti fl-ewwel istanza (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq li permezz tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Frar 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li, essenzjalment, irrifjutat li tikklassifika bħala impriża lil Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru (Eurocontrol) u rrifjutat li tikklassifika l-aġir ta’ din bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 82 KE, fejn iddeċidiet li huwa legali, u, konsegwentement, ċaħdet it-talba għal annullament/li tbiddel din id-deċiżjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    L-atti li jistabbilixxu l-Eurocontrol

3.        Eurocontrol, organizzazzjoni internazzjonali ta’ natura reġjonali fil-qasam tat-traffiku tal-ajru, ġiet stabbilita minn diversi Stati Ewropej (3) membri u mhux tal-Komunità Ewropea, permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Kooperazzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru tat-13 ta’ Diċembru 1960 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”) li ġiet emendata diversi drabi, u ġiet irriformulata permezz tal-Protokoll tas-27 ta’ Ġunju 1997. Din il-kreazzjoni kellha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tal-Istati kontraenti fil-qasam tan-navigazzjoni tal-ajru u bil-għan li jiġu żviluppati l-attivitajiet komuni fil-qasam ta’ armonizzazzjoni u ta’ unifikazzjoni sabiex tiġi implementata sistema uniformi ta’ tmexxija tat-traffiku tal-ajru, Air Traffic Management (ATM). Anki jekk il-Konvenzjoni għad mhijiex formalment fis-seħħ, peress li ma ġietx irratifikata mill-partijiet kontraenti kollha, id-dispożizzjonijiet tagħha ilhom mill-1998 jiġu applikati b’mod provviżorju, skont deċiżjoni tal-Kummissjoni Permanenti ta’ Diċembru 1997. L-Italja aderiet mal-Eurocontrol fl-1 ta’ April 1996. Fl-2002, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ffirmaw Protokoll – li għadu ma daħalx fis-seħħ – dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Eurocontrol. Il-Komunità ddeċidiet li tapprova dan il-Protokoll bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/636/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Eurocontrol (4). Uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll ilhom mis-sena 2003 jiġu applikati b’mod provviżorju, sakemm il-Protokoll jiġi rratifikat mill-partijiet kontraenti kollha.

B –    Id-dritt Komunitarju

4.        Skont l-Artikolu 82 KE, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq komuni u jkun projbit.

5.        Permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 93/65/KEE tad-19 ta’ Lulju 1993 dwar id-definizzjoni u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi kompatibbli għall-prokura ta’ tagħmir u sistemi tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (5) emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/15/KE tal-25 ta’ Marzu 1997 li tadotta l-istandards Eurocontrol (6), il-Kunsill ipprovda għall-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi Komunitarji fil-qasam tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi korrispondenti stabbiliti mill-Eurocontrol.

6.        L-Artikoli 1 sa 5 tad-Direttiva 93/65 jipprovdi:

“L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tapplika għad-definizzjoni u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi kompatibili għall-akkwist ta’ tagħmir u sistemi ta’ l-immaniġġjar tat-traffiku ta’ l-ta’ l-ajru, b’mod partikolari:

–        sistemi ta’ komunikazzjoni,

–        sistemi ta’ sorveljanza,

–        sistemi li jipprovdu assitenza awtomatika għal kontrol ta’ traffiku ta’ l- ajru, u,

–        sistemi ta’ navigazzjoni.

L-Artikolu 2

Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

a) speċifikazzjoni teknika tfisser ir-rekwiżiti tekniċi inklużi, b’mod partikolari, fid-dokumenti ta’ offerta li jiddefinixxu l-karatteristiċi ta’ biċċa xogħol, materjal, prodott jew forniment, u jagħmilha possibbli li tiddefinixxi biċċa xogħol, materjal, prodott jew forniment oġġettivament b’tali manjiera li tissodisfa l-użu li għaliha hi maħsubha mill-entità kontraenti. Preskrizzjonijiet tekniċi simili jistgħu jinkludu kwalità, wirja, sigurtà u dimensjonijiet, kif ukoll bħala rekwiżiti applikabli għal materjal, prodott jew forniment dwar assigurazzjoni ta’ kwalità, terminoloġija, simboli, testing u metodi ta’ testing, ippakkjar, markar u ittikkettjar;

b) standard ifisser speċifikazzjoni teknika approvata minn korp ta’ standardizzazzjoni rikonoxxut għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, it-tħaris ta’ liema mhux inprinċipju obligatorju;

ċ) Standard Eurocontrol ifisser l-elementi mandatorji ta’ speċifikazzjonijiet ta’ l- Eurocontrol għal karatteristiċi fiżiċi, konfigurazzjoni, materjal, eżekuzzjoni, personnel jew proċedura, li l-applikazzjoni uniformi tagħha hija rrikonoxxuta bħala essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ servizzi ta’ traffiku ta’ l- ajru integrati (ATS) (l-elementi mandatorji jiffurmaw parti mid-dokument standard tal-Eurocontrol).

L-Artikolu 3

1. Il-Kummisjoni għandha, skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 6, tidentifika u tadotta l-istandards ta’ l-Eurocontrol u emendi ta’ l-Eurocontrol sussegwenti għal dawk l-istandards ta’ l-Eurocontrol, b’mod partikolari dwar dawk iż-żoni mniżżla f’Anness 1, li jkunu mandatorji taħt il-liġi tal-Komunità. Il‑Kummissjoni tippubblika r-referenzi ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha li saru mandatorji fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Sabiex tassigura li l-Anness 1, li jniżżel l-istandards ta’ l-Eurocontrol li għandhom jiġu prodotti, jkun kemm jista’ jkun komplet, il-Kummissjoni, filwaqt li ssegwi l-proċedura mniżżla fl-Artikolu 6 u b’konsultazzjoni ma’ l-Eurocontrol, tista’, fejn approprjat, temenda l-Anness I skond emendi magħmula mill-Eurocontrol.

L-Artikolu 4

Biex tikkumplimenta fejn neċessarju, il-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ standards ta’ l-Eurocontrol il-Kummissjoni tista’ tagħti mandati ta’ standardizzazzjoni lil korpijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej skond id-Direttiva 83/189/KEE u b’konsultazzjoni mal-Eurocontrol.

L-Artikolu 5

1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 77/62/KEE u 90/531/KEE l-Istati Membri jieħdu kull pass meħtieġ biex jassiguraw li fid-dokumenti ġenerali jew speċifikazzjonijiet dwar kull kuntratt l-entitajiet ċivili definiti fl-Anness II jirreferu għal speċifikazzjonijiet adottati skond din id-Direttiva meta jinxtara tagħmir ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru.

2. Biex tassigura li l-Anness II huwa kemm jista’ jkun komplut, l-Istati Membri jinnotifikaw il-Kummissjoni b’tibdiliet li jsiru lil-listi tagħhom. Il‑Kummissjoni għandha temenda l-Anness II skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 6”.

III – Il-fatti u l-proċedura

A –    Il-fatti ta’ dan il-każ

7.        L-appellanti ilha topera fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru mill-1961. Fit-28 ta’ Ottubru 1997, hija ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (7), li permezz tiegħu hija ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq ksur minn Eurocontrol tar-regoli dwar il-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ standardizzazzjoni f’dak li jikkonċerna t-tagħmir u sistemi tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“ilment”).

8.        Fl-ilment l-appellanti qajmet l-abbuż minn pożizzjoni dominanti minn Eurocontrol. Hija sostniet b’mod partikolari li kien hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni permezz tal-użu tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ żvilupp u ta’ akkwist ta’ prototipi konklużi minn Eurocontrol, u mill-fatt tal-attivitajiet ta’ assistenza proposti minn Eurocontrol, fuq talba, lill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

9.        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment peress li l-attivitajiet li kienu s-suġġett tiegħu ma kellhomx natura ekonomika u li, konsegwentement, Eurocontrol ma tistax tiġi kklassifikata bħala impriża skont l-Artikolu 82 KE. Hija sostniet ukoll li, anki jekk huma setgħu jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ta’ impriża, dawn l-attivitajiet ma kinux imorru kontra l-Artikolu 82 KE.

B –    Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

10.      B’att li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ April 2004, l-appellanti ressqet rikors kontra l-Kummissjoni u talbet l-annullament jew it-tibdil tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11.      Fir-risposta tagħha tat-23 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni talbet sabiex ir-rikors jiġi miċħud u li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

12.      B’att tal-1 ta’ Settembru 2004, li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Settembru 2004, Eurocontrol talbet li tiġi awtorizzata tintervjeni fil-proċedura insostenn tal-Kummissjoni. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2004, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza lil Eurocontrol bħala parti intervenjenti fil-proċedura, skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

13.      B’att ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti talbet li l-Kummissjoni tiġi ordnata, fil-kuntest ta’ miżura ta’ istruttorja, matul it-trattazzjonijiet fil-Qorti tal-Prim’Istanza tippreżenta ittra tat-3 ta’ Novembru 1998, kif ukoll id-dokumenti l-oħra kollha mfassla mis-servizzi tagħha matul il-proċedura amministrattiva, l-investigazzjonijiet tekniċi, l-iskambju ta’ korrispondenza eventwali bejn is-servizzi tagħha u Eurocontrol kif ukoll id-dokumenti kollha pprovduti minnha. B’ittra tal-11 ta’ Marzu 2005, ippreżentata fit-18 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni pproduċiet l-ittra tat-3 ta’ Novembru 1998. Hija sostniet li ma kellhiex iktar dokumenti li kellhom jiddaħħlu fil-proċess ta’ din il-kawża.

14.      B’att tas-27 ta’ April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat talba intiża sabiex jiġu ordnati, fil-kuntest ta’ miżuri istruttorji dwar il-prova, is-smigħ ta’ xhieda u l-produzzjoni ta’ dokumenti mill-Kummissjoni.

15.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

C –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

16.      L-appellanti ppreżentat dan l-appell b’att tat-23 ta’ Frar 2007, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Frar 2007. L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, mogħtija fit-12 ta’ Diċembru 2006 fil-kawża T-155/04, u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu, fid-dawl tal-istruzzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-kawża T-155/04.

17.      Il‑Kummissjoni u Eurocontrol, bħala parti intervenjenti, ippreżentaw ir-risposti tagħhom fid-29 ta’ Mejju u fl-1 ta’ Ġunju 2007. Huma talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala totalment infondat u parzjalment inammissibbli, jekk ikun il-każ fuq il-bażi ta’ emenda parzjali tal-motivazzjoni tas-sentenza tal-ewwel istanza;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fir-replika tagħha tad-29 ta’ Lulju 2007, l-appellanti indikat it-talbiet tagħha:

–        tiddikjara li l-eċċezzjoni għall-immunità mqajma minn Eurocontrol hija inammissibbli;

–        tiċħad it-talba ta’ sostituzzjoni tal-motivi fis-sentenza tal-ewwel istanza mressqa mill-Kummissjoni;

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Diċembru 2006 fil-kawża T-155/04 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex din tiddeċiedi dwar il-mertu fid-dawl tal-istruzzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tagħtiha.

18.      Fil-kontrorepliki tagħhom tat-12 u tad-9 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni u Eurocontrol żammew mat-talbiet tagħhom.

19.      Wara l-proċedura bil-miktub, kien hemm seduta fit-8 ta’ Mejju 2008, li fiha nstemgħu l-ispjegazzjonijiet tal-partijiet.

IV – Eżami tal-appell

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Il-Eurocontrol tista’ tiġi kklassifikata bħala impriża skont l-Artikolu 82 KE?

20.      Wara s-sentenza, tad-19 ta’ Jannar 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa għall-ewwel darba tiddeċiedi dwar il-kwistjoni dwar jekk Eurocontrol tikkostitwixxix “impriża” skont l-Artikolu 82 KE, fil-kuntest tal-kawża C-364/92, SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol (8). Skont ġurisprudenza kostanti (9) tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ impriża jinkludi, fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha.

21.      Fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett ikkunsidrat jekk l-oqsma differenti ta’ attività ta’ Eurocontrol kinux separabbli mill-prerogattivi tagħha tal-awtorità pubblika, fost dawn prinċipalment il-kontroll tat-traffiku tal-ajru (10), u sussidjarjament ivverifikat jekk dawn l-attivitajiet kellhomx karattru ekonomiku (11). Il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest iddeċidiet, li l-Eurocontrol twettaq funzjonijiet ta’ interess ġenerali għan-nom tal-Istati kontraenti, billi tikkontribwixxi għaż-żamma u t-titjib tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru (12). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk waslet għall-konklużjoni li, ikkunsidrati flimkien, l-attivitajiet ta’ Eurocontrol, minħabba n-natura tagħhom, minħabba l-għan tagħhom u minħabba r-regoli li għalihom huma suġġetti, huma konnessi mal-eżerċizzju tal-prerogattivi, fir-rigward tal-kontroll u tas-sorveljanza tal-ajru, li huma tipikament prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dawn l-attivitajiet m’għandhomx natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (13).

