Language of document : ECLI:EU:C:2009:191

Kawża C-113/07 P

SELEX Sistemi Integrati SpA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“ Appell — Kompetizzjoni — Artikolu 82 KE — Kunċett ta’ impriża — Attività ekonomika — Organizzazzjoni internazzjonali — Abbuż minn pożizzjoni dominanti ”

Sommarju tas-Sentenza

1.        Proċedura — Intervent — Portata tad-drittijiet proċedurali tal-intervenjent marbuta mad-data tal-preżentata tat-talba għal intervent

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 64, 115(1), u 116(2), (4) u (6))

2.        Proċedura — Miżuri istruttorji

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 66(1))

3.        Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Impriża — Kunċett — Organizzazzjoni internazzjonali Eurocontrol

(Artikoli 82 KE u 86 KE)

1.        Minn qari flimkien tal-Artikoli 115(1), u 116(2), (4) u (6) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li d-drittijiet proċedurali tal-intervenjent huma differenti skont jekk dan ikunx ippreżenta t-talba għal intervent tiegħu qabel l-iskadenza tas-sitt ġimgħat li jibdew jiddekorru mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż dwar il-preżentata tar-rikors, jew wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu iżda qabel id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali. Fil-fatt, meta l-intervenjent ikun ressaq it-talba tiegħu qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, huwa għandu d-dritt li jipparteċipa kemm fil-proċedura bil-miktub kif ukoll fil-proċedura orali, li jirċievi komunikazzjoni tal-atti tal-proċedura u li jippreżenta nota ta’ intervent. B’mod kuntrarju, meta l-intervenjent ikun ressaq it-talba tiegħu wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ikollu biss id-dritt li jipparteċipa fil-proċedura orali, li jirċievi komunikazzjoni tar-rapport tas-seduta u li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-bażi ta’ din il-komunikazzjoni waqt is-seduta.

Għalkemm, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din tal-aħħar tista’, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tistieden lill-partijiet, inkluż l-intervenjent, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq ċerti aspetti tal-kawża, din id-dispożizzjoni ma tipprevedi bl-ebda mod il-possibbiltà li intervenjent jiġi mistieden, meta jkun intervjena wara t-terminu msemmi iktar ’il fuq, sabiex jippreżenta nota ta’ intervent u li jingħata aċċess għall-atti tal-proċedura, peress li barra minn hekk, tali miżuri ma jirrispondux għall-għan tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif indikat fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu.

(ara l-punti 32-38)

2.        L-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jeħtieġ li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet sabiex jiġu stabbiliti miżuri istruttorji li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra bħala utli, iżda mhux biex jiġu miċħuda t-talbiet intiżi sabiex jiġu ordnati tali miżuri, li dwarhom il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ għaldaqstant tiddeċiedi f’dan il-każ fis-sentenza li ttemm il-kawża.

(ara l-punt 51)

3.        Organizzazzjoni internazzjonali bħal Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru (Eurocontrol) ma tikkostitwix impriża skont l-Artikoli 82 KE u 86 KE. Fil-fatt, meta jitqiesu lkoll flimkien, l-attivitajiet ta’ Eurocontrol huma marbuta, min-natura tagħhom, mill-għan tagħhom u bir-regoli li huma suġġetti għalihom, mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi, dwar il-kontroll u s-superviżjoni tal-ispazju tal-ajru, li huma tipikament prerogattivi ta’ setgħa pubblika u li mhumiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat.

Din il-konklużjoni hija valida wkoll, fl-ewwel lok, għall-attività ta’ assistenza fl-ippjanar, fid-dettalji u fil-ħolqien ta’ sistemi u ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru, li Eurocontrol twettaq favur amministrazzjonijiet nazzjonali, meta dawn jagħmlu talba għaliha, fl-okkażjoni tal-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti magħmula minnhom għax-xiri, b’mod partikolari, ta’ apparat u ta’ sistemi fis-settur tal-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru. Fil-fatt, din l-assistenza hija waħda mill-istrumenti ta’ kooperazzjoni fdati mill-konvenzjoni dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru lil Eurocontrol u tikkontribwixxi direttament għat-twettiq tal-għan ta’ armonizzazzjoni u ta’ integrazzjoni teknika fis-settur tat-traffiku tal-ajru li huwa segwit sabiex jikkontribwixxi lejn iż-żamma u t-titjib tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru. Tali attività ma tistax tinfired mill-missjoni ta’ amministrazzjoni tal-ispazju tal-ajru u tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-ajru ta’ Eurocontrol. Din hija marbuta strettament mal-missjoni ta’ standardizzazzjoni teknika fdata lil Eurocontrol mill-partijiet kontraenti fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn Stati intiża għaż-żamma u għall-iżvilupp tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru, b’mod li hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika. Il-fatt li l-assistenza ta’ Eurocontrol mhijiex obbligatorja u li, jekk ikun il-każ, jużawha biss ċerti Stati Membri, ma jippermettix li tiġi eskluża tali rabta u lanqas ma jbiddel in-natura ta’ din l-attività. Barra minn hekk, ir-rabta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika ma teħtieġx li l-attività kkonċernata tkun essenzjali jew indispensabbli għall-garanzija tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru, peress li dak li huwa importanti huwa li din tintrabat maż-żamma u mal-iżvilupp tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru li jikkostitwixxu prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

Dan japplika wkoll, fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta’ preparazzjoni u ta’ tfassil tal-istandards tekniċi, li jipparteċipaw direttament fit-twettiq tal-għan ta’ Eurocontrol, li huwa li titwettaq l-armonizzazzjoni u l-integrazzjoni neċessarji għall-implementazzjoni ta’ sistema Ewropea uniformi ta’ amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru, u huma inerenti għall-missjoni ta’ standardizzazzjoni teknika fdata mill-partijiet kontraenti lil Eurocontrol, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati intiża għaż-żamma u għall-iżvilupp tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru, li jikkostitwixxu prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

Fl-aħħar nett, dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tax-xiri tal-prototipi fil-kuntest tal-attività ta’ standardizzazzjoni teknika u tal-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati, peress li dan ix-xiri ma jimplikax l-offerta ta’ prodotti jew ta’ sevizzi f’suq partikolari, għaliex in-natura mhux ekonomika tal-attività ta’ standardizzazzjoni timplika n-natura mhux ekonomika ta’ dawn l-attivitajiet.

(ara l-punti 70-72, 76-77, 79, 92, 96, 102, 114)