Language of document : ECLI:EU:T:2012:367

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Lulju 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Notifika tar-risposta tal-parti li qed topponi quddiem il-Bord tal-Appell — Regola 50(1), Regola 20(2) u Regola 67(1) tar-Regolament KE Nru 2868/95 — Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T-279/09,

Antonino Aiello, residenti f’Vico Equense (l-Italja), irrappreżentat minn M. Coccia u L. Pardo, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Cantoni ITC SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-2 ta’ April 2009 (Każ R 1148/2008‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Cantoni ITC SpA u Antonino Aiello,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Lulju 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Ottubru 2009,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2010,

wara li rat il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Marzu 2010,

wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrent, Antonino Aiello, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, taħt il-klassijiet 3, 18 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 3: “Preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ ; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu, sapun, fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar, dentifriċi”;

–        klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali u mhux inklużi fi klassijiet oħra, ġlud tal-annimali, bagolli u valiġġi, umbrelel, umbrelel tax-xemx, bsaten”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, inklużi stvali, żraben u papoċċi”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 15/2005, tal-11 ta’ April 2005.

5        Fl-14 ta’ Ġunju 2005, Cantoni ITC SpA (iktar ’il quddiem il-“parti li qed topponi”) ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq is-segwenti drittijiet preċedenti:

–        it-trade mark Komunitarja figurattiva, irreġistrata fl-10 ta’ Frar 2004, bin-Nru 2689891 riprodotta hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark Taljana verbali CAPRI rreġistrata fis-27 ta’ Jannar 1986, bin-Nru 396526.

7        F’dak li jikkonċerna t-trade mark Komunitarja preċedenti, l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha fil-klassijiet 3, 18 u 25 koperti mill-imsemmija trade mark u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 3: “Sapun; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; xampus, dentifriċi”;

–        klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, prodotti magħmula minnhom mhux inklużi fi klassijiet oħra ; ġlud tal-annimali ; bagalji, handbags, kartieri ; bagolli u valiġġi ; umbrelel, parasoli u bsaten ; frosti u oġġetti tas-sarġ”;

–        klassi 25: “Ilbies ta’ fuq u ta’ taħt, żraben, kpiepel”.

8        Fir-rigward tat-trade mark Taljana preċedenti, l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti fil-klassijiet 3 u 25, b’mod partikolari koperti mill-imsemmija trade mark, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti :

–        klassi 3: “Sapun, fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar, dentifriċi” ;

–        klassi 25: “Ilbies ta’ fuq u ta’ taħt, żraben, kpiepel”.

9        L-oppożizzjoni kienet diretta kontra l-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

10      Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar, l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009].

11      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni. Qabel xejn hija indikat li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dawk koperti mit-trade mark Komunitarja preċedenti kienu “sostanzjalment identiċi”. Hija kkunsidrat ukoll li s-sinjali kunfliġġenti kienu jippreżentaw livell medju ta’ xebh viżiv u fonetiku u li kienu simili kunċettwalment. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li t-trade mark Komunitarja preċedenti kellha karattru distintiv normali u kkonkludiet li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

12      Fit-30 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrent appella quddiem l-UASI mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, u inkluda nota bil-motivi tal-appell tiegħu. Fit-23 ta’ Ottubru 2008, il-parti li qed topponi ppreżentat ir-risposta għan-nota tar-rikorrent imsemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem “ir-risposta tal-parti li qed topponi”).

13      Fl-24 ta’ Novembru 2008, l-UASI bagħat ir-risposta tal-parti li qed topponi, permezz ta’ faks, fuq in-numru indikat mir-rikorrent fl-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

14      Permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent irrinunzja għar-replika għar-risposta tal-parti li qed topponi. Dwar il-mertu tal-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod partikolari li l-prodotti koperti mit-trade mark Komunitarja preċedenti kienu intenzjonati għall-pubbliku ġenerali u li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu sostanzjalment identiċi għal dawk koperti mit-trade mark Komunitarja preċedenti. Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li bejniethom kien jeżisti livell għoli ta’ xebh viżiv, livell medju ta’ xebh fonetiku u livell kważi identiku kunċettwalment. Il-Bord tal-Appell irrileva wkoll li t-trade mark Komunitarja preċedenti kellha karattru distintiv sa fejn mill-perspettiva tal-konsumatur medju ma kienet teżisti l-ebda rabta bejn l-isem ġeografiku li jirreferi għall-gżira ta’ Capri u l-prodotti koperti mill-imsemmija trade mark.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiċħad l-oppożizzjoni;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

16      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba intiża sabiex l-UASI jiġi ordnat jiċħad l-oppożizzjoni

17      Permezz tal-ewwel talba tiegħu, b’mod partikolari r-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-UASI jiċħad l-oppożizzjoni u għalhekk jippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI, dan tal-aħħar huwa obbligat, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009), jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti msemmija. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tagħmel ordnijiet fil-konfront tal-UASI. Fil-fatt, huwa dan tal-aħħar li għandu jiddeduċi l-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Marzu 2005, Osotspa vs UASI — Distribution & Marketing (Hai), T‑33/03, Ġabra p. II‑763, punt 15; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI — Anheuser‑Busch (BUDMEN), T‑129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 22].