22.      Il-klassifikazzjoni bħala “impriża” skont l-Artikolu 82 KE madankollu tippreżupponi mill-bidu nett, u b’mod loġiku, li Eurocontrol tista’ sempliċement topponi d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Eurocontrol tikkontesta dawn, fil-kwalità tagħha bħala parti intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni fil-kawża preżenti, peress li hija tinvoka espressament l-immunità tagħha skont id-dritt internazzjonali pubbliku, ibbażata fuq l-istatus tagħha bħala organizzazzjoni internazzjonali. F’dan il-kuntest, tista’ tqum id-domanda sa fejn il-qorti Komunitarja hija marbuta tikkunsidra ex officio l-immunità ta’ parti fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ proċedura.

2.      L-istruttura tal-appell: struttura tal-aggravji

23.      Dawn id-domandi jiffurmaw il-kuntest tematiku tas-sentenza preżenti. L-appellanti tibbaża d-domandi tagħha fuq serje ta’ irregolaritajiet ġuridiċi, kemm proċedurali kif ukoll materjali. Hija tressaq total ta’ sittax-il motiv ta’ rikors kontra s-sentenza appellata; l-ilmenti tagħha dwar liġi sostantiva jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji li jikkorrispondu mal-oqsma differenti ta’ attività ta’ Eurocontrol: l-attività ta’ Eurocontrol ta’ assistenza għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-attività regolatorja tagħha u, fl-aħħar nett, l-attivitajiet tagħha fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp.

24.      Sabiex l-affarijiet ikunu iktar ċari, sejjer nitratta dawn l-aggravji tar-rikors suċċessivament, u fil-kuntest tal-kuntest tematiku rispettiv tagħhom.

B –    L-eċċezzjoni għall-immunità issollevata minn Eurocontrol bħala parti intervenjenti

25.      Madankollu għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata l-inammissibbiltà tar-rikors quddiem il-qrati Komunitarji, imressqa minn Eurocontrol minħabba l-immunità tagħha. Eurocontrol fil-fatt tikkunsidra li l-kwistjoni dwar l-immunità tagħha għandha tiġi ttrattata ex officio mill-qorti Komunitarja. Eurocontrol b’hekk terġa’ tressaq l-argumenti li hija kienet ippreżentat fl-ewwel istanza.

26.      Il-pożizzjoni tagħha hija essenzjalment ibbażata fuq l-idea li hija organizzazzjoni internazzjonali li tinkludi wkoll membri li huma Stati li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea u li s-sistema legali tagħhom hija indipendenti mid-dritt tal-Komunità Ewropea, b’tali mod li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali par in parem non habet imperium, din tal-aħħar m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tissoġġettaha għar-regoli tagħha.

27.      Eurocontrol issostni wkoll li l-Komunità ffirmat protokoll ta’ adeżjoni għal Eurocontrol, għalkemm, skont il-prinċipju tal-bona fide imsemmi fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-trattati, hija għandha tastjeni minn kull att li jista’ jċaħħad lil dan il-protokoll ta’ adeżjoni mis-suġġett u mill-għan tiegħu. L-istess soluzzjoni tirriżulta mid-dritt internazzjonali konswetudinarju li jipproteġiha kollha kemm hi, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet kollha inkwistjoni fil-kawża preżenti.

28.      Għandi nfakkar li l-Eurocontrol intervjeniet mill-bidu fil-kawża preżenti bħala parti intervenjenti u li l-istatus attwali tagħha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa dejjem l-istess. Skont il-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, l-intervenjent għandu jidħol fil-kawża in statu et terminis.

29.      Huwa minnu li l-parti intervenjenti għandha tiġi rrikonoxxuta status partikolari peress li, ladarba tiġi ammessa sabiex tintervjeni, hija għandha l-possibbiltà, skont l-Artikolu 93(5) tar-Regoli tal-Proċedura, li tippreżenta s-sottomissjonijiet tal-intervent għandhom jinkludu t-talbiet tagħha, l-argumenti tagħha, ir-raġunijiet ta’ difiża u, jekk ikun il-każ it-talbiet tagħha fir-rigward tal-prova. Xorta jibqa’ l-fatt li d-dritt tagħha li tippreżenta talbiet fil-proċedura huwa limitat skont il-funzjoni tagħha, peress li t-talbiet tagħha għandhom dejjem jsostnu, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali. Il-parti intervenjenti b’hekk ma tistax, fil-kuntest tal-intervent tagħha, tippreżenta talbiet li għandhom kontenut proprju u indipendenti mit-talbiet tal-parti prinċipali jew li jbiddlu s-suġġett tal-kawża. Il-parti intervenjenti lanqas mhija awtorizzata tbiddel il-kuntest tal-kawża imfassal mir-rikors promotur fil-preżentazzjoni ta’ aggravji ġodda (14). Parti intervenjenti hija sempliċement mhux awtorizzata tissolleva eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li l-konvenuta ma qajmitx fit-talbiet tagħha (15).

30.      Hekk kif ġustament sostniet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 42 tas-sentenza appellata, l-eċċezzjoni ta’ immunità issollevata minn Eurocontrol biddlet b’mod sinjifikattiv il-kuntest tal-kawża. Pożizzjoni bħal din m’għandhiex l-għan li ssostni t-talbiet tal-Kummissjoni sabiex, fil-proċedura tal-ewwel istanza, jiġi miċħud ir-rikors għal annullament magħmul kontra d-deċiżjoni kkontestata u bil-għan, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-appell jiġi miċħud. Pjuttost iseħħ l-oppost. Jekk, fil-fatt, jiġi kkunsidrat li jkun aċċettabbli l-argument ta’ Eurocontrol f’din il-kawża, ikun meħtieġ, hekk kif tosserva l-appellanti, li bilfors jiġi konkluż li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkontestata mill-appellanti ġiet adottata bi ksur tal-allegata immunità ta’ Eurocontrol u li hija konsegwentement illegali.

31.      Imbagħad għandu jiġi nnotat ukoll li l-kwistjoni tal-immunità qatt ma ġiet invokata mill-Kummissjoni bħala motiv ta’ difiża (16). Il‑Kummissjoni u l-appellanti jaqblu fuq dan il-punt. Fil-fatt jirriżulta mill-argumenti tal-Kummissjoni li din, meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, meta bbażat ruħha fuq is-sentenza SAT Fluggesellschaft, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fl-istess kawża, kif ukoll fuq is-sentenza Höfner u Elser (17), aċċettat li bħala prinċipju, ir-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt Komunitarju japplikaw għal organizzazzjonijiet internazzjonali, sa fejn dawn jeżerċitaw attività ekonomika (18). Jekk il-Kummissjoni rrifjutat li tapplika l-Artikolu 82 KE għal Eurocontrol, dan huwa biss minħabba n-nuqqas ta’ attività ekonomika eżerċitata minn din, u mhux minħabba l-immunità invokata.

32.      L-argument imressaq minn Eurocontrol, li skont dan l-immunità tikkostitwixxi kwistjoni li l-qorti Komunitarja għandha teżamina ex officio, ma jbiddel xejn f’din l-evalwazzjoni. Kif tammetti Eurocontrol stess (19), xejn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jkun hemm konklużjoni f’dan is-sens. Minbarra dan, l-affermazzjonijiet ta’ Eurocontrol dwar il-portata tal-immunità tagħha huma irrilevanti għall-proċedura preżenti li tikkonċerna esklużivament il-kwistjoni dwar jekk appell jintlaqax jew le (20).

33.      Peress li Eurocontrol, fil-kwalità tagħha ta’ parti intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, biddlet l-għan tal-kawża meta hija ssollevat l-inkompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex f’din il-kawża tiddeċiedi fuq il-bażi tal-immunità tagħha, u b’hekk ma sostniex it-talbiet tal-Kummissjoni, dan l-argument għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli u miċħud.

C –    L-eżami tal-aggravji

1.      Fuq l-aggravji ta’ natura proċedurali

34.      L-appellanti tattribwixxi s-segwenti difetti ta’ proċedura lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        il-ksur tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li awtorizzat lil Eurocontrol sabiex tirċievi l-atti tal-proċedura u sabiex tippreżenta nota bil-miktub;

–        il-ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għall-iżnaturament tal-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġu ddikjarati inammissibbli l-motivi ġodda mressqa mill-appellanti;

–        il-ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għal nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-aġir tal-Kummissjoni fiċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġu ddikjarati inammissibbli l-aggravji ġodda mressqa mill-appellanti;

–        il-ksur tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għal nuqqas ta’ adozzjoni ta’ digriet li jirrigwarda t-talba għall-miżuri ta’ istruttorja.

a)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jikkonsistu fl-ammissjoni ta’ Eurocontrol bħala parti intervenjenti

L-appellanti l-ewwel nett tqajjem il-ksur tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li Eurocontrol ġiet awtorizzata tirċievi l-atti tal-proċedura u li tippreżenta nota bil-miktub f’din il-kawża, b’mod li t-talba għal intervent tagħha waslet biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura. L-appellanti tfakkar li r-regoli proċedurali għandhom natura imperattiva u żżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha sabiex iddur mat-termini tat-twaqqif previsti fid-dritt proċedurali.

35.      Għandha tingħata risposta għal dan li, fir-rigward tal-għanijiet tal-miżuri ta’ gwida tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha neċessarjament ikollha setgħa diskrezzjonali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Artikolu 64(2). Sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li kien hemm ksur tar-regoli tal-proċedura, l-appellanti kien ikollha turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżerċitat is-setgħat tagħha esklużivament jew fi kwalunkwe każ prinċipalment għal finijiet oħra (21). Madankollu, l-appellanti ma ressqet xejn f’dan is-sens.

36.      Indipendentement minn dan, l-appellanti kellha turi kif eventwali ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba l-ammissjoni tard ta’ Eurocontrol bħala parti intervenjenti, kien affettwa l-interessi tagħha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell jista’ jkun ibbażat biss fuq żball ta’ liġi li jaffettwa l-interessi tal-appellant. Madankollu, tali prova qatt ma tressqet mill-appellanti. Ma jirriżultax b’mod partikolari, b’liema mod il-parteċipazzjoni ta’ Eurocontrol setgħet tbiddel l-eżitu tal-proċedura, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħetx it-talba ta’ din bil-għan li tiġi rikonoxxuta l-immunità tagħha u kkunsidrat talba bħal din inammissibbli.

37.      Dan l-aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud.

b)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jikkonsisti fiż-żnaturament tal-fatti li kienu l-bażi taċ-ċaħda tal-aggravji ġodda tal-appellanti għal inammissibbiltà.

38.      L-appellanti tinvoka wkoll ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li din kkunsidrat bħala inammissibbli l-aggravji ġodda tagħha bbażati fuq l-ittra tat-3 ta’ Novembru 1998, li l-Kummissjoni ressqet fil-proċedura. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kontenut ta’ ittra tal-Kummissjoni indirizzata lill-appellanti.

39.      Għandu jiġi osservat li l-argument tal-appellanti jitratta manifestament fatt li diġà ġie eżaminat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza. Fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet iddettaljati twal tal-appellanti fir-rigward tal-iskambji tal-korrispondenza li seħħet bejnha u l-Kummissjoni qabel u waqt il-proċedura bil-miktub tal-ewwel istanza, nikkunsidra neċessarju li jiġi mfakkar li l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 225(1) KE. L-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħid li l-appell jista’ jkun ibbażat fuq motivi tal-inkompetenza tal-Qorti ta’ Prim’Istanza, fuq irregolaritajiet fil-proċedura jew fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju.

40.      Sabiex jiġi stabbilit jekk eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tistax titqajjem fil-kuntest ta’ appell, għandu konsegwentement jiġi kkunsidrat li l-għan tal-proċedura tal-appell huwa l-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u fl-ebda każ ir-repetizzjoni tal-proċedura tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-fatti hija bħala prinċipju riżervata għall-Qorti tal-Prim’Istanza (22) u tista’ tiġi evalwata biss mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ fejn l-ineżattezzi materjali tal-konstatazzjonijiet tal-fatt tirriżulta mill-atti tal-kawża (23). Jekk il-provi nkisbu b’mod korrett u jekk ġew osservati l-prinċipji ġenerali kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tat-tressiq tal-prova, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa l-elementi ta’ prova mressqa lilha (24).

41.      Madankollu, ma jirriżultax kif preċiżament jikkonsisti l-iżball ta’ liġi f’dan il-każ. Hekk kif issostni l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 36 tas-sentenza appellata, l-ittra tad-direttur ta’ Eurocontrol tat-2 ta’ Lulju 1999 ma tikkontjenix iktar elementi mill-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 1998. Huwa għalhekk li l-appellanti ma setgħetx tressaq din l-ittra tat-2 ta’ Lulju 1999 bħala element ta’ fatt li rriżulta biss waqt il-proċedura. Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ddeċidiet li dan l-aggravju tressaq tard u ċaħditu bħala inammissibbli.

42.      Dan l-aggravju għandu għalhekk jiġi wkoll miċħud.

c)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir tal-Kummissjoni fuq iċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli l-aggravji ġodda mressqa mill-appellanti.

43.      L-appellanti hawnhekk isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ċaħdet il-motiv ġdid inkwistjoni mingħajr ma kkunsidrat l-aġir tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva u ġudizzjarja. L-appellanti fil-fatt issostni li l-preżentazzjoni ta’ dan il-motiv tirriżulta mir-rifjut tal-Kummissjoni li tippreżenta d-dokumenti kkonċernati, u prinċipalment l-ittra tat-3 ta’ Novembru 1998. Dawn id-dokumenti kienu biss disponibbli fl-istadju diġà avvanzat tal-proċedura, b’mod li l-appellanti kienet biss f’pożizzjoni f’dak il-mument li tikkonsulthom u li tissolleva serje ta’ motivi ġodda.

44.      Fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza, għandu jingħad li l-appellanti fl-ebda mument ma ressqet il-ksur ta’ xi obbligu li jitressqu dawn id-dokumenti. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa aggravju ġdid, li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress illi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi li l-ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura.

45.      Peress li f’dan il-każ din il-kundizzjoni proċedurali mhijiex sodisfatta, dan l-aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

d)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba nuqqas ta’ adozzjoni ta’ digriet dwar it-talba għal miżuri tal-istruttorja.

46.      L-appellanti tinvoka wkoll ksur tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jirriżulta, skont din, mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiċħad it-talba għall-miżuri tal-istruttorja, ippreżentata fir-rikors tagħha u fin-nota tagħha tas-27 ta’ April 2005, u dan fil-kuntest tas-sentenza u mhux permezz ta’ digriet. Skont l-appellanti, iċ-ċaħda tat-talbiet għall-miżuri ta’ istruttorja permezz ta’ sentenza li jġibu fi tmiem l-istanza għandha bħala konsegwenza li ċċaħħad lill-partijiet mill-possibbiltà li jibbażaw ruħhom fuq strumenti li d-dritt proċedurali jpoġġi għad-dispożizzjoni tagħhom, jiġifieri l-possibbiltà li jiġġustifikaw it-talbiet tagħhom ibbażati fuq argumenti ġodda konvinċenti.

47.      Kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, dan l-argument tal-appellanti huwa kontradittorju sa fejn din tammetti espressament fil-punt 56 tal-appell tagħha, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-proċedura tagħha. Fil-fatt jirriżulta mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2006, Entorn vs Il‑Kummissjoni (25) (C-162/05 P), iċċitata mill-appellanti stess, li la deċiżjoni fil-forma ta’ digriet u lanqas smigħ tal-partijiet mhuma neċessarji fil-każ fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tikkunsidrax utli t-talba għal amministrazzjoni tal-prova mitluba minn parti.

48.      Dan kien il-każ fil-proċedura tal-ewwel istanza, hekk kif jirriżulta mill-punti 132 u 133 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat fiha li t-talbiet għall-miżuri ta’ istruttorja ppreżentati kienu miċħuda għaliex il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet utilment tiddeċiedi l-kawża abbażi tal-konklużjonijiet u argumenti żviluppati matul il-proċedura kemm bil-miktub u kemm orali u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx utli t-talba għal miżura ta’ istruttorja ppreżentata mill-appellanti.

49.      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-appellanti ma tikkritikax il-preċiżjoni materjali iżda biss il-forma li fiha d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata. B’hekk huwa inkomprensibbli kif id-drittijiet tal-appellanti setgħu ġew ippreġudikati.

50.      Huwa għalhekk li dan l-aggravju għandu jiġi wkoll miċħud.

2.      Fuq l-aggravji bbażati fuq il-mertu

a)      Fuq l-attività ta’ Eurocontrol ta’ għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali

51.      Fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi li jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE għall-attività ta’ għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali mwettqa mill-Eurocontrol, l-appellanti tqajjem:

–        iż-żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata;

–        in-natura kontradittorja tal-motivazzjoni, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx annullata għalkemm l-ewwel aggravju tar-rikors kien intlaqa’;

–        in-natura kontradittorju tal-motivazzjoni, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni indikata fid-deċiżjoni kkontestata;

–        il-ksur tal-ġurisprudenza Komunitarja stabbilita sew fil-qasam tal-limiti tal-kontroll ġuridiku;

–        l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 82 KE.

52.      Il‑Kummissjoni minn naħa tagħha tikkritika l-motivazzjoni tas-sentenza appellata u b’hekk titlob li din il-motivazzjoni tiġi ssostitwita minn motivi ġodda.

i)      Fuq it-talba tal-Kummissjoni bil-għan li tinkiseb sostituzzjoni tal-motivi

53.      Jekk it-talba għal sostituzzjoni tal-motivi tal-Kummissjoni tirriżulta fondata, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li din għandha influwenza fuq l-evalwazzjoni ta’ aggravji oħra. Għal raġunijiet ta’ loġika, għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata t-talba tal-Kummissjoni, qabel ma jiġu eżaminati l-aggravji ssollevati mill-appellanti.

–       Is-sens tat-talba tal-Kummissjoni

54.      L-ewwel nett għandu jiġi osservat li t-talba għal sostituzzjoni tal-motivi tirrigwarda l-motivi prinċipali tas-sentenza. Għalhekk tqum id-domanda dwar jekk din it-talba għandhiex tiġi kkunsidrata mill-perspettiva proċedurali bħala appell inċidentali tal-Kummissjoni. Il-klassifikazzjoni ta’ argument ta’ aggravju inċidentali tippresupponi, skont l-Artikolu 117(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li permezz ta’ dan jinkiseb l-annullament, totali jew parzjali tas-sentenza appellata fuq raġuni li ma kinitx ġiet invokata fl-appell. Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ hawnhekk, għandhom jiġu eżaminati l-kliem, il-għan u l-kuntest tat-test inkwistjoni tar-risposta tal-Kummissjoni (26).

55.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tuża’ qatt il-frażi “appell inċidentali” fin-nota tagħha. Skont din, huwa ċar li l-inizjattiva tagħha għandha biss l-għan li tiġbed l-attenzjoni fuq informazzjoni dwar kwistjoni li tista’ tiġi eżaminata ex officio (27). F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju, li din it-“talba” tal-Kummissjoni m’għandhiex tinftiehem bħala appell inċidentali u ma ssejaħx għal deċiżjoni distinta tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56.      Jien tal-opinjoni li minn dan isegwi li mhuwiex neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ “talba” bħal din. Din fil-fatt għandha tinftiehem bħala sempliċi stedina li l-Kummissjoni tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tbiddel il-motivazzjoni tas-sentenza fis-sens li hija tindika (28).

–        L-eżami tas-suġġeriment tal-Kummissjoni

Il-pożizzjonijiet rispettivi tal-partijiet

57.      Il‑Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta kklassifikat lill-Eurocontrol bħala impriża skont l-Artikolu 82 KE fuq il-bażi tal-attività tagħha ta’ għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali. Hija ssostni li din l-attività ta’ Eurocontrol mhijiex separabbli mill-missjonijiet tas-servizz pubbliku li huma assenjati lil din. Bl-istess mod, din l-attività ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ekonomika, jekk tiġi eżaminata bir-reqqa. Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq perspettiva inkompatibbli mas-sentenza SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol, peress li kkunsidrat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li bl-ebda mod ma kienet attività “li hija essenzjali jew saħansitra indispensabbli għall-garanzija tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru”. Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx il-fatt li din l-attività tippreżenta rabta diretta mal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li huma tipiċi tal-amministrazzjonijiet u jagħmlu parti mill-għanijiet ta’ Eurocontrol. Barra minn hekk, l-affermazzjoni li skont din, din l-attività ta’ għajnuna tammonta għal offerta ta’ servizzi fis-suq tal-konsulenza, suq li fih jistgħu jaġixxu wkoll impriżi privati speċjalizzati f’dan il-qasam, tinjora r-rabta li teżisti bejn din l-attività u l-missjonijiet ta’ interess ġenerali kif ukoll in-natura partikolari tal-konsulenzi mogħtija mill-Eurocontrol.

58.      Eurocontrol tikkritika wkoll l-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-natura ta’ din l-attività u tasal għall-istess konklużjoni bħall-Kummissjoni. Hija ssostni li l-attività tagħha ta’ għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali għandha natura esklużivament mhux ekonomika, anki jekk għandha natura mhux obbligatorja.

59.      L-appellanti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni, fejn essenzjalment issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet skont il-prinċipju tas-sentenza SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol.

–        Kunsiderazzjonijiet

60.      Kif ġustament indikat l-appellanti fir-replika tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ispirat ruħha mis-sentenza SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol sabiex tistabbilixxi jekk Eurocontrol tikkostitwixxix impriża skont l-Artikolu 82 KE. Hija l-ewwel nett staqsiet jekk l-attività inkwistjoni, l-għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali f’dan il-każ, b’mod partikolari fl-okkażjoni tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti bil-għan tal-akkwist ta’ prototipi ta’ sistemi ġodda u sub-sistemi fil-qasam tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru, hijiex jew le separabbli minn missjonijiet tal-kontroll tal-ajru u tal-preżervazzjoni tas-sigurtà fin-navigazzjoni tal-ajru assenjata lill-Eurocontrol.

61.      Fil-fatt niltaqgħu ma’ dan l-approċċ fil-punt 28 tas-sentenza iċċitata, li fih il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-attività kontenzjuża ta’ Eurocontrol li tikkonsisti fil-ġbir tat-tariffi fuq ir-rotot mhijiex separabbli minn attivitajiet oħra tal-organizzazzjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni huma applikabbli għall-attività ta’ korp irregolat bid-dritt pubbliku li huma separabbli minn dawk li hija teżerċita bħala awtorità pubblika, sabiex b’hekk, l-attivitajiet differenti ta’ entità pubblika għandhom jiġu eżaminati separatament (29). Għalhekk, l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex legalment kritikabbli.

62.      Madankollu, jien tal-opinjoni li jista’ jkun hemm dubji fir-rigward tal-preċiżjoni tal-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza ressqet fil-punti 86 sa 92 tas-sentenza kkontestata, sa fejn l-argumenti li din ressqet huma inġenerali kontra l-għarfien tal-kwalità ta’ attività ekonomika għal attivitajiet ta’ għajnuna eżerċitati mill-Eurocontrol. Wieħed għandu jaqbel ma’ Eurocontrol meta hija ssostni li l-motiv tal-punt 87 tas-sentenza kkontestata jikkontjeni l-uniku argument li realment jista’ jkun il-bażi tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza hawnhekk issostni li, għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta’ Eurocontrol marbuta mal-għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali li jieħdu l-forma ta’ konsulenzi, li dan huwa każ ta’ “offerta ta’ servizzi fis-suq tal-pariri, suq li fih jistgħu jaġixxu wkoll impriżi privati speċjalizzati fil-materja”. Madankollu mhux ċar ħafna fuq liema bażi, il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet li ssostni dan, peress li l-ebda prova ma tressqet favur din it-teżi.

63.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tispjega l-konklużjoni tagħha, fejn hija stess tammetti fil-punt 89 tas-sentenza appellata li “is-servizzi inkwistjoni mhumiex attwalment offerti minn impriżi privati”. Hekk kif ġustament issostni Eurocontrol, b’kunsiderazzjoni tan-natura speċifika ħafna u mil-livell tekniku għoli tal-konsulenzi li din l-organizzazzjoni tipprovdi lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, mgħandux ikun possibbli għaliha tevalwa sempliċement fuq il-bażi tal-konoxxenzi ġenerali jekk l-impriżi privati humiex f’pożizzjoni, huma wkoll, li jipprovdu tali servizzi.

64.      Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti l-fatt li Eurocontrol hija organizzazzjoni internazzjonali ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tagħha (30) u li din l-organizzazzjoni teżerċita l-attività tagħha ta’ assistenza b’għan ta’ interess ġenerali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza minn naħa, irreferiet għas-sentenza Höfner u Elser (31) sabiex tiddeċiedi, fid-dawl tal-eżempju tas-servizzi ta’ impjiegi tal-uffiċċju federali Ġermaniż għall-impjiegi, li l-finanzjament permezz ta’ kontribuzzjonijiet ma kienx determinanti sabiex tiġi eskluża n-natura ekonomika ta’ attività. Hija minn naħa stabbiliet paragun mal-organizzazzjonijiet li jmexxu l-iskemi legali ta’ sigurtà soċjali (32) sabiex juru li din mhijiex attività ta’ natura soċjali. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tevalwa l-elementi ċċitati mill-perspettiva ġenerali (33). It-tip ta’ analiżi applikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk jikkorrispondi ma’ proċedura ta’ esklużjoni, li ma jippermettix li tingħata tweġiba fl-affermattiv għall-kwistjoni jekk l-attività kontenzjuża għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ekonomika.