18      B’hekk, it-talbiet tar-rikorrent intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-UASI jiċħad l-oppożizzjoni huma inammissibbli.

  Fuq il-mertu

19      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi għal annullament. L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-Regola 50(1) u tar-Regola 20(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189). It-tieni motiv huwa bbażat, fis-sustanza, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

20      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent essenzjalment isostni li, bil-ksur tar-Regola 50(1) u tar-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95, ir-risposta tal-parti li qed topponi ppreżentata fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, ma ġietx ikkomunikata lilu. Dan in-nuqqas jikkostitwixxi ksur “gravi” tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, peress li r-rikorrent ġie mċaħħad milli jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-risposta tal-parti li qed topponi.

21      L-UASI essenzjalment jirribatti, li r-rikorrent sar jaf direttament bir-risposta tal-parti li qed topponi u li għalhekk ma jistax jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża.

22      Skont ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, dwar l-eżami ta’ appelli quddiem il-Bord tal-Appell, “[s]akemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għandu japplika għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis”.

23      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ir-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li “[k]walunkwe sottomissjoni mill-parti li tkun qegħda topponi għanda tkun komunikata [mill-UASI] lill-applikant li għandu jingħata opportunità li jirrispondi fi żmien speċifikat”

24      Meta r-Regoli 50(1) u 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95 jinqraw flimkien, jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, l-UASI għandu jikkomunika lill-applikant għat-trade mark Komunitarja, li ppreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-osservazzjonijiet tal-parti li qed topponi u għandu jistiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

25      Iktar minn hekk, l-UASI ma jikkontestax li kellu l-obbligu jinnotifika r-risposta tal-parti li qed topponi lir-rikorrent sabiex dan ikun f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma l-Bord tal-Appell ikun adotta d-deċiżjoni kkontestata. Huwa saħansitra jiddikjara li kkomunika r-risposta tal-parti li qed topponi lir-rikorrent, b’faks, fuq in-numru indikat fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

26      Matul is-seduta, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-UASI ammetta li wettaq żball billi bagħat ir-risposta tal-parti li qed topponi, b’faks, fuq in-numru indikat fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mhux fuq in-numru tal-faks tar-rappreżentant tar-rikorrent matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell. Dan in-numru tal-aħħar, kien imsemmi b’mod partikolari fil-formola dwar l-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell.

27      L-UASI jsostni madankollu li, minkejja dan l-iżball, ir-rikorrent kien sar jaf bir-risposta tal-parti li qed topponi, b’mod li seta’ jressaq id-difiża tiegħu. Effettivament, l-UASI jafferma li l-komunikazzjonijiet ġew innotifikati direttament lir-rikorrent, fuq in-numru tal-faks tiegħu indikat fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li, sa fejn ir-rikorrent kien jaf dwar id-deċiżjoni kkontestata, huwa ma jistax jippretendi li ma kienx jaf dwar ir-risposta tal-parti li qed topponi.

28      Madankollu, mill-fatt li r-rikorrent kien jaf dwar id-deċiżjoni kkontestata l-UASI ma jistax jiddeduċi li dan tal-aħħar kien jaf dwar ir-risposta tal-parti li qed topponi fi żmien utli sabiex huwa jirreplika. Effettivament, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata u r-risposta tal-parti li qed topponi kienu, it-tnejn li huma, mibgħuta permezz ta’ faks fuq in-numru indikat fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrent argumenta, matul is-seduta, li minn naħa, in-numru kien ta’ konsulent kummerċjali li kien irrappreżentah fl-2004 matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, li huwa personalment sar jaf dwar id-deċiżjoni kkontestata wara l-preżenza okkażjonali tiegħu fl-Italja, f’Mejju 2009. Għaldaqstant ma ġiex stabbilit li r-rikorrent kien personalment konxju tar-risposta tal-parti li qed topponi fis-sens li seta’ jirrispondi għaliha quddiem il-Bord tal-Appell.