65.      L-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tidher fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li skont din l-attività ta’ għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali għandha biss rabta indiretta mas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru, ma tistax tiġi approvata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza mmotivat din l-affermazzjoni billi indikat li l-għajnuna mogħtija minn Eurocontrol tkopri biss id-dettalji tekniċi fl-implementazzjoni tal-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti għal tagħmir ATM u b’hekk ma affettwatx is-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru jekk mhux permezz ta’ dawn il-proċeduri għal sejħa għal offerti.

66.      Madankollu, għandu jiġi osservat li skont l-Artikolu 1(1)(h), tal-Konvenzjoni Eurocontrol, il-partijiet jiftiehmu li “jiffavorixxu l-akkwist komuni tas-sistemi u tal-installazzjonijiet tat-traffiku tal-ajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minbarra dan, l-Artikolu 2(2)(a) jispeċifika espressament li “L-Organizzazzjoni tista’, fuq talba ta’ parti kontraenti jew iktar, u fuq il-bażi ta’ ftehim individwali jew iktar konklużi bejn l-Organizzazzjoni u l-partijiet kontraenti kkonċernati, tassisti lill-imsemmija kontraenti fl-ippjanar, id-dettalji u l-ħolqien ta’ sistemi u servizzi tat-traffiku tal-ajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Isegwi li, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-għajnuna li Eurocontrol tagħti lill-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-kuntest tal-proċeduri tas-sejħiet għal offerti tagħmel parti għal kollox mill-missjonijiet ta’ din l-organizzazzjoni u tirrappreżenta kontribut importanti għat-twettiq tal-għanijiet ta’ integrazzjoni, ta’ armonizzazzjoni u ta’ konverġenza tas-sistemi nazzjonali ta’ ippreżervar tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru (34).

67.      Jidhirli li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti tal-Prim’Istanza, il-fatt li Eurocontrol toffri biss l-attività tagħha fuq talba tal-amministrazzjonijiet nazzjonali mhux deċiżiv, peress illi, kif wieħed jista’ jimmaġina, ċerti amministrazzjonijiet għandhom vantaġġ kkomparat ma’ oħrajn fil-preparazzjoni tal-proċeduri għal sejħa għal offerti li jikkorrispondu mad-dettalji tekniċi ta’ Eurocontrol, mingħajr m’għandhom bżonn tal-għajnuna tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza nsiet li n-natura mhux obbligatorju ta’ attività speċifika mhijiex determinanti, peress li Eurocontrol teżerċita wkoll prerogattivi li tipikament huma tal-awtorità pubblika, bħall-attività ta’ kontroll operattiv tat-traffiku tal-ajru, fuq talba tal-Istati Membri, hekk kif ġustament osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol (35).

68.      Fid-dawl ta’ dan kollu, jidher li l-motivi esposti fil-punti 86 sa 93 tas-sentenza appellata jiżvelaw ksur tad-dritt Komunitarju. Il-fatt li s-sentenza kkontestata hija bbażata fuq motivazzjoni żbaljata fid-dritt madankollu ma tiġġustifikax l-annullament ta’ din, peress li d-dispożittiv tagħha jidher fondat minħabba motivi oħra ta’ dritt (36). Il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt finalment ċaħdet l-ewwel motivi tar-rikors, anki jekk ikklassifikat l-attività ta’ għajnuna ta’ Eurocontrol bħala attività ekonomika u għarfet, minn dan il-fatt, il-kwalità ta’ impriża lil Eurocontrol. Bħala motivazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tindika, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-għarfien tal-karatteristika ta’ impriża lil Eurocontrol ma setgħetx twassal għall-annullament tad-deċiżjoni appellata, peress li din hija bbażata wkoll fuq il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni li, anki jekk l-attivitajiet ta’ Eurocontrol kellhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi, dawn mhumiex kuntrarji għall-Artikolu 82 KE.

69.      Għalhekk għandu jiġi ssuġġerit lill-Qorti tal-Ġustizzja li konsegwentement temenda l-motivazzjoni tas-sentenza.

ii)    Fuq iż-żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

70.      L-appellanti ssostni li seħħ żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni appellata, fil-punti 15 u 48 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza hemmhekk sostniet li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni doppja li Eurocontrol mhijiex impriża u li l-aġir inkwistjoni mhuwiex kuntrarju, fi kwalunkwe każ, għall-Artikolu 82 KE. Madankollu, l-appellanti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk l-attivitajiet ta’ Eurocontrol kinux jew le jmorru kontra l-Artikolu 82 KE, iżda kkuntentat ruħha li tistabbilixxi jekk l-attivitajiet kontenzjużi setgħux jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi.

71.      Għandu jiġi osservat li mill-punti 28 u 29 tad-deċiżjoni appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni stabbilixxiet li, minn naħa, l-attivitajiet kontenzjużi ta’ Eurocontrol ma kellhomx natura ekonomika u, min-naħa l-oħra, li “fi kwalunkwe każ, anke li kieku dawn l-attivitajiet jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ta’ impriża, dawn ma jmorrux kontra l-Artikolu 82 KE” (37) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jidher għalhekk li l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet ta’ Eurocontrol kinux imorru kontra l-Artikolu 82 KE.

72.      Isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma żnaturatx il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

iii) Fuq in-natura kontradittorja tal-motivi peress li s-sentenza ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li laqgħet l-ewwel aggravju.

73.      L-appellanti ssostni li s-sentenza kkontestata għandha kontradizzjoni manifesta, minħabba ż-żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma annullatx id-deċiżjoni, minkejja li laqgħet l-ewwel aggravju.

74.      Hekk kif l-appellanti tispjega fl-appell tagħha, dan l-argument huwa “l-konsegwenza loġika taż-żnaturament tal-fatti” mill-Qorti tal-Prim’Istanza (38). Fi kliem ieħor, l-aggravju preżenti huwa bbażat fuq l-idea li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti billi telqgħet mill-prinċipju, fil-punti 15 u 48 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li attività ta’ Eurocontrol – inkluża fiha dik tal-għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali – tmur kontra l-Artikolu 82 KE.

75.      Issa, hekk kif rajna (39), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkuntentat ruħha, fil-motivazzjoni tas-sentenza, li tirriproduċi l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex b’hekk ma jistax ikun każ ta’ żnaturament.

76.      Għalhekk dan l-aggravju għandu jiġi wkoll miċħud.

iv)    Fuq in-natura kuntrarja tal-motivi, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwiet il-motivazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata permezz tal-motivazzjoni tagħha

77.      L-appellanti tikkunsidra li l-motivi tas-sentenza huma wkoll kontradittorji peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, iddikjarat inammissibbli, u tiċħad bħala tali, it-talba tagħha għal modifika tad-deċiżjoni kkontestata peress li mhijiex il-qorti Komunitarja li għandha tindirizza, fil-kuntest tal-verifika tal-legalità li hija twettaq, inġunzjonijiet lill-istituzzjonijiet jew li tissostitwixxi lil dawn tal-aħħar, iżda min-naħa l-oħra ssostitwit lill-Kummissjoni fl-eżami tat-tieni motiv tar-rikors, sabiex twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi fil-punt 108 tas-sentenza appellata, dwar aġir eventwali abbużiv ta’ Eurocontrol, filwaqt li dawn l-evalwazzjonijiet huma nieqsa fid-deċiżjoni kkontestata.

78.      Hekk kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, l-appellanti naqset milli tirreferi, fl-argumenti tagħha, għall-punt 104 tas-sentenza appellata, fejn jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza qabel kollox ibbażat l-evalwazzjoni legali tagħha fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata (“fl-ewwel lok, għandu jingħad li, hekk kif ġustament tagħmel il-Kummissjoni”). Madankollu, fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-attivitajiet ta’ Eurocontrol fil-kuntest tal-għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali ma jmorrux kontra l-Artikolu 82 KE.

79.      Fil-punti 106 sa 108, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat biss li l-appellanti kellha tipprovdi elementi ta’ prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ dominanza u tal-użu abbużiv tagħha, fil-kuntest tal-fatti msemmija fil-punt 104 li wasslu lill-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienx hemm abbuż minn pożizzjoni dominanti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ma tatx il-motivazzjoni tagħha.

80.      Konsegwentement, anki jekk il-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 105 sa 108 tas-sentenza appellata ma jinstabux fid-deċiżjoni kkontestata, dan ma jiġġustifikax l-annullament tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza semmiet dawn il-kunsiderazzjonijiet ad abundantiam (“Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li”), fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li bla dubju jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fir-rimarki finali tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kull ma tagħmel huwa li tinkludi fil-punt 109 tas-sentenza, il-konklużjoni tal-evalwazzjoni li hija kienet waslet għaliha fil-punt 104 (“Għalhekk, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li sar żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE min-naħa ta’ Eurocontrol”). Dan juri li l-kunsiderazzjonijiet tal-punt 108, suġġett tal-kritika, ma jissollevawx il-motivi prinċipali tas-sentenza. Madankollu, skont il-ġurisprudenza kostanti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta purament u sempliċement l-aggravji ad abundantiam, magħmula kontra motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li m’għandhomx natura prinċipali, peress li dawn l-aggravji ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza (40).

81.      Dan l-aggravju għandu għalhekk wkoll jiġi miċħud.

v)      Fuq il-ksur tal-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Komunitarji dwar il-limiti tal-kontroll ġuridiku

82.      L-appellanti tissolleva wkoll ksur tal-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji dwar il-limiti tal-kontroll ġuridiku. Hija tirreferi essenzjalment għas-sentenza Haladjan Frères vs Il‑Kummissjoni (41) li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li “l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Kummissjoni, li jinvolvu evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, bħalma huwa l-każ fil-qasam ta’ allegazzjonijiet ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jillimita ruħu għall-verifika tal-ħarsien tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni kif ukoll għal verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter”.

83.      Hija tiġġustifika dan l-aggravju tar-rikors permezz tal-idea li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kuntenta, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li tivverifika jekk il-Kummissjoni wettqitx żball fl-evalwazzjoni, iżda għal kuntrarju ħadet post din sabiex tagħmel eżami kumpless tal-aġir ta’ Eurocontrol.

84.      Għandu jiġi osservat li permezz ta’ dan l-aggravju, kull ma tagħmel l-appellanti huwa li terġa’ tkompli l-kritiki li hija kienet għamlet kontra d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jidhru fil-punt 108 tas-sentenza appellata, u ma tressaq l-ebda argument ġdid. Indipendentement mill-fatt li ma jirriżultax kif il-Qorti tal-Prim’Istanza qabżet il-limiti tal-kontroll ġudizzjarju, peress li llimitat ruħha li tistabbilixxi li l-appellanti kellha tipprovdi elementi ta’ prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti u ta’ abbuż ta’ tali pożizzjoni, sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni (42), f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ilment tal-appellanti mhux indirizzat kontra l-motivi prinċipali ta’ din is-sentenza.

85.      B’hekk dan l-aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

vi)    Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 82 KE

86.      Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tattribwixxi lill-Qorti tal-Prim’Istanza twettiq ta’ żball ta’ evalwazzjoni meta kkonfermat il-validità tad-deċiżjoni u meta eskludiet li l-aġir ta’ Eurocontrol ikkritikat mill-appellanti jista’ jkun abbużiv.

87.      L-appellanti essenzjalment issostni li n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ influwenza ta’ Eurocontrol fuq id-deċiżjonijiet tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u n-natura fakultattiva tal-attività ta’ għajnuna – kriterji li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fil-punt 104 tas-sentenza appellata – mhumiex rilevanti sabiex jiġi konkluż li mhemmx aġir abbużiv minn naħa ta’ Eurocontrol. Minn naħa, l-Artikolu 82 KE ma jissopponix b’mod sistematiku aġir abbużiv u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ setgħa ta’ deċiżjoni hija kkumpensata mill-influwenza prattika li din l-organizzazzjoni teżerċita permezz tal-provvista ta’ servizzi tagħha.

88.      Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet iddettaljati tal-appellanti, għandu jerġa’ jiġi mfakkar li l-għan tal-proċedura ta’ appell huwa l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-dritt mill-Qorti tal-Prim’Istanza u fl-ebda każ tar-repetizzjoni tal-proċedura tal-ewwel istanza fit-tieni istanza. L-affermazzjonijiet tal-appellanti b’hekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ġdida u b’hekk jistgħu jiġu evalwati biss mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ tal-evalwazzjoni tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u tal-konsegwenzi li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet tagħhom (43).

89.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-appellanti bbażat ruħha inparti fuq argumenti inammissibbli, peress li l-affermazzjonijiet tagħha huma intiżi sabiex jesponi mill-ġdid il-fatti u mhux biss sabiex jinkiseb mill-ġdid eżami ġuridiku tal-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti ta’ reviżjoni. Dan japplika għall-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinsab fil-punt 104 tas-sentenza appellata li l-appellanti naqset milli turi li, f’każ konkret, li Eurocontrol kienet realment influwenzat id-deċiżjoni li jingħata kuntratt lil offerent, u dan permezz ta’ kunsiderazzjonijiet oħra minn dawk li jirrigwardaw it-tfittxija tal-aħjar soluzzjoni teknika għall-aħjar prezzijiet.

90.      Hekk kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, mhux ċar b’liema mod din l-evalwazzjoni hija żbaljata. L-appellanti mhijiex kapaċi tressaq argumenti li jsostnu l-argument tagħha. Għal kuntrarju, wieħed għandu jaqbel mal-Kummissjoni meta hija tafferma li l-unika provvista ta’ konsulenza tista’ diffiċilment tkun ikklassifikata bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti peress li, b’mod definittiv, hija l-amministrazzjoni nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk hija taċċettax il-konsulenza mogħtija. Hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament indikat fil-punt 104 tas-sentenza appellata, l-intervent ta’ Eurocontrol, bħala konsulenza, la mhija obbligatorja u lanqas sistematika. Għall-kuntrarju, hija mistennija taġixxi biss fuq talba speċifika, skont l-Artikolu 2(2)(a), tal-Konvenzjoni. Imġiba eventwali abbużiva għandha fl-aħħar nett tkun attribwita lill-amministrazzjoni nazzjonali u mhux lil Eurocontrol.

91.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti (44), mhemmx kontradizzjoni bejn il-kunsiderazzjonijiet tal-punt 104 u l-affermazzjoni segwenti li tidher fil-punt 108 tas-sentenza appellata:

“Fil-fatt, peress li Eurocontrol ma teżerċita ebda attività fis-suq tal-provvista ta’ tagħmir ATM u ma għandha ebda interess ta’ natura finanzjarja jew ekonomika, jidher li l-ebda rapport ta’ kompetizzjoni ma jista’ jeżisti bejnha u r-rikorrenti jew kwalunkwe impriża oħra attiva fis-settur”.

92.      L-affermazzjoni magħmula fil-punt 108 li Eurocontrol għandha l-possibbiltà li tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ għażla tal-offerenti tal-awtoritajiet nazzjonali mhijiex inkompatibbli mal-idea sostnuta fil-punt 104 li skont din l-appellanti ma wrietx f’każ konkret, li Eurocontrol kienet realment influwenzat id-deċiżjoni li jingħata kuntratt lil offerent. Huwa għalhekk li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

93.      Fl-aħħarnett, l-appellanti tinvoka żnaturament tal-provi għal dak li jirrigwarda l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Novembru 1998. Hija tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza appellata.

94.      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jingħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx marbuta teżamina l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq din l-ittra, peress li huma ġew issollevati fil-kuntest ta’ motivi ġodda, miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala inammissibbli (45).

95.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat b’mod suffiċjenti l-argumenti tal-appellanti. Hija ġustament indikat, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-Kummissjoni fformulat ċertu numru ta’ rimarki kritiċi fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet ta’ Eurocontrol fl-ebda każ ma kien ifisser li l-Kummissjoni kienet hi stess persważa bl-illegalità tal-aġir ta’ Eurocontrol fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax ikun hemm żnaturament tal-provi.

96.      Dan l-aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud.

b)      Fuq l-attività regolatorja ta’ Eurocontrol

97.      Għal dak li jikkonċerna l-iżbalji ta’ dritt marbuta mal-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE għall-attività regolatorja ta’ Eurocontrol, l-appellanti tinvoka

–        żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata;

–        l-adozzjoni ta’ kunċett ta’ attività ekonomika li jmur kontra l-kunċett li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji;

–        interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji fil-qasam tal-miżuri ta’ għajnuna soċjali;

–        ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

98.      Il‑Kummissjoni tikkritika l-motivazzjoni tas-sentenza appellata u konsegwentement titlob sostituzzjoni tal-motivi.

i)      Fuq it-talba tas-sostituzzjoni tal-motivi ppreżentata mill-Kummissjoni

99.      B’mod konformi ma’ dak li diġà ntqal (46), din it-“talba” tal-Kummissjoni għandha tinftiehem ukoll bħala sempliċi stedina indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tbiddel il-motivi tas-sentenza kif qalet hi.

–       L-argumenti tal-partijiet

100. Il‑Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-motivi għal dak li jikkonċerna d-distinzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 59 sa 60 tas-sentenza appellata, bejn l-attivitajiet ta’ preparazzjoni u t-tfassil tar-regoli u speċifikazzjonijiet tekniċi, kompitu mwettaq mill-aġenzija ta’ Eurocontrol bħala organu eżekuttiv, minn naħa, u l-adozzjoni tagħhom min-naħa l-oħra fuq parir ta’ Eurocontrol. Il‑Kummissjoni tikkunsidra li din id-distinzjoni hija artifiċjali. Bħal fil-każ tal-attivitajiet ta’ għajnuna lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet applikat kriterji żbaljati u inkompatibbli mas-sentenza SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol, sabiex tikkonkludi li l-attività iċċitata setgħet tkun separata minn missjonijiet oħra ta’ awtorità pubblika. Il‑Kummissjoni takkuża wkoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza li evalwat ħażin in-natura ta’ din l-attività.

101. Eurocontrol tikkritika wkoll id-distinzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata.

102. Għal kuntrarju, l-appellanti hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza żammet mal-prinċipji tas-sentenza SAT Fluggesellschaft fuq dan il-punt.

–        Kunsiderazzjonijiet

103. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġġustifikat din id-distinzjoni fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata fejn qalet li l-attività ta’ standardizzazzjoni mill-kunsill ta’ Eurocontrol taqa’ taħt il-qasam leġiżlattiv. Fil-fatt, il-kunsill ta’ Eurocontrol huwa kompost mid-diretturi tal-amministrazzjoni tal-avjazzjoni ċivili ta’ kull Stat Membru tal-organizzazzjoni, inkarigati mill-Istati rispettivi tagħhom sabiex jadottaw speċifikazzjonijiet tekniċi vinkolanti f’dawn l-Istati kollha. Din l-attività taqa’ direttament taħt l-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtoritajiet pubbliċi. Ir-rwol ta’ Eurocontrol b’hekk jixbah lil dak ta’ Ministeru li, fuq livell nazzjonali, jipprepara l-miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li wara jiġu adottati mill-Gvern. Għalhekk, din hija attività li taqa’ taħt il-missjoni pubblika ta’ Eurocontrol.

104. Madankollu, dan ma jistax jingħad għall-preparazzjoni jew it-tfassil tar-regoli tekniċi minn Eurocontrol. L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex turi li l-attività ta’ standardizzazzjoni ta’ Eurocontrol hija relatata mal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ din l-organizzazzjoni (47) fil-fatt jirreferu biss għall-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli u mhux għat-tfassil tagħhom. Il-ħtieġa ta’ adozzjoni tar-regoli fuq livell internazzjonali ma jfissirx neċessarjament li l-korp li jipprepara dawn ir-regoli għandu jkun ukoll dak li, sussegwentement, jadotthom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li din l-attività tista’ tkun distinta mill-missjonijiet ta’ kontroll tal-ajru u tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-ajru.

105. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument juri klassifikazzjoni tal-fatti li għandha tiġi kkunsidrata bħala legalment żbaljata.

106. Fil-fatt jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 2(1)(f) tal-Konvenzjoni Eurocontrol li jaqa’ taħt ir-responsabbiltajiet ta’ Eurocontrol “li jiġu mfassla, adottati u jiġu eżaminati mill-ġdid ir-regoli, dettalji u l-prattiċi komuni għas-sistemi u servizzi tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għandu jiġi kkonstatat li l-Konvenzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti tal-Prim’Istanza, ma tiddistingwix bejn il-preparazzjoni jew it-tfassil tar-regoli u l-adozzjoni tagħhom. B’hekk il-limitazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex ibbażata fuq il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni.

107. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas mhija konformi mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-preparazzjoni u t-tfassil tar-regoli u tad-dettalji tekniċi jammontaw huma strumenti ta’ sostenn importanti għal Eurocontrol sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit mill-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni, jiġifieri “twettiq tal-armonizzazzjoni u l-integrazzjoni neċessarji għall-implementazzjoni ta’ sistema Ewropea uniformi tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (48).

108. Minbarra dan, mhux magħruf fuq liema bażi fattwali l-Qorti tal-Prim’Istanza ibbażat ruħha sabiex issostni li l-missjoni li l-Istati Membri fdaw lil Eurocontrol fil-qasam ta’ preparazzjoni u ta’ tfassil ta’ regoli u dettalji tekniċi tista’ wkoll titwettaq minn korp jew impriża oħra. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tistħarreġ jekk dan kien effettivament il-każ. Minflok, hija llimitat ruħha li ssostni fil-punt 60 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni “ma stabbilietx li f’dan il-każ, dawn iż-żewġ attivitajiet għandhom neċessarjament jiġu eżerċitati minn entità waħda, minflok minn żewġ entitajiet differenti”.

109. Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tispjega l-konklużjonijiet tagħha filwaqt li tiċħad, fil-punt 61, kwalunkwe natura ekonomika f’din l-attività, u dan għaliex ma ntweriex li jeżisti suq għas-“servizzi ta’ standardizzazzjoni teknika fis-settur tat-tagħmir ATM”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tammetti li r-raġuni tal-ineżistenza ta’ suq ta’ standardizzazzjoni teknika f’dan is-settur hija li l-uniċi persuni li jistgħu jitolbu dawn is-servizzi jistgħu jkunu biss l-Istati fil-kwalità tagħhom ta’ awtorità ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru. Madankollu, dawn kienu ddeċidew li jfasslu dawn l-istandards huma stess, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni internazzjonali, permezz tal-intermedju ta’ Eurocontrol. Fil-qasam tal-istandardizzazzjoni, Eurocontrol għalhekk tikkostitwixxi biss ċentru ta’ azzjoni miftehma għall-Istati Membri tagħha, li huma ħolqu sabiex jikkoordinaw l-istandards tekniċi tas-sistemi ATM tagħhom.

110. Fil-fehma tiegħi, id-dikjarazzjonijiet parzjalment kontradittorji tal-Qorti tal-Prim’Istanza juru b’mod ċar li, għall-inqas fil-każ preżenti, il-preparazzjoni u t-tfassil tar-regoli u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandha tiġi kkunsidrata bħala l-espressjoni tal-implementazzjoni ta’ “missjoni ta’ servizz pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (49) u ma jistgħux jiġu sseparati mill-attività leġiżlattiva ta’ Eurocontrol bħala eżerċizzju ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika (50). Ir-regoli mfassla mill-aġenzija Eurocontrol huma adottati mill-kunsill ta’ Eurocontrol u ddikjarati obbligatorji għall-Istati Membri. Bħala suġġett sui generis tad-dritt internazzjonali pubbliku, Eurocontrol b’hekk teżerċita din il-kompetenza fuq mandat tal-Istati Membri tagħha, fuq il-bażi tal-poteri li ġew delegati lilha (51). Meta attività ta’ awtorità pubblika hija ddelegata mill-Istati Membri tagħha lil organizzazzjoni internazzjonali, it-twettiq ta’ din l-attività ta’ awtorità pubblika tidħol fil-kuntest ta’ dritt internazzjonali pubbliku. B’hekk, il-paragun effettiv mal-organizzazzjonijiet regolatorji privati huwa żbaljat. Jekk l-Istati Membri kienu xtaqu jassoċjaw organizzazzjonijiet regolatorji privati mat-tfassil tar-regoli u dettalji tekniċi fil-kuntest tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru, huma kellhom għal dan il-għan jipprovdu deroga, fil-kuntest tal-Konvenzjoni Eurocontrol.

111. Hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ssostni fil-konklużjoni tagħha, l-attività regolatorja ta’ Eurocontrol ma tistax tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika.

112. Għalhekk għandu jingħata parir lill-Qorti tal-Ġustizzja li konsegwentement tbiddel il-motivazzjoni tas-sentenza.

ii)    Fuq iż-żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

113. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tressaq (52) mill-ġdid żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, li tidher fil-punti 15 u 48 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Kienet il-Qorti tal-Prim’Istanza li għamlet dan minflok il-Kummissjoni, u b’hekk żnaturat d-deċiżjoni ta’ din.

114. Kif rajna (53), il-Kummissjoni pjuttost ċaħdet l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. B’hekk dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

iii) Id-definizzjoni tal-attività ekonomika użata tkun kuntrarja għad-definizzjoni magħmula mill-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji

115. L-appellanti tikkunsidra li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li skont din hija ma wrietx l-eżistenza ta’ suq għal servizzi ta’ standardizzazzjoni teknika hija irrilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-attività inkwistjoni hija ta’ natura ekonomika, jew għall-inqas ineżatta. Kuntrarjament għal dak sostnut mill-Qorti tal-Prim’Istanza, Eurocontrol tipprovdi servizz awtonomu, li jikkonsisti fit-tfassil ta’ regoli tekniċi. Il-fatt li l-attività inkwistjoni ma tikkonsistix f’li jiġu offerti oġġetti u servizzi f’suq partikolari huwa fi kwalunkwe każ nieqes minn importanza fir-rigward tal-ġurisprudenza u l-prattika tal-Kummissjoni. Li huwa importanti huwa li jiġi stabbilit jekk l-attività tistax tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika.