29      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont ir-Regola 67(1) tar-Regolament Nru 2868/95, “Jekk jinħatar rappreżentant jew jekk l-applikant li jissemma’ l-ewwel f’applikazzjoni komuni jitqies li jkun ir-rappreżentant komuni skont ir-Regola 75(1), Notifiki għandhom ikunu indirizzati lir-rappreżentant maħtur jew lir-rappreżentant komuni.” Għalhekk, l-UASI ma jistax jinvoka l-allegata notifika tar-risposta tal-parti li qed topponi lir-rikorrent innifsu sabiex jiġġustifika l-assenza ta’ notifika lir-rappreżentant tar-rikorrent.

30      Għandu jiġi osservat ukoll li, fis-seduta, l-UASI nnifsu indika li l-prassi tar-Reġistru tal-Bord tal-Appell kienet li kull dokument jiġi nnotifikat lir-rappreżentant maħtur apposta, u dan sabiex jiġi żgurat li r-rappreżentat, li jista’ jkun barra mill-Unjoni Ewropea, jirċievi l-komunikazzjonijiet kollha.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, bil-kontra ta’ dak li sostna l-UASI matul is-seduta, mir-Regola 77 tar-Regolament Nru 2868/95, li tipprovdi li kull notifika indirizzata lil rappreżentant għandha l-istess effett bħallikieku kienet indirizzata lill-persuna rrapreżentata, ma jistax jiġi dedott li n-notifika lir-rappreżentat tiswa notifika lir-rappreżentant. Kieku dan ikun il-każ, ir-Regola 67 tal-imsemmi regolament kienet tkun mingħajr effett.

32      Fir-rigward tal-argument tal-UASI li jgħid li, minkejja l-iżball imwettaq minn dan tal-aħħar, ir-rikorrent seta’ jressaq id-difiża tiegħu billi jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-preżentazzjoni ta’ replika u ta’ osservazzjonijiet matul is-seduta, huwa biżżejjed li jitfakkar, hekk kif jagħmel ir-rikorrent, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr ma r-rikorrent ma seta’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-risposta tal-parti li qed topponi.

33      Issa, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Skont din id-dispożizzjoni, Bord tal-Appell tal-UASI jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, Ġabra p. I‑10107, punti 41 u 42, sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Lulju 2005, Sunrider vs UASI (TOP), T‑242/02, Ġabra p. II‑2793, punti 58 u 59, u tas-7 ta’ Settembru 2006, L & D vs UASI — Sämann (Aire Limpio), T‑168/04, Ġabra p. II‑2699, punt 115].

34      Id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks Komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża [sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Settembru 2005, Citicorp vs UASI (LIVE RICHLY), T‑320/03, Ġabra p. II‑3411, punt 21, u tas-7 ta’ Frar 2007, Kustom Musical Amplification vs UASI (Forma ta’ kitarra), T‑317/05, Ġabra p. II‑427, punt 26]. Skont dan il-prinċipju ġenerali, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint Association vs Il‑Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra p. II‑683, punt 21, u LIVE RICHLY, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22].

35      Huwa ċertament minnu li irregolarità proċedurali twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kollha jew ta’ parti minnha biss meta jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata seta’ jkollha kontenut differenti. [sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Lulju 2006, Torres vs UASI — Bodegas Muga (Torre Muga), T‑247/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 79, u tal-24 ta’ Novembru 2010, Nike International vs UASI — Muñoz Molina (R10), T‑137/09, Ġabra p. II‑5433, punt 30].

36      F’dan il-każ, ir-rikorrent argumenta, matul is-seduta, li r-risposta tal-parti li qed topponi għandha diversi paġni ddedikati għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Issa, għalkemm fin-nota tiegħu dwar il-motivi tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrent kien ressaq argumenti fuq il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jikkonkludi li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, f’termini analogi għal dawk esposti fir-risposta tal-parti li qed topponi, li ma teżisti l-ebda rabta bejn l-isem ġeografiku tal-gżira ta’ Capri u l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti. Fir-rigward ta’ dan l-aspett, madankollu, ir-rikorrent ma kellux il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b’replika għar-risposta tal-parti li qed topponi, b’mod li ma jistax jiġi sostnut li, fin-nuqqas ta’ dik l-irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata setgħet tkun differenti, kuntrarjament għal dak li argumenta l-UASI matul is-seduta.

37      Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regola 50(1) u tar-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95 għandu jiġi milqugħ, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

38      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

39      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, kif mitluba mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-2 ta’ April 2009 (Każ R 1148/2008-1) hija annullata.

2)      L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen  Wahl  Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.