116. Kif rajna (54), il-kunċett ta’ impriża skont l-Artikolu 82 KE huwa kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju. Għandha tiġi nkluża bħala impriża kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-forma ġuridika tagħha u tal-metodu ta’ finanzjament tagħha. Il-karatteristika tal-attività ekonomika hija li jkollha bħala għan l-iskambju tas-servizzi u tal-oġġetti fis-suq (55).

117. Kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, attività ekonomika tissupponi neċessarjament l-eżistenza ta’ “suq” fis-sens ta’ offerta u ta’ talba dwar oġġetti jew servizzi inkwistjoni (56). Huwa għal dan, u mhux għas-“suq inkwistjoni” eventwali, kif apparentement taħsibha l-appellanti, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata.

118. Il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbilixxiet b’mod korrett li l-eżistenza ta’ suq tas-servizzi ta’ standardizzazzjoni teknika fis-settur tat-tagħmir ATM ma kinitx intweriet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza vverifikat f’din l-okkażjoni l-eżistenza ta’ offerta u ta’ talba f’dan is-settur, u kkonkludiet li dawn huma ineżistenti, fin-nuqqas ta’ elementi konkreti ta’ prova. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ġustament setgħet tikkunsidra li l-attività regolatorja ta’ Eurocontrol ma kellhiex natura ekonomika.

119. Minn dan isegwi li dan l-aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

iv)    Fuq l-interpretazzjoni żbaljata u l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji fil-qasam tas-servizzi ta’ natura soċjali

120. L-appellanti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ċaħdet b’mod żbaljat l-argumenti tagħha dwar il-possibbiltà li jiġu trasposti f’dan il-każ il-prinċipji tas-sentenza FENIN vs Il‑Kummissjoni.

121. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat, hekk kif il-Kummissjoni ġustament osservat (57), li dan l-aggravju huwa indirizzat kontra d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-natura mhux ekonomika tal-akkwist ta’ prototipi minn Eurocontrol u mhux kontra l-attività regolatorja ta’ din l-organizzazzjoni, li hija inkwistjoni hawnhekk. B’hekk, l-argumenti tal-appellanti huma żbaljati.

122. Minbarra dan, l-aggravju huwa inammissibbli mill-bidu. L-appellanti tuża’ bħala skuża l-proposti tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza FENIN vs Il‑Kummissjoni, li ntużaw f’kuntest ieħor, sabiex tissolleva l-ilmenti li hija ma kinitx issollevat fl-ewwel istanza. Fil-proċedura tal-ewwel istanza, l-appellanti fil-fatt ma kinitx allegat li din ma kinitx fittxet li tistabbilixxi jekk is-servizz kienx ġie pprovdut in osservanza tal-prinċipju tas-solidarjetà.

123. U, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-aggravju huwa ammissibbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet segwenti, mill-perspettiva tal-fondatezza.

124. Mill-appell jirriżulta li l-appellanti tifhem din il-ġurisprudenza bħala li tfisser, apparentement, li l-prinċipji li fuqhom din hija bbażata jistgħu jiġu trasposti biss f’każijiet li fihom entità tkun wettqet missjonijiet ta’ natura esklużivament soċjali (58).

125. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sabiex l-affarijiet ikunu ċari, l-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jidhru fil-punti 65 sa 69 tas-sentenza appellata li għalihom jirreferu l-appellanti, għandhom bħala għan il-kwistjoni dwar jekk l-attività regolatorja ta’ Eurocontrol għandhiex tiġi kklassifikata bħala ekonomika jew le.

126. Hekk kif spjegat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 61, b’referenza għall-ġurisprudenza ċċitata mill-qrati Komunitarji (59), tammonta għal attività ekonomika kull attività li tikkonsisti li toffri proprjetà jew servizzi fuq is-suq partikolari. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament sostniet li l-kunċett Komunitarju ta’ attività ekonomika huwa marbut mal-offerta u mhux mal-akkwist tal-oġġetti u servizzi. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet ukoll għas-sentenza FENIN vs Il‑Kummissjoni (60) billi kkonstatat speċifikament li l-fatt li entità tixtri prodott – anki fi kwantitajiet kbar – sabiex tagħmel użu minnu fil-kuntest ta’ attività oħra ta’ tip purament soċjali, mhux suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala impriża. L-intervent ta’ din l-entità bħala xerrej f’suq mhux suffiċjenti waħdu sabiex l-attività tiġi kklassifikata bħala ta’ natura ekonomika, peress li l-karatteristika essenzjali tal-offerta ta’ oġġetti u servizzi hija nieqsa.

127. L-appellanti ma tikkritikax il-korrettezza ta’ din il-ġurisprudenza. Madankollu, il-qari tagħha tas-sentenza FENIN vs Il‑Kummissjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni stretta wisq u għalhekk żbaljata. Kif diġà rajna, il-Qorti tal-Prim’Istanza riedet qabel kollox tippreċiża f’din is-sentenza li hija biss attività indirizzata lejn l-offerta ta’ oġġetti u ta’ servizzi li tista’ tiġi kkunsidrata bħala ekonomika (61).

128. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ġustament ċaħdet l-argumenti tal-appellanti.

129. Konsegwentement, dan l-aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

v)      Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

130. L-aggravju bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jidhirlix suffiċjentement sostnut, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, fil-punti 59 et seq – l-iktar fil-punt 61 – tas-sentenza kkontestata, il-motivi li għalihom hija kkonkludiet li l-attività ta’ tfassil ta’ regoli ma setgħetx, fl-opinjoni tagħha, tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika.

131. Dan l-aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud

c)      Fuq l-attività ta’ riċerka u żvilupp ta’ Eurocontrol

132. L-appellanti tinvoka, insostenn ta’ żball ta’ liġi fir-rigward li jikkonċerna l-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE għall-attività ta’ riċerka u ta’ żvilupp ta’ Eurocontrol (b’mod partikolari tal-akkwist ta’ prototipi u tal-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali), l-ilmenti segwenti:

–        żnaturament tad-deċiżjoni kkontestata;

–        l-użu ta’ definizzjoni tal-attività ekonomika li tmur kontra l-kunċett żviluppat mill-ġurisprudenza;

–        żnaturament tal-aggravji tal-prova pprovduti mill-appellanti fir-rigward tan-natura ekonomika tal-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn Eurocontrol.

i)      Fuq iż-żnaturament tad-deċiżjoni kkontestata

133. L-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li żnaturat il-fatti tal-kawża, billi tat lid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tifsira li hija m’għandhiex.

134. Konkretament, għandu jiġi stabbilit jekk l-attività ta’ akkwist ta’ prototipi u ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandhiex natura ekonomika. L-appellanti ssostni li fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni ma kkontestatx in-natura ekonomika ta’ din l-attività, iżda llimitat ruħha li teskludi abbuż eventwali minn pożizzjoni dominanti.

135. Issa, hekk kif sostniet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 74 tas-sentenza appellata, jirriżulta minn sempliċi qari tad-deċiżjoni kkontestata li din l-affermazzjoni hija mingħajr bażi. Fil-fatt, il-Kummissjoni tispjega mingħajr ambigwità fil-punt 28 tad-deċiżjoni tagħha li l-attivitajiet kontenzjużi, fl-opinjoni tagħha m’għandhomx natura ekonomika, dikjarazzjoni li hija tikkonferma fil-punti 29 u 30 tal-istess deċiżjoni.

136. Għalhekk dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq l-adozzjoni ta’ kunċett tal-attività ekonomika li jmur kontra dak żviluppat mill-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji

137. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tikkritika l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-natura mhux ekonomika tal-attività ta’ Eurocontrol fil-qasam tal-akkwist ta’ prototipi u ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

138. Hija tikkritika l-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jidhru fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li jsostnu li huwa ta’ ftit importanza li l-iżvilupp tal-prototipi ma jitwettaqx minn Eurocontrol stess iżda minn impriżi tas-settur ikkonċernat, peress li l-attività inkwistjoni fil-kawża hija dik tal-akkwist ta’ dawn il-prototipi.

139. L-argument tal-appellanti huwa bbażat manifestament fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt ma eskludietx in-natura ekonomiku tal-akkwist tal-prototipi peress li l-iżvilupp ta’ dawn iseħħ minn terzi, iżda prinċipalment, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 75 tas-sentenza, għaliex l-akkwist tal-prototipi ma jimplikax offerta tal-oġġetti jew servizzi f’suq partikolari. B’hekk, element essenzjali jkun nieqes għall-klassifika ta’ attività bħala ekonomika.

140. Hekk kif tindika Eurocontrol b’mod konvinċenti, il-prototipi mhumiex użati bħala input għall-produzzjoni ta’ prodott kummerċjali ieħor, u l-prototipi żviluppati mhumiex impoġġija minnha fis-suq. L-isforzi tagħha fil-kuntest tal-akkwist tal-prototipi għandhom pjuttost l-għan li jistabbilixxu sistema armonizzata Ewropea għall-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru (62). Fil-fehma tiegħi, dan jikkonferma l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-attività ta’ Eurocontrol ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ekonomika.

141. Minbarra dan, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti importanza lill-kriterju tan-nuqqas ta’ għan tal-qligħ għalkemm dan il-kriterju mhux irrikonoxxut bħala determinanti fil-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji. Hija tqis irrilevanti l-fatt li Eurocontrol ma tħaddanx għan bħal dan u li l-liċenzji jingħataw mingħajr ħlas fil-kuntest ta’ żvilupp, peress li l-kriterju tan-nuqqas ta’ għan ta’ qligħ ikun fi kwalunkwe każ mingħajr effett.

142. F’dan ir-rigward għandha ssir oġġezzjoni li l-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji tattribwixxi importanza sinjifikattiva lill-kriterju tan-nuqqas ta’ għan ta’ qligħ (63) iżda wkoll għall-għan eventwali ta’ qligħ tal-impriżi sabiex l-attività tingħata klassifikazzjoni ta’ attività ekonomika. Anki jekk in-nuqqas ta’ għan ta’ qligħ ta’ entità ma jkunx waħdu determinanti, dan għall-inqas jammonta għal inferenza li tista’ tiġi kkonfermata permezz ta’ elementi oħra (64). B’hekk dan l-argument tal-appellanti għandu jiġi miċħud.

143. Minbarra dan, hija tikkunsidra li l-affermazzjonijiet segwenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kontenuti fil-punt 77 tas-sentenza, huma ġuridikament żbaljati:

“F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali adottata minn Eurocontrol, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li hija żżomm fuq ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp msemmija jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-impriżi interessati bla ħlas. Ċertament, fil-kuntest tal-eżami tan-natura ekonomika ta’ attività, il-kriterju tan-nuqqas ta’ ħlas jikkostitwixxi biss indikazzjoni fost oħrajn u m’għandux minnu nnifsu jeskludi n-natura ekonomika tagħha. Madankollu, f’dan il-każ, il-fatt li l-liċenzji għad-drittijiet ta’ proprjetà akkwistati minn Eurocontrol fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ prototipi jingħataw b’xejn jiżdied mal-fatt li din hija attività anċillari għall-promozzjoni tal-iżvilupp tekniku, li tifforma parti mill-għan tal-interess pubbliku tal-missjoni ta’ Eurocontrol u li ma ssirx f’interess proprju tal-organizzazzjoni li huwa separabbli minn dan il-għan, u dan jeskludi n-natura ekonomika ta’ attività”.

144. In sostenn tal-ilment tagħha, l-appellanti ssostni li dawn il-kunsiderazzjonijiet li huma bbażati fuq l-idea ta’ attività mwettqa fil-qasam tal-iżvilupp tekniku ma jistgħux ikollhom natura ekonomika. Madankollu dan imur kontra l-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji, li reċentement irrikonoxxew in-natura ekonomika tal-missjonijiet ta’ żvilupp tekniku.

145. L-appellanti ġustament tosserva li l-iżvilupp tat-teknoloġiji ġodda jista’, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji (65), f’ċerti ċirkustanzi, effettivament jikkostitwixxi wkoll attività ekonomika. Madankollu hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, hija naqset milli tinnota li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tkellmitx dwar “attività tal-iżvilupp tekniku” iżda dwar “attività anċillari għall-promozzjoni tal-iżvilupp tekniku”. Min-naħa l-oħra, għandha tingħata tweġiba li dan ma japplikax b’mod ġenerali, iżda jista’ jammonta l-iktar għal inferenza fost oħrajn, għalkemm għandu dejjem jiġi vverifikat, f’kull każ, jekk il-promozzjoni tal-iżvilupp tekniku minn entità, kif jirriżulta minn aspetti oħra bħan-nuqqas ta’ għan ta’ qligħ jew ta’ natura ta’ attività anċillari, tista’ b’mod raġonevoli twassal għall-konklużjoni li dan huwa każ ta’ attività ekonomika. Il-Qorti tal-Prim’Istanza hekk għamlet, b’mod li ma jistax ikun hemm kritika minn perspettiva legali.

146. B’hekk dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

iii) Fuq iż-żnaturament tal-aggravji tal-prova mressqa mill-appellanti fir-rigward tan-natura ekonomika tal-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn Eurocontrol.

147. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tinvoka ż-żnaturament tal-elementi ta’ prova li hija pprovdiet fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, rigward remunerazzjonijiet li Eurocontrol tirċievi. L-appellanti ssostni li hija xtaqet tirreferi mhux għan-natura oneruża iżda għall-multipliċità tal-attivitajiet ta’ Eurocontrol kif ukoll għall-kontradizzjoni eżistenti bejn l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn Eurocontrol, minn naħa, u l-kontenut tad-dokument intern ta’ Eurocontrol bit-titolu “ARTAS Intellectual Property Rights and Industrial Policy”, min-naħa l-oħra.

148. Il‑Kummissjoni ssostni li dan id-dokument kien jinsab fir-rikors jew fir-risposta. Hija ssostni li, anki jekk l-appellanti bbażat fuq dan l-argument fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, dan l-argument huwa fi kwalunkwe każ tardiv u għalhekk inammissibbli.

149. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-appellanti għandu l-għan li manifestament jikkontesta a posteriori l-konstatazzjonijiet ta’ fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fil-punt 79 tas-sentenza appellata, mingħajr ma din ressqet provi suffiċjenti b’liema mod kien hemm żnaturament tal-provi. Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat b’mod korrett l-elementi ta’ prova li ġew ippreżentati quddiemha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn Eurocontrol fil-kuntest tas-sistema ARTAS, u kkonstatat ġustament li d-dħul minn liċenzji ta’ operazzjoni ta’ din is-sistema kien jammonta għal ecu, li huwa ekwivalenti għal tranżazzjoni mingħajr ħlas.

150. B’hekk dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

V –    Konklużjoni tal-analiżi

151. L-appell jirriżulta totalment infondat. Għalhekk għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

152. Jien nissuġġerixxi li tinbidel il-motivazzjoni tas-sentenza fid-dawl tal-kunsiderazzjoni msemmija iktar ’il fuq (66).

VI – Fuq l-ispejjeż

153. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

154. B’mod konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika wkoll b’analoġija għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti oħra minbarra dawk mhux imsemmija fil-punti 1 u 2, tista’ tbati l-ispejjeż tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, Eurocontrol għandha tbati l-ispejjeż tagħha bħala parti intervenjenti.

VII – Konklużjoni

155. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lill-parti intervenjenti għall-ispejjeż tagħha stess, u

–        tikkundanna l-appellanti għall-ispejjeż l-oħra.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni (T‑155/04, Ġabra p. II–4797).


3 – Oriġinarjament, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Fil-preżent, l-Istati Membri ta’ Eurocontrol huma s-segwenti (fl-ordni alfabetika skont l-Ingliż): l-Albanija, l-Armenja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bożnija Ħerżegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, Moldova, Monaco, il-Montenegro, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, l-Isvizzera, l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, l-Ukrajna, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.


4 – ĠU L 304, p. 209.


5 – L 187, p. 52.


6 – ĠU L 95, p. 16.


7 – ĠU 1962, 13, p. 204.


8 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft (C‑364/92, Ġabra p. I-43).


9 – Sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C–280/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38); tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il‑Kummissjoni (C‑205/03 P, Ġabra p. I–6295, punt 25); tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, Ġabra p. I-2843, punt 28); tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, Ġabra p. I-289, punt 107); tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 112); tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK-Bundesverband et (C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, Ġabra p. I-2493, punt 46); tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I-6451, punt 74); u tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21).


10 – Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago tal-1944 (UN treaty series Volum 15, Nru 105), il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li “kull Stat għandu s-sovranità kompleta u esklużiva fuq l-ispażju tal-ajru fit-territorju tiegħu”. Din il-Konvenzjoni fil-fatt hija bbażata fuq il-prinċipju li s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru hija r-risponsabbiltà ta’ kull Stat Membru individwalment (A. Majid, Legal status of international institutions: SITA, INMARSAT and Eurocontrol examined, Aldershot 1996, p. 91). Madankollu, dan ma jeskludix milli l-Istati jittrasferixxu din il-ġurisdizzjoni lil organizzazzjoni internazzjonali. Eurocontrol inħolqot sabiex tissorvelja l-ispazju tal-ajru fl-Ewropa. Madankollu, dan ir-riżultat ma ntlaħaqx b’mod effettiv. Fir-realtà, sal-konklużjoni tal-protokoll ta’ emenda tat-12 ta’ Frar 1981, Eurocontrol kienet issorveljat is-siġurtà tan-navigazzjoni fl-ajru miċ-ċentri tagħha ta’ Karlsruhe u Maastricht. Il-Konvenzjoni li temendaha kabbret il-missjonijiet ta’ Eurocontrol għal diversi oqsma oħra, iżda issa huwa biss iċ-ċentru reġjonali ta’ Maastricht li jissorvelja t-traffiku fl-ispazju tal-ajru tal-Ġermanja ta’ Fuq, tal-Belġju, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Lussemburgu (I. Seidl-Hohenveldern, “Eurocontrol und EWG-Wettbewerbsrecht”, Völkerrecht zwischen normativem Anspruch une politischer Realität, Berlin 1994, p. 252).


11 – L. Idot, “Retour sur la notion d’entreprise”, Europe, Frar 2007, Nru 68, p. 25, jiddefinixxi l-eżami individwali ta’ diversi attivitajiet ta’ applikazzjoni tal-“prinċipju ta’ diżassoċjazzjoni”.


12 – Sentenza SAT Fluggesellschaft, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 27.


13 – Ibidem, punt 30.


14 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs Hohoe Behörde (30/59, Ġabra p. 3, punti 36 u 37); tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I-1125, punt 22); u tal-10 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il‑Kummissjoni (C‑245/92 P, Ġabra P. I-4643, punt 32); kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il‑Kummissjoni (T‑459/93, Ġabra p. II-1675, punt 21); tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II–2405, punt 75); tal-1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑125/96 u T‑152/96, Ġabra p. II-3427, punt 183); tat-28 ta’ Frar 2002, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni (T‑395/94, Ġabra; p. II-875, punt 382); u tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il‑Kummissjoni (T‑114/02, Ġabra p. II-1279, punt 417). H.-W. Rengeling/A. Middeke/M. Gellermann, Handbuch des rechtsschutzes in der Europäischen Union, Munich 2003, § 22, punt 40, p. 405.


15 – Sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs l-Irlanda (C–13/00, Ġabra p. I-2943, punt 3 sa 6); CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 21 u 22); u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni (C‑225/91, Ġabra p. I-3203, punti 11 u 12).


16 – Ara s-sentenza SAT Fluggesellschaft (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 41).


17 – Il‑Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Höfner u Elser (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 24). Il-Qorti hemmhekk ddeċidiet li uffiċċju pubbliku tax-xogħol li huwa responsabbli, skont id-dritt ta’ Stat Membru, li jopera servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif previst fl-Artikolu 3 tal-Arbeitsförderungsgesetz (liġi Ġermaniża fuq il-promozzjoni tal-impjieg), huwa suġġett għar-regoli tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 90(2) tat-Trattat, filwaqt li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tmurx kontra l-missjoni partikolari mogħtija lilu.


18 – Ara l-punt 3 tal-kontroreplika tal-Kummissjoni.


19 – Ara l-punt 56 tar-risposta ta’ Eurocontrol.


20 – Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk konformi mal-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-sentenza SAT Fluggesellschaft (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 10 u 11), sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għall-eċċezzjoni ta’ inkompetenza (marbuta mal-immunità), issollevata minn Eurocontrol, li d-domanda magħmula fil-kuntest tal-Artikolu 234 KE kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kompetizzjoni u mhux dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi Eurocontrol. B’hekk id-domanda dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju jistgħux jitressqu kontra Eurocontrol tirrigwarda l-mertu u tibqa’ irrilevanti għall-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-immunità tal-organizzazzjonijiet internazzjonali hija spjegata qabel kollox b’mod funzjonali: l-immunità sservi sabiex tiggarantixxi l-indipendenza li għandhom bżonn sabiex iwettqu l-missjoni tagħhom u jilħqu l-għanijiet tagħhom (ara M. Weckstern, Handbuch des internationalen Zivilverfahrensrechts, Die Immunität internationaler Organisationen, Volum II/1, Tübingen 1994, punt 44, p. 13). Il-proċedura preżenti b’hekk mhijiex indirizzata kontra Eurocontrol stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa biss li tiddeċidi, hawnhekk, fuq il-fondatezza jew iċ-ċaħda tal-appell ippreżenta kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li quddiemha biss l-interpretazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt Komunitarju hija inkwistjoni, bħal fil-kawża ċċitata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ma jaffettwax lill-Eurocontrol bħala organizzazzjoni internazzjonali fit-twettiq tal-missjoni tagħha.


21 – Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm abbuż ta’ poter fil-każ fejn istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha bil-għan esklużiv jew, għall-inqas, determinanti li jintlaħqu finijiet oħra barra dawk espressi jew li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ [sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni (C‑407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 99); tal-10 ta’ Marzu 2005 Spanja vs Il-Kunsill, (C‑342/03, Ġabra p. I-1975, punt 64); u tal-14 ta’ Mejju 1998, Windpark Groothusen vs Il‑Kummissjoni, (C‑48/96 P, Ġabra p. I-2873, punt 52].


22 – Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et (kawżi magħquda C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 48); u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl AG vs Il‑Kummissjoni (C‑194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 33). K. Lenaerts/ D. Arts/I. Maselis., Procedural Law of the European Union, it-tieni edizzjoni, Londra 2006, p. 453, punt 16-003, jaffermaw li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex kompetenza dwar konstatazzjonijiet ta’ fatt. Il-fatt li l-appell huwa limitat għad-domandi ta’ dritt jfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza esklużiva f’dan ir-rigward. Isegwi li l-appellanta mhijiex awtorizzata tikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas tressaq fatti li ma ġewx ikkonstatati mill-Qorti tal-Prim’Istanza.


23 – Sentenza Aalborg Portland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 48). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Marzu 2008, fil-kawża attwalment pendenti CAS SpA vs Il‑Kummissjoni (C‑204/07 P, punt 84).


24 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal-11 ta’ Frar 2003 fil-kawżi Aalborg Portland et (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 38); sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il‑Kummissjoni (C‑280/99 P sa C‑282/99 P, Ġabra p. I 4717, punt 78); u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewerbe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 24).


25 – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 Jannar 2006, Entorn vs Il‑Kummissjoni (C‑162/05 P, Ġabra p. I-12, punti 54 u 55).


26 – Ara f’’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tat-13 ta’ Diċembru 2007, fil-kawża pendenti Bertelsmann u Sony Corporation of America (C‑413/06 P, punt 283).


27 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi tat-8 ta’ April 2008, fil-kawża attwalment pendenti Campoli vs Il‑Kummissjoni (C‑71/07 P, punt 41).


28 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bertelsmann AG u Sony Corporation of America (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 26, punt 286), li fihom l-Avukat Ġenerali ma kklassifikax l-“osservazzjonijiet addizzjonali” tal-Kummissjoni bil-għan li jbiddlu l-motivi tad-deċiżjoni tal-appell inċidentali iżda żviluppi ulterjuri li għandhom biss il-għan sabiex jiġi mifhuma aħjar l-argumenti tal-Kummissjoni fuq il-mertu bħala risposta għall-appell.


29 – Ara, f’’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (107/84, Ġabra p. 2655, punti 14 u 15); u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni (T‑128/98, Ġabra p. II-3929, punt 108).


30 – Eurocontrol hija ffinanzjata prinċipalment permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri. Il-kontribuzzjonijiet jirriżultaw mill-baġit tal-aġenzija, ippreparat mill-Kumitat ta’ ġestjoni tagħha u approvat mill-Kummissjoni, li jistabbilixxi indiċi ta’ kontribuzzjonijiet għall-Istati Membri. Din hija kkalkolata skont il-prodott gross domestiku tal-Istati Membri kif definiti mill-istatistika tal-OECD. L-abbozz tal-baġit annwali huwa ppreparat mill-Kumitat ta’ ġestjoni u approvat mill-Kummissjoni (ara W. Schwenk/E. Giemulla, Handbuch des Luftverkehrsrechts, 3 edizzjoni, Cologne/Berlin/Munich 2005, p. 96).


31 – Sentenza Höfner u Elser (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 22).


32 – Sentenzi tas-16 ta’ Novembru 1995, Fédération française des sociétés d’assurances et (C‑244/94, Ġabra p. I-4013, punt 22); u tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany (C‑67/96, Ġabra p. I-5751, punti 84 sa 87).


33 – Skont Mestmäcker/Schweitzer, Wettbewerbsrecht (Ulrich Immeng u Ersnt-Joachim Mestmäcker), 4 edizzjoni, Munich 2007, Artikolu 86, punt 18, in-natura tas-servizz pubbliku ta’ attività tiddependi minn evalwazzjoni globali. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fis-sentenza SAT Fluggesellschaft (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 30) in-natura, il-għan u r-regoli applikabbli għall-attività inkwistjoni.


34 – W. Prompl, Luftverkehr – eine ökonomische und politische Einführung, il-ħames edizzjoni, Berlin/Heidelberg 2007, p. 23, juri b’mod konvinċenti ħafna l-effetti tal-bżonn ta’ armonizzazzjoni tas-sistema ta’ sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru fl-Ewropa. B’hekk, il-“European Traffic Control Harmonisation and Integration Program” (EATCHIP) għandu jarmonizza l-multipliċità tad-diversi sistemi ta’ sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru (49 siti ta’ sigurtà tal-ajru li jużaw 31 sistema informatika differenti b’22 sistema ta’ kontroll differenti u 30 lingwa ta’ programmazzjoni) u jagħmilhom kompatibbli bejniethom.


35 – Sentenza SAT Fluggesellschaft (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 24)


36 – B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1994, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 20); u tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni (C‑30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28) li jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jiżvelaw ksur tad-dritt Komunitarju, iżda li d-dispożittiv tagħha jidher fondat minħabba motivi oħra ta’ dritt, l-appell għandu jiġi miċħud.


37 – Ara l-punt 51 tar-risposta tal-Kummissjoni.


38 – Ara l-punt 73 tal-appell.


39 – Ara l-punt 71 tal-konklużjonijiet preżenti.


40 – Fost il-ġurisprudenza li saret vasta wieħed isib is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1993, Il-Parlament vs Frederiksen (C–35/92P, Ġabra p. I-991, punt 31); tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑362/95 P, Ġabra p; I-4775, punti 18 sa 23); u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries vs Il‑Kummissjoni (kawżi maqgħuda C–403/04 P u C–405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 106), kif ukoll id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2001, Kumitat tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew et vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (C–467/00 P, Ġabra p. I-6041, punti 34 sa 36).


41 – Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Haladjan Frères vs Il‑Kummissjoni (T‑204/03, Ġabra p. II-3779, punt 30).


42 – Ara l-punt 79 tal-konklużjonijiet preżenti.


43 – Jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti, skont l-Artikolu 225 KE, li tivverifika l-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet dwarhom. Ara f’dan is-sens K. Lenaerts/D. Arts/I. Maselis (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, p. 457, punt 16-007). Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet, din il-klassifikazzjoni tikkostitwixxi fil-fatt kwistjoni ta’ dritt, li, inkwantu tali, tista’ tkun soġġetta għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi (C‑499/03 P, Ġabra p. I-1751, punt 41); tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il‑Kummissjoni (C‑19/93 P, Ġabra p. I-3319, punt 26); u tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Ripa di Meana et (C‑470/00 P, Ġabra p. I-4167, punt 41).


44 – Ara l-punti 92 u 93 tal-appell.


45 – Sentenza SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 33 sa 40).


46 – Ara l-punti 54 sa 56 tal-konklużjonijiet preżenti.


47 – Il-verżjoni Ġermaniża tirreferi għal “Aufgabe dieser Organisation als öffentliche Anstalt” filwaqt li l-verżjoni Taljana tirreferi għal ‛missione di servizio pubblico di tale organisazione’. Bl-istess mod, il-verżjoni Franċiża tirreferi għal “mission de service public de cette organisation” u l-verżjoni Ingliża għal “that’s organisation’s public service mission”.


48 – L-ex segretarju ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (1976 – 1988), u l-ex direttur ġenerali ta’ Eurocontrol (1994 – 2000), Yves Lambert jindika fir-rapport tiegħu “Eurocontrol u l-‛OACI”, Annals of air and space law/Annales de droit aérien et spatial, Volum 19 (1994), p. 360, li l-preparazzjoni u t-tfassil tar-regoli u tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu kkunsidrati bħala għodda importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ armonizzazzjoni u tal-integrazzjoni mħaddna mill-aġenzija.


49 – Il-kunċett ta’ “missjoni ta’ servizz pubbliku” huwa kunċett wiesa’, li jirrefletti b’mod ġenerali l-importanza ta’ attività għas-soċjetà, iżda li jeżisti wkoll separatament bħala kunċett ġuridiku. Meta jingħad għal attività li hija tikkorrispondi mas-servizz pubbliku, ma jingħadx fl-istess waqt li din hija missjoni tal-Istat. Hekk kif B. Raschauer ġustament sostna f’Allgemeines Verwaltungsrecht, Vjenna vs New York 1998, p. 358, punt 722, missjonijiet tas-servizz pubbliku jistgħu jitwettqu minn individwi privati (pereżempju l-attività tal-assoċjazzjonijiet ta’ għajnuna għall-integrazzjoni mill-ġdid soċjali jew l-għajnuna kontra l-AIDS, li hija responsabbiltà tal-Istat).


50 – Awtorità pubblika tkopri kull qasam li fih huwa espress dak li huwa speċifiku għall-Istat, l-eżerċizzju tal-awtorità, l-awtorità tiegħu ta’ preskrizzjoni u tal-projbizzjoni unilaterali: l-Istat li għandu l-karatteristika ta’ “imperia” (ara B. Raschauer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49), p. 357, punt 720). Eżempju ta’ awtorità pubblika jew ta’ “imperium” hija l-awtorità leġiżlattiva eżerċitata mill-organi tal-Istat. L-awtorità pubblika madankollu mhijiex riżervata esklużivament għall-Istati bħala l-ewwel suġġetti tad-dritt internazzjonali pubbliku, iżda tista’ tiġi kkonferita lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u tkun eżerċitata minn dawn (ara U. Schliesky, Souveränität und Legitimität von Herrschaftsgewalt, Tübingen 2004, p. 336, li tirreferi għall-Komunità Ewropea bħala eżempju ta’ istituzzjoni legali supra nazzjonali li tieħu post il-leġiżlazzjoni nazzjonali).


51 – Dwar ix-xena internazzjonali, l-Istati ilhom ma jkunu l-uniċi li jaġixxu. Sa mill-bidu tas-seklu 20, numru dejjem jikber ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali ħadulhom posthom. Ir-raġuni għaż-żieda ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali hija li l-iskambji internazzjonali mingħajr forma istituzzjonalizzata ta’ kooperazzjoni huma inqas u inqas imaġinabbli. L-organizzazzjonijiet internazzjonali huma b’hekk l-element essenzjali ta’ din l-istituzzjonalizzazzjoni, għaliex huma jistgħu jinħolqu minn membri għal kull tip ta’ għan u jistgħu jkollhom il-kompetenzi skont il-funzjonijiet tagħhom. Fil-preżenza ta’ strutturi interni kkonsolidati u ta’ awtonomija deċiżjonali, l-eżekuzzjoni ta’ missjonijiet kontinwi tista’ tiġi assigurata (ara, f’dan ir-rigward, E. Klein “Die Internationalen und Supranationalen Organisationen als Völkerrechtssubjekte”, Völkerrecht (ippublikata minn Wolfgang Graf Vitzthum), Berlin/New York 1997, p. 273, punt 1).


52 – Ara l-punti 104 u 105 tal-appell.


53 – Ara l-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet preżenti.


54 – Ara l-punt 20 tal-konklużjonijiet preżenti.


55 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (118/85, Ġabra p. 2599, punt 7); tat-18 ta’ Marzu 1997, Cali et SEPG (C‑343/95, Ġabra p. I-1547, punt 16); Pavlov et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 75); Cassa di Risparmio di Firenze (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 108), Enirisorse (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 29); u s-sentenza tat-Tribunal Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 107).


56 – L. Arcelin “Être ou (et?) ne pas être une entreprise. C’est la question …”, Revue Lamy de la Concurrence, 2007, Nru 11, p. 22, isostni li s-“suq” huwa ddefinit tradizzjonalment bħala l-interazzjoni bejn l-offerta u t-talba. Għalhekk, ma teżistix offerta mingħajr talba.


57 – Ara l-punt 101 tar-risposta tal-Kummissjoni.


58 – Ara l-punt 122 tal-appell.


59 – Ara l-punt 116 tal-konklużjonijiet preżenti u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55.


60 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2003, FENIN vs Il‑Kummissjoni (T–319/99, Ġabra p. II-357, punt 37). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat hekk: “meta entità tixtri prodott, anki jekk tagħmel dan f’kwantità kbira, mhux sabiex toffri oġġetti jew servizzi fil-kuntest ta’ attività ekonomika, iżda sabiex tagħmel użu fil-kuntest ta’ attività oħra, pereżempju attività ta’ tip purament soċjali, hija ma taġixxix bħala impriża minħabba l-fatt biss tal-karatteristika tagħha bħala xerrej fis-suq. Jekk huwa minnu li entità bħal din tista’ teżerċità setgħa ekonomika kunsiderevoli, li tista’ tagħti lok, jekk ikun il-każ, għal sitwazzjoni ta’ monopolju, xorta jibqa’ l-fatt li, fejn l-attività li għaliha din l-entità tixtri dawn il-prodotti mhijiex ta’ natura ekonomika, hija ma taġixxix bħala impriża skont ir-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni u b’hekk mhijiex prevista mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 81(1) KE u 82 KE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


61 – Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell kontra s-sentenza FENIN vs Il‑Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 25). Il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk iddeċidiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament fakkret fil-punt 36 tas-sentenza, li huwa l-fatt li jiġu offruti oġġetti jew servizzi f’suq partikolari li jikkaratterizza l-kunċett ta’ attività ekonomika. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeduċiet li m’hemmx għalfejn li tiġi sseparata l-attività ta’ xiri ta’ prodott mill-użu ulterjuri li jsir minnu għall-finijiet li tiġi evalwata n-natura ta’ din l-attività ta’ xiri u li n-natura ekonomika jew le tal-użu ulterjuri tal-prodott mixtri jiddetermina essenzjalment in-natura tal-attività ta’ xiri. C. Prieto jikkunsidra fil-“Chronique de jurisprudence du Tribunal et de la Cour de justice des Communautés européennes”, Journal du droit international, 2007, p. 670, li l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk riedet tafferma li għandu dejjem ikun preżenti l-element karatteristiku tal-offerta tal-beni u servizzi. F’dan is-sens, ara wkoll J.-P. Kovar, “Le Tribunal précise la notion d’activité économique et confirme la jurisprudence Fenin sur la qualification de l’acte d’achat”, Concurrences, 2007, Nru 1, p. 168 u 170; u L. Arcelin (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, p. 22), li jaraw fis-sentenza kkontestata SELEX Sistemi Integrati SpA vs Il‑Kummissjoni u Eurocontrol (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45) konferma tal-ġurisprudenza FENIN tal-qrati Komunitarji.


62 – Ara l-punt 102 tar-risposta ta’ Eurocontrol. Skont L. Idot (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 25), fil-każ tal-aspetti eżaminati, huwa inqas importanti jekk jeżistix suq milli d-deċiżjoni politika li tingħata prijorità għar-riċerka pubblika meta pparagunata mar-riċerka privata.


63 – Ara, fuq ir-rilevanza tal-kriterju ta’ nuqqas ta’ għan ta’ qligħ għall-evalwazzjoni tan-natura ta’ attività, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre (C–159/91, Ġabra p. I–637, punt 10) fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ sistema tas-sigurtà soċjali; tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑35/96, Ġabra p. I-3851, punt 37) fir-rigward tal-attività ta’ uffiċjal tad-dwana; Pavlov (iċċitata fin-nota ta’ qigħ il-paġna 29, punti 76, 77) fir-rigward tal-attività tat-tabib speċjalist li jippratika b’mod privat. C. Prieto (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61) jirreferi għal p. 670 tal-ġurisprudenza ċċitata u jispjega li l-parteċipazzjoni mingħajr ħlas f’suq għandha dejjem tittieħed inkonsiderazzjoni.


64 – Fis-sentenza FENIN vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 39), il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk l-entità inkwistjoni kenitx teżerċita attività mingħajr għan li tagħmel qligħ. Fis-sentenza Enirisorse (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punt 31), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, minn naħa, li l-attività konkreta ta’ impriża – b’mod konkret huwa l-każ tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda għall-użu tal-faħam kif ukoll l-assistenza teknika għall-amministrazzjonijiet u stabbilimenti pubbliċi u għall-intrapriżi interessati mill-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji – li jammonta għall-attività ekonomika tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja fittxet li tistabbilixxi jekk l-impriża inkwistjoni kellhiex għan ta’ qligħ.


65 – Ara s-sentenza Enirisorse (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punt 31) fir-rigward tal-attività ta’ żvilupp tekniku.


66 – Ara l-punti 53 sa 69 u 98 sa 110 tal-konklużjonijiet preżenti.